Legislature:
Category:
Reset
Active:

Wied iż-Żurrieq — pjanijiet għal tisbiħ u upgrading tal-faċilitajiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi pjanijiet hemm għat-tisbiħ u upgrading tal-faċilitajiet u ż-żona ta' Wied iż-Żurrieq bħala żona turistika li qed tattira numru dejjem jikber ta' turisti?

Response (MIZZI, KONRAD)

Il-Ministeru tat-Turiżmu flimkien mal-Foundation for Tourism Zone Development ser ikun qed jikkonsulta dwar l-upgrade meħtieġ għal dan is-sit importanti.

Postijiet addizzjonali f’residenzi għall-anzjani

Question

Jista’ l-Ministru jgħarraf lil din il-Kamra xi pjanijiet hemm għal postijiet addizzjonali f’residenzi tal-anzjani biex ikunu pprovduti mid-Dipartiment tal-Anzjani inkluż ir-residenza San Vinċenz għas-snin 2017, 2018, 2019 u 2020?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, hemm diversi pjanijiet għal postijiet addizzjonali f'residenzi tal-anzjani f'diversi lokalitajiet f'Malta u Għawdex. Huwa ppjanat li dawn il-postijiet addizzjonali joffru servizzi varji innovattivi inkluż servizzi speċjalizzati fil-kura tad-dimensja.

Djar Residenzjali — Servizzi ta’ Psikjatra għal residenti b’diżabilità intelletwali u li jbatu min-nuqqas ta’ saħħa mentali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’servizz ta’ psikjatra għandhom residenti b’diżabilità intelletwali u li jbatu wkoll min-nuqqas ta’ saħħa mentali? Kemm hemm residenti f’Djar Residenzjali li għandhom dawn iż-żewġ diżabilitajiet? Jista’ jgħid ukoll jekk dawn ir-residenti għandhomx care plan bħalma hemm indikat fil-Liġi dwar is-Saħħa Mentali?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-Aġenzija Sapport għandha 53 resident li għandhom diżabilità intellettwali jew problemi ta' saħħa mentali u li jagħmlu użu mis-servizz ta' psikjatra. Kull wieħed u waħda minn dawn ir-residenti għandhom Individual Support Plan jew pjan ta' kura.

Aġenzija Sapport — Servizzi lil persuni b’diżabilità meta l-ġenituri imutu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’servizzi ta’ sapport jagħtu l-Aġenzija Sapport għal dawk il-persuni b’diżabilità li l-ġenituri tagħhom ikunu mietu?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, f'każ li persuna b'dizabilità imutulha l-ġenituri tagħha u jsir kuntatt mal-Aġenzija Sapport, il-ħaddiema soċjali tal-Aġenzija jevalwaw il-każ ikkonċernat u joffru l-għajnuna meħtieġa lill-familjari jew lill-persuna b'diżabilità skont il-bżonn tal-individwu u s-sitwazzjoni tal-familja. Anke f'każi bħal dawn, l-Aġenzija Sapport tista' toffri servizzi residenzjali, servizzi fil-komunità, servizzi tal- Independent Community Living u kif ukoll dawk tal- Personal Assistant .

