B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 21788, tista’ l-Ministru tgħid kemm mir-rakkomandazzjonijiet li investiga dwarhom l-Ombudsman, dwar materji li jikkonċernaw l-edukazzjoni u l-edukaturi, ġew adottati jew rifjutati mill-Ministeru għall-Edukazzjoni? Liema huma r-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman li ġew aċċettati u liema ġew rifjutati? X’inhi r-raġuni f’kull każ? Tista’ tagħti din l-informazzjoni għall-aħħar ħames snin?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma l-Onor. interpellant li din hi informazzjoni li diġà hija pubblika fir-rapport annwali li jippubblika l-istess Uffiċċju tal-Ombudsman.
Fuq il-każijiet tas-sena 2021, għadhom qegħdin fil-proċess ta’ evalwazzjoni.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk hux minnu li s-San Miguel Resource Centre se jiċċaqlaq mis-sit tiegħu? Fejn se jkun is-sit il-ġdid? X’inhi r-raġuni ta’ din iċ-ċaqliqa? X’inhuma l-benefiċċji u l-iżvantaġġi ta’ din iċ-ċaqliqa? Il-ġenituri ġew ikkonsultati dwar din iċ-ċaqliqa?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kien wasal iż-żmien li jkun hemm il-bini ta' skola primarja kompletament ġdida għal tfal u studenti li jkollhom ħtiġijiet edukattivi speċjalizzati. Din l-iskola se tinbena f'Bulebel fiż-Żejtun, li se tkun l-ewwel waħda f'pajjiżna mibnija apposta bħala skola speċjalizzata għal tfal bi ħtiġijiet edukattivi speċjalizzati, se tinkludi klassijiet u playrooms, pixxina terapewtika fuq ġewwa, gym speċjalizzat, spazju għall-fiżjoterapija, kmamar fejn l-edukaturi jiltaqgħu mal-ġenituri, quiet rooms, u swali għal użi differenti. L-iskola se jkollha wkoll playground fil-miftuħ li se jinkludi spazji għal-logħob u għar-rikreazzjoni.
Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi – ħinijiet ta’ skola
Question
Tista’ l-Ministru tgħid liema huma l-iskemi u l-programmi li l-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi toffri biex tikkumplimenta s-sigħat ta’ ħinijiet ta’ skola normali, inkluż is-sajf? Tista’ tgħid jekk dawn is-sigħat kumplimentari japplikawx ukoll għal tfal li jattendu r-resource centres? Jekk dan mhux il-każ, tista’ tgħid għaliex? Ma taħsibx il-Ministru li din hija diskriminazzjoni kontra tfal b’diżabilità? Jekk dan mhux il-każ, tista’ l-Ministru tara li dan is-servizz jidħol anke għal dawn it-tfal?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma l-Onor. Interpellant li l-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi toffri s-servizz ta’ Skolasajf u Klabb 3-16. Dan is-servizz jiġi offrut għal kull tifel u tifla.
Ir-Resource Centres joffru wkoll dan is-servizz u bħalissa l-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi qiegħda tagħmel studju biex tevalwa d-domanda u l-loġistika neċessarja biex is-servizz fir-Resource Centres f’Malta jiġi estiż mit-Tnejn sal-Ġimgħa waqt Skolasajf 2022.
B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 21328, jista’ l-Ministru jindika l-ismijiet u l-email addresses tal-uffiċinili huma responsabbli taċ-Ċentri/Servizzi fil-Komunità?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ġentilment ninforma lill-Onor Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.
Servizz ta’ Family Therapy fil-qasam tas-saħħa mentali
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk fil-qasam tas-saħħa mentali hemmx is-servizz importanti tal-Family Therapy biex jiġu megħjuna persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali u l-membri kollha tal-familja?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi interventi ta' Family Therapy jiġu offruti fi ħdan id-Dipartiment tal-Psikloġija fil-qasam tas-Saħħa Mentali lill-familji li jiġu referuti għal dan is-servizz.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jindika kemm hemm psychiatric outpatients f’kull klinika imsemmija fir-risposta tal-mistoqsija parlamentari 26865 u li qed jgħixu d-dar waħedhom?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi hafna drabi pazjenti li jgħixu waħedhom jiġu rreferuti f’Outreach Teams biex b’hekk ikunu segwiti iktar fil- kura tagħhom.
Ħlas lill-GPs meta jinvistaw pazjenti fil-komunità
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jindika kemm huwa n-numru ta’ tobba tal-familja li qed jinvistaw pazjenti b’nuqqas ta’ saħħa mentali skont l-iskema diskussa u kemm qegħdin jitħallsu għal dan is-servizz mill-Ministeru?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi din l-iskema qed tiġi riveduta fid-dawl ta’ servizzi ġodda fil-komunita’ u li se jitħabbru dalwaqt.
