Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-aħħar lista tal-kuntratti li jeċċedu € 5,000 u l-lista tal-varjazzjonijiet li jaqbżu 5% mill-valur tal-kuntratt mogħtija mill-Public Broadcasting Services Ltd u li l-istess kumpanija hija obbligata illi tippubblika kull sitt xhur skont ir-regulament 111(2) ta' L.S. 601.3?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-ligi ma tapplikax għall-kuntratti relatati mal-produzzjonijiet tal-PBS u dan skond l-Artikolu 7 subinċiż (ħ) tal-Leġislazzjoni Sussidjarja 601.3.
Jista' l-Ministru jgħid meta l-Kunsill Lokali ta' Sannat ser jibda l-proġett ta' riġenerazzjoni ta' Pjazza Santa Margerita, kemm ser jiswa dan il-proġett, min iffinanzjah u meta tali proġett għandu jitlesta?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali Ta’ Sannat li wara li l-Kunsill ħareġ it-tender tal-proġett ta' riġenerazzjoni ta' Pjazza Santa Margerita, bħalissa għaddej bl-evalwazzjoni tal-offerti. Għaldaqstant, il-prezz tal-kuntratt għal dan il-proġett għadu ma ġiex determinat. Dan il-proġett se jkun iffinanzjat mill-Ministeru għal Għawdex.
Fid dawl ta’ kelb li allegatament miet wara li kien għall-grooming, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-groomers għandhomx jiġu regolarizzati kif anke ġie issuġġeriet mill-Kummissarju tal-Annimali?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-Gvern diġa’ qed jaħdem sabiex jirregola din il-professjoni. Filfatt, diġa’ ġie preparate abbozz dwar ir- regolamentazzjoni ta’ din il-professjoni mill-Veterinary Surgeons Council u bħalissa għaddejja konsultazzjoni mal-partijiet interessati.
Jista’ l-Ministru jagħti spjegazzjoni kif wara biss ftit ġimgħat li saret Triq Port Ruman fil-Mellieħa minn Infrastructure Malta, din sfrondat (hekk kif jidher fir-ritratt anness)?
Response (BORG, IAN)
Hija ħasra li hawn deputati li kif jaraw kumment jew ritratt fuq Facebook jiġu jiġru jagħmlu mistoqsija parlamentari ħalli jidhru li qed jagħmlu xi ħaġa, bla ma l-ewwel jagħmlu mqar ftit riċerka ba¿ika biex jivverifikaw il-fatti, f’tellieqa ma’ membri parlamentari u kandidati oħra biex jidhru li huma “ħadu azzjoni” l-ewwel. Dan qed iwassal għal ħafna ħela ta’ riżorsi sabiex jiġu ċċekkjati allegazzjonijiet inkorretti, jew sabiex tinġabar informazzjoni bba¿ata fuq mistoqsijiet b’tagħrif żbaljat.
Nixtieq nibda billi ninforma lill-Onorevoli Cutajar li l-Mellieħa m’hemm l-ebda triq jisimha Triq Port Ruman. Toroq b’dan l-isem jinsabu f’San Pawl il-Baħar u f’Marsaxlokk.
Jista’ jkun li l-Onorevoli Cutajar qed jirreferi għal Triq il-Wied ta’ Ruman, imsemmija għal wied fil-Mellieħa li m’għandha xejn x’taqsam mal-portijiet tar-Rumani.
Jekk fil-fatt qed jirreferi għal Triq il-Wied ta’ Ruman, allura nixtieq ninforma lill-Onorevoli Cutajar li din it-triq ma saritx minn Infrastructure Malta “biss ftit ġimgħat” ilu kif qed jallega, iżda bejn l-2013 u l-2014, xi tmien snin ilu, meta Infrastructure Malta lanqas biss kienet teżisti.
Fl-aħħarnett, jidher li dan l-aħħar fi Triq il-Wied ta’ Ruman kien hemm ħsarat f’xi pajpijiet taħt l-art u l-entitajiet konċernati wettqu xi tiswijiet fl-istess triq. Filwaqt li dawn ix-xogħlijiet ma jiffurmawx parti mir-responsabilitajiet ta’ dan il-Ministeru, Infrastructure Malta u Transport Malta qed jitolbu lill-entitajiet li għamlu dawn it-tiswijiet sabiex ji¿guraw li t-triq titreġġa’ lura għall-istat tajjeb li kienet qabel seħħew il-ħsarat fis-servizzi taħt l-art, li jidher li kkawżaw ukoll il-ħsarat li jidhru fl-asfalt ta’ parti żgħira ta’ din it-triq.
