Legislature:
Category:
Reset
Active:

Immigranti Illegali — ripatriazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 21321, 19750 u 18282 u jgħid kemm kien in-numru ta' immigranti illegali li kienu ilhom Malta mill-2019 u li ġew rimpatrijati fit-12 ta' Jannar 2021, in-nazzjonalità tagħhom, fejn ġew irritornati u kemm kienet l-għajnuna finanzjarja mogħtija mill-Unjoni Ewropea għal din l-operazzjoni u jekk kienx hemm għajnuna oħra mill-Unjoni Ewropea sabiex din l-operazzjoni sseħħ? Jista' jagħti l-istess informazzjoni mitluba għat-titjiriet l-oħra ta' rimpatriju li setgħa kien hemm wara d-data msemmija irrispettivament mid-data tal-wasla tar-rimpatrijati?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f'seduta oħra.

Immigranti Illegali rilokati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew rilokati immigranti illegali f'pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea mill-2010 'l hawn, kemm swew dawn l-operazzjonijiet ta' rilokazzjoni u kemm kienet l-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni Ewropea sabiex isiru tali rilokazzjonijiet?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f'seduta oħra.

PBS – Audited Accounts

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 21696, jista' l-Ministru jispjega għala l-audited accounts tal-Public Broadcasting Services Ltd għall-perjodu bejn l-1 ta' Ottubru 2019 u t-30 ta' Settembru 2020 għadhom ma ġewx konklużi minkejja li għaddew aktar minn tmien xhur minn mindu għalaq dan il-perjodu u meta hemm il-ħsieb li jiġu konklużi?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninsab infurmat li l-audited accounts għal perjodu bejn l-1 ta’ Ottubru 2019 u t-30 ta’ Settembru 2020 għandhom jkunu lesti fil-bidu ta’ Awwissu 2021.

Impjegati ġodda maħtura miċ-Chairman Eżekuttiv

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati persuni ġodda u kemm ingħataw ħatriet ġodda minn mindu ġie appuntat chairman eżekuttiv ġdid fil-31 ta' Marzu 2021?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninsab infurmat li l-Public Broadcasting Services Ltd. tinsab f’fazi ta’ ristrutturar u għaldaqstant ħarġet numru ta’ sejħiet għall-impjiegi sabiex jimtlew il-postijiet li ġew vakanti f’dan l-aħħar żmien. Il-ħatra taċ-chairman eżekuttiv ma kelliex effett fuq il-proċess.

Sett għat-trasmissjonijiet ta’ EURO 2020

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm sewa s-sett li qed jintuża fit-trasmissjonijiet ta' EURO 2020, min għamlu u xi proċedura ta' xiri ntużat sabiex inxtara dan is-sett?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninsab infurmat li għas-set tat-trasmissjonijiet tal-Euro 2020, ġie u¿at l-istess set tal-isports preċedenti, b’modifikazzjoni ta’ estensjoni u xiri ta’ banketti. Is-sett ġie jiswa total ta’ €16,528.17, liema xiri sar skont il-proċeduri tal-procurement policy.

Sussidju – każ ta’ persuna

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament peress li jidher li hemm xi diżgwid? Jista’ jara li jibda jingħata s-sussidju meħtieġ?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jirriżulta li d-dħul totali tal-persuna msemmija jeċċedi l-ammont stipulat fl-iskema. Ikun aħjar li din il-persuna tagħmel appuntament mal-Customer Care tal-Awtorità tad-Djar biex tiġi murija eżatt kif ġie ikkalkulat id-dħul tagħha.

Ħ’Attard – Triq Tursin ir-Riħ — asfaltar

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma t-toroq li ħa jiġu ri-asfaltati minn Transport Malta f’Ħ’Attard u jekk Triq Tursin ir-Riħ hijiex waħda minnhom? Jekk iva, meta hu mistenni li jibda x-xogħol fuq Triq Tursin ir-Riħ?

Response (BORG, IAN)

