Legislature:
Category:
Reset
Active:

Investigazzjonijiet ta’ corrupt practices

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk humiex għaddejjin investigazzjonijiet ta’ corrupt practices li seħħew fil-ġimgħatejn ta’ qabel l-elezzjoni ġenerali li saret fit-3 ta’ Ġunju 2017 u fit-3 ta’ Ġunju stess?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill Onor. Interpellant li b’referenza għall-mistoqsija 590, għandu jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 589.

Pulizija – rapporti ta’ ġuramenti foloz waqt l-Elezzjoni Ġenerali tat-3 ta’ Ġunju 2017

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-pulizija kelliex rapporti ta’ ġuramenti foloz meħuda waqt il-votazzjoni fl-Elezzjoni Ġenerali tat-3 ta’ Ġunju 2017?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill Onor. Interpellant illi ninsab infurmat illi l-pulizija ma kelliex rapporti ta’ ġuramenti foloz li gew meħuda waqt il-votazzjoni fl-Elezzjoni Ġenerali tat-3 ta’ Ġunju 2017.

Pulizija – investigazzjoni dwar allegat ta’ xiri ta’voti fl-elezzjoni ġenerali 2017

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-pulizija hijiex qed tinvestiga allegazzjonijiet ta’ xiri ta’ voti fl-Elezzjoni Ġenerali tat-3 ta’ Ġunju 2017?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill Onor. Interpellant illi ninsab infurmat illi l-Pulizija mhix tinvestiga allegazzjonijiet ta’ xiri ta’ voti relatati mal-Elezzjoni Ġenerali tat-3 ta’ Ġunju 2017..

Bejgħ ta’ post – energy performance certification

Question

Jista' l-Ministru jgħid mil-liema sena daħal fis-seħħ il-proviżjoni tal-Energy Performance Certification li għandu jiġi ppreżentat meta jinbiegħ post?

Response (BORG, IAN)

Infurmat li fir-rigward ta’ postijiet magħrufa bħala Dwellings (postijiet t’abitazzjoni) il-ħtieġa taċ-Ċertifikat daħlet fis-seħħ fit-2 ta’ Jannar 2009 filwaqt li għal dawk li huma magħrufa bħala Non-Dwellings (dak li għandu x’jaqsam ma’ kull bini ieħor) din daħlet fl-1 ta’ Ġunju 2009.

