Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 13 PQ #21170 Sitting 471 2021-06-08 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Kuntratti pubbliċi assenjati

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm inħarġu u ġew assenjati kuntratti pubbliċi minn kull dipartiment u entità li jaqa’ taħt id-dekasteru tieghu mit-3 ta’ Ġunju 2017 sad data meta tigi mwiegba din il-mistoqsija Parlamentari? Jista’ f’kull każ jgħid (i) min rebaħ il-kuntratt; (ii) l-ammont totali tal-kuntratt; (iii) jekk il-kuntratt kienx kompetittiv jew b’direct order; u (iv) l-oġġett tal-kuntratt (x’tip ta’ xogħol jew servizz ieħor qed jinxtara)?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba tiġi ppubblikata fuq il-Gazzetta tal-Gvern skont l-Artikolu 111(2) tar-Regolamenti tal-2016 dwar l-Akkwist Pubbliku.

Protezzjoni Ċivili ta' Għawdex u Kemmuna — vetturi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il vettura għandom il-Protezzjoni Civili ġewwa Għawdex u Kemmuna? Jista' jgħid kull vettura x'marka hi u ta' liema sena hi? Liema minnhom bħalissa mhux qed jintużaw minħabba ħsara? Jista’ jgħid xi ħsara għandha kull vettura li mhux qed tintuża u meta hu maħsub li kull vettura li hija wieqfa, terġa’ tibda tintuża?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li ġewwa Kemmuna qatt ma kien hemm vetturi u f’Għawdex hemm 12 -il vettura. Dawn huma 1996 Scout Iveco 40:40WM tal-1996, Falcon lVECO New Daily tal-1997, Ranger IVECO New Daily 4x4 tal-1998, RV4 IVECO New Daily 4x4 tal-1998, IVECO Eurocargo Turntable Ladder tal-1998, MAN TGM Fire engine tal-2006, Hyundai i20 tal-2013, Scout Iveco New Daily tal-2015, Ranger IVECO tal-2017, Falco IVECO New Daily tal-2017, Peugeot tal-2019 u HAWK Mitsubishi Fuso tal-2020. Bħalissa apparti dawn il-vetturi hemm żewġ (2) vetturi li jinsabu bil-ħsara, waħda Land Rover li qegħda għat-tiswija minħabba ic-chassis filwaqt li vettura tal-għamla IVECO Eurocargo qed jiġu kwantifikati l-ħsarat. Infurmat ukoll li ma’ dawn il-vetturi, fil-jiem li ġejjin se jiżdiedu tlett (3) vetturi oħra ġewwa għawdex, Mitsubishi PHEV SUV tal-2020, Iveco Daily Logistics van tal-2021 kif ukoll MAN TGM tanker tal-2009 li jesa’ mal-20,000 litru ta’ ilma.

Ministeru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur — lista ta' proġetti kapitali

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 18742 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ proġetti kapitali lil jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu jew xi entità li taqa' taħtu li huma għaddejjin bħalissa jew se jibdew fit-12-il xahar li ġejjin?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħala parti mill-operat tiegħu, il-Ministeru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur, flimkien mal-entitajiet li jaqgħu taħtu, qed jaħdmu fuq numru ta’ proġetti kapitali f’diversi lokalitajiet: · Promenade fi triq San Patrizju (magħruf aħjar bħala Wied il-Buni) f’Birżebbuġa, · Park għall-Familja ġewwa Bengħajsa f’Birżebbuġa, · Parkeġġ ġdid f’Birżebbuġa, · Proġett ta’ tisbiħ u titjib tal-faċilitajiet u servizzi fiż-żona magħrufa bħala “Tal-Magħluq” f’Marsaxlokk, · Il-bini mill-ġdid ta’ Waterpolo Club ta’ Marsaxlokk, · Restawr tat-Torri San Tumas, · Restawr u tisbiħ tal-Pjazza ta-Birgu, · Restawr tal-Belveder ta’ Ħal-Lija, · Proġett ta’ refurbishment tal-Promenade tax-Xemxija, · Ħames proġetti fil-qalba ta’ San Pawl il-Baħar li jinkudu Belveder, Triq San Publiju, Gallarija, Salini tal-Melħ, landscaping Triq il-Knisja u Triq il-Luzzu, · Ir-riġenerazzjoni ta’ partijiet mill-Bajja tal-Għadira, · Triq Paceville u Ġnien Spinola, · Riġenerazzjoni tal-Pjazza tal-Mellieħa, · Il-promenade tal-Għadira, · Xogħol ta’ restawr f’Dar il-Mediterran għal Konferenzi fosthom is-Slaves Hall, ix-Xelters, uħud mit-travi tal-injam u t-taraġ tas-Sala Temi Żammit, · L-implimentazzjoni tal-Masterplan tal-Malta Film Studios, · Apparat ġdid għal-laboratorju tal-Metroloġija u innovazzjoni fl-apparat tal-ittestjar tal-Laboratory Services Directorate fi ħdan l-MCCAA, · Implimentazzjoni ta’ sistema tal-IT għall-immaniġġjar tar-Riżoluzzjoni Alternattiva tat-Tilwim, u · Investiment fis-sistemi tal-IT tal-MCCAA.