Il-Mellieħa – Triq Port Ruman – dokumenti relatati maċ-ċertifikazzjoni tax-xogħlijiet
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokumenti relatati maċ-ċertifikazzjoni tax-xogħlijiet li saru minn Infrastructure Malta fuq Triq Port Ruman fil-Mellieħa?
Response (BORG, IAN)
Nirreferi għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari 21892 tal-istess Seduta. Triq Port Ruman fil-Mellieħa ma teżistix.
Il-Mellieħa – Triq It-Tabib Joseph Grech Attard, Triq il-Barkazza u Triq Għar u Casa — inkonvenjenti
Question
Jista’ l-Ministru jindika meta ser ikun qed jittaffa jew eliminat għal kollox l-inkonvenjent li ilhom isofru għal diversi snin ir-residenti li joqogħdu fit-Triq it-Tabib Joseph Grech Attard, Triq il-Barkazza u Triq Għar u Casa fil-Mellieħa, peress li jinsabu fi stat ħażin u tal-biki hekk kif jidher fit-ritratti annessi?
Response (BORG, IAN)
Permezz ta’ Infrastructure Malta, il-Gvern għaddej bl-akbar investiment li qatt sar fit-toroq Maltin, bil-bini mill-ġdid ta’ mijiet ta’ toroq residenzjali u rurali, fosthom uħud li kien ilhom mitluqin għexieren ta’ snin.
Ninsab infurmat li t-tliet toroq indikati huma toroq residenzjali ġodda li fihom beda jsir l-iżvilupp tal-bini f’dawn l-aħħar snin. Infrastructure Malta ser tibni Triq it-Tabib Joseph Grech Attard wara li jitlestew ix-xogħlijiet meħtieġa ta’ servizzi taħt l-art mill-entitajiet rispettivi. Sadanittant, Triq il-Barkazza u Triq Għar u Casa jkunu jistgħu jinbnew b’wiċċ t’asfalt meta l-iżviluppaturi konċernati jlestu l-formazzjoni tal-istess toroq, hekk kif mitlub minnhom skont il-liġi u skont il-permessi tal-iżvilupp applikabbli.
Jista’ l-Ministru jara li ż-żewġ slielem li s-soltu jkun hemm fix-Xemxija, viċin jetty (kif jidher fir-ritratt anness) fl-akkwati taż-żona magħrufa bħala l-Fekruna jerġgħu jitpoġġew peress li n-nuqqas ta’ dawn iż-żewġ slielem qed joħloq periklu u inkonvenjent għal min jagħżel li jmur jgħum f’din iż-żona popolari?
Response (BORG, IAN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħddi l-informazzjoni meħtieġa lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jara li ż-żewġ slielem li s-soltu jkun hemm fix-Xemxija, viċin jetty (kif jidher fir-ritratt anness) fl-akkwati taż-żona magħrufa bħala l-Fekruna jerġgħu jitpoġġew peress li n-nuqqas ta’ dawn iż-żewġ slielem qed joħloq periklu u inkonvenjent għal min jagħżel li jmur jgħum f’din iż-żona popolari?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma l-Onor. Interpellant li l-slielem ġew mwaħħlin fil-post imsemmi.
Periti biex jivvalutaw proprjetajiet bil-kirjiet pre 95
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm inħatru periti biex jivvalutaw proprjetajiet li huma bil-kirjiet pre 95?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Periti jiġu mqabbda mill-Qorti waqt is-smigħ tal-kawża. Għalhekk l-Awtorità tad-Djar ma qabbdet l-ebda Perit sabiex jagħmel stimi ta' proprjetajiet mikrija qabel l-1 ta' Ġunju 1995.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm proprjetà privata mikrija lill-Gvern fid-dekasteru tiegħu?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Awtorità tad-Djar qed tikri 799 proprjetà madwar il-pajjiż kollu mingħand terzi persuni. Dawn ir-residenzi qed jintużaw għall-akkomodazzjoni soċjali.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm irċeviet kontribuzzjonijiet finanzjarji Malta mingħand l-Unjoni Ewropea sena b'sena mill-2012 'l hawn? Għal-liema proġetti ntefqu dawn il-flus?
