Legislature:
Category:
Reset
Active:

PBS – xandir tal-finali tal-Kampjonat Ewropew

Question

Jista' l-Ministru jispjega għalfejn il-Public Broadcasting Services Ltd għażlet li xxandar il-finali tal-Kampjonat Ewropew 2020 fil-11 ta' Lulju 2021 fil-lingwa Ingliża u Taljana u mhux bil-Malti? Kemm swiet it-trasmissjoni ta' din il-partita bil-lingwa Taljana?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-PBS ilha numru ta’ snin ixxandar il-kompetizzjonijiet ta’ timijiet nazzjonali bil-lingwa Ingliża, iżda minħabba ċ-ċirkostanzi tal-logħob tal-Kampjonat Ewropew ta’ din is-sena, estendiet dan is-servizz bil-lingwa Taljana wkoll. L-ispejjeż kollha ta’ dan is-servizz ġew allokati minn sorsi kummerċjali.
Leg 13 PQ #22046 Sitting 491 2021-10-04 Oral · Final From: JOSEPH ELLIS To: Ministeru għal Għawdex

Kumpanija – Direct Orders għal xandir ta’ riklam fuq radio

Question

Jista' l-Ministru jispjega għalfejn ingħatat ordni diretta ta' €15,075.36 lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament sabiex jixxandru 1,188 reklam fuq Bay Radio? X'kien l-iskop ta' din il-kampanja pubbliċitarja u għalfejn ma saritx sejħa għall-offerti?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-iskop tal-kampanja pubbliċitarja kien li tkopri l-avvenimenti varji organizzati fl-2020. Ingħatat ordni diretta ta’ €15,075.36 lill-kumpanija Eden Entertainment Ltd, li huma d-detentur maniġerjali tar-radju 89.7 Bay, peress li l-istess stazzjon tar-radju kien ikklassifika bħala wieħed mill-aqwa fil-gżejjer u għalhekk seta’ jiżgura l-akbar udjenza possibbli. Nixtieq nirrimarka li minħabba l-pandemija ħafna mill-avvenimenti li kien hemm ippjanati fis-sena msemmija ġew ikkanċellati, għalhekk l-ammont finali li tħallas kien dak ta €5,130.52.
Leg 13 PQ #22047 Sitting 491 2021-10-04 Oral · Final From: JOSEPH ELLIS To: Ministeru għal Għawdex

Buses li jaħdmu bl-elettriku – electric chargers – direct order

Question

Jista' l-Ministru jispjega għalfejn ingħatat ordni diretta ta' €217,036.96 lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament għall-electric chargers għall-buses li jaħdmu bl-elettriku? Għalfejn ma saritx sejħa għall-offerti jew għalfejn dawn iċ-chargers ma ġewx inklużi mas-sejħa għall-offerti għal dawn il-buses? S'issa kemm intużaw dawn iċ-chargers ġaladarba dawn il-buses għadhom ma bdewx jintużaw?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-electric chargers kellhom jinxtraw mingħand l-istess kumpanija li forniet l-electric buses għaliex dawn jinnegozjaw communication protocol uniku mal-electric buses qabel jibda ċ-charging process. Għalhekk kien mandatorju li l- electric chargers ikunu jaqblu kompletament mal- electric buses u l-uniku mod li dan seta’ jsir kien billi jinxtraw direttament mingħand il-fornitur tal- electric buses . Iċ- chargers intużaw biex iżommu lill-batteriji ċċarġjati skont skeda ta’ manteniment.

Individwu – kariga jew konsulenza

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament għandux xi kariga jew konsulenza mal-Malta Enterprise jew xi entità oħra li taqa' taħtha?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-individwu msemmi m’għandu l-ebda kariga jew konsulenza mal-Malta Enterprise jew ma’ xi entità oħra li taqa’ taħt id-dekasteru tiegħi.

