Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 13 PQ #747 Sitting 18 2017-07-17 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Ministeru għat-Turiżmu

Regolamenti dwar l-Immaniġġar Ambjentali tas-Siti tal-Kostruzzjoni – eżenzjonijiet f’żoni turistiċi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw eżenzjonijiet mir-Regolamenti tal-2007 dwar l-Immaniġġar Ambjentali tas-Siti tal-Kostruzzjoni (Avviż Legali 295 tal-2007) sabiex ikunu jistgħu jitkomplew xogħlijiet ta' twaqqigħ u/jew skavar f'siti li jinsabu f'żoni turistiċi fil-perjodu bejn il-15 ta' Ġunju 2017 u t-30 ta' Settembru 2017? Jista' l-Ministru jagħti lista tas-siti u tal-lokalitajiet li għalihom ingħataw l-imsemmija eżenzjonijiet?

Response (MIZZI, KONRAD)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.
Leg 13 PQ #748 Sitting 18 2017-07-17 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Ministeru għat-Turiżmu

Eżenzjonijiet dwar xogħlijiet ta’ kostruzzjoni f’żoni turistiċi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ta eżenzjonijiet, lokalità b'lokalità, dwar xogħlijiet ta' kostruzzjoni f'żoni turistiċi, kemm b'mod komplet kif ukoll b'mod parzjali, matul il-perijodu 15 ta' Ġunju 2017 sat-30 ta' Settembru 2017 u dan skont dak li jipprovdu r-Regolamenti tal-2007 dwar l-Immaniġġar Ambjentali tas-Siti tal-Kostruzzjoni (Avviż Legali 295 tal-2007)?

Response (MIZZI, KONRAD)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 747.

Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi – Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta ser tiġi ppubblikata s-sejħa pubblika biex jinħatar Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni ġdid tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi wara r-riżenja tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-mument opportun, u wiehed jispera li mhux fit-tul, se tiskata l-proċedura sabiex tkun tista’ tiġi maħruġa s-sejħa pubblika sabiex jinħatar Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni ġdid fi ħdan l-Awtorità.
Leg 13 PQ #777 Sitting 18 2017-07-17 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru – reklamar fuq Facebook — nefqa

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru, inkluż kull entità u Dipartiment fi ħdan l-istess Uffiċċju tal-Prim Ministru, f'reklamar fuq is-sit soċjali Facebook matul il-perjodu mill-1 ta' Mejju 2017 sat-3 ta' Ġunju 2017?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Hawn taħt jinsab it-tagħrif mitlub: Reklamar fuq is-Sit Socjali Facebook Matul il-Perjodu Mill-01/05/2017 sat-03/06/2017 Dipartiment/ Entita' Nefqa MGA €40.00 MCA €45.52 MITA €2.124,91

Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u n-Negozji Żgħar – reklamar fuq Facebook — nefqa

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa mill-Ministeru tiegħu, inkluż kull entità u Dipartiment fi ħdan l-istess Ministeru, f'reklamar fuq is-sit soċjali Facebook matul il-perjodu mill-1 ta' Mejju 2017 sat-3 ta' Ġunju 2017?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fi ħdan il-Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar u l-entitajiet u d-Dipartimenti fi ħdanu, in-nefqa f'reklamar fuq is-sit soċjali Facebook matul il-perjodu mill-1 ta' Mejju 2017 sat-3 ta' Ġunju 2017 kienet ta’ €195.
Leg 13 PQ #792 Sitting 18 2017-07-17 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għat-Turiżmu

Awtorità ta' Malta għat-Turiżmu – restaurants, take aways u stabbilimenti oħra — liċenzji

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' liċenzji biex restaurants, take aways u stabbilimenti oħra tal-ikel li huma awtorizzati mill-Awtorità ta' Malta għat-Turiżmu (MTA) joperaw , fin-Naxxar, f’San Pawl il-Baħar u fil-Mellieħa skont il-kategoriji differenti tal-istess MTA u skont il-lokalitajiet differenti msemmija?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ġejt infurmat mill-Awtorità ta’ Malta għat-Turiżmu li preżentament l-Awtorità għandha dawn il-liċenzji ta’ stabbilimenti tal-ikel fil-lokalitajiet imsemmija: Stabbiliment Klassi Naxxar San Pawl il-Baħar Mellieħa Restaurants 1st class 0 7 1 2nd class 6 50 12 3rd class 5 83 26 Snack Bars 1st class 0 4 0 2nd class 14 76 14 Take-aways n/a 0 5 1

Kunsilli Lokali – opri tal-arti

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru għandux informazzjoni dwar liema opri tal-arti hemm fil-proprjetajiet tal-kunsilli lokali, b'mod partikulari fil-proprjetajiet li huma proprjetà tal-Gvern? Jekk iva, jista' jagħti tagħrif dwar liema huma dawn l-opri tal-arti?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.