Ġenituri akkużati li naqqsu li jibagħtu lill-uliedhom l-iskola

Question

Jista’ l-Ministru jgħarraf lill-Kamra kemm kien hemm ġenituri li ġew akkużati li naqqsu li jibagħtu lil uliedhom l-iskola fis-snin 2013, 2014, 2015 u 2016 kif ukoll jgħarraf lill-Kamra x’passi qed jittieħdu biex l-assentejiżmu mill-iskejjel jonqos?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ ġenituri li ġew akkużati li naqsu li jibagħtu lill-uliedhom l-iskola fis-snin 2013, 2014, 2015 u 2016 kienu kif ġej: Sena Skolastika 2013 - 2014 Kulleġġi Kontravenzjonijiet Gozo College 19 Maria Regina College 186 St. Benedict College 90 St. Clare College 129 St. Gorg Preca College 498 St. Ignatius College 170 St. Margaret College 223 St. Nicholas College 40 St. Theresa College 130 St. Thomas More College 111 St Patrick Salesians 3 Total 1599 Sena Skolastika 2014 - 2015 Kulleġġi Kontravenzjonijiet Gozo College 13 Maria Regina College 217 St. Benedict College 64 St. Clare College 87 St. Gorg Preca College 268 St. Ignatius College 214 St. Margaret College 132 St. Nicholas College 33 St. Theresa College 109 St. Thomas More College 153 St Patrick Salesians 4 Total 1294 Sena Skolastika 2015 - 2016 Kulleġġi Kontravenzjonijiet ALP 38 Gozo College 24 Maria Regina College 177 St. Benedict College 42 St. Clare College 143 St. Gorg Preca College 187 St. Ignatius College 124 St. Margaret College 128 St. Nicholas College 39 St. Theresa College 58 St. Thomas More College 177 St Patrick Salesians 7 National Sports School 2 Total 1146 Dawn huma l-passi li qed jittieħdu biex l-assentejiżmu mill-iskejjel tal-Istat jonqos: 1. Monitoraġġ regolari tal-attendenza permezz tal- E1 platform mill-ħaddiema soċjali. 2. Interventi bikrija mill-iskola ma’ studenti li ma jattendux l-iskola regolari. 3. Moniteraġġ kull xahar mill- Principal Social Worker u s- Senior Social Worker tal-interventi li jsiru mill-ħaddiema soċjali ma’ dawn l-istudenti u l-familji tagħhom. 4. Komunikazzjoni kontinwa bejn id-Direttur tas-Servizzi Nazzjonali ta’ Sapport Għall-Iskejjel u l- Principal Social Worker dwar il-ħidma tal-ħaddiema soċjali kif ukoll evalwazzjoni tad-data maħruġa mis-SIS kull term tal-attendenza tal-istudenti kollha. 5. Introduzzjoni tal- Medical Certificate Record Card għal kull student minn Novembru 2014 u monitoraġġ regolari ta’ ċertifikati mediċi. 6. Involviment tal- Learning Zones mat-tfal li huma f’riskju li jfallu. 7. L- Alternative Learning Programme li jiġi provdut għal studenti li huma fil-Form 5 li huma batuti akkademikament u anke ma jattendux l-iskola regolari jew xejn. 8. L-introduzzjoni tal-Miżura tal-Baġit 88 li permezz tagħha sal-aħħar tas-sena 2017 ser titjieb il-kwalità tal-ħajja ta’ 700 student b’diffikultajiet. Dan is-servizz ser jibda billi jingħata lil tfal bejn it-3 u l-10 snin. Is-servizz ser itejjeb l-esperjenza edukattiva ta’ dawn l-istudenti u ser ikun wieħed personalizzat fejn il-bżonnijiet tal-istudent partikolari jibdew jiġu indirizzati b’mod iffukat, speċifiku u ħolistiku. 9. Disseminazzjoni kontinwa fil-Kulleġġi mal-ġenituri, l-istudenti u mal-istaff fi ħdan is-Servizzi Edukattivi Psiko-Soċjali dwar il-Politika Nazzjonali, Strateġija u Proċeduri dwar l-Attendenza. 10. Kollaborazzjoni bejn id-Direttorat għal Servizzi Edukattivi u l-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali biex tissaħħaħ il-ħidma ħolistika ma’ dawn l-istudenti u l-familji tagħhom. 11. Miżuri legali: a. Tinżamm komunikazzjoni regolari mal-Kummissarju tat-Tribunali Reġjonali li tippresiedi l-kawżi dwar l-assentejiżmu. Il-ħaddiema soċjali jattendu għal kull seduta tat-tribunal u jipprovdu informazzjoni dwar l-istudent/a lill-Kummissarju. b. Involviment tal-Korp tal-Pulizija biex jassistu lill-ħaddiema soċjali biex jintlaħqu ġenituri li mhux qed jikkollaboraw. ċ. Ġew preżentati emendi fil-liġi dwar l-Edukazzjoni Kapitlu 327 biex jintlaħqu studenti li l-ġenituri tagħhom ma jikkollaborawx mal-iskola u l-professjonisti. Ma’ dawn il-miżuri msemmija baqgħu jingħataw is-servizzi tal-professjonisti kollha fi ħdan is-Servizzi Edukattivi Psiko-Soċjali lil dawn l-istudenti flimkien mal-ħaddiema soċjali skont in-natura tal-każ.