Jobsplus — Skemi għal persuni b’diżabilità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ skemi jeżistu mill-Jobsplus biex jiġu megħjuna persuni b’diżabilità sabiex isibu impieg? Jista’ jgħid ukoll jekk il-Jobsplus għandhomx xi skema ta’ work exposure għal dawn il-persuni u kif taħdem din l-iskema?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li dan il-Gvern nieda diversi skemi biex jiġu megħjuna persuni b’diżabilità sabiex isibu impjieg. Il-Fondazzjoni Lino Spiteri (LSF), ġiet imwaqqfa bejn l-Jobsplus u min iħaddem. Il-missjoni ta’ din il-Fondazzjoni hija li tgħin kemm lil min iħaddem kif ukoll lill-persuni b'diżabbiltà biex it-tnejn ikunu jistgħu jibbenefikaw minn suq tax-xogħol aktar aċċessibbli u aktar divers bl-għajnuna tal- job coaches.Il-Fondazzjoni għandha l-għan li ssib modi biex bihom tneħħi l-barrieri u tkabbar l-opportunitajiet ta' xogħol għal persuni b'diżabbiltà. Il-Fondazzjoni tipprovdi servizz ippersonalizzat bi pjan t’azzjoni skont il-ħtieġa tal-persuni b'diżabbiltà. Min-naħa l-oħra Jobsplus tgħin b’diversi modi biex persuni b’diżabbiltà jitħarrġu u jsibu impjieg, inkluż diversi skemi u programmi ta’ għajnuna mill-Fond Nazzjonali u oħrajn iffinanzjati parzjalment mill-Unjoni Ewropea. Il-Programm Sheltered Employment Training jipprovdi taħrig assistit għal persuni b’diżabiltajiet aktar severi bl-għan li jtejjbu l-ħiliet tagħhom għad-dinja tax-xogħol. Diversi job coaches huma assenjati jissapportjaw lill-persuni li jattendu tul is-sena programm ta’ taħrig li jinkludi perjodu f’ambjent tax-xogħol. Job Bridge Training and Development Centre, huwa centru li jiffoka fuq taħrig speċifiku li jiffoka fuq ħiliet ta' impjegabbilità u soċjali kif ukoll ħiliet għal ħajja indipendenti fost l-oħrajn. L-iskema Bridging the Gap (BTG) toffri opportunità ta’ prova fuq il-post tax-xogħol (work exposure) lill-persuni b’diżabilità għal numru ta’ ġimgħat (skont il-bżonn). Matul il-perjodu miftiehem, il-persuni jingħataw allowance fil-gimgħa minn Jobsplus, ekwivalenti għal 80% tal-paga minima nazzjonali. Jekk il-persuna ddum aktar minn tnax-il ġimgħa f’din l-iskema, hi trid iċċedi l-benefiċċji tas-Sigurtà Soċjali tagħha. Min-naħa l-oħra min jimpjega ma jkunx obbligat li jħallas il-kontribuzzjoni tas-Sigurtà Soċjali, il-paga u benefiċċji oħra bħas-sick leave. L-iskema Access to Employment (A2E), kofinanzjata mill-Fond Soċjali Ewropew u l-Gvern Malti, tipprovdi sussidju ta €125 fil-ġimgħa għal kull persuna b'diżabbiltà ġdida f’impjieg full-time għal 156 ġimgħa. Fil-każ ta’impjieg part-time jingħata sussidju pro-rata ta’ jew 20, 25 jew 30 siegħa fil-ġimgħa. Barra minn hekk, kumpaniji (mhux governattivi) jistgħu jitolbu biex: - jiġu e ż entati mill-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali għall-impjegati rreġistrati b’diżabilità; - jirċievu inċentiv fiskali ta’ 25% tas-salarju bażiku annwali għal kull persuna b’dizabilità diġà impjegata sa massimu ta’ € 4,500, immedjatament wara t-tmiem ta’ kull sena kalendarja.

Servizzi fil-Komunità biex jiġu megħjuna persuni b’diżabilità u min jieħu ħsiebhom

Question

Jista’ l-Ministru jindika fid-dettal is-servizzi kollha li jeżistu fil-komunità sabiex jiġu megħjuna persuni b’diżabilità u min jieħu ħsiebhom?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, s-servizz fil-komunità eżistenti mmirati għal persuni b'diżabilità jikkonsistu f'li ġej: 1. Direct Payment - fejn jingħataw fondi sabiex familji li għandhom persuni b'diżabilità jkollhom servizz fid-dar għal ħinijiet qosra sa 12-il siegħa matul il-ġimgħa minn aġenziji privati li jassistu f'għajnuna ta' kura għal persuna b'diżabilità skont il-bżonn; 2. Community Services - fejn impjegati tal-Aġenzija Sapport jaħdmu mal-klijenti fil-komunità sabiex jgħinuhom biex ikollhom kwalità ta' ħajja aħjar; 3. Independent Community Living (ICL) - fejn jingħataw fondi sabiex familji li għandhom persuni b'diżabilità jkun jista' jkollhom servizz kemm fid-dar u fil-komunità għal iktar minn 13-il siegħa, skont il-każ; u 4. Personal Assistance Fund (PAF) - sabiex persuni b'diżabilità bi bżonnijiet partikolari jkun jista' jkollhom persuna li tatihom is-servizz bħala live in carer u saħansitra jkun hemm iċ-ċans li jieħdu servizzi minn professjonisti oħra skont it-talba u l-fond mogħti.