Tindif tal-kosta — Salini sa Baħar iċ-Ċagħaq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kull meta jsir it-tindif tal-kosta mis-Salini sa Baħar iċ-Ċagħaq fin-Naxxar?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, li t-tindif ta’ skart mill-bajjiet jsir ta kuljum. Jekk l-Onor. Interpellant qiegħda tirreferi għall-ammont ta’ alka li wasal fuq il-bajja tas-Salini, irrid nghid li din titnaddaf skond programm ta’ xogħol u prijoritajiet li jsir mid-Direttorat għat-Tindif.

Tindif ta’ Ramla — Naxxar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn fl-1 ta’ Lulju 2017, ir-ramla ta’ taħt is-Salina Bay Hotel fin-Naxxar ma kinetx aċċessibli minħabba alka eċċessiva li ma tnadfitx (kemm fuq ir-ramel kif ukoll fuq il-blat)? U għalfejn l-istess bajja tnadfet kważi ġimgħa wara?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ammont ta’ alka eċċessiv wasal fuq din il-bajja fl-aħħar ġranet tax-xahar ta Ġunju. Saret koordinazzjoni immedjata u din il-bajja tnaddfet fil-7 u 8 ta Lulju.

Żieda ta’ Ramel — Naxxar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb biex ir-ramla ta’ taħt is-Salina Bay Hotel fin-Naxxar jiżdidilha r-ramel li qed jonqos minnha b’rata mgħaġġla?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mhux kompitu ta dan il-Ministeru li jiddeċiedi jekk ikunx hemm bżonn ta’żieda ta’ ramel fuq il-bajjiet. Nitlob lill-Onor. Interpellant tirreferi il-mistoqsija tagħha lil Ministru kkonċernat

Bajja — stallazzjoni ta’ toilets pubbliċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb li jinbnew jew jiġu installati toilets pubbliċi fil-bajja ta’ taħt is-Salina Bay Hotel fin-Naxxar?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-bajja imsemmija ma hemm l-ebda spazju li jippermetti sabiex jinbnew xi latrini pubbliċi.

Lista tal-qgħad — persuni

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tan-numru ta' persuni fil-lista tal-qgħad mill-2011 sal-lum? Jista’ jgħid ukoll f'liema oqsma l-iktar li sabu impiegi dawk il-persuni li kienu fir-reġistru?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ persuni li kienu qed jirreġistraw fuq l-ewwel u t-tieni parti tar-reġistru, xahar b’xahar mill-2011 sa Mejju 2017, hu kif muri fit-tabella hawn taħt: 2011 2012 2013 2014 2015 2016 2017 Jannar 6,797 6,714 7,237 7,789 6,384 4,710 2,889 Frar 6,960 6,921 7,279 7,753 6,190 4,511 2,766 Marzu 6,662 6,966 7,350 7,644 5,894 4,033 2,649 April 6,585 6,773 7,176 7,291 5,568 3,751 2,577 Mejju 6,366 6,698 7,292 7,141 5,333 3,511 2,502 Ġunju 6,212 6,697 7,279 6,751 5,209 3,441 Lulju 6,510 6,664 7,298 6,834 5,062 3,360 Awwissu 6,465 6,821 7,457 6,698 4,914 3,261 Settembru 6,554 6,869 7,619 6,599 4,924 3,207 Ottubru 6,538 7,013 7,594 6,596 4,916 3,166 Novembru 6,592 7,098 7,639 6,501 4,760 3,021 Diċembru 6,587 6,811 7,401 6,287 4,615 2,912 Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-oqsma tal-impjiegi ta’ dawk il-persuni li kienu fuq ir-reġistru tal-qgħad u sabu xogħol. Din l-informazzjoni hi meħuda skont il-formoli tal-bidu u t-tmiem tal-impjieg li tirċievi l-Jobsplus.