Politika Nazzjonali ppubblikata

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 21989 u ċjoè: B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 21913, jista' l-Ministru jgħid fiex waslet il-Politika Nazzjonali l-ġdida ta' pajjiżna tad-Droga?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-proċess ta’ ġbir ta’ informazzjoni għadu għaddej. Għaldaqstant din it-tweġiba se tingħata aktar tard.

Ċentru ta’ Rijabilitazzjoni mid-Droga għall-Adolexxenti

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 21984, jista' l-Ministru jwieġeb it-tieni parti tal-mistoqsija parlamentari u jgħid liema huma d-drogi u s-sustanzi li huma l-vizzji ewlenin ta' dawn iż-żgħażagħ?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, it-tieni parti tal-mistoqsija parlamentari li qed tirreferi għalija ġiet imwieġba fi 12 ta’ Lulju 2021 fil-mistoqsija parlamentari 21984. Fiċ- Ċentru ta’ Rijabilitazzjoni mid-Droga għall -Adoloxenti, il-programm se jkun ikoppri għal kull tip ta’ droga u sustanza, skont l-bżonnijiet u ċ-ċirkostanzi li Ċentru jiltaqa’ magħhom.

Aħrax tal-Mellieħa – Triq Daħlet ix-Xmajjar – irranġar ta’ triq

Question

Jista’ l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa sabiex triq ġdida li saret tliet ġimgħat ilu fi Trqi id-Daħlet ix-Xmajjar, limiti tal-Aħrax tal-Mellieħa li tagħti għat-Torri l-Abjad fejn toroq tal-bdiewa fil-ġnub tal-istess triq issa qegħdin nofs metru u anke aktar ta’ diżlivel? Jista’ jara li dan id-diżlivel jitranġa u t-triq tal-ġnub jkunu aċċessibbli għat-toroq Daħlet ix-Xmajjar u jibqgħu aċċessebbli għall-bdiewa?

Response (BORG, IAN)

Minbarra t-twettiq ta’ proġetti kbar fit-toroq arterjali u l-investiment bla preċedent li qed tagħmel fit-toroq residenzjali, Infrastructure Malta għadha għaddejja wkoll b’ħidma fit-toroq rurali, tant li din is-sena diġà bniet mill-ġdid u għamlet titjib f’71 triq qalb il-kampanja li flimkien iġibu mal-24 kilometru. Dawn ix-xogħlijiet saru b’investiment li qabe¿ it-€8 miljun, li l-parti l-kbira tagħhom kienu minn fondi lokali u l-bqija ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali tal-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant, fit-tliet snin kemm ilha li twaqqfet fis-sajf tas-sena 2018, Infrastructure Malta s’issa għamlet xogħlijiet f’aktar minn 300 triq rurali f’diversi lokalitajiet madwar Malta u li ħafna minnhom kien ilhom ma jitranġaw kif meħtieġ għexieren ta’ snin. Fil-71 triq rurali li bniet mill-ġdid bejn Jannar u Awwissu li għaddew, l-aġenzija għaddiet mal-35 kilometru ta’ katusi, cables u pajpijiet oħrajn. Fl-istess waqt, fejn kien meħtieġ, il-kuntratturi tal-aġenzija għamlu wkoll sistemi ta’ ġbir tal-ilma tax-xita u ħarsien mill-għargħar. Din is-sena saru diversi toroq li jwasslu għal xtajtiet popolari bħalma hija t-triq twila 1.8 kilometri f’Delimara li twassal għal Xrobb l-Għaġin, Il-Ħofra l-Kbira u l-Ponta tal-Munxar, fost oħrajn, kif ukoll it-toroq fil-Mellieħa li jagħtu għal Daħlet ix-Xmajjar, ir-Ramla tat-Torri l-Abjad u l-Għar tad-Dragunara. It-triq indikata tlestiet fil-bidu tas-sajf u fil-ġimgħat ta’ wara saru anke xogħlijiet biex id-daħliet rurali li jagħtu għaliha jkunu aċċċessibbli ukoll għall-bdiewa li jaħdmu r-raba’ fl-inħawi.
Leg 13 PQ #22054 Sitting 491 2021-10-04 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli — amministraturi

