Legislature:
Category:
Reset
Active:

Work Benefit – każ ta’ persuna

Question

Jista’ l-Ministru ġentilment jara għaliex il-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament li hija single mother u trabbi żewġ ulied, għadha ma ħaditx il-Work Benefit la ta’ April u qed jgħidulha li lanqas mhu se tieħu ta’ Lulju għaliex qegħdin lura u għadhom qed jinħadmu? Billi għal din is-single mother dawn il-flus ikunu ppjannati diġà x’se tħallas bihom, jista’ ġentilment jara hux possibbli li jinħadmu u jingħataw lil din il-persuna?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-persuna li d-dettalji dwarha ingħattaw b’mod separat, dalwaqt se titħallas l-In-Work Benefit dovut.

Qtugħ tad-dawl f’Ħal Qormi u s-Siġġiewi

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’kien il-kaġun tal-qtugħ fil-provvista tad-dawl fil-jiem ta’ bejn it-28 ta’ Ġunju u l-1 ta’ Lulju, iż-żewġ dati inklużi, f’numru ta’ lokalitajiet fosthom Ħal Qormi u s-Siġġiewi?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-qtugħ fil-provvista tad-dawl ġie kkaġunat minn ħsarat fis-sistema ta’ distribuzzjoni. L-inġiniera tan-Network ikunu qed jissorveljaw is-sistemi b’mod kostanti biex itejbu l-mod kif jitqassam il-load fuq is-sitemi tal-ġenerazzjoni kif ukoll jaraw il-prestazzjoni tas-sistema tad-distribuzzjoni b’mod real-time.

Central Link Project – underpass

Question

Jista' l-Ministru jgħid għalfejn kellha tiżdied underpass f'dan l-istadju tal-proģett tas-Central Link u anke b'kemm issa se jiżdiedu l-ispejjeż proģettati minħabba din l-underpass?

Response (BORG, IAN)