Johann Strauss School of Music – studenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħarraf lill-Kamra kemm hemm studenti li qegħdin jattendu l-Johann Strauss School of Music? Xi pjani hemm għal din l-iskola fil-futur u hemmx ħsieb li t-tagħlim tagħha jinfirex madwar Malta possibilment bl-użu tal-iskejjel wara l-ħin tal-iskola?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ studenti li qegħdin jattendu l-Johann Strauss School of Music hu ta' 794. L-iskola qed timmira li twassal lil kull student fl-Iskola tal-Mużika Johann Strauss għall-ogħla livell f’daqq profiċjenti, eżekuzzjoni, kreattività, u musicianship, permezz ta’ numru ta’ programmi mużikali stimulanti, effettivi u individwali, kif ukoll permezz ta’ opportunitajiet distintivi.

Ħal Kirkop – overflow ta’ drenaġġ

Question

Jista’ l-Ministru jgħarraf lil din il-Kamra x’passi hemm ippjanati li jittieħdu biex tiġi indirizzata problema rikorrenti ta’ overflow ta’ drenaġġ fi Triq Valletta Ħal Kirkop dwar liema problema ilha tinġibed l-attenzjoni tal-awtorità responsabbli?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ddisinjat soluzzjoni għal din il-problema ġewwa Triq Valletta, Ħal Kirkop u ser tkun qed tagħmel ix-xogħolijiet neċessarji fiż-żmien li ġej.

Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi – investigazzjonijiet dwar każijiet ta’ rqajja’ kbar ta’ ħmieġ u rawgħa f’Tas-Sliema u San Ġiljan

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu l-investigazzjonijiet tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi dwar il-każijiet ta' rqajja’ kbar ta’ ħmieġ u ragħwa f'Tas-Sliema u San Ġiljan matul Ġunju 2017?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin għalhekk l-ERA mhijiex f'pożizzjoni li tikkummenta aktar sakemm ma jkunux disponibbli riżultati konklussivi li jipprovdu aktar informazzjoni dwar din l-okkorrenza.

Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi – rapporti każijiet ta' rqajja’ kbar ta’ ħmieġ u ragħwa

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm irċeviet rapporti l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi dwar każijiet ta' rqajja’ kbar ta’ ħmieġ u ragħwa matul ix-xahar ta' Ġunju 2017?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul ix-xahar ta’ Ġunju, Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi rċeviet rapporti fuq każ wieħed relatat ma’ rqajja’ ta’ ħmieġ u ragħwa li oriġinaw mill-baħar u li kienu meqjusa bħala kbar hekk li damu iktar minn jum wara r-rapport. L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi rċiviet ukoll rapporti fuq żewġ każijiet oħrajn ta’ rqajja’ li oriġinaw mill-baħar f’Ġunju, li madankollu ma kinux għadhom hemm meta saru l-ispezzjonijiet ftit wara li ntlaqgħu ir-rapporti.

Investigazzjonijiet dwar il-ħruq fl-Impjant ta’ Sant’Antnin

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu l-investigazzjonijiet tal-awtoritajiet kompetenti dwar il-ħruq estensiv li seħħ nhar it-Tnejn 22 ta' Mejju 2017 fl-impjant ta' Sant'Antnin li huwa mmexxi mill-kumpanija WasteServ Malta Limited?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant jindirizza l-mistoqsija tiegħu lill-Awtoritajiet kompetenti li qed jireferi għalihom.
Leg 13 PQ #610 Sitting 15 2017-07-10 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Ministeru għat-Turiżmu

Malta u Għawdex – upgrading ta’ partijiet mill-kosta u mill-bajjiet permezz ta’ public private partnership

Question

Jista' l-Ministru jgħid b'mod speċifiku liema partijiet mill-kosta u mill-bajjiet f'Malta u Għawdex il-Gvern qiegħed jikkunsidra li jagħmel upgrading tagħhom permezz ta' public private partnership?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern jikkunsidra possibiltajiet biex isir upgrading tal-bajjiet matul il-kosta ta’ Malta bl-għan li jkunu aktar acċċessibli u b’faċilitajiet aħjar għall-pubbliku. S’issa l-Gvern qiegħed jevalwa l-parti ta’ fejn qabel kien hemm ix-Chaletbiex isir dan it-tip ta’ upgrading. Tajjeb infakkru li din il-bajja se tkun waħda pubblika u b’xejn.
Leg 13 PQ #611 Sitting 15 2017-07-10 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Ministeru għat-Turiżmu

