Ġenituri akkużati li ma bagħtux lil uliedhom l-iskola
Question
B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 11140, jista’ l-Ministru jindika x’sentenzi/multi ngħataw lil dawk l-1,283 ġenitur misjuba ħatja li ma bagħtux lill-uliedhom l-iskola mingħar raġuni valida?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Wara li tħabbar li se ssir trakka tal-karozzi f'Ħal Far, tista’ l-Ministru tgħid jekk sarx Impact Assessment tal-ħsejjes u l-kwalità tal-arja? Jekk iva tista’ tippubblika tali studju?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sit tat-trakka kien magħżul wara ħafna diskussjonijiet u kunsiderazzjonijiet. Kien għalhekk li kienu skartati proposti antiki li saru anke għal Ħal Far. Dan peress li kienu jieħdu ferm iktar art u setgħu kienu ta’ inkonvenjent għar-residenti għax kienu jersqu viċin tagħhom wisq.
Illum, bis-sehem ta’ esperti internazzjonali, tfasslet trakka li ħadet l-inqas art possibbli u li se tkun tinkludi fiha anke miżuri ta’ mitigazzjoni li saħansitra huma maħsuba biex jindirizzaw l-attività li diġà hemm illum.
L-applikant tat-trakka, li hija l-Malta Motorsport Federation, mistennija li tippreżenta rapporti bħala parti mill-proċess tal-Awtorità tal-Ippjanar hekk kif mitlub mill-awtoritajiet konċernati.
Kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali — kalkolu tal-pensjoni
Question
Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk kienx hemm każ fejn il-kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali għall-kalkolu tal-pensjoni inkludietx ukoll is-snin taħt it-18-il sena?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, bis-saħħa ta’ miżura tal-baġit li daħlet fis-seħħ f’Jannar 2021, il-kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali ta’ qabel id-19-il sena għal dawk il-persuni li twieldu qabel il-31 ta’ Diċembru 1961, jiġu inklużi fil-kalkoli tal-pensjoni tagħhom, jekk bil-kontribuzzjonijiet ta’ wara d-19-il sena ma jkunux eliġibbli għal pensjoni kontributorja.
In-numru ta’ persuni li bbenefikaw minn din il-miżura sa issa huwa ta’ 850.
Kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali — kalkolu tal-pensjoni
Question
Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk kienx hemm każ fejn il-kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali għall-kalkolu tal-pensjoni inkludietx ukoll is-snin taħt it-18-il sena?
Response (CARUANA, CLYDE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jagħti rendikont tax-xogħlijiet ta' manutnezjoni u tisbiħ li sar fil-Qasam tad-Djar ta' San Ġwann t'Għuxa Bormla fl-tliet snin u jekk huwa possibbli jindika meta se jsir xogħol fil-blokk li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament fi Triq Ċetta Mintoff tal-istess qasam tad-djar?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Qasam tad-Djar ta’ San Gwann t’Għuxa Bormla jikkonsisti f’9 blokok bi 15-il entratura. L-Awtorita’ tad-Djar wettqet diversi tiswijiet u xogħlijiet f’dawn il-blokok f’dawn l-aħħar tliet snin, mis-sena 2018 sal-lum. Ħdax-il blokk ibbenefikaw mill-iskema tal-Awtorita’ tad-Djar bi sħab mal-Kunsilli Lokali fejn l-inkwilini ngħataw somma komplessiva ta’ €64,125 sabiex iwettqu xogħlijiet ta’ manutenzjoni u titjib fil-partijiet komuni kollha tal-blokk inkluż il-bjut. Apparti minn hekk ġew indirizzati wkoll 62 talba mill-inkwilini għal diversi tiswijiet kemm strutturali ġewwa l-appartamenti kif ukoll xogħlijiet oħra fil-komun li tlestew dawn l-aħħar tliet snin bi spiża ta’ €120,664.
