Ministeru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli — żieda fl-ammont ta’ persuni li jokkupaw Position of Trust
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kienx hemm xi żieda fl-ammont ta’ persuni li jokkupaw Position of Trust fil-Ministeru jew xi entità li taqa taħtha fl-2020 u 2021? Jekk iva ta’ kemm kienet din iż-żieda?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija numru 19902.
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 20943, jista’ l-Ministru jgħid x'wassal u x'inhuma r-raġunijiet għala t-tender 'Service tender monitoring based on the environmental permit issued by ERA for Tal-Kus waste transfer station' li kellha tagħlaq fis-27 ta' Mejju 2021 ġiet ikkanċellata? Jista’ l-Ministru jgħid x'ser ikun il-pass li jmiss f'din il-materja?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninsab infurmat li t-tender li qed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant ġie kkanċellat għax, sad-data tal-għeluq tas-sejħa, ma daħlet l-ebda offerta. Sadanittant is-sejħa reġgħet inħarġet u tagħlaq fit-8 ta’ ta’ Lulju.
Kunsilli lokali — devoluzzjonijiet ta' proprjetà pendenti quddiem l-Awtorità tal-Artijiet
Question
Jista' l-Ministru jghid kemm il-talba għal devoluzzjoni ta' proprjetà lil xi Kunsill Lokali f' Malta jew Għawdex hemm pendenti quddiem l-Awtorità tal-Artijiet? Jista' jgħid f'kull każ għal liema art jew proprjetà hija t-talba u r-raġuni għaliex qed tintalab mill-Kunsill Lokali? Jista' jgħid f'kull każ kemm ilha pendenti t-talba u fl-liema stadju waslet?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li sa Mejju 2021 l-Awtorita tal-Artijiet irregistrat 22 applikazjoni ghal talbiet ta’ devoluzzjoni mill-Kunsilli lokali.
L-applikazzjonijiet pendenti ta’ qabel Marzu 2021 għadhom pendenti primarjament minħabba li l- Awtorita’ għada qed tistenna dokumenti mitluba fil- formula tal-applikazzjoni.
Ninforma lill- Onor. Interpellant li mill-bidu tas-sena 2021 s’issa ġew konkluzi u ffirmati total ta’ 14 il- ftehim ta’ devoluzzjoni ġodda.
Il-proċess ta' tiġdid ta’ kuntratti ezistenti ta’ devoluzzjonijiet bejn l-Awtorita’ tal-artijiet u l-kunsilli lokali għaddej b’ritmu tajjeb.
Jista' l-Ministru jgħid fl-aħħar ħames snin kemm-il skema ta' fondi għall-Kunsilli Lokali saret mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali? Jista' jgħid f'kull każ d-data meta ġiet varata l-iskema, d-data meta għalqet u d-data meta nħarġu r-riżultat/deċiżjonijet tal-istess skema?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella bl-informazzjoni mitluba.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ħarġu tenders permezz ta' ‘Accelerated Open Procedure' sena b'sena u xahar b’xahar min-Jannar 2019 sal-lum? F’kull każ, min ħa d-deċiżjoni u x' kienet ir-raġuni li ħarġu b’dan il-mod? Kemm kien il-valur ta' kull tender? Jista' jgħid taħt liema Ministeru, entità, aġenzija, awtorità ħarġu dawn it-tenders u fiex kienu jikkonsistu dawn it-tenders?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Fil-każijiet kollha d-deċiżjoni tkun ittieħdet mill-Awtorità Kontraenti minħabba raġuni ta’ urġenza.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm membri attivi fix-Shooting Range ġewwa ż-Żebbuġ Għawdex sena b’sena, mis-sena 2014 sal-lum? Jista’ jgħid ukoll x’inhuma l-miżati li jitħallsu biex wieħed juża x-Shooting Range u x’kien l-introjtu ta’ flus sena b’sena mill-2013 sal-lum kif ukoll għalxiex intuża l-introjtu li kien hemm mill-użu tax-Shooting Range?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li din is-Shooting Range hija immaniġjata mill-Gozo Clay Target Association, inkluż il-miżati u l-introjtu.