Nisa fid-dinja tax-xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tan-numru ta' nisa li kienu fid-dinja tax-xogħol mill-2011 sal-lum? Jista’ jgħid ukoll f'liema oqsma l-iktar li sabu impiegi?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. interpellant li skont l-informazzjoni li għandha l-Jobsplus in-numru ta’ nisa li kienu jaħdmu Full-Time u Part-Time biss fl-aħħar ta’ Diċembru tas-snin mill-2011 sal-2016 hu kif muri fit-tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. It-tabella turi f’liema oqsma kienu dawn l-impiegi u turi wkoll li n-numru ta' nisa fid-dinja tax-xogħol żdied bi 32% f'dawn is-snin.

Persuni li gawdew minn revision classes

Question

Jista’ l-Ministru jagħti dettalji ta' kemm kienu l-persuni li gawdew minn revision classes? Minn mindu ġew introdotti, jista’ jgħid liema suġġetti ġew magħżula? Jista’ jagħti wkoll rendikont tal-ħidma għal dan is-sajf?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li 2,097 student gawdew mill-inizjattiva ta’ revision classes b’xejn fil-Matematika, Ingliż, Fiżika u Malti matul dawn l-aħħar tliet snin. Dawn il-klassijiet ser jerġgħu jiġu offruti din is-sena fis-suġġetti msemmija, u għall-ewwel darba ser ikunu qed jingħataw klassijiet ta’ reviżjoni b’xejn anke fil-Bijoloġija. Il-klassijiet isiru fuq medda ta’ ħames ġimgħat, mill-aħħar ta’ Lulju sa l-aħħar t’Awwissu, u bħas-snin ta’ qabel huma eliġibbli studenti li jġibu 6, 7, U jew ġew immarkati assenti fl-eżamijiet ta’ Mejju ta’ Livell Ordinarju/SEC. L-applikazzjoni onlajn tkun disponibbli hekk kif jiġu ppubblikati r-riżultati tal-eżamijiet ta’ Mejju mill-MATSEC u l-istudenti jingħataw ukoll past papers ta’ dawn l-aħħar ħames snin b’xejn.

Il-proġett tat-tablets

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-progett tat-tablets u kif inhu ppjanat li jkompli jitwettaq? Jista’ jagħti tagħrif dwar l-ammont ta' investiment li ntefaq f'dan il-proġett s'issa?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma l-Onor. Interpellant li fil-fażi ta’ implimentazzjoni nazzjonali, f’Diċembru 2016 beda t-tqassim tat-tablets lit-tfal kollha tar-raba’ sena li jattendu l-iskejjel tal-Istat, tal-Knisja u dawk Indipendenti. F’Settembru 2016, l-għalliema u LSAs tar-Raba’ Sena attendew taħrig fuq din l-għodda edukattiva. Bejn Settembru 2016 sal-ġranet meta t-tfal bdew jirċievu t-tablet, l-għalliema komplew jiġu megħjuna biex jużaw it-tablet waqt it-tagħlim ta’ diversi suġġetti. Kien hemm taħriġ addizzjonali għall-għalliema kumplimentari u anke taħriġ onlajn. Minn Jannar sa Ġunju 2017, l-għalliema u LSAs komplew jingħataw għajnuna u taħriġ minn għalliema speċjalizzati fi ħdan id-Direttorat tal-Litteriżmu Diġitali, fejn ġew identifikati lezzjonijiet li fihom it-tablet intużat bħala għodda biex jintlaħqu l-għanijiet kurrikulari. Matul il-bidu tal-programm jiġifieri f’Novembru 2016, u li tkompla f’Jannar u Frar 2017, saru diversi laqgħat għal ġenituri biex ikunu infurmati fuq din l-għodda u jaraw kif għandhom jgħinu lil uliedhom jużaw it-tablet sew. Saru laqgħat kemm fil-format ta’ lectures kif ukoll oħrajn fejn il-ġenituri attendew il-lezzjoni flimkien mat-tfal tagħhom fil-klassi. Matul ix-xhur ta’ bejn Frar u Mejju 2017 ġew identifikati l-għalliema u LSAs kollha tal-Ħames Sena mill-iskejjel kollha ta’ Malta u Għawdex. Dawn ġew imsejħa biex jattendu għat-tieni sensiela ta’ taħriġ indirizzat għal dawn l-edukaturi li ser ikunu qed jaħdmu b’din l-għodda mis-sena skolastika li jmiss. It-taħriġ li seħħ f’ħames postijiet, inkluż f’Għawdex, saru fis-7, 10 u 11 ta’ Lulju 2017. Madwar 500 edukatur attendew għal dan it-taħriġ u ngħataw t-tablet. Huwa maħsub li bejn Settembru u Ottubru 2017 jibda l-proċess li jingħataw it-tablet it-tfal kollha tar-raba’ sena għas-sena skolastika 2017/2018. Dan ifisser li jkun beda t-tieni ċiklu liema ċiklu jerġa’ jirrepeti ruħu fit-tielet sena. Bdiet l-evalwazzjoni tal-ewwel ftit xhur u l-monitoraġġ ta’ kif intuża t-tablet mit-tfal. Ġie iffirmat ftehim mal-Università ta’ Malta biex jintuża t-tablet li qed jitqassam lill-għalliema u studenti sabiex l-Università jkollha sett ta’ tablets li tista’ tħarreġ lill-għalliema-studenti fil-Fakultà tal-Edukazzjoni. Tfassal ukoll programm ta’ taħriġ li se jagħtuh għalliema speċjalizzati mid-Direttorat tal-Litteriżmu Diġitali. L-ammont ta’ investiment li ntefaq f’dan il-proġett s’issa huwa ta’ €4,864,148.21 (jinkludi VAT).