Response (ABELA, ROBERT)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kif ninsab nfurmat, lista’ aġġornata ta’ proġetti ffinanzjati mill-programmi tal-Fondi Ewropej għall-perjodu 2014-2020 mill-fondi li ġejjin: Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR); Fond ta 'Koeżjoni (CF); Fond Soċjali Ewropew (FSE), Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), Fond Ewropew Marittimu u tas-Sajd (FEMS), Fond għall-Ażil, Migrazzjoni u Integrazzjoni (AMIF) u Fond għas-Sigurtà Interna (ISF).
Din l-informazzjoni tinsab ukoll fuq is-sit elettroniku: eufunds.gov.mt
Jista’ l-Ministru jindika kemm hemm tfal minn tliet snin ‘l fuq, li qed jgħixu f’familji li jiddependu fuq il-benefiċċji non-kontributorji li joffri l-istat?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ġentilment ninforma lill-Onor Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.
Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali — lista ta' kuntratti li jeċċedu l-€5,000
Question
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-aħħar lista tal-kuntratti li jeċċedu l-€5,000 u l-lista tal-varjazzjonijiet li jaqbżu 5% mill-valur tal-kuntratt mogħtija mill-Ministeru tiegħu u l-entitajiet li jaqgħu taħtu, kif inhuma obbligati illi jippubblikaw kull sitt xhur skont ir-regolament 111(2) ta’ L.S. 601.3?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għall-Gazzetta tal-Gvern tal-ħmistax (15) ta’ Ġunju, fejn il-kuntratti kollha kif mitlub mil-liġi ġew pubblikati.
Jista' l-Ministru jispjega għalfejn il-ħaddiema li jaħdmu mal-kuntrattur u li huma assenjati mal-Gozo Channel (Operations) Ltd, jippanċjaw meta jidħlu u joħorġu mix-xogħol u jridu jibagħtu wkoll it-timesheet lill-kuntrattur u jiġu ppenalizzati jekk jonqsu li jibagħtu t-timesheets fil-ħin?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mhix għad-dispożizzjoni tiegħi, ladarba, kif indika hu stess, din hi parti mill-operat ta’ kumpanija privata.
Minħabba li l-aktar Politika Nazzjonali riċenti kienet pubblikata fl-2008, jista’ l-Ministru jgħid fiex waslet il-Politika Nazzjonali l-ġdida ta’ pajjiżna?
Response (FALZON, MICHAEL)
Nitlob lill-Onor. Interpellanta, sabiex tikkjarifika għal liema Politika Nazzjonali qiegħda tirreferi.
Ċentru ta’ Rijabilitazzjoni mid-Droga għall-Adolexxenti
Question
B’referenza għall-istqarrija PR 211221 “Viċin li jinfetaħ iċ-ċentru ta’ rijabilitazzjoni għall-adolexxenti f’Tal-Ibwar” li ħarġet fis-26 ta’ Ġunju, jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm adoloxxenti li qed jistennew biex jidħlu f’dan iċ-ċentru? Jista’ jgħid ukoll liema huma d-drogi u s-sustanzi li huma l-vizzju ewlieni ta’ dawn iż-żgħażagħ?
Response (FALZON, MICHAEL)
Tweġiba:
Ġentilment ninforma lill-Onor Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.
B’referenza għall-istqarrija PR 211196 “Aktar servizzi speċjalizzati għal żgħażagħ bi problemi ta’ vizzji”, jista’ l-Ministru jgħid jekk ġewx ikkummisjonati studji fuq il-vizzji fiż-żgħażagħ u l-addoloxxenti, biex kif qal il-Ministru stess, nifhmu aħjar il-gravità tas-sitwazzjoni tal-vizzji f’pajjiżna?
Response (FALZON, MICHAEL)
Tweġiba:
Ġentilment ninforma lill-Onor Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.
B’referenza għall-istqarrija PR 211196 “Aktar servizzi speċjalizzati għal żgħażagħ bi problemi ta’ vizzji”, jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni fuq is-servizz Youth in Focus?
Response (FALZON, MICHAEL)
Tweġiba:
Ġentilment ninforma lill-Onor Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.