Huwa ta’ sodisfazzjon li ninnutaw li l-istess Oppożizzjoni li tant ħadmet biex Central Link Project, l-investiment għal toroq aħjar u arja aktar nadifa f’Ħ’Attard, Ħal Balzan u Birkirkara, jitħalla fuq l-ixkaffa għal għexieren ta’ snin issa qed juru interess f’diversi aspetti ta’ dan l-investiment. Dan il-Gvern m’huwiex Gvern li warrab il-karba tar-residenti f’dawn il-lokalitajiet, li għal snin twal sfaw priġunieri f’darhom stess kull filgħodu bi sriebet twal ta’ traffiku joħonqu t-toroq ewlenin, u t-toroq residenti madwarhom, madwar id-djar tagħhom, minħabba n-nuqqas t’investiment fl-infrastruttura tal-ivvjaġġar taħt amministrazzjonijiet preċedenti. Tajjeb niftakru li l-aħħar investiment infrastrutturali f’dawn l-inħawi kien meta Gvern preċedenti iddeċieda li jdejjaq din ir-rotta ewlenija fiċ-ċentru tal-pajjiż għal korsija kull direzzjoni, b’central strips tant wiesa li fuqhom saħansitra kien hemm min fassal helipad. Fl-istess waqt, ir-rotta mtliet b’madwar erba’ sistemi ta’ traffic lights, li maż-żmien ma baqgħux kapaċi jlaħħqu mad-domanda tal-ivvjaġġar u kienu jikkawżaw ħafna tniġġis tal-arja u ħela ta’ ħin. Permezz ta’ Central Link Project, il-Gvern qed juri li lest jinvesti bis-saħħa sabiex joħloq ambjent aħjar għar-residenti ta’ dawn il-lokalitajiet, filwaqt li jtaffi d-diffikultajiet fl-ivvjaġġar għal eluf ta’ persuni oħra li ta’ kuljum jgħaddu minn dawn l-inħawi. Central Link Project huwa investiment ta’ €55 miljun biex inaqqas il-ħin tal-ivvjaġġar, ir-riskji t’aċċidenti u t-tniġġis ikkaġunat mill-konġestjoni tul il-ħolqa ta’ rotot arterjali prinċipali fiċ-ċentru ta’ Malta, waqt li joħloq spazji aktar siguri għal mezzi tal-ivvjaġġar alternattivi f’din il-parti tal-Imrieħel, Birkirkara, Ħal Balzan, Ħ’Attard u Ta’ Qali. Ix-xogħlijiet fuq Central Link Project bdew f’Jannar tas-sena l-oħra u l-proġett huwa mfassal fuq pjanijiet li kienu parti mill-Pjan Lokali għaċ-Ċentru ta’ Malta tal-2006 li baqgħu qatt ma ġew imwettqa. Ħmistax-il sena ilu, dan il-Pjan diġà kien identifika l-konġestjoni fi Triq l-Imdina, Triq in-Nutar Zarb u toroq oħrajn fil-madwar bħala problema kbira għal Ħ’Attard u lokalitajiet oħrajn fil-viċin. Infrastructure Malta tejbet il-pjanijiet tal-2006 biex trendihom aktar effiċjenti u sostenibbli għal aktar tul ta’ żmien u biex tnaqqas l-impatti mhux mixtieqa fuq l-art tal-madwar. Fl-istess waqt, żiedet ukoll infrastruturra ġdida għal dawk li jagħmlu użu mit-trasport pubbliku jew jivvjaġġaw bil-mixi jew bir-rota, faċilitajiet li bħalissa huma kważi ineżistenti f’din iż-żona. Il-proġett qed inaqqas il-ħin tal-ivvjaġġar bin-nofs billi jinbnew mill-ġdid 13-il junction, jitneħħew erba’ sistemi ta’ traffic lights u jiżdiedu aktar minn seba’ kilometri f’korsiji ġodda tul din ir-rotta ta’ 4.3 kilometri. Qed jintroduċi wkoll diversi faċilitajiet għall-mezzi tal-ivvjaġġar alternattivi, fosthom aktar minn 10 kilometri f’bankini u passaġġi siguri għall-mixi, faċilitajiet maqtugħin mit-triq biex taqsam minn naħa għall-oħra, faċilitajiet aħjar għal dawk li jivvjaġġaw b’tal-linja u l-itwal korsija għar-roti mifruda mit-triq li se jkun hawn fil-pajjiż. Matul ir-rotta tal-proġett, Infrastructure Malta qed tiżviluppa wkoll aktar minn 24,000 metru kwadru f’żoni ġodda msebbħin bis-siġar u l-pjanti. L-istudji dwar il-kwalità tal-arja li saru minn esperti indipendenti matul l-istadju tal-ippjanar tal-proġett juru li bl-eliminazzjoni tal-konġestjoni ta’ bħalissa fit-toroq u l-junctions fl-inħawi, dan l-investiment se jwassal għal titjib kbir fil-kwalità tal-arja f’diversi żoni residenzjali tal-madwar fl-Imrieħel, Birkirkara, Ħal Balzan u Ħ’Attard. Fil-fatt, il-proġett se jwassal għal tnaqqis fil-materja partikolata (trabijiet fini) sa 66% sal-2030, anke meta tikkunsidra ż-żidiet fil-ħtiġijiet tal-ivvjaġġar fil-futur. Bl-istess mod, l-emissjonijiet tad-dijossidu tan-nitroġenu jonqsu