Stipendju tal-istudenti tal-Università

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-bolla tinqatax mill-istipendju tal-istudenti tal-Università jew jingħatawx xi credits għall-fini tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-miżura tal-baġit rigward credits tas-sigurtà soċjali ġiet implimentata mill-Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali. Għalhekk, ġentilment nitlob l-Onor. Interpellant sabiex jindirizza din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat. Rigward bolla għandu jiġi nnotat illi ma ssir ebda deduzzjoni mill-ammont ta’ stipendju dovut lill-istudenti għajr għal tnaqqis ta’ assentiżmu, fejn applikabbli. L-istipendju, inkluż l-istipendju supplimentari, mhuwiex taxxabbli.

Università ta’ Malta – studenti fil-kors ta’ għalliema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm studenti fl-Università ta’ Malta li qegħdin jagħmlu l-kors ta’ għalliema sena b’sena (l-ewwel sena, it-tieni sena eċċ)? Jista’ l-Ministru jgħid jekk dan in-numru huwiex biżżejjed għall-esiġenzi futuri tal-iskejjel tal-gvern, kif ukoll dawk privati? X’tibdiliet ser isiru dwar lawriji li jistgħu jinkisbu mill-Università ta’ Malta sabiex wieħed ikun jista’ jsir għalliem/a?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-għadd ta’ studenti li fis-sena akkademika 2016/7 qed isegwu kors li jwassal għall-professjoni ta’ għalliem huwa kif jidher fit-tabella hawn taħt: Fakultà/Istitut Kors Sena Total Fakultà tal-Edukazzjoni Bachelor of Education (Honours) 2 79 3 81 4 126 Master in Teaching and Learning 1 48 Fakultà Total: 334 Total 334 Il-fatt li, kif qed jiġri fl-Ewropa kollha, diġà qed nesperjenzaw nuqqas ta’ għalliema f’numru ta’ suġġetti u anke l-fatt li n-numru ta’ studenti li qed isegwu l-kors biex isiru għalliema qiegħed jonqos jurina li n-numru mhux se jkun biżżejjed għall-esiġenzi futuri tal-iskejjel. Minħabba li l-Ministeru huwa konxju minn dan, twaqqaf working group – Evaluation of the Teaching Profession - biex jindirizza din is-sitwazzjoni. Dan il-working group jinkludi rappreżentanti mid-Direttorati, mill-Università, mill-MCAST u mill-MUT. Il-Fakultà tal-Edukazzjoni wettqet riforma li bdiet isseħħ minn Otturbru 2016, fejn il-korsijiet BEd(Hons) u PGCE m'għadhomx jiġu offruti, u flokhom hemm kors postgraduate li jwassal għall-grad ta’ Master in Teaching & Learning (MTL). Din ir-riforma saret wara diskussjonijiet li bdew fl-2013 u bl-appoġġ tal-istituzzjonijiet edukattivi lokali, fosthom il-Ministeru.

Kawżi fiċ-ċivil — inqas dewmien

Question

Jista' l-Ministru jieħu passi sabiex kawżi fiċ-ċivil li fosthom hemm li ilhom aktar minn 10 snin, jista' jara kif jonqos id-dewmien ta' dawn il-kawżi minħabba diferimenti li qed jingħataw, fost l-oħrajn għall-perjodu ta' ħames xhur?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan il-Gvern ħa diversi miżuri biex jitnaqqas id-dewmien fil-kamp Ċivili, liema miżuri taw ir-riżultati u dan ġie rikonoxxut diversi drabi mill-Kummissjoni Ewropea. Tant hu hekk li l-ammont ta' kawżi ċivili sew jekk fl-ewwel smiegħ u sew fl-appell, sew jekk quddiem il-Qorti Ċivili u sew jekk hu quddiem xi Bord ta' natura ċivili li ilhom għaddejjin 10 snin jew iktar illum niżlu għal 5 fil-mija tal-kawżi kollha ċivili. Ma jfissirx li l-Gvern se jieqaf il-ħidma u l-mira hi li kawżi li jdumu 10 snin biex jinqatgħu tkun xi ħaġa tal-passat.
Leg 13 PQ #732 Sitting 15 2017-07-10 Oral · Final From: STEPHEN SPITERI To: Ministeru għas-Saħħa

Sptar Mater Dei – persuni li ħadu t-trattament tal-IVF

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kien hemm persuni li ħadu t-trattament tal-IVF fl-Isptar Mater Dei mill-2015 sal-lum? Jista’ jgħid kemm minn dawn il-persuni kellhom suċċess b’dan it-trattament u kemm hu kkalkulat illi ħallset kull pazjenta f’mediċini / injections qabel sar l-IVF?