Jista' l-Ministru jgħid meta beda x-xogħol fuq Triq l-Imgħallem, Victoria, kemm hu previst li ser jiswa dan ix-xogħol u meta suppost jitlesta dan ix-xogħol u t-triq tinfetaħ għall-pubbliku?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol fuq Triq l-Imgħallem, fil-Belt Victoria beda f’Ottubru 2020. Ix-xogħol fuq din it-triq hu previst li se jiswa’ madwar €850,000. Din it-triq għandha titlesta u tinfetaħ għall-pubbliku, fl-aħħar ta’ Lulju 2021 dejjem jekk ma jinstabux fdalijiet jew oġġetti ta’ mportanza arkaeoloġika jew ta’ wirt kulturali waqt it-tħaffir.
Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju wasal ix-xogħol tal-bini tal-Mużew ġdid f'Għawdex u meta hu previst illi l-mużew jinfetaħ għall-pubbliku?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-proġett qed isir mill-Ministeru għal Għawdex. Heritage Malta ser tkun ta’ kollaborazzjoni fl-aspetti tal-mużew. Aspetti ta’ bini għandhom jigu indirizzati lill-Ministeru għal Għawdex
Għawdex – Xlendi – reperti arkeoloġiċi li nstabu f’qiegħ il-baħar
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fejn qed jinżammu r-reperti arkeoloġiċi li nstabu f'qiegħ il-baħar fejn inkalja l-bastiment Puniku 'l barra mix-Xlendi, Għawdex? Xi pjanijiet hemm sabiex dan il-bastiment jittella’ fil-wiċċ u fejn hu ppjanat li dak kollu li jiġi rkuprat minn dan is-sit arkeoloġiku jinżammu fil-futur?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi s-Sovrantendenza tal-Wirt Kulturali tieħu ħsieb, flimkien ma’ Heritage Malta, u f’dan il-ka¿ anke mal-Universita’ ta’ Malta, sabiex jaħznu u jikkonservaw dawn l-artefatti, bħal kull artefatt storiku ieħor. Madankollu għadu wisq bikri sabiex wieħed jitkellem fuq pjanijet sabiex jittella dan il-bastiment.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 21528 u jgħid fejn u meta nżamm is-summit dwar l-Intelliġenza Artifiċjali f'Għawdex li għall-organizzazzjoni tiegħu, il-Ministeru għal Għawdex ta €100,000 (Direct Order approvata fit-23 ta' Settembru 2019)? Min kien eliġibbli li jattendi għal dan is-summit, x'kienet l-attendenza tiegħu u x'benefiċċju ħareġ minnu?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-Summit dwar l-intelliġenza artifiċjali f'Għawdex ġie mtella fil-Gozo Innovation Hub ix-Xewkija bejn is-6 u s-7 ta’ Novembru 2019. Għal dan is-summit seta’ jattendi kull min kien impjegat jew interessat fis-settur tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni. Fit-tieni ġurnata tas-Summit - iġifieri nhar is-7 ta’ Novembru 2019 - saru sezzjonijiet ta’ informazzjoni għall-studenti tal-primarja, tal-IT u dawk li jsegwu suġġetti tal-business minn istuzzjonijiet tal-Edukazzjoni f’Għawdex. Għal dawn il-jumejn tas-summit attendew aktar minn 1,000 ruħ u l-benefiċċju kien li l-parteċipanti u kif ukoll l-studenti setgħu jaraw u jiddiskutu suġġetti tal-AI u ta’ xjenzi differenti.
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 21099, jista’ l-Ministru jgħid dawn l-addozzjonijiet għaddewx minn proċess li jinvolvi l-Aġenzija Appoġġ?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li iż-żewġ addozzjonijiet imsemmija ġew ipproċessati mill-Aġenzija Tama.
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 21680, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jagħti time-frame ta’ meta se titlesta l-evalwazzjoni biex tittieħed deċiżjoni daqshekk importanti fuq l-użu tas-CGMs għall-persuni kollha li huma insulin dependent?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi dan il-proċess huwa wieħed kompetittiv u għalhekk jimxi skont ir-regoli u l-proċess tal-public procurement.
Minħabba li l-Abbozz 82 fuq l-introduzzjoni ta’ krematorju f’pajjiżna ġie diskuss f'April u Mejju 2019 u sar liġi fid-29 ta' Mejju 2019, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid fiex wasal il-pjan għall-introduzzjoni ta’ krematorju u servizzi anċillari f’Malta?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi wara li titlesta, fix-xhur li ġejjin l-estenzjoni taċ-ċimiterju tal-Addolorata, il-gvern bi ħsiebu jvara l-proġett tal-krematorju.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kien hemm suwiċidji f’pajjiżna maqsuma sena b’sena mill-2015 sal-2021?? Kemm minnhom kienu nisa u kemm irġiel?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi skont ir-Reġistru Nazzjonali tal-Imwiet, in-numru ta' persuni residenti f’Malta u Għawdex li mietu b’suwiċidju mill-2015 sal-2020 skont is-sess tal-persuna huwa skont it-tabella t’hawn taħt.
