Jista’ l-Ministru jidħol fl-għan tal-ħsieb, tal-fond fuq operaturi tat-turiżmu, li nħareġ fis-sajf?
Response (MIZZI, KONRAD)
Nifhem li l-Onorevoli interpellant qed jirrferi għat-twaqqif tal- ‘Fond tal-Insolvenza għall-Pakketti tal-Ivjaġġar’’. Il-ħsieb wara t-twaqqif tal-‘Fond tal-Insolvenza’ huwa biex ikopri lix-xerrej (konsumatur ta’ Pakketti tal-Ivjaġġar’) mir-riskju li l-Kumpanija ta’ l-ivvjaġġar finanzjarjament tfalli, u ma tibqax topera, għad-detriment tax-xerrej, minn bejn iż-żmien li jkun inxtara, jew tħallas depożitu għas-servizz/prodott sa meta jintemm il-vjaġġ u l-klijent jirritorna f‘pajjiżu. B’hekk il-konsumatur jingħata rifużżjoni sħiħa ta’ dak li jkun diġa’ ħallas għalih, u saħanstira li jinġieb lura Malta f’każ li il-vakanza tkun diġa’ skattat iżda għadha ma ġietx fit-tmiem tagħha.
Dan qed isir bis-saħħa tad-Direttiva tal-Unjoni Ewropeja dwar Pakketti tal-Ivjaġġar (2015/2302/EU), li tesiġi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-organizzaturi stabbiliti fit-territorju tagħhom jipprovdu sigurtà għar-rifużjoni tal-pagamenti kollha magħmula minn jew f'isem vjaġġaturi sa fejn is-servizzi rilevanti ma jitwettqux bħala konsegwenza tal-insolvenza tal-organizzatur. L-Avviż Legali 315 ta’ 2016 ippublikat jindirizza propju dan, bit-twaqqif ta‘ ‘Fond tal-Insolvenza dwar Pakkett tal-Ivjaġġar’.
Il-Fond qed jitmexxa minn Managing Board magħmul minn rappreżentanti tal-Gvern, l-Awtorita’ tat-Turiżmu u l-FATTA (Federazzjoni tal-Aġenti tal-Ivvjaġġar) u għalkemm il-mekkaniżmu eżatt ta’ kif ser ikun qed jitħaddem ser jiġi kkomunikat fil-ġimgħat li ġejjin, l-għan aħħari huwa li jagħmel rifużżjoni sħiħa tal-flus imħallsa u jirripatrija skont il-ħtieġa. Il-Board tal-Fond fassal dan il-mekkaniżmu fin-nuqqas li fil-qasam ta’ l-Assikurazzjoni lokali l-ebda Kumpanija, ma tkopri għal danni biex taghmel tajjeb f’każ ta’ falliment finanzjarju għall-Kumpaniji ta’ l-ivvjaġġar.
Dan appuntu qiegħed isir ukoll biex jiġi evitat dak li ġara xi snin ilu, fejn il-kumpanija tal-ivjaġġar li falliet ma kellha ebda koperta finanzjarja biex tagħmel tajjeb għall-ħlasijiet li kienet irċeviet mingħand ix-xerrejja. Niftakru li kellu jkun il-Gvern biex għamel tajjeb għar-rifużżjoni tal-ammonti li kienu diġa’ tħallsu mill-klijenti.
Jista’ l-Ministru jgħid x’qed tagħmel l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu biex iżżid id-diversifikazzjoni filwaqt li tnaqqas l-istaġjonalità?
Response (MIZZI, KONRAD)
L-Awtorità Maltija tat-Turiżmu ilha għal dawn l-aħħar snin taħdem sabiex tiżviluppa marketing u attività turistika aktar varjata bil-għan li tistimula turiżmu ġdid ta’ kwalità għola partikolarment fix-xhur tax-xitwa. L-investiment fil-prodott turistiku li sar u qiegħed ikompli jsir mill-Gvern Ċentrali, Kunslli Lokali, entitajiet oħra kif ukoll mis-settur privat f’diversi oqsma, qiegħed jgħin mhux ftit sabiex jirnexxielna ngħollu il-kwalita’ tal-offerta turistika tagħna. B’din il-ħidma irnexxielna nkabbru niċeċ eżistenti kif ukoll niżviluppaw inizzjattivi ġodda f’oqsma bħat-turiżmu kulturali, gastronomiku, sportiv, attiv, tal-konferenzi kif ukoll dak reliġjuż u edukattiv. Ir-riżultati miksuba kemm mil-lat ta’ numru ta’ turisti kif ukoll mill-qliegħ reġistrat mill-industrija turistika jikkonferma li qegħdin fit-triq it-tajba.