Charging Points – ftehim mal-kumpanija

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlaemntari 19064 u tippubblika l-ftehim li ġie ffirmat mal-kumpanija li ser tkun qed tamministra dawn iċ-charging points? Tista’ tgħid meta ħa tibda topera l-kumpanija li ħadet il-concession u x’prezzijiet ħa tkun qed toffri? Dawn il-prezzijiet ħa jiġu offruti bħala pay as you go jew fuq bażi ta’ abbonament? Ser ikun hemm rati differenti bejn fast charge u AC?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kuntratt ingħata wara sejħa għall-offerti pubblika u mhux b’konċessjoni. It-tariffi se jiġu ppubblikati fil-ġimgħat li ġejjin mir-Regolatur għall-Enerġija u l-Ilma skond l-obbligi u d-direttivi Ewropej.
Leg 13 PQ #21220 Sitting 471 2021-06-08 Oral · Final From: DAVID THAKE To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — lista ta' proġetti kapitali

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 18747 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ proġetti kapitali lil jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu jew xi entità li taqa' taħtu li huma għaddejjin bħalissa jew se jibdew fit-12-il xahar li ġejjin?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.

Ministeru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli — lista ta' proġetti kapitali

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 18758 u tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ proġetti kapitali lil jaqgħu taħt il-Ministeru tagħha jew xi entità li taqa' taħtha li huma għaddejjin bħalissa jew se jibdew fit-12-il xahar li ġejjin?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja — lista ta' proġetti kapitali

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 18760 u tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ proġetti kapitali lil jaqgħu taħt il-Ministeru tagħha jew xi entità li taqa' taħtha li huma għaddejjin bħalissa jew se jibdew fit-12-il xahar li ġejjin?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed titpoġġa fuq l-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja – tender/direct orders lil kumpanija/individwu

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 18263 u tgħid jekk il-Ministeru tagħha jew xi entità li taqa’ taħtha taw xi tender jew direct order lill-kumpanija jew l-individwu li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament mill-2013 sa issa? Jekk iva, tista’ taqsam din l-informazzjoni sena b’sena?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru u l-entitajiet li jaqgħu taħt d-dekasteru tagħha ma taw l-ebda tender jew direct order lill-kumpanija jew l-individwu li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament.

Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja — karozzi mixtrija/mikrija

Question

Tista’ l-Ministru tinforma lill-Kamra bid-ditta u mudell tal-karozza/i ministerjali li jaqgħu taħt il-portafoll tagħha, inkluż tas-segretarju parlamentari fejn hu l-każ, jekk hux mixtrija jew mikrija, u tgħid kemm swiet biex inxtrat jew kemm qiegħda tinkera jekk mikrija?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-karozza tal-Ministru hi BMW 520D li tinkera għal €28 (VAT eskluża) kull ġurnata, waqt li dik tas-Segretarju Parlamentari hi Mercedes Benz E220 D li tinkera għal €32.21 (VAT eskluża) kull ġurnata.

Ministeru għar-Riċerka, Innovazzjoni u l-Koordinazzjoni tal-Istrateġija wara Covid-19 — karozzi mixtrija/mikrija

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra bid-ditta u mudell tal-karozza/i ministerjali li jaqgħu taħt il-portafoll tiegħu, inkluż tas-segretarju parlamentari fejn hu l-każ, jekk hux mixtrija jew mikrija, u jgħid kemm swiet biex inxtrat jew kemm qiegħda tinkera jekk mikrija?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-karozza ministerjali hija tal-għamla Mercedes Benz E Class, u tinkera għal tmienja u għoxrin (28) ewro kuljum, VAT eskluż.

Ministeru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva — karozzi mikrija/mixtrija

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra bid-ditta u mudell tal-karozza/i ministerjali li jaqgħu taħt il-portafoll tiegħu, inkluż tas-segretarju parlamentari fejn hu l-każ, jekk hux mixtrija jew mikrija, u jgħid kemm swiet biex inxtrat jew kemm qiegħda tinkera jekk mikrija?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-karozza ministerjali hija Mercedes Benz, E220d u hija mikrija għal €27.96 kuljum.