Response (FEARNE, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bejn Jannar 2015 u Mejju 2017 saru 479 ċiklu ta’ IVF ġewwa Mater Dei. Sa issa twieldu 75 tarbija u mistennija li jitwieldu 36 tarbija oħra sa tmiem din is-sena. Waqt li t-trattament kollu li jingħata fl-isptar huwa bla ħlas, l-ispiża għall-mediċina tvarja skont it-trattament li jkun hemm bżonn jingħata.

Wied il-Għajn — Child Care Centres

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm child care centres f’Wied il-Għajn peress li f’din il-lokalità joqogħdu ammont kbir ta’ ommijiet xebbiet u persuni separati?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm żewġ childcare centres fil-lokalità ta’ Wied il-Għajn.
Leg 13 PQ #734 Sitting 15 2017-07-10 Oral · Final From: STEPHEN SPITERI To: Ministeru għas-Saħħa

Żieda ta’ Ċentri tas-Saħħa

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif jekk il-Gvern għandux pjanijiet biex jiżdiedu ċ-Ċentri tas-Saħħa speċjalment f’lokalitajiet kbar bħal Marsaskala?

Response (FEARNE, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bħalissa d-Dipartiment tal-Kura Primarja għaddej bix-xogħol neċessarju sabiex jinfetaħ Ċentru tas-Saħħa ġdid f’Ħal Kirkop.Permezz ta’ dan iċ-ċentru ser ikunu qed jibbenefikaw ir-residenti ta’ Ħal Safi, iż-Żurrieq, Ħal Kirkop, il-Qrendi, l-Imqabba u Ħal Luqa. Apparti minn hekk, infakkar lill-Onor. Interpellant illi dan il-gvern qed jinvesti fil-proġett Paola Hub, fejn ser ikun qed jinbena Ċentru tas-Saħħa ta’ eċċellenza fil-qalba ta’ Raħal Ġdid li minnu mal-140,000 persuna mistennija tibbenefika u dan ser ikun punt ta’ riferiment mediku għal dawk li jgħixu fin-Nofsinhar ta’ Malta.

Child care b’xejn

Question

Jista’ l-Ministru jgħid illum kemm huwa n-numru ta’ familji li qed jibbenefikaw mis-servizz b’xejn ta’ child care?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li hemm 7,361 il-ġenitur/kustodju legali li qed jibbenefika mis-servizz b’xejn ta’ childcare, taħt l-iskema ta’ Childcare bla Ħlas li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ April 2014.

Child Care Centres – rapporti ta’ maltrattament tat-tfal

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm rapporti ta’ maltrattament tat-tfal li jattendu ċ-Child Care Centres minn min jieħu ħsiebhom jew mill-ġenituri tat-tfal stess? Kemm-il darba saret spezzjonif’kull Ċentru f’dawn l-aħħar tliet snin?’

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li minn mindu r-responsabbiltà taċ-Childcare Centres imxiet mid-DSWS għall-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol f’Lulju tal-2016, id-Direttorat tal-Kwalità u Standards fl-Edukazzjoni (DKSE) irċieva 60 rapport (23.06.2017) li l-ebda wieħed minnhom ma kien relatat ma’ maltrattament mill-ġenituri tat-tfal stess. Ta’ min wieħed isemmi li f’każijiet ta’ allegat abbuż mill-ġenituri, hija prassi standard li dan jiġi riferut lill-awtorità konċernata (Appoġġ) u għal raġunijiet ta’ kunfidenzjalità dawn mhux dejjem jaslu għand id-DKSE. Madwar 25% tar-rapporti li rċieva d-DKSE kienu relatati mar-ratio tal-carers mat-tfal skont l-istandards stabbiliti fl-2006 u li jistgħu jinstabu http://education.gov.mt/en/childcareservices/Pages/Standards-for-Child-Day-Care.aspx ) u/jew relatati man-numru massimu ta’ tfal li ċ-ċentru għandu permess li jżomm f’mument wieħed partikolari, filwaqt li 17% kienu rapporti li jallegaw negliġenza mill-carers. Il-bqija tar-rapporti kienu jvarjaw fuq aspetti differenti bħal indafa fiċ-ċentri (madwar 17%) u, kif wieħed jistenna f’din l-età tenera, kien hemm rapporti ta’ inċidenti varji bejn it-tfal stess (madwar 22%). Kull rapport li daħal ġie investigat u ttieħdu passi skont il-każ filwaqt li min għamel ir-rapport ġie infurmat bil-passi li ttieħdu filwaqt li jinżamm kuntatt kemm maċ-ċentru kif ukoll ma’ min għamel ir-rapport sabiex ikun segwit il-progress. Dan kollu jsir bl-għan prinċipali biex inkomplu naħdmu flimkien ma’, u fl-istess ħin nedukaw lil ġenituri u kif ukoll lil kull min jaħdem f’dan is-settur li għadu pjuttost ġdid għal pajjiżna. S’issa d-DKSE spezzjona kull ċentru u fejn kien meħtieġ saret aktar minn spezzjoni waħda u/jew laqgħat mal-Legally Responsible Person u s-Centre Manager sabiex inkomplu nsaħħu l-proċess ta’ titjib fil-kwalità tas-servizz. Bħalissa qegħdin fil-proċess biex terġa’ ssir spezzjoni oħra f’kull ċentru (madwar 107) sa Novembru li ġej.
Leg 13 PQ #737 Sitting 15 2017-07-10 Oral · Final From: GODFREY FARRUGIA To: Ministeru għas-Saħħa