Ministeru għal Għawdex — Ħaddiema li jagħmlu xogħol ta’ tindif
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema (kemm tal-gvern, skema, kuntrattur jew b' kuntratt) li qed jagħmlu xogħol ta' tindif f'kull sezzjoni/uffiċċju (eskluż dawk li qed jagħmlu xogħol fuq barra jew f'latrini pubbliċi) ta’ kull dipartiment/diviżjoni/aġenzija/awtorità li jaqa' fid-dekasteru tiegħu? X'inhu l-grad ta' dawn il-ħaddiema?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u se tingħata f’ xi seduta oħra.
Fondazzjoni għas-Servizz ta’ Ħarsien Soċjali – sponsorship lill-PBS
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm jammonta l-isponsorship li l-Fondazzjoni għas-Servizzi ta' Ħarsien Soċjali qed tagħti lill-Public Broadcasting Services Ltd għat-trasmissjoni tal-partiti ta' EURO 2020 u għaliex inħasset il-ħtieġa ta' dan l-isponsorship?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, kontra l-impressjoni li qed jipprova jagħti, l-FSWS ma tat l-ebda sponsor lill-PBS, iżda numru ta’ reklami waqt avveniment li, bla dubju, iqanqal interess kbir fost il-poplu Malti. Bħal kull entità li trid twassal il-messaġġ tagħha, l-FSWS kontinwament tfittex l-aħjar okkażjonijiet biex teduka u xxerred l-għarfien fuq servizzi u għajnuna meħtieġa li jiġu offruti minnha.
Transport Malta – limitu ta’ emissjonijiet ta’ CO2 għal catamarans bejn Malta u Għawdex
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'limitu ta' emissjonijiet ta' CO2 imponiet Transport Malta fuq l-operaturi tal-catamarans bejn Malta u Għawdex?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lil Onor Interpellant li ninsab infurmat mill-Awtorita’ tat-Trasport li l-bastimenti li jidħlu u joperaw fl-ibħra u fil-portijiet Maltin, inkluż dawk li qed jintu¿aw għas-servizz tal-fast ferry bejn Malta u Għawdex, huma obbligati li jsegwu l-Konvenzjonijiet Internazzjonali tal-IMO, id-Direttivi u r-Regolamenti Ewropej u kif ukoll il-leġiżlazzzjoni lokali bl-isem Ir-Regolamenti dwar il-Kwalità tal-Karburanti (Leġiżlazzjoni Sussidjarja 545.18). Kull bastiment hu obbligat li juża karburant b’kontenut ta’ kubrit li ma jeċċedix 0,10% bil-massa jew billi jagħmlu użu minn metodi approvati ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet. L-Awtorità kompetenti li timplementa u tenforza dawn ir-Regolamenti, inkluż li jsiru spezzjonijiet, huwa r-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (REWS).
B'referenza għar-risposta li ta għall-mistoqsija parlamentari 21664, jista' l-Ministru jispjega kif qed jgħid li l-Ministeru tiegħu m'għandux x'jaqsam mal-proġett ta' riġenerazzjoni ta' Pjazza Santa Margerita f'Sannat, Għawdex meta hu ġie rappurtat li ppresjeda f'ċerimonja ta' ffirmar ta' kuntratt ta' €3.7 m bejn is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għal Għawdex u l-Kunsill Lokali Sannat hekk kif jidher f’dan l-artiklu (https://gozo.news/88374/e3-7-million-project-to-get-underway-for-regeneration-of-sannat-square/)?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tali arranġament huwa limitat sal-iffinanzjament tal-proġett innifsu. Ir-responsabilita’ tat-twettiq tal-proġett hija tal-Kunsill lokali ta’ Sannat.