Qabel xejn nispeċifika li Transport Malta waqfet tagħmel xogħlijiet ta’ bini mill-ġdid u asfaltar ta’ toroq minn meta twaqqfet Infrastructure Malta tliet snin ilu. Bit-twaqqif ta’ Infrastructure Malta t-titjib fl-infrastruttura ta’ pajjiżna jinsab fuq quddiem nett tal-ħidma ta’ dan il-Gvern. Dan l-impenn qed jitwettaq permezz ta’ pjan ta’ ħidma b’investiment bla preċedent biex fis-snin li ġejjin inkomplu ntejbu l-kwalità, l-effiċjenza u s-sigurtà tal-infrastruttura tat-toroq fil-pajjiż. Dan il-pjan qed jiġi mwettaq b’mod gradwali, iżda mingħajr telf ta’ ħin, sabiex nilħqu din il-mira mill-aktar fis. Infrastructure Malta qed twettaq ħafna proġetti biex ittejjeb is-sigurezza u s-sostenibilità tas-sistema tat-toroq ewlenin, toħloq infrastruttura ta’ kwalità u ambjent aħjar fit-toroq residenzjali f’kull lokalità u tibni mill-ġdid ukoll ħafna toroq sekondarji oħra, fosthom kilometri ta’ toroq rurali fil-kampanja. Dan l-investiment diġa qed iħalli l-frott mixtieq, b’diversi toroq residenzjali mibnija mill-ġdid u b’ħafna proġetti ta’ titjib fit-toroq ewlenin tas-sistema tat-trasport bl-art f’pajjiżna. Fil-ftit żmien kemm ilha li twaqqfet, Infrastructure Malta diġà bniet mill-ġdid u għamlet titjib f’aktar minn 500 triq. Matul l-2020 bniet mill-ġdid mal-155 triq residenzjali madwar Malta, jiġifieri medja ta’ tliet toroq kull ġimgħa. Bħalissa għaddejjin xogħlijiet f’madwar 50 triq oħra. Fil-lokalità ta’ Ħ’Attard diġà saru Triq il-Ġamar, Triq Dun Alwiġ Galea, Triq il-Marġ, Triq Hannibal, Sqaq Rajgu, Triq Annibale Preca, Triq Ferdinandu Inglott, Triq qrib San Anton, Triq Kananea, Triq Oliver Agius u Triq Lord Strickland. Bħalissa għaddej xogħol fi Triq l-Imdina, Triq iż-Żagħfran, Triq in-Nutar Zarb, Triq il-Belt Valletta, Triq Ħaż-Żebbuġ, Triq Wied ta’ Rmiedi u Triq San Anton. Fl-istess lokalità hemm ukoll diversi toroq oħrajn li bħat-triq indikata qed ikunu ppjanati biex isiru xogħlijiet fihom fiż-żmien li ġej li jinkludu wkoll Trejqet ir-Reġina, Triq l-Isptar, Triq l-Inħasa, Triq Ta’ Fgieni, Triq il-Pitkali, Triq il-Linja, Triq A Schembri u Triq Ħal Warda. Uħud mit-toroq li qegħdin isiru bħalissa f’Ħ’Attard jagħmlu parti mis-Central Link Project, li huwa investiment ewlieni li Infrastructure Malta qed twettaq anke b’fondi Ewropej biex ittejjeb il-kwalitá, is-sigurtá, s-sostenibilità u l-effiċjenza fir-rotta arterjali li testendi mill-Bypass tal-Imrieħel, tul Triq l-Imdina f’Birkirkara, Ħal Balzan u Ħ’Attard, sar-roundabout li hemm fil-bidu tat-Telgħa tas-Saqqajja, fl-inħawi ta’ Ta’ Qali. Il-ħin tal-ivvjaġġar f’dan in-netwerk ta’ toroq fiċ-ċentru tal-pajjiż għandu jonqos bin-nofs. Ser jonqos l-ammont ta’ persuni li jkollhom jgħaddu minn toroq residenzjali fl-inħawi biex jippruvaw jaslu aktar malajr. B’hekk ser igawdu mhux biss il-lokalitajiet ta’ Ħal Balzan u Ħ’Attard, iżda wkoll oħrajn viċin bħal Ħal Lija u Birkirkara. Din il-ħidma ta’ titjib fit-toroq tagħna se tibqa’ għaddejja bla heda, sena wara l-oħra, sabiex niksbu l-infrastruttura ta’ kwalità li kapaċi tixpruna b’mod sostenibbli l-progress soċjali u ekonomiku tal-familji u n-negozji f’Malta.
Leg 13 PQ #21788 Sitting 477 2021-06-22 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Ministeru għall-Edukazzjoni – rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm mir-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman ġew adottati jew rifjutati mill-Ministeru għall-Edukazzjoni? Liema huma dawn ir-rakkomandazzjonijiet? X’inhi r-raġuni?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Nitlob lill-Onorevoli interpellant jikkjarifika l-mistoqsija tiegħu.
Leg 13 PQ #21789 Sitting 477 2021-06-22 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Pjan biex l-MCAST issir Università

