Legislature:
Category:
Reset
Active:

Prosekuzzjonijiet li qed jitmexxew mill-Avukati tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm prosekuzzjonijiet qed jitmexxew mill-avukati tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, minflok mill-Pulizija? X’benefiċċji qed tħalli din il-proċedura?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-avukati mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali ilhom jassistu fil-prosekuzzjoni f’ kawżi tat-traffiku quddiem il-Qorti tal-Maġistrati sa mill-4 t’Ottubru 2016. Is-seduti jsiru kull nhar ta’ Tlieta u Avukat mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali dejjem ikun preżenti għal dawn is-seduti. Matul kull seduta jsir is-smiegħ ta’ bejn 40 u 60 kawża u b’kollox bejn l-4 t’Ottubru 2016 u l-11 ta’ Lulju 2017 saru 30 seduta. Dan il-proġett joffri l-vantaġġ illi jsaħħaħ il-prosekuzzjoni, jipprepara lill-Avukati fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali aħjar għall-prosekuzzjonijiet u jħejji t-triq biex aktar prosekuzzjonijiet quddiem il- Qorti tal-Maġistrati jsiru mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Il-proġett huwa fil-fatt maħsub li jiġi estiż dalwaqt għal ċerti kumpilazzjonijiet speċjalment għal dawk dwar reati iżjed gravi.

Miżuri elettroniċi meħuda fil-Qorti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri elettroniċi ttieħdu matul din is-sena fil-Qorti u l-benefiċċji li dawn qed iħallu?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li il-miżuri elettroniċi li ttieħdu matul din is-sena u l-benefiċi li dawn qed iħallu huma s-segwenti: Prezentati b’mod elettroniku ta kawżi quddiem il-Qorti tal-Maġistrati – Sede Ċivili – Kawżi ċivili quddiem il-Qorti tal-Maġistrati issa jistgħu jiġu preżentati online mill-Kommunita Legali. Titjib fil-programm taċ-Ċedoli ta' Depożitu fil-Qrati – Iċ-Ċedoli ser jibdew jiġu reġistrati wkoll bin-numru tal-ID Card b'hekk tkun faċilitata t-tfittxija għalihom, kif ukoll digrieti jiġu reġistrati u mibgħuta b'email lill-Avukati. Titjib fil-programm tas-Subbasti – Kull parti fis-subbasta ser tibda tiddaħħal biex jagħmel it-tfittxija aħjar. Id-Digrieti tal-Qorti ser jibdew jiġu reġistrati fis-sistema u jintbgħatu lill-Avukati. Introduzzjoni tal-Mobile App li permezz tagħha wieħed jirċievi notifikazzjoni dwar id-data tas-seduta tal-kawżi tiegħu – Kull parti fil-kawża tista’ tirreġistra u tirċievi avviż tas-smiegħ b’sms ftit jiem qabel is-smiegħ tal-kawża. Multi pendenti nkorporati mac-certifikat tal-kondotta – L-uffiċju tal-kondotti ngħatalhom aċċess għal program tal-multi sabiex ikunu jistgħu jivverifikaw jekk multa hiex imħallsa jew le. B’hekk iċ-ċittadin ma jkollux għalfejn jintbagħat il-Qorti għal verifika jekk multa tkunx ġiet imħallsa jew le.