Gozo Channel – pjanijiet għal vjaġġi mill-Imġarr għall-Port il-Kbir
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-kumpanija Gozo Channel (Operations) Ltd għandhiex xi pjanijiet sabiex tibda tagħmel vjaġġi mill-Imġarr għall-Port il-Kbir?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor Interpellant li kif diġa tħabbar ftit ilu, żewg kumpaniji privati bdew l-operat tal-Fast Ferry bejn l-Imġarr u l-Port il-Kbir, liema operat qed ikun ta’ suċċess għall- kuntrarju ta’ dak li kien stqarr l-Onor.Interpellant fil-Kumitat Permanenti għal Ghawdex.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm huwa maħsub li jingħataw professorati fl-MCAST fil-ħames snin li ġejjin?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma l-Onor. interpellant li fil-proċess biex jiġi assenjat professorat, l-MCAST telenka l-kwalitajiet li wieħed għandu jkollu sabiex jikkwalifika u jingħata dan il-professorat. Il-Bord tal-Gvernaturi diġà għandu fis-seħħ ir-rekwiżiti tal-kwalitajiet li lettur għandu jkollu sabiex jikkwalifika għal professorat.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk id-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg (DIER) għandux rapporti li food couriers impjegati ma’ ditti bħal dawk li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament, humiex imniżżla li jaħdmu bħala self-employed? Jista’ jgħid jekk dan hux konformi mal-liġi? Jista’ jgħid x’passi ttieħdu minn meta ġew ivverifikati dawn ir-rapporti?
Response (ABELA, ROBERT)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Tista’ l-Ministru tgħid x’kien in-numru ta’ ħaddiema fis-settur tal-manifattura kull sena fl-aħħar 10 snin?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dettalji fuq in-numru ta’ ħaddiema fis-settur tal-manifattura jistgħu jinkisbu mill-Uffiċċju Nazzjonali għall-Istatistika (NSO).
Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn l-Air Malta qed tikri ajruplani tat-tip Airbus 320neo b’rata ta’ iktar minn €300,000 kull xahar, meta ajruplan tat-tip Airbus 320 jista’ jinkera b’rata li hija viċin in-nofs dak l-ammont kull xahar? Jista’ jgħid x’wassal biex id-deċiżjoni tkun li jiġu leased ajruplani tat-tip Airbus 320neo u mhux Airbus 320?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Air Malta tikri l-ajruplani tagħha minn għand Lessors internazzjonlli u rinomati b’rati skond is-suq, fejn għandha wkoll il-pjan li tibdel l- A320s antiki li hija topera fil-preżent. L-Air Malta għandha konferma minn ditta ewlenija ta’ verifika li ir-rati tal-kirijiet tal-ajruplani il-ġodda huma kollha skond is-suq.
A320 NEOs huma ajruplani ħafna aktar effiċjenti, jaħlu anqas fuel, kif ukoll għandhom vantaġġi fejn il-magni jagħmlu ħafna inqas ħoss meta joperaw. Dan iffiser li l-Air Malta tħallas ħafna inqas fuq noise charge kull meta tinżel f’ajruport. Dan il-proċess kollu jgħejn lil-Kumpanija biex iżżid l-effiċċjenza fl-operat tagħha.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk id-Direttur Ġenerali fid-Direttorat għall-Awditjar Intern u l-Investigazzjonijiet (IAID) issottomettietx ir-riżenja tagħha mill-IAID fl-aħħar ġimgħat u jekk iva, meta u għala?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninsab infurmat illi d-Direttur Ġenerali fid-Direttorat għall-Awditjar Intern u l-Investigazzjonijiet issottomettiet ir-riżenja tagħha nhar il-25 ta’ Marzu 2021 u ħarġet sejħa ġdida sabiex jinħatar Direttur Ġenerali ġdid biex din il-vakanza tiġi mimlija.