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk għadx hemm pjan biex l-MCAST issir Università skont il-liġi Maltija?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma l-Onor. interpellant li l-MCAST huwa Kulleġġ Vokazzjonali u Professjonali li joffri edukazzjoni u taħriġ f’kull livell tal-Qafas Malti tal-Kwalifiki. Fl-istrateġija għas-snin 2022-2027, il-Kulleġġ qed jimmira biex ikun aktar qrib tal-komunità Maltija kemm bħala post kif ukoll fl-operat tiegħu.
Leg 13 PQ #21790 Sitting 477 2021-06-22 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni

MCAST – Research Hub

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’se jinvolvi l-proġett ta’ Research Hub fl-MCAST? Kemm se jiswa? Sa meta se jkun lest kollu? X’tip ta’ riċerka se jkun qed isir bis-saħħa tar-Research Hub?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Infurmata li n-nefqa totali għall-Binja fejn ser ikun hemm ir-Research Hub tammonta għal €9,794,678.90. F’din il-binja, barra r-Research Hub ser ikun hemm faċilitajiet oħra anċillari. Huwa ppjanat li l-Binja tkun lesta fl-aħħar kwart ta’ din is-sena. Fir-Research Hub sejra ssir riċerka applikata, bħal l-qasam tal-ilma, informatika, intelliġenza artifiċjali, pedagoġija, loġistika, saħħa innovattiva, u inġinerija fost l-oħrajn.
Leg 13 PQ #21791 Sitting 477 2021-06-22 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni

MCAST — riċerki

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’riċerka ħadet sehem fiha l-MCAST fl-aħħar ħames snin? Kemm-il lecturer tagħha kien involut dan? X’kien il-valur monetarju ta’ din ir-riċerka?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninsab infurmata li 101 lettur tal-MCAST qed jipparteċipaw f’26 proġett ta’ riċerka. L-ammont ta’ fondi allokati lill-MCAST huwa ta’ €3,191,114. Ir-riċerka tkopri s-sbatax-il għan ta’ żvilupp sostenibbli tan-Nazzjonijiet Unit. Ir-riċerka qed issir f’oqsma tal-programmi Ewropej bħal Fusion, Erasmus +, H2020, Space Research Fund, Intereg, Eranet, EIT, EAFRD, Paradise, Prima u Malta Enterprise.
Leg 13 PQ #21792 Sitting 477 2021-06-22 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni

MCAST – Board of Studies

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il board of studies hemm fl-MCAST?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

B’referenza għal din il-mistoqsija, infurmata li hemm tmien (8) Board of Studies ġewwa l-MCAST.
Leg 13 PQ #21793 Sitting 477 2021-06-22 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni

MCAST – lecturers bid-dottorat

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm lecturers bid-dottorat fl-MCAST?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

B’referenza għal din il-mistoqsija, infurmata li hemm 37 lettur bid-Dottorat ġewwa l-MCAST.

Rapporti ta’ servizzi fit-toroq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm u fejn saru rapporti dwar servizzi fit-toroq li qed isiru f’Malta u Għawdex? Jista’ jipprovdi r-rapport tas-servizzi tal-pajpijiet tar-rain water culverts u tad-drainage system kemm tat-toroq residenzjali kif ukoll tat-toroq kollha li saru jew qed isiru anke jekk parzjalment minn fondi tal-Unjoni Ewropea speċjalment tal-Flyover tal-Marsa u tas-Central Link?

Response (BORG, IAN)

Peress li l-Gvern qed iwettaq investiment bla preċedent fit-toroq, b’ħafna u ħafna xogħlijiet f’kull lokalità biex ikollna infrastruttura ta’ kwalità ogħla wara għexieren ta’ snin ta’ telqa, u peress li jeżistu ħafna tipi ta’ rapporti, ikun apprezzat jekk l-Onorevoli Agius jispeċifika eżattament x’tip ta’ rapporti jrid kopja tagħhom u għal liema toroq eżattament qed jagħmel referenza għalihom. Peress li fil-Marsa hemm seba’ strutturi ta’ flyovers u mhux waħda, jista’ wkoll l-Onorevoli Agius jindika għal liema waħda qed jirreferi? Fl-aħħarnett, jista’ jispeċifika għal liema mit-toroq li qed jinbnew mill-ġdid permezz ta’ Central Link Project qed jirreferi?

Berġa tal-Mellieħa – Servizzi ġodda

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jara li fil-Berġa tal-Mellieħa, li tinsab f’parti mill-binja ta’ Dar il-Madonna tal-Mellieħa, jibdew jingħataw servizzi ġodda ma’ dawk li diġà qed jingħataw bħalma huma teħid tad-demm, fiżjoterapija u klinika għas-saħħa mentali? Iż-żieda ta’ dawn is-servizzi tkun tfisser inqas skariġġ għar-residenti tal-Mellieħa u l-Manikata u faċilment jistgħu jibdew jinqdew ukoll ir-residenti tax-Xemxija.