Mandanakollu, l-Ministeru tat-Turiżmu flimkien ma l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu jinsabu mpenjati sabiex tkompli tinfirex aktar il-ħidma tagħna lill hinn mis-swieq tradizzjonali u titkabbar l-attivita’ u n-numru ta’ turisti lejn pajjiżna minn swieq ġodda, fejn it-
travel trends
huma differenti mis-swieq tradizzjonali u għalhekk ghandhom potenzal qawwi li jgħinu sabiex inkomplu insaħħu x-xhur tax-xitwa.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-pjanijiet tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu fejn jidħol il-branding tal-gżejjer tagħna?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li wara snin fejn l-Awtorita’ użat branding li għen sabiex niksbu suċċess għal pajjiżna fi swieq barranin, inħass li wasal iż-żmien li nibnu kampanja ta’ branding ġdida li għandha l-għan li twassal messagġġ frisk u iktar addattat għax-xenarju tal-lum. Huwa ppjanat li l-Awtorita’ tniedi l-kampanja l-ġdida għas-sena 2018.
Jista’ l-Ministru jindika jekk għandux xi pjan biex jirriabilità s-sit fejn hemm il-ġibjun tal-Imqabba, li ilu snin twal mitluq u qed joħloq inkonvenjent kbir għar-residenti ta’ dan il-lokal?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan is-sit qed jiġi studjat flimkien ma’ Ministeri oħra.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-graffiti li għamlu straġi mal-blat sabiħ ta’ din il-bajja u li saru mill-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament hux se jitneħħew? Billi dawn il-graffiti ma jaqblu xejn mal-Ambjent tal-Wied u l-bajja pittoreska tax-Xlendi anzi għamlu sfreġju f'dan il-post pittoresk, jistgħu dawn il-graffiti jitneħħew minnufih u possibbilment jittieħdu passi bil-Pulizija kontra dan l-individwu għall-isfreġju li għamel?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninform lill-Onor. Interpellant jaħmel referenza għall-istqarrija uffiċċjali numru PR172179 maħruġa fis-26 ta' Settembru 2017 dwar dan il-każ.
Bridge/flyover ta’ Ħal Qormi – problemi strutturali
Question
Wara rapporti li dehru fit-Times of Malta, jista’ l-Ministru jassigura lis-sewwieqa u l-passiġġieri kollha kull darba li jgħaddu minn fuq jew minn taħt il-bridge/flyover ta’ Ħal Qormi jekk humiex qed ikunu f'riskju, minħabba problemi strutturali serji fl-istess bridge/flyover?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta temmen li tħassib dwar biċċiet tal-konkrit li jistgħu jaqgħu minn struttura għandhom jiġu meħudha serjament u fil-fatt il-pjan huwa li fil-ġranet li ġejjin se jkun hemm intervent fejn kuntrattur ikun qed jaħdem sabiex żoni fejn is-saff tal-konkrit li jagħti protezzjoni lir-rinforz tal-ħadid seta ġie imdgħajjef bl-elementi jew bid-dħaħen tal-vetturi jiġu msaffija u jitneħħa l-periklu li jaqgħu xi biċċiet. Fl-istadju intermedjarju, Transport Malta qeda diġa’ tieħu passi sabiex ikollha pariri tekniċi specjalizzati ta’ kif l-istat tal-istruttura jista’ jiġi mtejjeb.
Transport Malta qiegħda wkoll tħares lejn pjan ta’ rikostruzzjoni u
upgrade
tat-triq bejn il-Marsa-Hamrun Bypass u Triq Aldo Moro. Dan l-
upgrade
mistenni jseħħ fis-snin li ġejjin u ser ikun jinkludi wkoll
upgrade
tal-istruttura eżistenti, li possibilment terġa’ tinbena mill-ġdid.
Bridge/flyover ta’ Ħal Qormi – biċċiet ta’ konkrit li qed jaqgħu
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk għandux rapporti tekniċi li jiċħdu li l-biċċiet ta' konkrit li qed jaqgħu mill-bridge/flyover ta' Ħal Qormi (ħdejn il-posta) humiex kawża għal tħassib serju għas-saħħa u s-sigurtà tal-persuni li jgħaddu minn hemm kemm jekk isuqu jew bil-mixi?
