Legislature:
Category:
Reset
Active:

Raħal Ġdid – Ġnien Pawlu Boffa — servizzi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ttieħdu sabiex Ġnien Pawlu Boffa f’Raħal Ġdid jingħata iktar attenzjoni u jinżamm aħjar u jsir iktar tibdil u servizzi fih?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali Paola li Ġnien Pawlu Boffa jinsab fuq il-programm tax-xogħlijiet tal-Kunsill, li qiegħed jaħdem fuq pjanti ġodda sabiex ikun jista isir xogħol fih. Dawn ix-xogħlijiet jibdew wara li jitlestew prijoritajiet oħra.

Raħal Ġdid – Ġnien San Alwiġi — servizzi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ttieħdu sabiex Ġnien San Alwiġi f’Raħal Ġdid jingħata iktar attenzjoni u jinżamm aħjar u jsir iktar tibdil u servizzi fih?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali Paola li l-Ġnien San Alwiġi huwa wieħed minn dawk li jinstabu fuq il-programm tax-xogħlijiet, li ser jara żvilupp sħiħ ġo fih. Għaldaqstant fil-jiem li ġejjin ser jibda ix-xogħol fuq il-pjanti għall-proġett ta' tisbiħ ta' dan il-ġnien.

Raħal il-Ġdid – Triq li tgħaddi fi Pjazza Antoine De Paule – rapport tekniku tat-triq

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20706, jista’ l-Ministru jgħid liema Ministeri ġew infurmati dwar il-ħsarat kbar li hemm f'Pjazza Antoine de Paule Raħal Ġdid u x'passi ttieħdu?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li ġie avviċinat il-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura, filwaqt li qed isiru studji tal-kwalita tax-xogħol sabiex jiġi determinat jekk in-nuqqas kienx wieħed relatat mal-kuntrattur jew le.

San Pawl il-Baħar – Triq San Pawl – ħinijiet tal-parkeġġ

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16964 u jitlob li l-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar jara li jiġu rispettati u infurzati mill-awtoritajiet konċernati l-ħinijiet allokati dwar il-parkeġġ fi Triq San Pawl fl-istess lokalità?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar jitratta kull ilment formali li jirċievi bl-akbar serjeta. Fejn l-ilmenti jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Kunsill, il-Kunsill jaġixxi bl-iktar mod xieraq biex jindirizza l-problema, u fejn l-ilment ma jaqax taħt ir-responsabbilitá diretta tal-Kunsill, l-ilmenti jiġu mressqa għall-attenzjoni tal-Awtoritá konċernata. Il-parkeġġ ma jaqax taħt il-kompetenza diretta tal-Kunsill.

Trasferiment tal-Palazz l-Aħmar fl-Imarfa u Binja li tinkludi l-Batterija ta' Wied Musa — proċess

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 19935 u 19374 u jgħid fiex wasal ix-xogħol/proċess dwar it-trasferiment tal-Palazz l-Aħmar fil-Marfa u li din il-binja tinkludi wkoll il-Batterija ta’ Wied Musa? Fuq l-istess binja, jista’ l-Ministru jindika x'inhuma/ jew x’kienu l-pjanijiet ghal din il-binja storika anke jekk minn entitajiet privati?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lil-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar u t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Il-Mellieħa – Triq biswit il-Bajja tat-Torri l-Abjad — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 20177 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-permessi kollha relatati li kien meħtieġ li jkollha Infrastructure Malta biex setgħet twettaq xogħol ta’ tarmak fi triq biswit il-Bajja tat-Torri l-Abjad, limiti tal-Mellieħa, kif ukoll xogħol ieħor li kkonsista f’rampa tal-konkos mill-istess triq għall-istess bajja indikata fir-ritratti li qed jingħataw separatament?

Response (BORG, IAN)