b’41%. Il-materja partikulata u d-dijossidu tan-nitroġenu huma l-iżjed żewġ fatturi prinċipali tat-tniġġis mill-vetturi, u waħda mill-kawżi ewlenin ta’ mard respiratorju. Filwaqt li Central Link Project tfassal wara konsultazzjoni wiesa, u wara li saru studji minn esperti indipendenti f’oqsma tekniċi u ambjentali differenti, dan ma jfissirx li Infrastructure Malta issa qed twettaq il-proġett bla ma tkompli tisma’ lil dawk li jkollhom suġġerimenti jew tħassib, u mingħajr ma tqis it-tibdil kostanti fil-ħtiġijiet u l-opportunitajiet ta’ dawn l-inħawi sabiex tiżgura li l-investiment fl-infrastruttura ta’ pajjiż ikun l-aħjar possibbli u li jservi l-aktar fit-tul. Hija prassi ta’ Infrastructure Malta li tkompli tilqa’ suġġerimenti, u tkompli tqis metodi ta’ kif tista’ twettaq il-proġetti tagħha bl-aħjar mod anke waqt l-implimentazzjoni. B’hekk tiżgura li l-infrastruttura li toħloq tibqa’ taqdi l-iżvilupp soċjali u ekonomiku ta’ pajjiżna għal aktar snin, sabiex nieħdu aktar valur għal dan l-investiment. Huwa għalhekk li filwaqt li permezz ta’ Central Link Project ser jitneħħew it-traffic lights ta’ bejn Triq l-Imdina u l-Bypass tal-Imrieħel (maġenb l-MFSA) biex minflokhom issir roundabout b’sistema ta’ bypass lanes, wara aktar konsultazzjoni u kunsiderazzjoni, il-periti ta’ Infrastructure Malta raw opportunità li jkomplu jtejbu s-sigurezza ta’ din il-junction permezz ta’ mina qasira. Din il-mina se tieħu post korsiji li diġa kienu ppjanati f’Central Link Project, iżda kienu se jgħaddu mir-roundabout il-ġdida. Il-mina ser tgħaqqad b’mod dirett il-korsiji fid-direzzjoni minn Ħal Balzan lejn l-Imrieħel, sabiex dawk li jkunu qed jivvjaġġaw f’din ir-rotta ma jkollhomx għalfejn iduru mar-roundabout. B’hekk ir-roundabout ikollha inqas vetturi jaqsmu kontra xulxin ħalli jonqsu r-riskji t’aċċidenti. Fl-istess waqt, b’din il-mina, ir-rotta se ssir aktar effiċjenti, sabiex tkompli tilqa’ għall-ħtiġijiet tal-ivvjaġġar tal-futur, b’mezzi differenti. Peress li din ir-roundabout ġdida se tkun ukoll konnessjoni importanti anke għal dawk li jivvjaġġaw f’dawn l-inħawi bil-mixi jew bir-rota, sabiex jaqsmu bejn Ħal Qormi, l-Imrieħel, Birkirkara, Ħal Balzan u Ħaż-Żebbuġ, inħass li din il-mina qasira tista’ tnaqqas il-volum ta’ karozzi li jgħaddi mill-istess roundabout u għalhekk din tkun aktar sigura għal faċilitajiet ta’ vvjaġġar alternattiv, fosthom punti ta’ qsim pedonali li jwasslu għall-korsiji ġodda għall-mixi u r-roti tal-istess proġett. Peress li ħafna mix-xogħol sabiex issir il-mina xorta waħda kien se jsir bħala parti mill-proġett, bħal pereżempju l-bini tal-korsiji ġodda li se jgħaddu minnha u sistemi oħra relatati, dan it-titjib fil-proġett m’huwiex ser iżid l-ispiża ta’ Central Link Project mill-istima oriġinali allokata għal dan l-investiment. Fil-fatt, Infrastructure Malta qed taħdem sabiex minkejja l-bini ta’ din il-mina, il-proġett xorta waħda jitlesta b’inqas spejjeż minn kemm oriġinarjament stmat. Bħal ma jiġri normalment f’sitwazzjonijiet bħal dawn, ix-xogħol tal-mina ġie allokat lill-istess kuntratturi li rebħu s-sejħa għall-offerti pubblika għal Central Link Project u li diġa wettqu ħafna xogħlijiet f’din iż-żona, fosthom l-ewwel korsiji tal-junction tar-roundabout li se tinkludi wkoll il-mina. B’hekk jiġi żgurat li x-xogħol isir b’aktar ħeffa u b’kordinazzjoni aħjar. Fl-istess waqt, peress li l-kuntratturi huma l-istess, jonqsu r-riskji ta’ diffikultajiet legali u amministrattivi f’każ li fil-futur ikun hemm bżonn li l-Gvern jirrikorri għall-garanziji marbuta mal-istess xogħlijiet, bħal pereżempju meta jinstab li xi xogħol ma laħaqx l-istandards meħtieġa jew meta jiżviluppaw ħsarat. Il-Gvern huma determinat li jkompli jaħdem bil-għaqal, b’effiċjenza u b’determinazzjoni, sabiex pajjiżna jkollu l-infrastruttura ta’ kwalità li jixraqlu, bl-aħjar valur għal kull investiment pubbliku.