Response (BORG, IAN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 1453.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm inbnew units għal akkomodazzjoni soċjali bejn l-2013 u l 2017? X'kienet in-nefqa?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, l-aħħar tenders tal-Awtorita’ tad-Djar għall-bini ta’ units ġodda kienu nħarġu fl-2010. Ix-xogħol fuq 5 mill-units li kienu proġettati fl-2010 tlestew bejn l-2011 u l-2012, filwaqt li x-xogħol fuq 9 units oħra tlestew fl-2014.
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-Gvern beda bil-ħidma tiegħu sabiex jibni mijiet ta’ binijiet għall-akkomodazzjoni soċjali. Matul l-2017,
Il-Housing Projects Management Unit
beda bl-iskavar f’numru ta’ siti ppjanati għal proġett ta’ akkomodazzjoni soċjali. Dan l-investiment ser ikun qiegħed iwassal għal bini ta’ 683 unit ta’ akkomodazzjoni soċjali, li jammontaw għal ħafna aktar binjiet minn dawk mibnija minn amministrazzjonijiet preċedenti.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm units ta' akkomodazzjoni soċjali fis-Siġġiewi? Kemm minnhom ġew mibnija mill-Gvern u kemm ġew mikrija mingħand il-privat? F'liema snin inbnew u f'liema snin inkrew dawn il-proprjetajiet?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-proprjeta’ allokata għal akkomodazzjoni soċjali b’titolu ta’ kera’ fis-Siġġiewi tikkonsisti fl-imsemmija appartamenti u binijiet:
- 32 appartament fi Blokki 1 – 3, Triq Ramija mibnija u mikrija madwar is-sena 1975;
- 23 dar fi Triq Mons Mikiel Azzopardi, Triq il-Għid u Triq Annunziato Schembri mibnija u mikrija madwar is-sena 1976;
- 32 appartament fi blokk magħruf bħala Binja Ħesri fi Triq Dun Anton Vella ġew mibnija u mikrija madwar is-sena 1991;
- 12-il appartament fi blokk magħruf bħala Binja Ħesri fi Triq Salvatore Mallia ġew mibnija u mikrija madwar is-sena 1995; u
20 appartament jew maisonette mikrija permezz ta’ Skema Kiri bejn l-2012 u l-2014.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm sigħat ta’ taħriġ fi sparar ingħataw lill-membri tal-Korp tal-Pulizija mill-1 ta’ Jannar 2017 sal-31 ta’ Awwissu 2017?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat illi ma tinżammx statistika ta' kemm saru siegħat ta’ taħriġ fi sparar lill-membri tal-Korp tal-Puliizja mill-1 ta’ Jannar 2017 sal-31 ta’ Awwissu 2017. Irid jingħad illi refresher courses fl-użu tal-armi, li jkopri kemm teorija kif ukoll prattika, ikunu ta' madwar erba’ siegħat għal kull uffiċċjal li jattendi.
Jista’ l-Ministru jgħid x’kienet il-kawża ta’ rwejjaħ kontinwi matul ix-xhur tas-sajf fil-landfill tal-Magħtab, liema rwejjaħ ikkawżaw inkonvenjent lir-residenti tas-Salina u dawk tal-madwar?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn sniff testing li jsir kull ġimgħa fl-akwati tal-Magħtab, diversi sorsi ta’ rwejjaħ jiġu identifikati. Għaldaqstant, l-ilmenti mhux dejjem neċessarjament ikunu qed jirreferu għall-irwejjaħ mill-miżbla.
Fix-xahar ta’ Settembru kien hemm ilmenti mir-residenti tas-Salina u għaldaqstant l-eżerċizzju ta’
sniff testing
sar iktar frekwenti. Madankollu, ma jirriżultax li kien hemm irwejjaħ illi ħerġin mill-kumpless tal-Magħtab li kienu barra minn norma għax xhur tas-sajf.
Jista’ l-Ministru jgħid x’kienu l-miżuri li ttieħdu sabiex l-inkonvenjent li nħoloq mill-irwejjaħ ikkawżati mil-landfill tal-Magħtab ma jerġax jiġi esperjenzat mir-residenti tal-madwar?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma ttieħdux miżuri ulterjuri apparti dawk diġà msemmija fir-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari 26567, li huma żieda fid-daily cover u l-użu ta’ sistema ta’ odour neutraliser.