Tas-Sliema – Chalet — upgrading

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'konsultazzjoni għamel mal-Kunsill Lokali ta' Tas-Sliema dwar il-proposta tal-Gvern li jsir upgrading taż-żona tax-Chalet, f’Tas-Sliema?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern għandu ppjanat li jikkonsulta mall-Kunsill Lokali b’mod formali fiż-żmien li ġej. Madanakollu diġà sar kuntatt mas-Sindku tal-Lokal.

Widien imnaddfa

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema widien ġew imnaddfa matul il-perijodu mill-1 ta' Jannar 2017 sat-2 ta' Ġunju 2017 mid-Dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbilità tiegħu?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-Sezzjoni tal-Immaniġġjar tal-Widien twettaq diversi interventi fil-widien li jinkludu xogħlijiet ta’ riabilitazzjoni, ħarsien tal-infrastruttura rurali fil-korsi tal-ilma, u kontroll ta’ speċijiet aljeni u invażivi. Ħafna minn dawn ix-xogħlijiet jiġu mwettqa fix-xhur tas-sajf minħabba li fix-xitwa ħafna widien ma jkunux aċċessibli minħabba l-ilma tax-xita. Fil-perjodu bejn 1 ta’ Jannar 2017 sat- 2 ta’ Ġunju 2017 twettqu numru ta’ xogħlijiet ta’ manutenzjoni fil-widien fost l-oħrajn: · Tiswija ta’ trejqa li tintuża mil-bdiewa f’Wied il-Qlejgħa, Rabat, li saritilha ħsara minħabba l-effetti tal-għargħar u offroading ; · Tneħħija ta’ siġar ta’ l-akaċja li qed jostakolaw it-triq ta’ Wied il-Qlejgħa; · Tneħħija ta’ materjal, skart u arbuxelli u siġar invażivi f’Wied is-Sewda, Wied il-Kbir u Wied iċ-Ċawsli, f’Ħal Qormi; · Tneħħija ta’ materjal u siġar invażivi li kibru fil-kanal ta’ taħt ir- roundabout tal-Lowenbrau, Qormi; · Tneħħija ta’ skart u siġar tar-riġnu minn ħdejn it-troll, f’Wied Baqqiegħa, f’Ħaż-Żebbuġ; · Tneħħija ta’ qasab mil-kanal ta’ ħdejn il-Marsa Sports Centre; · Assistenza lil Għaqda tar-Residenti ta’ Santa Marija Estate, Mellieħa, fil-proġett tar-restawr ekoloġiku ta’ Wied Għajn Żejtuna. Xogħlijiet jinkludu tneħħija ta’ materjal u kontrol ta’ arbuxelli invażivi; u · Preparamenti f’Wied Qannotta, Burmarrad, għax-xogħlijiet ta’ tneħħija tal-qasba l-kbira li se jitwettqu fis-sajf. Dawn il-preparamenti jinkludu tneħħija ta’ ħaxix ħażin u xogħlijiet ta’ manutenzjoni fit-trejqa li tagħti għall-wied sa biex jiġi assigurat l-aċċess għat-trakkijiet tal-ġar.