Dwar Blokk 6A fi Triq Ċetta Mintoff, l-Awtorita’ tad-Djar għanda ppjanat li jsir
lift
kif ukoll xogħol ta’ tisbieħ tal-partijiet komuni permezz tal-fondi miġjuba mill-Unjoni Ewropeja taħt il-proġett
ERDF
fis-sena 2022.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif fuq x'inhi r-raġuni li lift mqiegħed fi blokka li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament fi Triq is-Sibi l-Kalkara għadu mhuwiex qiegħed jiffunzjona?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għalkemm il-lift hu installat ma jistax jitħaddem qabel ma jiġi ċċertifikat u kkummisjonat skond il-liġi. Huwa mistenni li l-lift ikun jista’ jingħata għal użu tar-residenti aktar tard dan ix-xahar.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif lill-Kamra fuq ix-xogħlijiet li saru fil-Qasam tad-Djar ta' Ħaż-Żabbar u liema xogħol jonqos li jsir?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul din il-leġiżlatura l-Gvern ta' prijorita' lill-Qasam tad-Djar ta’ Ħaż-Żabbar.
Ġie mwettaq xogħol ta' tisbiħ fil-faċċati u l-partijiet komuni ta' 12-il blokk u s-sena d-dieħla se nagħmlu oħrajn biex b'hekk inkunu sebbaħna l-blokok kollha.
Ġew imwaħħla 6 lifts ġodda u ġie ukoll mibdi proġett pilota fejn permezz ta' bosta miżuri biex jiġi ffrankat il-konsum tal-enerġija r-residenti se jkunu qed jaraw roħs sostanzjali fil-kont tad-dawl u l-ilma.
Barra dan kollu, twettqu 93 tiswija biex jitneħħa periklu lir-residenti u xogħlijiet żgħar oħra.
Crane Currency — Ksur ta' regoli ta' State Aid - investigazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea - Eżitu
Question
Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 20312 li oriġinajrament saret lill-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid x’kien l-eżitu tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea fuq jekk kienx hemm ksur ta’ regoli ta’ State Aid fil-każ ta’ Crane Currency?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninsab nfurmat li ma jirriżultax li l-Kummissjoni Ewropea fetħet xi tip ta’ investigazzjoni dwar dan is-suġġett.
Forzi Armati ta' Malta — Bord tal-Inġustizzja - każijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm huma l-każijiet li għadhom pendenti quddiem il-Bord tal-Inġustizzja tal-Forzi Armati ta’ Malta, minn meta ilhom pendenti u sa meta huwa mistenni li jkunu deċiżi?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat illi l-proċess imsemmi mill-Onor. Interpellant għadu għaddej. L-imsemmi proċess li għadu fis-seħħ għandu l-għan li jindirizza inġustizzji li seħħew qabel 2013.
Dan wara li bosta persuni sfaw iddiskriminati u li fis-snin ta’ qabel l-2013 ħafna minnhom ukoll kienu resqu numru kbir ta’ rapporti quddiem l-Ombudsman.
Madankollu l-Gvern ma waqafx hemm. Matul l-aħħar sena l-Gvern għamel investiment bla preċedent, iġfieri 8 miljun ewro iżjed fis-sena għall-ħames snin fir-riżorsa umana tal-Forzi Armati. Dan wassal biex għall-ewwel darba s-suldati bbenefikaw minn ftehim settorjali li ħalla mpatt prożittiv kemm fis-salarju kif ukoll fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija li qed tinqatgħalhom somma flus mill-paga ta’ kull xahar biex jirritornaw somma ta’ flus ta’ eluf ta’ euro li rċevew illegalment wara l-2013 minn overtime fittizju, flok tressqu l-Qorti?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat illi m’hemmx uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija li qed tinqatgħalhom somma flus mill-paga ta’ kull xahar jew mod ieħor biex jirritornaw sommom ta’ flus li rċevew illegalment wara l-2013 minn overtime fittizju, flok tressqu l-Qorti.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 20394, li oriġinarjament saret lill-Prim Ministru u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk id-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg (DIER) għandux rapporti li food couriers impjegati ma’ ditti bħal dawk li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament, humiex imniżżla li jaħdmu bħala self-employed? Jista’ jgħid jekk dan hux konformi mal-liġi? Jista’ jgħid x’passi ttieħdu minn meta ġew ivverifikati dawn ir-rapporti?