Central Link Project – underpass

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min se jagħmel ix-xogħol biex tiżdied din l-underpass u anke detallji tal-proċess ta' kif intgħażlu dawn l-individwi jew kumpaniji?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 21953 tal-istess Seduta.

Enemalta – direct orders lill-kumpanija

Question

Tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-ammonti f’direct orders separati mogħtija mill-Enemalta lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament mill- 2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba l-mistoqsija?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali — konsulenza fuq public relations jew komunikazzjoni - nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jelenka kemm intefqu flus mill-Ministeru tiegħu u kull entità u dipartiment li jaqa’ taħtu, għal konsulenza fuq public relations jew komunikazzjoni, minn Marzu 2013 sal-jum li fih din l-interpellanza tkun imwieġba, maqsuma sena b’sena?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Ministeru tal-Ġustizzja li taħtu kienu jaqgħu l-entitajiet li llum il-ġurnata jagħmlu parti mill-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, kien poġġa fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba sal-31 ta’ Diċembru 2019 permezz tar-risposta għal Mistoqsija Parlamentari 12712. It-tagħrif mitlub mill-2020 ‘il quddiem hu kif ġej: Kottonera Foundation 2020 €8,101.00 VAT Eskl. Teatru Manoel 2020 €4,436.73 VAT Eskl. 2021 €12,560.93 VAT Eskl. Malta Philharmonic Orchestra 2020 €5,084.74 VAT Eskl. 2021 €5,593.22 VAT Eskl. Festivals Malta 2020 €29,062.82 VAT Eskl. 2021 €8,060.80 VAT Eskl.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali — konsulenza fuq public relations jew komunikazzjoni - nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jelenka kemm intefqu flus mill-Ministeru tiegħu u kull entità u dipartiment li jaqa’ taħtu, għal konsulenza fuq public relations jew komunikazzjoni, minn Marzu 2013 sal-jum li fih din l-interpellanza tkun imwieġba, maqsuma sena b’sena?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba mogħtija fuq PQ 2402 f'Seduta 122, waqt li l-kumplament tal-informazzjoni qed tiġi miġbura.
Leg 13 PQ #21053 Sitting 485 2021-07-06 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — konsulenza fuq public relations jew komunikazzjoni - nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jelenka kemm intefqu flus mill-Ministeru tiegħu u kull entità u dipartiment li jaqa’ taħtu, għal konsulenza fuq public relations jew komunikazzjoni, minn Marzu 2013 sal-jum li fih din l-interpellanza tkun imwieġba, maqsuma sena b’sena?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u se tingħata f’xi seduta oħra.

Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal — konsulenza fuq public relations jew komunikazzjoni - nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jelenka kemm intefqu flus mill-Ministeru tiegħu u kull entità u dipartiment li jaqa’ taħtu, għal konsulenza fuq public relations jew komunikazzjoni, minn Marzu 2013 sal-jum li fih din l-interpellanza tkun imwieġba, maqsuma sena b’sena?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment ninforma lill-Onor Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.

Ministeru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru — konsulenza fuq public relations jew komunikazzjoni - nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jelenka kemm intefqu flus mill-Ministeru tiegħu u kull entità u dipartiment li jaqa’ taħtu, għal konsulenza fuq public relations jew komunikazzjoni, minn Marzu 2013 sal-jum li fih din l-interpellanza tkun imwieġba, maqsuma sena b’sena?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-2020 l-ispiża kienet ta’ €15,210, waqt li s’issa fl-2021 l-ispiża hi ta’ €8,586.

Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali — konsulenza fuq public relations jew komunikazzjoni - nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jelenka kemm intefqu flus mill-Ministeru tiegħu u kull entità u dipartiment li jaqa’ taħtu, għal konsulenza fuq public relations jew komunikazzjoni, minn Marzu 2013 sal-jum li fih din l-interpellanza tkun imwieġba, maqsuma sena b’sena?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mindu twaqqaf dan il-Ministeru fl-2020, ma kien hemm l-ebda spiża kif qed jiġi ssuġġerit.
Leg 13 PQ #21725 Sitting 485 2021-07-06 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – Triq il-Pitkalija — asfalt

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 18907 li ngħatat fis-16 ta' Frar 2021 fejn ingħad fit-tweġiba li 'fil-ġimgħat li ġejjin mistennija tingħata' t-tieni kisja asphalt (wearing course) lil Triq il-Pitkalija ġewwa x-Xewkija Għawdex’ jista’ l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li għaddew iktar minn tliet xhur u nofs u din l-imsemmija triq għadha b'kisja waħda asphalt?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol mistenni jsir fil-ġimgħat li ġejjin.

Għawdex – Bajjiet magħluqa għal għawm

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema bajjiet ġewwa Għawdex ġew magħluqa u ddedikati għall-għawm sabiex in-nies b’mod partikolari t-tfal, jgħumu f’ambjent aktar sigur? Jista’ jgħid liema bajjiet fadal ġewwa Għawdex jiġu magħluqa biex ikunu iddedikati għall-għawm għan-nies, u meta ser jingħalqu?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Awtorita’ tat-Trasport li dawn il-bajjiet f’Għawdex huma magħluqa: · Mġarr Xini · Bajja ta’ Xlendi · Bajja tal-Qbajjar · Bajja ta’ Ramla · Ħondoq Ir-Rummien · Bajja ta’ Marsalforn
Leg 13 PQ #21727 Sitting 485 2021-07-06 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Santa Marta Day Centre — Tender għal Meals on Wheels Service

Question

B’referenza għat-tender li ħarġet reċentement mill-Ministeru tiegħu li hi 'CT2475/2020 - Tender for the Provision and Distribution of Meals on Wheels Service to Eligible Persons living within the Community in Gozo and to Service Users at Santa Marta Day Centre Victoria Gozo' jista’ l-Ministru jgħid min fil-passat kien joffri dan is-servizz u min fil-preżent qed jagħti dan is-servizz? Jista’ jgħid kemm kienet l-ispiża fuq provvista u distribuzzjoni ta' dan is-servizz sena b'sena mit-2013 sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u se tingħata f’xi seduta oħra.

Sptar Ġenerali ta’ Għawdex – twelid ta’ trabi

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm-il twelid kien hemm fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex kull sena mis-sena 2016 sas-sena 2021? Jista’ jgħid minn dawn it-twelid kemm minnhom kienu ta’ ġenituri li t-tnejn kienu ċittadini Maltin? Kemm minnhom kienu ta’ ġenituri li huma t-tnejn ta’ ċittadinanza barranija u kemm minnhom kienu ta’ ġenituri li wieħed jew waħda huma ċittadini Maltin u l-ġenitur l-ieħor huwa ċittadin barrani?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-perjodu bejn Jannar 2016 u l-aħħar ta’ Diċembru 2020 ġew irreġistrati li twieldu 1,468 tarbija fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. Fl-2016 twieldu 314 tarbija, fl-2017 242, fl-2018 279, fl-2019 303 filwaqt li fl-2020 330. In-nazzjonalita’ ta’ kemm l-omm u l-missier bdiet tiġi rreġistrata fis-Sistema NOIS (Is-sistema Nazzjonali ta’ Informazzjoni dwar l-Obstetrija) fis-sena 2018. It-tabella t’hawn taħt turi d-dettali tan-nazzjonalita’ tal-ġenituri ta’ dawn it-trabi ġodda li twieldu fl-isptar Ġenerali t’Għawdex. Numru ta’ twelid fl-isptar Ġenerali t’Għawdex 2018 2019 2020 Ġenituri li t-tnejn kellhom nazzjonalita’ Maltija. 237 258 256 Ġenituri li huma t-tnejn ta’ nazzjonalita’ barranija. 18 26 36 Ġenituri li wieħed jew waħda huma ta’ nazzjonalita’ Maltija u l-ġenitur l-ieħor huwa ta’ nazzjonalita’ barranija. 20 15 32 Twelid fejn in-nazzjonalita’ tal-ġenitur ma ġietx irraportata 4 4 6
Leg 13 PQ #21729 Sitting 485 2021-07-06 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – Farm Roads — konkos