Mellieħa – MEPA — applikazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma, fejn u f’liema stadju jinsabu applikazzjonijiet quddiem il-MEPA, illum il-Planning Authority, għall-bini ta' lukandi ġodda jew estensjonijiet fil-lokalità tal-Mellieħa?

Response (BORG, IAN)

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 811, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ applikazzjonijiet li ġew ivvalidati jew ippublikati u qegħdin quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar għall-bini ta’ lukandi ġodda jew estensjonijiet tal-istess. Din l-informazzjoni nġabret mis-sistema tal-informatika tal-Awtorità fuq applikazzjonijet li ġew ivvalidati u /jew ippublikati u li għadhom mhux deċiżi u għandhom fil-proposta tagħhom waħda mill-kelmiet segwenti: · Lukanda/i · Hotel/s

Mellieħa – MEPA – pjan ħolistiku

Question

Fid-dawl tal-fatt li l-lokalità tal-Mellieħa (Manikata inkluża) qed titlef b'mod allarmanti l-karatteristiċi uniċi tagħha (b'mod partikolari minħabba ħruġ ta' permessi varji bla rażan fosthom dawk għall-bini sfrenat) jista' l-Ministru jagħti struzzjonijiet sabiex jinbeda b'mod immedjat proċess mill-MEPA, illum il-Planning Authority u awtoritajiet oħra kompetenti sabiex jitħejja pjan ħolistiku għal din iż-żona f'Malta? Dan sabiex fil-Mellieħa u l-Manikata jigu salvagwardjati bis-serjetà l-patrimonji Nazzjonali, il-wirt storiku kif ukoll il-ġmiel naturali u ambjentali.

Response (BORG, IAN)

Mill-2013 'l hawn il-gvern approva pjan strateġiku ġdid, l-iSPED, approva linji gwida għal żvilupp f'żoni urbani, DC15, u approva numru ta’ policies oħra fosthom ir-Rural Policy and Design Guidelines, li flimkien jiffurmaw qafas ta’ politika ġdida tal-iżvilupp inkluż għaż-żona msemmija. Hemm ukoll skedat estensiv taż-żoni rurali u kostali ji jħares il-patrimonju kulturali u naturali. Barra minn hekk il-Pjan Lokali tal-Majjistral approvat fl-2006 huwa dokument prinċipali li fuqu jkunu bbażati d-deciżjonijiet tal-awtorità u għalhekk l-iżvilupp li qed iseħħ illum huwa fil-qafas ta' policy li ġiet fis-seħħ fl-2006 u mhux riżultat ta' xi bidla fil-politika għaż-żona tal-Mellieħa.
Leg 13 PQ #817 Sitting 18 2017-07-17 Oral · Final From: GODFREY FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Monument tal-Fjamma

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid x'kienu l-kriterji artistiċi biex intgħażel il-Monument tal-Fjamma? Kif saret l-għażla u minn min? Jista’ jgħid kemm kienet proġettata n-nefqa u kemm intefaq fil-fatt? Ġie kkunsidrat li l-ibbronżar jiġi kkastjat f'Malta?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Nitlob lill Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill Ministru kkonċernat.

Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi – operational permits tal-Freeport

Question

Jista’ l-Ministru jgħarraf lill-Kamra kemm saru spezzjonijiet mill-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi biex jiġi aċċertat illi l-operational permits tal-Freeport jiġu osservati?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li saru disa’ (9) spezzjonijiet fil-Freeport mil-Awtorità ghall-Ambjent u r-Riżorsi/mid-Direttorat għall-Protezzjoni tal-Ambjent (fi ħdan il-MEPA).