Raħal Ġdid – faċilitajiet pubbliċi – servizz ta’ tindif

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-faċilitajiet pubbliċi ("public convenience") ġewwa Raħal Ġdid humiex ilkoll f'idejn il-Kunsill Lokali u jekk le għala? Jista’ jindika x'servizz ta' tindif hemm biex jinżammu tajba kif mistenni?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali Paola li bħalissa il-Kunsill għandu f'idejh il- faċilitajiet pubbliċi (public convenience) tal-Ġnien Pawlu Boffa u ta' Triq il-Foss. Assenjanti magħhom hemm ħaddiema mill-iskema Community Work Scheme Enterprise Foundation (CWSEF).

Raħal Ġdid – Ġnien il-Mediterran – sistema ta’ dawl aħjar

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk saritx talba mill-Kunsill Lokali ta' Raħal Ġdid sabiex Ġnien il-Mediterran ikollu sistema aqwa ta' dawl u għala hemm id-dewmien biex dan jiġi installat?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s’issa l-Enemalta PLC ma rċeviet l-ebda’ talba għal sistema aqwa ta’ dawl fil-post indikat.

Raħal Ġdid – Triq San Ġorġ – komunikazzjoni mal-Kunsill Lokali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'komunikazzjoni saret mal-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid dwar Triq San Ġorġ? Huwa infurmat li hemm diversi residenti li sabu l-vetturi tagħhom b'ħsarat, kif ukoll li ma tistax tgħaddi ambulanza jew servizzi neċessarji u dan minħabba l-fatt li t-triq hija dejqa?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità rċiviet komunikazzjoni mill-kunsill lokali fir-rigward ta’ din it-triq u wara li għamlet l-ispezzjonijiet neċessarji, ser tkun qiegħda tgħaddi r-rakomandazzjonijiet lill-kunsill lokali.

Raħal Ġdid – Triq San Ġorġ – vetturi tal-Protezzjoni Ċivili

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk investigax id-diffikultà li hemm f'Triq San Ġorġ Raħal Ġdid sabiex vetturi tal-Protezzjoni Ċivili jkunu jistgħu jgħaddu billi jidher evidenti li ma jistgħux?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ma jinvestigax toroq u dan għaliex huwa evidenti li pajjiżna fih toroq li ma jidħlux karozzi jew trakkijiet. Infurmat iżda fit-triq imsemmija jgħaddu minna l-iżgħar vetturi tal-Protezzjoni Ċivili.

Raħal Ġdid – Triq San Ġorġ — ambulanzi

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk investigax d-diffikultà li hemm f'Triq San Ġorġ Raħal Ġdid sabiex ambulanza tkun tista’ tgħaddi, billi jidher evidenti li ma tistax?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fl-1 ta’ Ġunju sar test drive bl-ambulanza u nstab li ma hemm l-ebda problema biex vettura ta’ dan it-tip tgħaddi minn Triq San Ġorġ, Raħal ġdid.

Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid – Pjazza Antoine de Paule

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'responsabbilità legali u x'dokumenti ġew iffirmati sabiex il-Kunsill Lokali ta' Raħal Ġdid jieħu f'idejh, jekk ma ħax diġà, Pjazza A De Paule?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat illi il-Pjazza Antoine de Paule taqa’ de facto taħt il-Kunsill Lokali ta’ Raħal il-Ġdid, u għaldaqstant ma kienx hemm il-bżonn ta’ dokumenti iffirmati. Il-Kunsill Konsultattiv għan-Nofsinhar ta’ Malta ġie nkarigat bir-refurbisbishments u upgrades neċessarji, liema xogħol qiegħed jiġi mfassal u maħdum bħalissa.

Is-Swieqi – Triq Mensija – ilma fil-garaxxijiet u djar

Question

Peress li residenti fi Triq Mensija fis-Swieqi qed jilmentaw li hemm ilma dieħel fil-garaxxijiet u fid-djar tagħhom u jidher li dan ġej minn leakages fi Triq Josef Calleja, tista’ l-Ministru tara li ssir verifika u jsiru x-xogħlijiet neċessarji biex ma jkunx hemm inkonvenjent u ħela ta’ ilma?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ma rċeviet l-ebda lment mit-triq indikata.Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħdili iktar informazzjoni, sabiex l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma tkun tista’ tagħmel l-investigazzjonijiet tagħha.

Il-Mellieħa – Triq in-Nofsinhar – lampi/bozoz maqtugħa

Question

Jista’ l-Ministru jara li l-Kunsill Lokali Mellieħa jara li lampi/bozoz li hemm maqtugħa fi Triq in-Nofsinhar fil-Mellieħa, isirulhom il-manutenzjoni meħtieġa, sabiex dawn jerġgħu jinxtegħlu?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tweġiba se tingħata f’xi seduta oħra.