Question

Tista’ l-Ministru tgħid għalfejn minkejja li l-kulleġġ Mikiel Anton Vassalli huwa liċenzjat bħala Higher Education Institution il-persuni li jmexxu dawn l-iskejjel qed jitqiesu bħala sempliċiment amministraturi ta’ ċentri? Tista’ tgħid għalfejn minkejja ruling tal-Ombudsman l-erba’ amministraturi taċ-ċentri tal-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli ġew msejħa Children of a lesser God, il-gvern qed ikompli jinjorahom u jżid l-inġustizzja fil-konfront tagħhom? Tista’ tgħid jekk dawn huma biss ċentri u mhux skejjel kif jagħmlu parti minn kulleġġ u jekk huma skejjel għalfejn dawk li jmexxuhom mhux jitqiesu bħala kapijiet ta’ skejjel minkejja li jaqdu l-istess funzjoni u dmirijiet u forsi anki iktar?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed jiġi kkunsidrat riforma f'dawn l-iskejjel speċjalizzati sabiex inkomplu nsaħħu u ngħollu l-istandards tat-tagħlim li jingħata lill-istudenti li jsegwu dawn il-korsijiet.
Leg 13 PQ #22055 Sitting 491 2021-10-04 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli – liċenzji

Question

Tista’ l-Ministru tispjega, kif wara li ftit ilu, l-Kulleġġ MAVC ġie liċenzjat bħala further & higher education instititution se jibqgħu jiġu mħarsa l-kundizzjonijiet tal-liċenzja, fosthom numru ta’ doveri (IQA) li jridu jiġu mħarsa sabiex l-imsemmija liċenzja tibqa’ valida? Jekk skont direttivi mogħtija dan l-aħħar mill-MUT jidher li l-imsemmi IQA mhux ser jibqa’ jiġi onorat, tista’ tispjega l-fatt kif din il-liċenzja ser tibqa’ valida?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Infurmata li bħal f'kull każ fejn tingħata liċenzja, jekk min qed imexxi dawn iċ-ċentri ma jimplimentax l-IQA fiċ-Ċentru tiegħu jew tagħha, il-liċenzja ma tibqax valida u tintilef.
Leg 13 PQ #22056 Sitting 491 2021-10-04 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Averages tal-eżamijiet tal-Year 8 u 9 fil-Matematika

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’kienu l-averages fl-eżamijiet tal-Year 8 u Year 9 fil-matematika u kif jitqabblu mal-marki tal-istess studenti fis-sentejn li għaddew? Tista’ tgħid irċevietx ilmenti li min is-soltu jkollu gradi tajbin f’dan is-suġġett issa mar ħażin minn skejjel fil-Ħamrun, fin-Naxxar, f’Ħal Kirkop u fi skejjel oħra? Tista’ tgħid irċevitx ilmenti li dan qed joħolqilhom stress? X’qed jiġri? Tista’ tgħid x’ġara biex saru l-karti tal-eżami u biex ġew ikkoreġuti? Huwa minnu li l-għalliema raw biss il-marki imma mhux il-karti kkoreġuti?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninsab infurmata li f’analiżi li għamel il-Professur Mark Borg, wera li meta ra r-riżultati miksuba mill-istess grupp ta’ studenti li kienu jattendu l-iskejjel sekondarji, fis-suġġett indikat mill-Onorevoli Interpellant, il-każijiet fejn kien hemm titjib fir-riżultati miksuba, kienu daqs dawk il-każijiet li ġew irreġistrati tnaqqis fir-riżultati miksuba. B’din l-analiżi, il-Professur Borg ikkonkluda li għalhekk fil-matematika il-livell ta’ riżultati miksuba baqa’ fuq l-istess binarju. Bħal fi snin oħra dejjem ikun hemm numru ta’ lmenti li jiġu mgħoddija lill-uffiċjali responsabbli biex jindirizzawhom. Fost l-ilmenti iva jkun hemm min isemmi li ġie maħluq stress minħabba r-riżultat miksub. Il-karti kienu ppreparati minn persuni kwalifikati fit-tagħlim tal-Matematika. Minħabba direttivi mogħtija mill-MUT, li fost l-oħrajn kienu jinvolvu wkoll l-immarkar tal-karti tal-eżami, minflok ma dawn ġew ikkoreġuti mill-għalliema f’kull skola, il-karti nġabru mill-iskejjel u ġew imqassma lill-markaturi. Il-karti kienu aċċessibbli għall-edukaturi li talbuhom.