Response (ABELA, CARMELO)
Il-kumpaniji msemmija fil-mistoqsija parlamentari preżentement qegħdin jiġu investigati mid-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u Mpjiegi u allura id-Dipartiment mhuwiex f’pożizzjoni li jagħti l-informazzjoni rikjesta.
Tista' l-Ministru tgħid kemm, sena b'sena mill-2017 s'issa jekk l-Kummissarju għall-Għaqdiet Volontarji ħa xi miżuri regolatorji biex jiġu imposti xi forma ta' sanzjonjiet? Jekk ittieħdu, f'kull każ, fiex kienu jikkonsistu tali miżuri?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, filwaqt li bejn l-2017 u l-2019 ma kien hemm l-ebda każ, is-sena li għaddiet kien hemm 29 għaqda li ġew imħassrin mir-reġistru peress li ma ottemprawx ruħhom mal-liġi. Minkejja dan, ma ġew imposti l-ebda sanzjonjiet.
A.L. 265 tal-2021 — Konflitt bejn il-verżjoni Maltija u Ingliża
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għalfejn fil-każ tal-A.L. 265 tal-2021, f'każ ta' konflitt bejn il-verżjoni Maltija u dik Ingliża, tipprevali l-verżjoni bl-Ingliż?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi peress li l-avviż legali 265 tal-2021 jimplimenta id-dispożizzjonjiet dwar l-assistenza reċiproka bejn awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni ta’ Stati Membri oħra u jikkonċerna talbiet ta’ Stati Membri oħra biex jiġu notifikati dokumenti/atti proċedurali u biex jiġu infurzati deċiżjonijiet u multi meħudin minnhom, huwa importanti li f’każ ta’ kunflitt jew inkompatibbilità, tipprevali l-lingwa Inġliża biex jiġi eliminat kwalunkue dubju ta’ interpretazzjoni.
Jista’ l-Ministru jagħti n-numru ta’ talbiet ta’ refund ta’ application fees jew simili li mil-lum sad-data li tiġi mwieġba din l-interpellanza daħlu fl-MFSA minn kull applikant li ried iwaqqaf f’Malta entità li hija irregolata mill-MFSA? Jistax jagħti elenku tal-kategoriji rispettivi ta’ x’tip ta’ entità kienet ser titwaqqaf?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi mil-25 ta’ Ġunju sat- 8 ta’ Lulju, kien hemm kaz wieħed biss għal talba ta ‘refund ta’ application fees’.
Din kienet fil-kategorija ta’
Company Service Provider
.
Ma kien hemm l ebda raġuni mogħtija mill-individwu l ‘għaliex l-applikazzjoni ġiet ‘
withdrawn’
.
Ministeru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli — sponsorships
Question
Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 20685, 18809 u 18440 u tagħti lista ta’ kull tip ta’ sponsorship li taw id-dipartimenti u l-entitajiet li jifformaw parti mid-dekasteru tagħha, kemm jekk l-isponsorship kien jikkonsisti f’għotja ta’ flus kif ukoll jekk l-isponsorship kien in kind, jiġifieri billi ġie provdut xi servizz b’xejn, bejn l-2017 sad-data li tkun imwieġba din l-interpellanza? Tista’ f’kull każ tgħid taħt liema skema ngħata l-isponsorship, meta saret it-talba għal dan l-isponsorship u min approva f’kull każ l-isponsorship?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Minħabba li l-informazzjoni mitluba dwar sponsorships għandha valur kummerċjali għall kumpaniji bħal-ARMS, l-Enemalta u kif ukoll l-Enemed, l-iżvelar tat-tagħrif mitlub ma jistgħax jiġi ppublikat għax jista’ jippreġudika n-negozju tal-Kumpanija.