Sena
Irġiel
Nisa
Total
2015
27
7
34
2016
19
5
24
2017
20
5
25
2018
20
2
22
2019
22
1
23
2020
14
9
23
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm suwiċidji f’pajjiżna, maqsuma sena b’sena mill-2015 sal-2021,? Kemm minnhom kienu nisa u kemm irġiel?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat mill-ewwel ta’ Jannar 2015 sa tlettin ta’ Ġunju 2021, il-pulizija rreġistrat 162 każ ta’ suwiċidju. Min dawn 131 persuna kienu ta’ sess maskili filwaqt li 31 persuna kienu femminili. Fl-2015 kien hemm 7 nisa u 29 ir-raġel, fl-2016 kien hemm 3 nisa u 18 -ir raġel, fl-2017 kien hemm 5 nisa u 20 raġel, fl-2018 kien hemm 3 nisa u 19 -ir raġel, fl-2019 kien hemm 2 nisa u 19 -ir raġel, fl-2020 kien hemm 7 nisa u 15 ir-raġel u din is-sena sa’ issa kien hemm 4 nisa u 11 -ir raġel.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk u meta se jitkompla l-proġett tal-hub tad-diżabilità qrib it-Trade Fair grounds fin-Naxxar? Tista’ tgħid ukoll jekk il-proġett tal-istess hub fin-Naxxar hux se jiġi finanzjat (parti jew sħiħ) minn Fondi Ewropej? Jekk iva, tista' tgħid jekk il-fondi u l-proġett fil-fatt ġewx approvati mill-Unjoni Ewropea u jekk kienx hemm oġġezzjonijiet għal dan il-proġett minn organizzazzjonijiet u entitajiet mill-Unjoni Ewropea?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett REACH fin-Naxxar ser ikun qed jitkompla hekk kif ikunu finalizzati l-proċeduri legali preżenti. Dan il-proġett mhux finanzjat minn Fondi Ewropew iżda minn fondi nazzjonali skont kif dikjarat f’Mistoqsija Parlamentari numru 16240. Il-pjanijiet għall-proġett REACH għaddew minn proċess ta’ konsultazzjoni ma’ diversi imsieħba soċjali u organizzazzjonijiet u entitajiet kemm fuq livell lokali kif ukoll fuq livell Ewropew. Din il-konsultazzjoni hi proċess regolari sabiex ikun assigurat li l-proġett ikun konformi ma’ leġislazzjonijiet u standards lokali u internazzjonali waqt li jkunu salvagwardjati d-drittijiet tal-persuni b’diżabilità.
B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 21844, jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jinforma lill-Kamra jekk humiex ser jitressqu emendi għall-Att dwar id-Dipendenza fuq id-Droga (Trattament mhux Priġunerija) u meta dawn l-emendi sejrin jitressqu, sabiex il-liġi Maltija tiġi f’konformità mal-pożizzjoni li ħadet il-Kummissjoni Ewropea fejn f’Diċembru 2020 ħabbret li l-Cannabidiol la huwa sustanza narkotika u l-anqas droga fit-tifsira tal-Konvenzjoni Unika tan-Nazzjonijiet Uniti dwar Drogi Narkotiċi tal-1961, iżda għandu jitqies bħala ikel, dan f’konformità mad-Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea tad-19 ta’ Novembru 2020 fil-każ C-663/18?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-liġi tal-Unjoni Ewropeja ma timponi l-ebda obbligu fuq l-Istati Membri sabiex jippermettu importazzjonijiet ta’ sustanzi derivati mill-pjanta cannabis, bħal ma huwa l-Cannabidiol. Dan jibqa’ strettament fid-diskrezzjoni tal-Istati Membri, hekk kif ikkonfermat il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fis-sentenza tagħha fil-Kawża C-663/18 B S & C A.
Ċitazzjonijiet lill-persuni li kienu taħt l-effett tal-alkoħol
Question
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 21769, jista' l-Ministru jgħid kemm-il ċitazzjoni nħarġet lill-persuni li kienu taħt l-effett tal-alkoħol minn mindu ħarġet il-by-lawli tiprojbixxi x-xorb?
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokumentazzjoni sħiħa tal-korrispondenza li għaddiet mill-Financial Action Task Force (FATF) u l-Gvern Malti u li magħha għandha tinkludi wkoll ir-rapport dettaljat tal-istess FATF bl-action plan irrakkomandat minnha fil-konfront ta’ pajjiżna?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi, kemm skont ir-regoli tal-FATF kif ukoll il-liġijiet tagħna, id-dokumentazzjoni mitluba hija ta’ natura sensittiva u kunfidenzjali ħafna u ma tistax tiġi zvelata.
Izda, nixtieq niġbed l-attenzjoni tal-Onorevoli Interpellant illi l-
action plan
imsemmi ġie ppubblikat mill-FATF fil-25 ta’ Gunju 2021 u qiegħed fuq is-sit elettroniku tagħhom.