Tqassim ta’ flus miġbura mill-LESA

Question

Jista’ l-Ministru jindika kif jitqassmu l-flus miġbura mill-LESA mit-taħrikiet li jsiru fil-lokalitajiet ta’ Malta u Għawdex?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li l-Agenzija, bi qbil bejn il-Ministeru Għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u Infurzar tal-Liġi, il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, L-Arti, Gvern Lokali, u l-Assocjazzjoni tal-Kunsilli nehdiet skema għall-Kunsilli Lokali u Reġjonali, fejn japplikaw għall-proġett ta’ fejda fil-komunitajiet tagħhom. Kull Kunsill huwa eliġibbli li japplika għall-proġett, u jieħu lura 80% tal-ispejjeż, sa massimu ta’ €80,000 elf Ewro. Matul l-iskema li hija fuq perjodu ta’ tlett snin, kull kunsill jista’ jibbenefika darba biss.

Kumitat għat-Tisħiħ tal-Familja

Question

Jista’ l-Ministru jindika x’inhuma r-responsabilitajiet li għandu l-Kumitat għat-Tisħiħ tal-Familja? Min huma l-membri f’dan il-Kumitat? X’rakkomandazzjonijiet għamlu minn mindu twaqqfet biex tissaħħaħ il-familja Maltija?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-Kummissjoni Tisħiħ Familja huwa kumitat illi xogħolu huwa li jara t-tibdil fis-soċjetà u kif dan jaffettwa lill-familji. Il-Kumitat preżenti huwa kompost kif jidher hawn taħt: Chairperson: Sur Joe Gerada Viċi Chairperson: Sa Rita Law Membri: Dr Andrew Azzopardi Sa Claudia Cuschieri Dr Diane Galea Sa Antoinette Vassallo Sur Max Zammit Segretarja: Sa Mary Grace Gauci F’dawn l-aħħar snin, il-Kumitat kien irrakkomanda diversi miżuri fosthom li: - ninkoraġixxu xoghol “blended” biex jgħati ċans akbar lill-ħaddiema speċjalment nisa biex jlaħħqu kemm mar-responsabiltajiet tax-xogħol u anki dawk tal-familja, - ingħatat Informazzjoni kontinwa dwar il-miżuri u skemi li jgħinu l-familji jintegraw aħjar ir-responsabiltajiet tax-xogħol u tal-familja, - ġie imbuttat ir-reviżjoni tal-benefiċċju tal-paternal leave għal aktar involviment tal-missierijiet fit-trobbija tat-tfal u anki fid-dawl tal-izviluppi tal-politika tal-Unjoni Ewropea. Dawn ir-rakkommandazzjonijiet harġu wara l-istudju li kienet għamlet l-Universita’ ta’ Malta imsejjaħ “A scoping review of the current family-friendly practices in Malta”. Rakkomandazzjoni oħra kienet dik dwar il-bżonn li jitwessa’ is-servizz tal-helpline 179, b’mod partikolari biex tingħata aktar informazzjoni dwar benefiċċji u servizzi ta’ appoġġ soċjali u anki fid-dawl tas-sitwazzjoni li ġabet magħha l-COVID 19 fejn aktar nies ħassewhom waħedhom. Il-Kumitat ħadem b’mod intensiv għal żmien twil ma’ grupp ta’ esperti li evalwaw l-implikazzjonijiet tas-sitwazzjoni tal-COVID 19 fuq il-qasam soċjali u ħarġu b’rakkommandazzjonijiet varji f’rapport li kien ippreżentat f’Awwissu tas-sena 2020. L-aħħar inizjattiva tal-Kumitat kienet il-kampanja “Noħloq il-ferħ” f’2021 li kienet intenzjonata li tinkoraġġixxi relazzjonijiet aktar b’saħħithom fil-familji. Din il-kampanija li kienet mifruxa fuq perijodu ta’ xahrejn, ipproduċiet 3 filmati ta għarfien, dwar relazzjonijiet b’saħħithom anki bejn koppji separati u bit-tfal, kif ukoll dwar relazzjonijiet b’saħħithom fil-konfront tal-anzjani.