lezzjonijiet tal-etika — studenti

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 2 jista' l-Ministru jgħid kemm huma dawk l-istudenti li qed jattendu għal-lezzjonijiet tal-etika?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Kors, jew Programm tal-Etika jiġi offrut lill-istudenti fl-edukazzjoni formali obbligatorja f’numru ta’ Skejjel Primarji u Sekondarji. F’dawk l-iskejjel fejn il-Programm tal-Etika mhux qed ikun offrut, l-obbligi leġislattivi ħierġa mill-Qafas għall-Kurrikulu Nazzjonali (National Curriculum Framework - NCF) qed jintlaħqu permezz tal-Programm tar-Reliġjon. Sal-lum, b’għażla mixtarra u meħuda b’mod kollettiv mill-Iskejjel tal-Knisja, il-Programm tal-Etika mhux qed jiġi offrut f’dan is-settur, għaldaqstant ma hemm l-ebda student, mit-total ta’ 15,240 (7,803 fil-Livell Primarju u 7,437 fil-Livell Sekondarju) li jattendu l-Iskejjel tal-Knisja, li qed jieħu l-Programm tal-Etika. Min-naħa l-oħra, it-total ta’ studenti fi Skejjel Indipendenti li jieħdu l-Programm tal-Etika jilħaq 1,235, b’mod aktar speċifiku 334 student fil-livell Primarju u 901 student fil-livell Sekondarju. Dan ifisser li minn total ta’ 3,569 student fi Skejjel Primarji Indipendenti, 9.4% qed jieħdu l-Programm tal-Etika, filwaqt li minn total ta’ 2,365 student fi Skejjel Sekondarji Indipendenti, 38.1% jieħdu l-Programm tal-Etika. Dan jissarraf f’perċentwal globali għas-settur Indipendenti ta’ 20.8% mit-total ta’ 5,934 student fil-Primarji u Sekondarji Indipendenti. Fuq livell nazzjonali (Skejjel tal-Istat, tal-Knisja u Indipendenti), attwalment it-total ta’ numru ta’ studenti li jattendu l-edukazzjoni obbligatorja huwa ta’ 46,975 student (26,173 fil-Livell Primarju, u 20,802 fil-Livell Sekondarju). Għaldaqstant, it-total ta’ 2,459 student li jieħu l-Programm tal-Etika fl-Edukazzjoni Obbligatorja fuq livell Nazzjonali (1,224-Skejjel tal-Istat; 0-Skejjel tal-Knisja; 1,235-Skejjel Indipendenti), huwa 5.2% tat-total ta’ studenti fil-Livell Primarju u Sekondarju.

Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar – entitajiet u dipartimenti

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista sħiħa tal-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħtu u għal kull entità jgħid min hu/hi l-persuna li jmexxi l-entità?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Għajnuna lill-kumpanija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’għajnuna ta lill-kumpanija, li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, f’dawn l-aħħar tliet snin?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kumpanija msemmija ngħatat diversi għajnuniet li huma kontemplati fil-Business Promotion Act u fil-Malta Enterprise Act fosthom inċentivi finanzjarji u fiskali. Kif kontemplat fl-istess liġijiet, l-informazzjoni fuq kemm ingħataw inċentivi hija waħda kunfidenzjali.

Il-futur ta’ kumpanija f’pajjiżna

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-pożizzjoni tal-kumpanija, li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, dwar il-futur tagħha f’pajjiżna, kemm naqqset ħaddiema f’dawn l-aħħar tliet snin u jekk hemmx pjanijiet li jitnaqqsu aktar ħaddiema?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Malta Enterprise issegwi mill-qrib l-iżviluppi tal-kumpaniji megħjuna kollha inkluż il-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament. Barra minhekk, il-Malta Enterprise tipprovdi inċentivi biex il-kumpaniji li hawn Malta jkunu aktar sostenibbli. Rigward in-numru ta’ ħaddiema, nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Malta Enterprise — proġetti

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista sħiħa u dettaljata ta’ proġetti li approvat il-Malta Enterprise u għal kull proġett jgħid fiex jikkonsisti u x’inhi l-għajnuna approvata mill-Malta Enterprise/Malta Industrial Parks?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellent li l-informazzjoni mitluba ma tistax tingħata peress li din hija kkunsidrata kunfidenzjali kif koperti bil-kunfidenzjalita’ imposta skont l-Artiklu 21(5) tal-Att dwar l-Intrapriża ta’ Malta u l-Artiklu 33 tal-Att dwar il-Promozzjoni ta’ Negozji.