Infrastructure Malta qed tlesti l-bini mill-ġdid ta’ Triq ir-Ramla tat-Torri l-Abjad, li tagħti għall-Bajja tat-Torri l-Abjad u Daħlet ix-Xmajjar, fl-Aħrax tal-Mellieħa. Il-bini mill-ġdid ta’ din it-triq kien meħtieġ wara li tħalliet fi stat ħażin għal żmien twil, b’periklu għal dawk li j¿uru dawn l-inħawi, speċjalment fis-sajf. Filwaqt li l-bini mill-ġdid tat-triq, inkluż it-tibdil u t-tisħiħ tal-katusi u servizzi oħra taħt l-art, strutturi ta’ pedament tat-triq aktar b’saħħithom u wiċċ b’asfalt ġdid, huwa lest, l-aġenzija qed taħdem mal-kuntratturi tagħha biex ilestu wkoll l-aħħar ftit xogħlijiet. Il-bini mill-ġdid ta’ din it-triq beda wara li saru l-konsultazzjonijiet mal-entitajiet konċernati u skont ir-rekwiżiti tal-permess meħtieġ għal dan it-tip ta’ xogħol, jiġifieri Road Works Permit, li nkiseb mingħand Transport Malta qabel beda x-xogħol. Ir-rampa li tidher fir-ritratti indikati m’għadhiex fil-post imsemmi. Din ir-rampa żgħira ma kinitx fil-pjanijiet ta’ Infrastructure Malta għal din it-triq u ma saritx fuq struzzjonijiet tagħha. Fil-fatt, malli l-periti tal-aġenzija ndunaw b’dan ix-xogħol, li jidher li sar wara lmenti dwar nuqqas t’aċċess minn xi persuni li jużaw l-istess bajja, l-aġenzija talbet li r-rampa titneħħa minnufih. Fil-fatt, din tneħħiet wara biss ftit jiem u l-post treġġa’ lura għal kif kien qabel.

Il-Mellieħa – Triq Dun Manwel Grima – lampi/bozoz — manutenzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 20775 u jara li ssir l-manutenzjoni meħtieġa mill-Kunsill Lokali Mellieħa sabiex lampi/bozoz maqtugħa fi Triq Dun Manwel Grima kantuniera ma’ Triq l-Għasafar u f’żoni oħra fil-Manikata, limiti tal-Mellieħa, jerġgħu jinxtegħlu?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa li l-lampa in kwistjoni ġiet irrappurtata fid-29 t’April 2021 u msewwijja fil-5 ta’ Mejju 2021. Il-Kunsill jikkonferma li attwalment qiegħda tixgħel.

Wasteserve — żieda fil-ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 21312 u 21158 u jindika kemm żdied l-ammont ta’ ħaddiema li hemm jaħdmu mal-kumpanija Wastserv, xahar b’xahar, bejn Jannar 2017 u April 2021?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, fejn jikkonċerna s-sena 2017, dettalji dwar il-ħaddiema li bdew iservu mal-kumpanija Wasteserv (Malta) Ltd. ingħataw diġà b’risposta għall-Mistoqsijiet Parlamentari 2617, 4504 u 14913. B’żieda mal-informazzjoni diġà mogħtija, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi kif żdied l-ammont ta’ ħaddiema li jaħdmu mal-kumpanija Wasterv bejn Jannar 2018 u April 2021.

Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar – tindif fi Triq il-Wileġ

Question

Jista’ l-Ministru jara li l-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar jagħmel it-tindif meħtieġ fiż-żona ta’ Triq il-Wileġ, liema żona tinsab biswit il-grawnd tal-futbol fl-istess lokalità?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li ż-żona ta’ Triq il-Wileġ titnaddaf skont l-iskeda sottomessa fil-Mistoqsija Parlamentari numru 17290.

Ħal Tarxien — Tal-Barrani – asfaltar ta’ triq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk it-triq indikata bħala Tal-Barrani li tinsab però fuq il-parti ta’ ġewwa ta’ Ħal Tarxien, hiex sejra tiġi asfaltata mill-ġdid minħabba l-istat li tinsab fiha?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-triq indikata diġà kienet fil-pjanijiet ta’ Infrastructure Malta sabiex isirulha t-tiswijiet u l-manutenzjoni meħtieġa u wara tinkesa mill-ġdid fiż-żmien li ġej. Persuni li jiltaqgħu ma’ xi diffikultajiet b’xi xogħlijiet ta’ Infrastructure Malta, jew li jixtiequ jwasslu xi suġġerimenti lill-istess entità, jistgħu jitkellmu mal-istess aġenzija b’mod dirett billi jċemplu fuq 2334 1000, jibgħatu email fuq info.im@infrastructuremalta.com jew jibagħtu messaġġ permezz ta’ Facebook fuq il-paġna “Infrastructure Malta”.

Ħal Tarxien — Tal-Barrani – asfaltar ta’ triq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk it-triq indikata bħala Tal-Barrani li tinsab però fuq il-parti ta’ ġewwa ta’ Ħal Tarxien hiex sejra tiġi asfaltata mill-ġdid minħabba l-istat li tinsab fiha?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Nitlob lilll-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba għal Mistoqija Parlamentari numru 21626.