L-Istrateġija tas-Saħħa Mentali

Question

Jista d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jindika x’itwettaq sa’ issa mill-Istrateġija Nazzjonali tas-Saħħa Mentali minn mindu ġiet implimentata fil-bidu tas-sena l-oħra?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-istrateġija Nazzjonali għas-Saħħa Mentali hija mifruxa fuq meddha t’għaxar snin. Kemm ilha li ġiet varata din l-iStrateġija, bdiet ħidma u konsultazzjoni wiesgħa biex jibda’ u jitkompla x-xogħol f’oqsma diversi. Il-punti hawn taħt imsemmija jindikaw xi twettaq s’issa, iżda ma jirriflettix ix-xogħol kollu li sar minħabba li t-twettiq ta’ din l-iStrateġija huwa parti minn proċess kumpless u li jieħu ż-żmien. Nippromovu is-Saħħa Mentali u l-Ben Esseri -Nindirizzaw l-impatt tal-qafas soċjali fuq is-Saħħa mentali: Qed nindirizzaw il-qafas soċjali tal-individwu li jista’ jagħmel l-individwu iktar suġġett għall-mard mentali. Il-Mental Health Services qed jipparteċipa fi studju li qed isir mis-Superintendenza tas-Saħħa Pubblika, biex nistudjaw, l-impatt li l-qafas soċjali għandu fuq is-saħħa mentali u b’hekk ikun jistgħu jiġu ndirizzati biex nipprevvjenu dan il-mard. L-istħarriġ sa jsir iktar tard din is-sena bir-riżultati joħorġu s-sena d-dieħla. Qed inżidu l-għarfien dwar is-saħħa mentali billi l-professjonisti tas-Saħħa Mentali jużaw pjattaformi diversi – bħal Webinars, diskussjonijiet fil-komunita’ li jsiru fil-kunsilli lokali, mal-korp tal-pulizija, parteċipazzjoni fi programmi fuq il-midja tradizzjonali u wkoll fuq dik soċjali. L-Occupational therapists attendew għall-programm ta’ Financial Literacy biex b’hekk ikunu jistgħu jgħinu lill-persuni b’diżordni mentali biex jużaw flushom aħjar. -Użu ta’ sustanzi lleċiti: Qed tiżdied il-kooperazzjoni bejn professjonisti fis-Saħħa Mentali u NGOs f’dan il-qasam bil-ħsieb li tiżdied is-sinerġija bejniethom permezz ukoll ta’ stħarriġ tal-infermiera li jaħdmu ma’ dawn il-klijenti biex joffru terapija aħjar. Sar refurbishment estensiv ta’ sala għall-pazjenti nisa bid-dual diagnosis – problemi mentali u dipendenza mid-droga. Rikonfigurazzjoni tas-Servizzi tas-Saħħa -Integrazzjoni tas-Saħħa Fiżika ma’ dik Mentali Qed jingħata servizz minn tabib tal-familja fi ħdan is-servizzi tas-saħħa mentali. Tobba li qed jitħarrġu biex jispeċjaliżżaw bħala tobba tal-familja, qed jagħmlu tlett xhur fil-qasam tas-Saħħa Mentali, biex b’hekk iżidu l-għarfien tagħhom f’dan il-qasam. F’Ħal Qormi, kemm is-servizz primarju u dak mentali jingħataw mill-istess