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm u f'liema lokalitajiet ġewwa Għawdex, u jagħti l-isem tat-triq u kemm kien it-tul u l-wisa’, fejn saru 'farm roads' bil-konkos mill-ħaddiema fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex mill-1 ta' Jannar 2021 sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari biex jitjieb l-aċċess għall-bdiewa u għan-nies li jiffrekwentaw dawn it-toroq? Jista’ jgħid x'farm roads' (jagħti l-isem tat-triq) hemm ippjanati li jsiru fil-ġimgħat li ġejjin? Jista' jgħid ukoll f'kull każ ix-xogħol sarx jew hux ippjanat li jsir fuq art tal-Gvern jew inkella fuq art privata?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol f’toroq jew passaġġi jsiru skond il-ħtieġa minn żmien għal żmien, għall-benefiċċju tal-bdiewa li jużaw dawn l-aċċessi. Qabel isir xi xogħol dejjem jiġi verifikat li l-propjeta’ tkun art tal-Gvern.
Leg 13 PQ #21730 Sitting 485 2021-07-06 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex – ħaddiema fi gradi tekniċi u industrijali

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 20762 u jgħid kemm hemm impjegati fil-gradi tekniċi u industrijali tas-Servizz Pubbliku skont il-grad fil-Ministeru tiegħu? Fejn hu l-post tax-xogħol tagħhom? Kemm hemm impjegati li mhumiex fil-gradi ġenerali tas-Servizz Pubbliku u qed jagħmlu xogħol tas-Servizz Ġenerali? Fejn hu l-post tax-xogħol tagħhom? X'xogħol qed jagħmlu?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba fl-ewwel parti tal-Mistoqsija. L-informazzjoni li tirrigwarda t-tieni part tal-Mistoqsija diġa ngħatat fit-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari b’numru 20110.

Mtarfa FC – grawnd tal-futbol

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 20130 u tgħid min ta permess lill-kuntrattur li jkisser il-grawnd tal-futbol tal-Imtarfa Youth Nursery meta dawn għandhom kuntratt ta’ użu mill-gvern stess għal 48 sena? Taf il-Ministru li dan it-tkissir mill-kuntrattur kien twaqqaf mill-istess membru tal-klabb f’Novembru li għadda, wara li ħadd ma kien avżahom u marru jiġru fuq il-post? Tista’ tgħid għaliex il-kuntrattur reġa ntbagħat inkiss inkiss biex ikisser, meta l-Kumitat tal-Mtarfa FC ma kienx jaf dwar dan it-tkissir? Tista’ tgħid mill-2018 lil hawn, jiġifieri minn meta l-Gvern iddeċieda li jbiegħ l-Iskola tal-Imtarfa, kemm-il darba ltaqa’ mal-kumitat tal-Imtarfa biex jiddiskuti u joffri post alternattiv lin-nursery tal-Mtarfa? Tista’ tikkonferma li wara żewġ attentanti biex jitkisser il-grawnd mingħajr permess mill-Mtarfa FC, il-gvern kienu għadu m’offriex post alternattiv biex jintuża immedjatament għat-training? Tista’ tgħid liema se jkun il-post alternattiv ipprovdut mill-gvern għat-training tat-tfal tal-Imtarfa? Tista’ tgħid meta se jitkisser il-grawnd l-ieħor tal-Mtarfa FC u jekk il-klabb hux se jingħata grawnd mill-ewwel biex jittrenjaw fih?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħolijiet fil-kumpless tal-iskola tal-Mtarfa huma parti minn proġett multi miljunarju li se joffri titjib sostanzjali f’dawk li huma facilitajiet sportivi. F’diskussjonijiet u bi qbil ma’ Mtarfa FC, it-taħriġ tat-tfal ser ikun qed isir fil-grawnd De Piro fl-Imtarfa u fil-faċilitajiet tal-kulleġġ Missjunarju ta’ San Pawl fir-Rabat. Il-gvern investa s-somma ta’ €70, 000 biex it-taħriġ ikun jista’ jibqa’ għaddej fil-postijiet imsemmija. Bi qbil ma’ Mtarfa FC, sakemm jiġu ffinalizzati x-xogħolijiet fil-kumpless tal-iskola tal-Mtarfa, li ma jaqax taħt ir-responsabbilta’ ta dan il-Ministeru, Mtarfa FC ser ikollhom il-faċilitajiet neċessarji għat-taħriġ.