B'referenza għall-konferenza tal-aħbarijiet li saret fil-15 ta' Settembru 2017 bis-suġġett ikun l-impjant "waste-to-energy " li mistenni jibda jitħaddem f'Malta sal-2023, jista' l-Ministru jgħid jekk dan il-proġett hux se jsir f'xi żona fil-konfini tal-Mellieħa?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dwar dan il-progett il-Gvern appunta kumitat t’esperti mgħejjun minn tekniċi internazzjonali biex jagħtu l-pariri taghħhom dwar l-aħjar teknoloġija li għandha tiġi wżata u li l-oppożizzjoni għażlet li ma tipparteċipax.
Kemm il-proġett innifsu kif ukoll is-sit li jkun abbinat ma’ dan il-proġett iridu jkunu suġġetti għall-proċess ta’ l-ippjanar bl-istudji u l-konsultazzjonijiet meħtieġa li dan il-proċess iġib miegħu.
Skejjel tal-Gvern, privati u tal-Knisja – skema ta’ frott
Question
Jista' l-Ministru jgħid liema kienu dawk l-iskejjel tal-Gvern, privati u tal-knisja li gawdew mill-iskema tal-frott li ngħataw lill-istudenti bejn l-2012 u l-2016 (sena b'sena - skola skola)?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-lista tal-iskejjel tal-Gvern, privati u tal-Knisja li gawdew mill-iskema tal-frott li ngħataw lill-istudenti bejn l-2012 u l-2016 (sena b’sena – skola skola) qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Attachments:PQ 1479 - Skejjel tal-Gvern, privati u tal-Knisja - skema tal-frott.xlsx
Avviżi legali abbinati mal-Liġi dwar Stili ta’ Ħajja Sana
Question
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jindika liema kienu l-avviżi legali abbinati mal-liġi mressqa mill-Oppożizzjomi dwar Stili ta' Ħajja Sana approvata mill-Parlament f'Jannar 2016 li nħarrgu s’ issa u li kien hemm qbil dwarhom bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni? Jekk inħarrġu, jista' jgħid liema kienu?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-rakkomandazzjonijiet mill-Kunsill Konsultattiv dwar Stili ta’ Ħajja Sana ser jitħabbru fil-budgetli ġej.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni immigranti jgħixu ġo open centres jew djar oħra governattivi jew iffinanzjati mill-gvern li jospitaw immigranti? Jista’ l-Ministru jgħid jekk għadx hemm immigranti ġo detention centres , u jekk iva kemm hemm?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, bħalissa fiċ-ċentri miftuħa tal-AWAS hemm 815 residenti migrant filwaqt li fiċ-Ċentru ta’ Detenzjoni hemm għaxar (10) detenuti rġiel u tliet (3) detenuti nisa.
B'referenza għad-Diskors tal-Baġit għas-sena 2017 fejn f'paġna 58 intqal li se jinbnew tliet skejjel fosthom waħda fir-Rabat Għawdex, jista' l-Ministru jgħid fejn wasal il-proċess għall-bini ta’ din l-iskola f'Għawdex? Jista’ jgħid fejn hu s-sit fejn se tinbena din l-iskola?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa qiegħed isir ix-xogħol preparatorju fuq il-proġett ta' Skola Primarja ġdida fir-Rabat, Għawdex. Qed jiġu evalwati diversi siti għal din l-iskola primarja, possibbilment fil-kumpless ta’ skejjel fir-Rabat stess. Id-diskussjonijiet għadhom għaddejjin, iżda l-iskola mistennija tiftaħ f'Settembru 2019.
Sussidju lil studenti Għawdxin li jistudjaw full-time f’istituzzjonijiet f’Malta
Question
B’referenza għas-sussidju li jingħata lil studenti Għawdxin li jistudjaw full-time fl-Università ta’ Malta u fl-MCAST, liema sussidju issa ġie estiż għal dawk l-istudenti Għawdxin li jattendu xi istituzzjoni privata ta’ edukazzjoni għolja f’Malta, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ studenti Għawdxin li jattendu istituzzjonijiet privati, li applikaw u ġew approvati biex jieħdu dan is-sussidju?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li s-sussidju li qiegħed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant ma jinħariġx mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol u, għaldaqstant, dan il-Ministeru ma jkollux l-informazzjoni mitluba.