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi qabel mas-servizz mill-Klinika fil-Komunità tal-Mellieħa kellu jiġi sospiż minħabba l-Pandemija tal-Covid-19 u l-programm ta’ tilqim għall-kontra l-virus tal-Covid, din il-Klinika kienet diġa qed toffri is-servizz tas-Saħħa Mentali u dak ta’ Fiżjoterapija, flimkien mas-servizzi oħrajn bħas-servizz tat-Tabib bl-appuntament, is-Servizz tal-Infermiera (nurse led clinic), servizz tal-Patoloġija tal-Lingwa Mitkelma (Speech and Language Pathology) u s-servizz tal-Podjatrija. Huwa ippjanat li s-servizz tat-teħid tad-demm ser jibda jingħata ukoll minn din il-Klinika għar-residenti tal-Mellieħa u tal-madwar meta terġa tiftaħ bħala Klinika fil-Kommunita’ f’Lulju ta’ din is-sena.

Berġa tal-Mellieħa – servizz ta’ ambulanza

Question

Jista’ l-Ministru jara, li talanqas matul ix-xhur tas-Sajf, mill-post ta’ fejn illum hemm il-Berġa fil-Mellieħa li hi parti mill-binja Dar il-Madonna tal-Mellieħa, jibda jkun hemm ukoll is-servizz tal-Ambulanza? Dan is-servizz ikun jista' jintuża mhux biss għall-benefiċċju tar-residenti tal-Mellieħa u l-Manikata iżda wkoll għall-eluf ta’ Maltin li għandhom ir-residenza tas-sajf fil-Mellieħa kif ukoll l-eluf l-oħra li jkunu qed iżuru xi waħda mit-12-il bajja li l-lokalità tal-Mellieħa hija mdawra bihom. Aktar minn hekk, dan is-servizz jista' jkun utilizzat għat-turisti alloġġjati fid-diversi lukandi f’din l-istess lokalità. Dan is-servizz ikun ferm utli wkoll anke għall-fatt li t-traffiku lejn din il-parti tal-pajjiż qiegħed dejjem jiżdied.

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi n-naħa ta’ fuq ta’ Malta tul is-sena kollha tkun servuta b’ambulanza li hija stazzjonata fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta. Apparti minn hekk id-Dipartiment tas-Saħħa reċentement akkwista 3 rapid response units li huma pożizzjonati skont protokoll stabbilit li jippermettilhom li jilħqu diversi partijiet tal-gżira fi żmien adegwat.

Blue sticker applications

Question

Peress li l-każjiet tal-virus naqsu u peress li l-viżti għal blue sticker applications kienu twaqqfu, tista' l-Ministru tgħid meta se jerġgħu jibdew peress li hemm nies li ma jistgħux joħorġu minn djarhom?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-appuntamenti mediċi marbuta mal-ksib tal-Blue Badge li twaqqfu minħabba l-Pandemija COVID-19 reġgħu bdew fit-2 ta' Ottubru 2020.

Crane Currency – ksur ta’ regoli ta’ State Aid – investigazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea — eżitu

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’kien l-eżitu tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea fuq jekk kienx hemm ksur ta’ regoli ta’ State Aid fil-każ ta’ Crane Currency?

Response (DALLI, MIRIAM)

“Ninforma lill-Onorevoli interpellant li l-Malta Enterprise qatt ma ġiet notifikata mill-Kummissjoni Ewropea dwar xi investigazzjoni fuq il-każ imsemmi.”

Crane Currency – ksur ta’ regoli ta’ State Aid – investigazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea — eżitu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kien l-eżitu tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea fuq jekk kienx hemm ksur ta’ regoli ta’ State Aid fil-każ ta’ Crane Currency?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

BOV tal-Imqabba, Żurrieq u Siġġiewi – pensjonanti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux aċċettabbli għall-Gvern li f’dawn l-aħħar jumejn il-klijenti tal-BOV fl-Imqabba, Żurrieq u Siġġiewi, speċjalment dawk pensjonanti u anzjani, iltaqgħu ma’ diffikultajiet serji meta ġew biex isarrfu l-pensjoni jew jirtiraw flus mill-kontijiet tagħhom f’dawn il-fergħat peress li ġew infurmati li ma setgħux jagħtuhom flus kontanti?

Response (CARUANA, CLYDE)

Il-BOV hija kumpanija privata u għalhekk m’għandix mezz kif inkun naf ir-risposta għad-domanda li qed jitlob l-Onorevoli Interpellant.