Wage Supplement approvat

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm ġie approvat Wage Supplement bejn Marzu u Ġunju 2020? Kemm kienu l-kumpaniji li utilizzaw dan il-fond? Kemm impjegati? Kemm damu bil-wage supplement? X’kienu l-kundizzjonijiet li ngħata bihom il-wage supplement? Kemm kien hemm talbiet għal wage supplement li ma ntlaqgħux u għaliex ma ntlaqgħux?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinsab hawn taħt; Wage Supplement approvat; Ammont Imħallas Impjegati Full time Impjegati Part Time Impjegati Casual €146,325,456 82,527 11,629 2459 Il-kumpaniji li utilizzaw dan il-fond jinkludu 5,476 kumpanija privata, kif ukoll 15,249 self employed u 970 li jinkludu għaqdiet volontarji, partnerships u koperattivi. Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-maġġoranza ta’ dawn in-negozji għadhom qed jieħdu l-Wage Supplement filwaqt li dawk il-kumpaniji li ma baqgħux eliġibbli taħt ir-regoli tal-iskema li daħlu fis-seħħ minn Jannar ta’ din is-sena, ma baqgħux jingħataw il-Wage Supplement. Il-kundizzjonijiet tal-Wage Supplement li ngħata bejn Marzu u Ġunju tal-2020, ġew ippublikati fil-Gazzetta tal-Gvern Numru 20,387 ta’ 13 t’April tas-sena 2020. Dawk li ma kienux eliġibli għall-Wage Supplement skont ir-regoli tal-istess skema jammontaw għal 3,372 applikazzjoni.

Ħal Qormi — Triq San Bastjan - pavimentar

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 20417 u ċjoè: B’referenza għar-risposta għall-mistoqsijiet parlamentari 15097, 15391, 15392, 15702, jista’ l-Ministru jgħid meta sar ix-xogħol ta’ pavimentar imsemmi quddiem il-Knisja ż-żgħira ta’ San Bastjan? Jista’ jgħid jekk l-Awtorità aċċettatx ir-rapport ta’ konformità mitlub minnha stess mingħajr verifikazzjonijiet ulterjuri jew jekk għamlitx spezzjonijiet qabel iċċertifikat dan ix-xogħol? X’irriżulta minn dawk l-ispezzjonjiet? Jista’ jqiegħed ir-rapport taċ-ċertifikazzjoni fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista’ jgħid x’nuqqasijiet kellu dan il-pavimentar li kienu qed iwasslu għal tant inċidenti ta’ skiddjar f’din it-triq? Jista’ jgħid kif qed jiġu rrimedjati dawk in-nuqqasijiet? X’inhu x-xogħol li qed isir u x’garanziji qed jingħataw li l-iskiddjar jieqaf?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi li x-xogħol ta’ pavimentar imsemmi quddiem il-Knisja ż-Żgħira ta’ San Bastjan sar bejn Lulju u Settembru 2018. L-ispezzjonijiet kienu jsiru b’mod regolari mill-Perit tal-Kunsill tul l-implimentazzjoni tal-proġett. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport taċ-ċertifikazzjoni. Ninsab infurmat wkoll li l-pavimentar sar skont l-ispeċifikazzjonijiet mitluba fid-dokument tat- tender . Il-Kunsill Lokali għamel anti-skid solution iżda minħabba raġunijiet li m’għandux kontroll fuqhom, il-materjal qed jinqala’ kollu. Il-Kunsill qed jistenna proposti alternattivi mingħand il-Perit tiegħu sabiex tinstab soluzzjoni, b’tali mod li ma jinqalax il-pavimentar.