Valletta FC – art għall-bini ta’ stadium

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fejn ingħataw jew ser jingħataw art il-Valletta FC biex jibnu l-istadium u l-faċilitajiet tagħhom? Jista’ jgħid x’daqs fiha l-art (f’metri kwadri) u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanta tas-sit u l-kuntratt tat-titlu?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-art kienet ġiet mgħoddija lill-Valletta FC fl-2011 tinsab f’Ħal Farruġ, limiti ta’ Ħal-Luqa u għandha kejl ta’ madwar 22,317 metru kwadru. Il-kuntratt flimkien mal-pjanta tas-sit diġà tpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra fil-leġiżlatura li għaddiet fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 29510. Dan Il-Gvern għandu mandat li "bħala parti mir-rijabilitazzjoni tal-landfill l-antika f'Ħal Luqa, il-proġett ikun jinkludi ukoll il-bini ta' ground tal-futbol li jingħata b'titolu legali lil klabb tal-futbol Valletta City FC". Il-proċess legali tat-trasferiment irid isegwi l-proċeduri hekk kif stabbiliti tal-Att dwar l-Isport (KAP 455) wara li l-art tiġi mgħoddija mill-Awtorità tal-Artijiet skont L-Att dwar l-Awtorità tal-Artijiet. Ġaladarba l-partijiet jaqblu, Valletta City FC trodd lura l-art li kienet ingħatatielha fl-2011 u li fil-31 ta’ Jannar 2013 il-MEPA ma rrakkomandatx li jsir żvilupp fuqha minħabba l-valur strateġiku tas-sit fejn kwalunke żvilupp urban mhux suġġerit. Hawnhekk nagħmel referenza għal PQ 32469 li tgħid ‘Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-31 ta’ Jannar 2013 il-MEPA ma rrakkomandatx li jsir żvilupp fuq is-sit mgħoddi lill-Valletta FC fl-2011. Se nikkwota mill-iscreening letter mibgħuta mill-MEPA lill-Malta Football Association li applikat f’isem il-Valletta FC: ‘Policy SMCO 10 of the South Malta Local Plan – The area within which the site is located is designated as a Strategic Open Gap where the element of an urban type of development IS NOT RECOMMENDED.’ Jirriżulta li din il-Policy kienet ippublikata f’Lulju ta’ l-2006 u għaldaqstant meta l-Gvern ta’ dak iż-żmien kien għadda l-art lil Valletta FC kien jaf li din l-art qatt ma setgħet tkun żviluppata għal għanijiet li kellhom il-Valletta FC. Għaldaqstant dan il-Gvern għamel dak li ma kienx kapaċi jagħmel il-Gvern ta’ dak iż-żmien u informa lill-Valletta FC li din l-art qatt ma setgħet tkun żviluppata f’faċilitajiet sportivi u wiegħed, kif ser jagħmel, li jgħaddi lill-Klabb sit alternattiv, liema sit seta’ biss jinstab b’għaqal u mingħajr ingann għad-dannu ta’ Valletta FC.” Inserraħ ras l-Onor. Interpellant li dan il-Gvern mhux fi ħsiebu li jerġa’ jimxi bl-istess mod mal-Valletta FC fejn il-Gvern ta' qabel l-2013 għaddielhom art li kien jaf li ma setax tiġi żviluppata għal għanijiet li kellhom huma. Illum il-ġurnata sit ieħor ġie identifikat u qiegħed fil-proċess li jgħaddi għand l-Awtorità tal-Artijiet mingħand il-Malta Industrial Parks (u wara lil SportMalta). Din l-art hija mmarkata bl-aħdar fil-pjanta li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra, hija ta’ kejl approssimattiv tmien tumoli. Biċċa art oħra qed tiġi nnegozzjata biex ukoll tgħaddi lura għand l-Awtorità tal-Artijiet ta’ kejl approssimattiv ta' erba' tumoli, (indikata fil-parti mmarkata shaded ħadra). Din ukoll se tkun qed tgħaddi għand l-istess klabb meta l-art tirriverti lura għand l-Awtorità tal-Artijiet u sussegwentement tingħata b’titolu lil SportMalta.