Awtorità tal-Artijiet — Home Ownership Plot

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 18653, 18018 li oriġinarjament saret lill-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u l-mistoqsija parlamentari 17904 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid fl-2016, l-2017 u l-2018 kemm-il Home Ownership Plot ġew akkwistati/mixtrija/imħallsa mill-Awtorità tal-Artijiet u fejn, sena b’sena?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' Home Ownership Plot li ġew akkwistati/mixtrija/imħallsa mill-Awtorità mis sena 2016 sa 2018.
Leg 13 PQ #20262 Sitting 471 2021-06-08 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Tribunal Industrijali – żmien medju ta’ kemm idum każ

Question

Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 18662 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid dwar it-tul ta’ żmien medju li każ quddiem it-Tribunal Industrijali jdum, minn meta jidħol ir-rikors sad-deċiżjoni finali?

Response (ABELA, ROBERT)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Leg 13 PQ #20263 Sitting 471 2021-06-08 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Tribunal Industrijali – każijiet pendenti

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 18661 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol u li issa ġiet riferuta lilu u ċjoè: Konxju tal-fatt li kull każ hu differenti u li kull każ għandu jiġi deċiż b’mod indipendenti u ħieles minn indħil estern, għaldaqstant jista’ l-Ministru jgħid kemm-il każ hemm pendenti quddiem it-Tribunal Industrijali u minn dawn kemm hemm differiti għad-deċiżjoni u kemm ilhom hekk differiti

Response (ABELA, ROBERT)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Leg 13 PQ #20268 Sitting 471 2021-06-08 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Diverġenzi fid-deċiżjonijiet għall-kumpens

Question

Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 18664 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol u ċjoè: tenut kont tad-diverġenzi fid-deċiżjonijiet għal dak li jirrigwarda l-quantum ta’ kumpens li jingħata, jinforma lill-Kamra jekk hemmx ħsieb li jiġu mfassla linji gwida f’dan ir-rigward?

Response (ABELA, ROBERT)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Qorti tal-Maġistrati – espert finanzjarju

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, kemm-il darba l-individwu lid-dettalji dwaru qed jingħataw separatament inħatar bħala espert finanzjaru tal-Qorti tal-Maġistrati u minn liema Maġistrat għal kull sena, wara l-2013?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-individwu lid-dettalji dwaru qed jingħataw seperatment qatt ma nħatar bħala espert finanzjarju tal-Qorti tal-Maġistrati wara l-2013 sal-aħħar ta’ Mejju 2021.
Leg 13 PQ #21166 Sitting 471 2021-06-08 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol

Tender

Question

Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar it-'Tender for the provision of health and safety services for road reconstruction works around Gozo', li għalqet fit-3 ta' Novembru 2020 u jgħid fiex wasal il-proċess biex tiġi awarded din it-tender ferm bżonjuża u importanti għas-saħħa u sigurtà fuq proġetti ta' bini mill-ġdid ta' toroq ġewwa Għawdex?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Leg 13 PQ #21167 Sitting 471 2021-06-08 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol

Tenders permezz ta’ Negotiated Procedure

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ħarġu tenders permezz ta' ‘Negotiated Procedures’ ġodda minn meta ġiet imwieġba l-mistoqsija parlamentari 10603 sal-lum, u x'tip ta’‘Negotiated Procedures’ kienu? F’kull każ, min ħa d-deċiżjoni u x'kienu r-raġuni li ħarġu b’dan il-mod? Kemm kien il-valur ta' kull tender? Jista' jgħid taħt liema Ministeru, entità, aġenzija, awtorità ħarġu dawn it-tenders u fiex kienu jikkonsistu dawn it-tenders?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Qorti tal-Familja f’Għawdex — każijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid mis-sena 2019 sal-lum, sena b' sena, kemm-il każ daħal fil-Qorti tal-Familja f'Għawdex li mar għal medjazzjoni? Jista' jgħid illum kemm hemm medjaturi fil-Qorti tal-Familja f'Għawdex u kemm-il siegħa fil-ġimgħa jaħdmu dawn il-medjaturi?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor Interpellant li mis-sena 2019 sal-aħħar ta’ Mejju 2021 daħlu s-segwenti każi fil-Qorti tal-Familja f’Għawdex li marru għal medjazzjoni. Fil-Qorti ta’ Għawdex hawn medjatriċi waħda li taħdem 6 siegħat kull ġimgħa. SenaTotal 201990 202088 2021 sal-aħħar ta’ Mejju43
Leg 13 PQ #21169 Sitting 471 2021-06-08 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex – Promozzjonijiet ta’ supervisors

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw promozzjonijiet ta' Supervisors fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex xahar b'xahar minn Lulju 2019 sal-lum? Kif ukoll jista’ jgħid għal kull wieħed u waħda minn dawn is-supervisors, kemm kien ilhom jaħdmu mas-Servizz Pubbliku u kemm minnhom huma rġiel u kemm minnhom huma nisa u x' kien il-grad li kellhom qabel ħadu l-promozzjoni?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.