post u f’Lulju tal-2020 żdiedu s-servizzi tas-saħħa mentali li jingħataw miċ-ċentru tas-saħħa ta’ ħal-Qormi. Is-servizzi l-ġodda huma klinika tas-psychogeriatrics u oħra għall-adulti b’learning disorders. L-iSptar Psikjatriku ġdid sa jinbena ħdejn l-isptar Mater Dei, b’hekk titneħħa l-istigma assoċjata mal-isptar kurrenti. Barra minnhekk tiġi ffaċċilitata l-koperazzjoni bejn iż-zewġ sptarijiet billi jissaħħu s-servizzi psikjatriċi ġewwa Mater Dei u s-servizzi għall-mard fiżiku f’pazjenti ġewwa l-isptar psikjatriku. -Servizzi fil-komunita’: Ingħalqet il-Psychiatric Out Patients fl-isptar Mater Dei u dan is-servizz qed jingħata mill-kliniċi tas-saħħa mentali li qegħdin fil-komunita’ l-eqreb ta’ fejn jgħix il-klijent. ¯diedu l-professjonisti fil-qasam ta’ saħħa mentali fil-komunita’ biex ikunu jistgħu jlaħħqu maż-żieda tas-servizzi li qed jiġu provduti. Qed jintużaw premises fil-Qawra, minn fejn jingħataw servizzi fis-saħħa mentali permezz ta’ clinics biex jilħqu aħjar il-klijenti tat-Tramuntana ta’ Malta. Qed ikompli jissaħħaħ is-servizz tat-tfal CAPES fil-komunita’ biex isegwi tfal bi problemi ta’ Saħħa Mentali fil-komunita’ biex kemm jista’ jkun pazjenti t’eta żgħira ma jkollhomx bżonn jiddaħħlu fl-isptar Monte Carmeli. -Servizzi t’Emerġenza: Tkompla l-iżvilupp tat-tim tas-servizz fl-emerġenza fl-isptar Mater Dei, billi s’issa hemm preżenza ta’psikjatra jew HST u zewġ infermiera. Qed ikomplu jsiru diskussjonijiet sabiex kontinwament jissaħħu s-servizzi li jingħataw mill-isptar Mater Dei u dawk tal-isptar Monte Carmeli. -Sptar Akut Psikjatriku Ġdid L-isptar Akut Psikjatriku Ġdid huwa ppjanat li jsir ħdejn l-isptar Mater Dei, dan biex il-pazjenti taż-żewġ sptarijiet jkollhom servizzi aħjar tal-kura fiżika u dik mentali – integrated care. Beda’ x-xogħol fuq l-ippjanar ta’ dan l-isptar billi sar il-medical brief, l-art qed tiġi ttrasferita lill-Ministeru għas-Saħħa u nħareġ tender għad-Design ta’ din il-faċilità. L-isptar sa jkollu madwar 120 sodda u jkollu sezzjoni ta’ Kura Intensiva. Sa jkun hemm taqsima ta’ Sptar ta’ Matul il-Jum (Day Hospital), biex isir moniteraġġ mill-qrib ta’ persuni li jgħixu fil-komunità li għalkemm m’għandhomx bżonn kura ġewwa l-isptar għandhom bżonn ikunu segwiti aktar mill-qrib. - Repurposing ta’ L-iSptar Monte Carmeli Sar refurbisment estensiv fis-sala għall-pazjenti bid-dual diagnosis. Is-sala ġiet mgħammra bis-sħiħ biex permezz t’għamara, aperturi u faċilitajiet sanitarji (anti-ligature) tkun addattata għal dawn