Bord għas-Soluzzjoni ta' Tilwin għan Networks dwar l-Utiliajiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk ġewx appunti l-membri tal-Bord għas-Soluzzjoni ta’ Tilwim għal Networks dwar l-Utilitajiet a tenur tal-artikolu 24 tal-Att dwar ir-Regolament ta’ Ċerti Xogħlijiet f’Utilitajiet u Servizzi Kap. 81? U jekk appuntati, min huma l-membri, meta ġew appunti, u x’inhu t-tul tal-ħatra tagħhom?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-bord msemmi qiegħed fil-proċess li jiġi mwaqqaf.
Jista' l-Ministru jgħid fil-preżent fil-preżent kemm hemm ħaddiema jaħdmu fl-uffiċini fil-Gozo Innovation Hub u kemm minnhom huma ħaddiema impjegati maċ-Ċivil u kemm minnhom huma impjegati mal-privat?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lil-Onorevoli Interpellant li t-taghrif ghadu qed jingabar u t-twegiba tinghata f’seduta ohra
Jista’ l-Ministru jgħid mill-bidu tal-2020 s’issa jekk kienx hemm xi istanzi fejn l-Unjoni Ewropea (UE) avżat lil Malta li jistgħu jittieħdu jew qed jittieħdu infringement proceedings talli Malta naqset li timplimenta f’waqtu xi direttiva tal-istess Unjoni Ewropea? Jekk kien hemm tali miżuri da parti tal-Unjoni Ewropea, jista’ jelenka f’kull każ fir-rigward ta’ liema direttivi u x’inhu l-istatus attwali f’kull każ?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li meta l-Kummissjoni Ewropea tavża lil xi Stat Membru dwar il-possibbiltà ta’ proċeduri minħabba nuqqas ta’ implimentazzjoni ta’ xi direttiva, jew nuqqas ta’ implimentazzjoni fil-ħin, dejjem isiru pubbliċi fil-pajjiż rispettiv u fl-istrutturi Ewropej. Attwalment, l-awtoritajiet Maltin qed jaħdmu biex pajjiżna jiġi konformi ma’ 28 direttiva, li jittrattaw l-oqsma tal-kompetizzjoni, is-servizzi finanzjarji, t-telekommunikazzjoni, it-trasport, l-ambjent, l-immigrazzjoni u l-enerġija.
Jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri qed tieħu l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta (MFSA) biex tħares l-interessi tal-anzjani fid-dawl ta’ aktar enfasi tal-banek kummerċjali fuq użu ta’ mezzi elettroniċi meta wieħed iqis li ħafna anzjani mhumiex daqstant familjari u mħarġa fl-użu ta’ tali mezzi?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Awtorità tiddiskuti b’mod regolari mal-Banek u ssegwi mill-qrib is-servizzi li jkunu qed jiġu offruti lill-klijenti.
Għalkemm minn mindu bdiet il-pandemija tal-Covid 19, il-Banek ziedu s-servizzi diġitali, l-Awtorita’ tara li l-istess servizzi jiġu offruti wkoll mill-fergħat tagħhom. Għal ammonti inqas minn €500, il-Banek jinkoraġġixxu lill- klijenti biex jiġbdu dawn il-flus mill-kont tagħhom permezz tal-ATM.
Madankollu, l-Awtorità tassigura li l-anzjani xorta jkollhom il-faċilita’ li jagħmlu użu mis-servizz tal-kaxxiera fil-fergħat. Fil-kaz fejn il-klijenti jagħżlu li juzaw mezzi diġitali, l-Awtorità ddiskutiet u rat li l-Banek joffru l-assistenza meħtieġa lill-klijenti.
Bħalissa l-Awtorità nediet kampanja edukattiva biex toħloq għarfien mall- konsumatur dwar is-servizzi diġitali bankarji. Din il-kampanja tinkludi wkoll intervisti/diskussjonijiet fuq programmi televizivi lokali li fihom qegħdin jipparteċipaw uffiċjali tal-Awtorita’.