Xiri ta’ mediċina tal-kannabis

Question

Peress li f'April tal-2015 kienet għaddiet liġi dwar id-Droga tal-Abbuż u li bis-saħħa tagħha pazjent seta’ jixtri mediċina awtorizzata tal-kannabis (manifatturatta b'mod sintetiku jew direttiva tal-prodott innifsu), iżda din il-parti tal-liġi qatt ma ġiet implementata b'mod amministrattiv mill-Ministeru tas-Saħħa għalkemm kemm il-Ministeru tad-Drittijiet Ċivili kif ukoll l-Awtorità tal-Mediċina jaqblu li l-pazjenti għandhom igawdu minn din il-kura, li ttaffi numru ta' sintomi. Jista’ għaldaqstant il-Ministru jgħid x’qed iżomm lil Licencing Authority u lid-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika milli jwettqu l-implementazzjoni tagħha?

Response (FEARNE, CHRISTOPHER)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għall-artiklu 10 ta’ l-att Drug Dependence (treatment and not Imprisonment) fejn skont dan l-att, Speċjalista mil-lista msemmija jista’ jitlob permess lill-Awtorita’ dwar mediċina għal-pazjent speċifiku (named patient basis) dwar estratti tal-pjanti tal-cannabis li huma manufatturati taħt “good manufacturing practice” . Ninfurmah ukoll illi bħalissa qegħda titħejja liġi biex dan ikun jista’ japplika ukoll għal dawk il-mediċini sintetiċi.

Ministeru għall-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali — direct orders

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ direct orders li ngħataw mid-dipartimenti u l-entitajiet li jifformaw parti mill-Ministeru li jmexxi u dan għall-perjodu mill-1 ta' Mejju 2017 sat-2 ta' Ġunju 2017?

Response (BORG, IAN)

L-Informazzjoni għadha qed tinġabar
Leg 13 PQ #72 Sitting 14 2017-07-05 Oral · Final From: MARIO DE MARCO To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — direct Orders

Question

Tista’ l-Ministru tagħti lista ta’ direct orders li ngħataw mid-dipartimenti u l-entitajiet li jifformaw parti mill-Ministeru li tmexxi u dan għall-perjodu mill-1 ta' Mejju 2017 sat-2 ta' Ġunju 2017?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.

Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali — direct Orders

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ direct orders li ngħataw mid-dipartimenti u l-entitajiet li jifformaw parti mill-Ministeru li jmexxi u dan għall-perjodu mill-1 ta' Mejju 2017 sat-2 ta' Ġunju 2017?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba minnu tinsab fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 13 PQ #74 Sitting 14 2017-07-05 Oral · Final From: MARIO DE MARCO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru — sponsorships

Question

Jista’ l-Prim Ministru jagħti lista ta' sponsorships li ngħataw mid-dipartimenti u l-entitajiet li jifformaw parti mill-Ministeru li jmexxi u dan għall-perjodu mill-1 ta' Mejju sat-2 ta' Ġunju 2017?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jispeċifika għal liema sponsorships qiegħed jirreferi.