il-klijenti biex it-terapija tingħata f’ambjent sikur u sabiħ. Hemm sezzjoni li hija ddedikata għal-pazjenti li għandhom bżonn ta’ kura aktar intensiva. Tlestew żewġ Isolation Units li huma sikuri biex jistgħu jakkomodaw lill-pazjenti b’diżordni mentali imma li jkunu qed isofru wkoll b’mard infettiv. Qed isir xogħol f’ żewġ swali tas-psychogeriatrics, peress li hemm domanda għal din it-tip t’akkomodazzjoni fis-soċjeta. Kull sala sa takkomoda 23 pazjent u sa jsir ġnien addattat għal dawn il-klijenti. Sa jsiru żewġ Isolation Units, biex jakkomodaw pazjenti b’mard psikjatriku meta jkunu qed isofru wkoll minn mard infettiv. Qed jiġi ppjanat ġnien fil-Young People’s Unit, bħala post terapwetiku għall-klijenti t’eta’ żgħira. Qed isir refurbishment fuq sala oħra għall-kura ta’ pazjenti li jkollhom bżonn t’ammissjoni aktar fit-tul minħabba problemi ta’ Saħħa Mentali. Qed tiġi ppjanata sala oħra li se sservi għall-istess kategorija msemmija hawn fuq u dalwaqt jinħareġ it-tender għax-xogħolijiet. Support lill-Persuni b’Diżordni Mentali -Rijabilitazzjoni u support Komplejna bil-ħidma biex persuni b’diżordni mentali ma jibqgħux jirċievu l-kura ġewwa l-isptar imma billi jibdew jgħixu fil-komunita’ ġewwa l-hostels. Persuni b’learning disability ma baqgħux jgħixu fl-isptar Monte Carmeli imma issa qed jgħixu fil-komunita’ ġewwa dar partikolari. Nsaħħu lill-Ħaddiema fil-qasam tas-Saħħa Mentali u nintroduċu Sistemi Ġodda Niżvilluppaw u nsostnu lill-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa mentali Preceptorship programme li ta sapport u taħriġ lill-infermiera ġodda biex jinżammu f’dan l-impieg. Ingħata taħriġ lill-infermiera li jinkludi safe wards project, Mental Health First Aid (li ngħata lill-ħaddiema tal-komunita’) u Coaching lill-managers tal-Infermiera kif ukoll taħriġ ieħor lill-management biex jitjieb is-servizz mogħti. Biex jiġu involuti il-professjonisti fil-qasam tas-saħħa mentali fid-deċiżjonijiet f’dan il-qasam qed isiru laqgħat ta’ konsultazzjoni bejn il-management u l-ħaddiema f’dan is-settur regolarment. Sar pjan biex jiġu ngaġġati kontinwament aktar professjonisti f’dan il-qasam sabiex ikun hemm aktar żvilupp fiż-żieda tal-professjonisti fil-qasam tas-Saħħa Mentali infatti qed isiru diskussjonijiet regolari biex jinħarġu applikazzjonijiet sabiex jiġu ngaġġati iktar ħaddiema professjonali f’dan il-qasam. Sabiex jiġi pprovdut sostenn psikoloġiku lill-ħaddiema fis-Saħħa Mentali qed jiġi pprovdut programm mill-ESP (Employee Support Programme).

Rapport Annwali tal-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 15583, jista’ l-Ministru jindika fiex kienu jikkonsistu in-nuqqasijiet imsemmija mill-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali u f’liema postijiet kienu dawn in-nuqqasijiet?

Response (FALZON, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lil Ministeru kkonċernat.

Abbużi fiżiċi u sesswali fuq it-Tfal -Azzjonijiet meħuda

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 22005, jista’ l-Ministru jindika is-sentenzi mogħtija lil 541 aggressur ta’ kazijiet li jinvolvu vittmi taħt it-18 il-sena?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninsab infurmat li fil-Qorti ta’ Malta u Għawdex ma tinżammx din it-tip ta’ statistika.
Leg 13 PQ #22065 Sitting 491 2021-10-04 Oral · Final From: MARIO DE MARCO To: Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol

Persuni li ma humiex pensjonanti li waqgħu fil-0% tax bracket

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 21454 u jgħid kemm-il persuna li mhijiex pensjonanta waqgħet fil-0% tax bracket fis-snin 2018, 2019 u 2020?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ persuni, mhux pensjonanti, li waqgħu fil-0% ‘tax bracket’ fis-Snin ta’ Stima 2018, 2019 u 2020 (Snin Bażi 2017, 2018 u 2019) huwa kif ġej: Sena Stima 2018: 57,627 Sena Stima 2019: 54,232 Sena Stima 2020: 65,360
Leg 13 PQ #22066 Sitting 491 2021-10-04 Oral · Final From: MARIO DE MARCO To: Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol

Ħlas ta’ taxxa fuq dħul attribwibbli għar-rata ta’ 35%

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 21455 u jgħid kemm-il persuna (individwi) ħallset taxxa fuq dħul attribwibbli għar-rata ta’ 35% fis-snin 2018, 2019 u 2020?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ persuni (individwi) li ħallsu taxxa fuq dħul attribwibbli għar-rata ta’ 35% fis-Snin ta’ Stima 2018, 2019 u 2020 (Snin Bażi 2017, 2018 u 2019) huwa kif ġej: Sena Stima 2018: 6,633 Sena Stima 2019: 7,936 Sena Stima 2020: 9,866
Leg 13 PQ #22067 Sitting 491 2021-10-04 Oral · Final From: MARIO DE MARCO To: Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol

Ħlas ta’ taxxa fuq dħul attribwibbli għar-rata ta’ 25%

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 21456 u jgħid kemm-il persuna (individwi) ħallset taxxa fuq dħul attribwibbli għar-rata ta’ 25% fis-snin 2018, 2019 u 2020?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ persuni (individwi) li ħallsu taxxa fuq dħul attribwibbli għar-rata ta’ 25% fis-Snin ta’ Stima 2018, 2019 u 2020 (Snin Bażi 2017, 2018 u 2019) huwa kif ġej: Sena Stima 2018: 119,705 Sena Stima 2019: 131,293 Sena Stima 2020: 150,104
Leg 13 PQ #22068 Sitting 491 2021-10-04 Oral · Final From: MARIO DE MARCO To: Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol

Dħul attribwibbli għar-rata ta’ 35% tax – ġbir ta’ taxxa minn individwi

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 21457 u jgħid kemm inġabret taxxa minn individwi fuq dħul attribwibbli għar-rata ta’ 35% tax fis-snin 2018, 2019 u 2020 rispettivament?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-taxxa li inġabret minn individwi fuq dħul attribwibbli għar-rata ta’ 35% tax fis-Snin ta’ Stima 2018, 2019 u 2020 (Snin Bażi 2017, 2018 u 2019) huwa kif ġej: Sena Stima 2018: Ewro 178,301,643 Sena Stima 2019: Ewro 210,747,156 Sena Stima 2020: Ewro 258,447,807
Leg 13 PQ #22069 Sitting 491 2021-10-04 Oral · Final From: MARIO DE MARCO To: Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol

Dħul attribwibbli għar-rata ta’ 25% tax bracket – ġbir ta’ taxxa minn individwi

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 21458 u jgħid kemm inġabret taxxa minn individwi fuq dħul attribwibbli għar-rata ta’ 25% tax bracket fis-snin 2018, 2019 u 2020 rispettivament?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-taxxa li inġabret minn individwi fuq dħul attribwibbli għar-rata ta’ 25% tax fis-Snin ta’ Stima 2018, 2019 u 2020 (Snin Bażi 2017, 2018 u 2019) huwa kif ġej: Sena Stima 2018: Ewro 414,342,641 Sena Stima 2019: Ewro 473,805,211 Sena Stima 2020: Ewro 560,653,645