Xogħol infrastrutturali fil-Qorti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kien ix-xogħol infrastrutturali li sar s’issa fil-Qorti biex tiżdied il-kumdità fil-ħidma u jittejjeb is-servizz għal min jeħtieġu?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li ix-xogħol infrastrutturali li sar s’issa fil-Qorti biex tiżdied il-kumdità fil-ħidma u jittejjeb is-servizz għal min jeħtieġu kien dan:- 2013 Sistema ta’ Video Link ġdida f’Awla 10 – Ġie installat apparat għal video link ġdida f’Awla 10, fejn jinstemgħu l-minuri. Sar refurbishment fuq il-Generator tal-Qorti għal spiża totali ta €25,988 li kienet maqsuma fi €17,458 spare parts u xogħol u €8,590 għal kiri ta’ Generator. Sar refurbishment tat-toilets tal-irġiel, fi tieni sular, fejn inbidlu l-madum u l-aċċessorji kollha u s-sistema tal-eletriku kollu għal spiża ta’€15,209,58. Ġiet installata X-Ray machine fil-Qorti tal-Familja li swiet €32,974.00. 2014 Saru tiswijiet neċessarji fuq l-X-ray Machine l-qadima biex b’hekk għall-ewwel darba l-Qorti għandu żewġ X-Ray Machines fl-intrata prinċipali u oħra fil-Qorti tal-Familja. Sar refurbishment fuq it-toilets pubblici tan-nisa u dawk tal-ġurati annessi ma Awla 22. Uffiċċji ġodda għall-Membri tal-Ġudikatura – Binja San Tumas More. Binja li tikkonsisti f’43 kamra li jinkludu uffiċċji għal 18 l-iImħallef u l-istaff tagħhom u l-uffiċċju l-ġdid u l-librerija tal-Prim Imħallef. L-ispiża totali ta’ €1,710,722 li hi maqsuma fi spiza ta’ €1,581,592 f-kostruzzjoni, restawr, electrical u mechanical installation u spiża ta’ €129,130 f’għamara. 2015 Entratura Prinċipali tal-Qorti - Ġew restawrati l-bażijiet tal-kolonni tal-entratura prinċipali tal-Qorti. Saru tiswijiet neċessarji fuq l-irħam tat-turġien u rħam ieħor li hemm f’din l-entratura fi Triq ir-Repubblika. Saret strong room ġdida u aktar spazzjuża għall-esebiti tas-sezzjoni Kriminali li ġiet tiswa €8,588,10. 2016 Entratura ta’ Sigurtà Triq Santa Luċija – Proġett biex tissaħħaħ is-sigurta fl-entratura li tintuża mill-avukati. Spiża totali ta €111,038 li hi maqsuma fi spiża ta’ €72,752 f-kostruzzjoni, electrical u mechanical installation, €6,400 Walkthrough Metal Detector u spiża ta’ €31,886 f’ Luggage X-Ray Machine. Pont Intern bejn it-tieni u t-tielet sular - Sabiex jipprovdi aċċessibilita’ permezz tal-lift għat-tielet sular u fl-istess waqt iservi bħala wainting area għaż-żewġ Awli ġodda li se jinbnew f’dan is-sular. I-ispiża fuq dan il-proġett kienet ta’ €64,170. Pont li jgħaqqad il-bini prinċipali tal-Qorti mal-binja l-ġdida 'Binja San Tumas Moore' li fiha hemm l-uffiċini tal-Imħallfin. Dan il-pont iservi prinċipalment sabiex jitnaqqas l-iskariġġ u l-iskomdu ta ġarr ta proċessi bejn il-binja l-ġdida fi Strada Stretta u l-qorti prinċipali kemm tal-Imħallfin u l-istaff tagħhom. Hemm ukoll l-element ta sigurta għal Ġudikanti li ma jkollhomx għalfejn joħorgu barra sabiex imorru mill uffiċċju tagħhom għall-Awla u viċi versa. Installazzjoni ta’ apparat aktar state of the art ta’ Portable Video Conference biex tittieħed xhieda ta’ tobba u persuni oħra li jkun aktar ta benefiċċju għal kulħadd li jixhdu mill-post tax-xogħol tagħhom u b’hekk jitnaqqas l-iskariġġ u l-inkonvenjenza żejda. Arkivju ġdid Crown Works Ditch Floriana – Inbena arkivju ġdid ta madwar 300 metru kwadru. Dan l-arkivju ġie attrezzat b’2,160 metru ta’ xkaffar. Madwar 45% ta dan l-arkivju ġew użati billi ġew trasferiti 1,640 kaxxi tal-proċessi u 10,100 volumi mill-Arkivju Ċivili tal-qorti. Bl-ispazju li ntrebaħ bit-trasferiment ta dawn il-volumi u proċessi inbnew training room u librerija ġodda. Issaqqaf kuritur bejn it-tieni u t-Tielet Sular – Dan il-proġett sar sabiex inħolqot waiting area għal żewġ Awli ġodda li se jsiru flok it-training room u l-librerija. Sa dan it-tant inbnew training room u l-librerija ġodda f’post ieħor ġewwa l-Qorti. Secure Exhibits Strong Room ġdida għat-taqsima Kriminal, fejn jinzammu l-esebiti ta’ ċertu portata u ta’ valur. 2017 Awla Ġdida – flok l-Ex uffiċċju tal-Prim Imħallef fit-tieni sular li swiet €95,000. B’hekk hemm aktar faċilita biex il-Ġudikanti jżommu aktar seduti. In-numri ta’ Awli minn erbgħa u għoxrin (24) tela għal ħamsa u għoxrin (25). Sala tat-Taħriġ u Librerija – Dawn swew €134,900. Is-sala tat-taħriġ ġiet armata b’apparat ta Video Conferencing u overhead projector. Xogħol ieħor li ser jitlesta matul din is-sena: Bħalissa qed jinbena Reġistru ġdid fir-raba’ sular tal-Qorti tal-Familja li se jiswa €64,029. Fi ftit żmien se jibda xogħol fuq żewġ Awli ġodda li se jinbnew flok is-Sala tat-Taħriġ u l-Librerija l-antika li se jiġu jiswew €166,884 Se jinbidel ukol il-lift prinċipali tal-Qorti għal spiża ta’ €92,632.

Qasam tal-ġustizzja – miżuri ta’ simplifikazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri ta’ simplifikazzjoni ttieħdu fil-qasam tal-ġustizzja biex dejjem tiġi mnaqqsa l-burokrazija?

Response (BONNICI, OWEN)

Il-Miżuri ta simplifikazzjoni li ttieħdu fil-qasam tal-Ġustizzja sabiex titnaqqas il-burokrazija huma diversi, kollha bil-għan li jingħata servizz aħjar liċ-ċittadin u jiffaċilitaw ħafna proċessi. Dawn il-miżuri huma is-segwenti: Min naħa tad-Dipartiment tal-Ġustizzja insibu dawn il-Miżuri: • Avukati li jaħdmu fil-Kumpaniji tas-Servizzi Finanzjarji jagħtu ġuramenti huma stess u m’hemmx għafejn imorru għand nutar barra l-uffiċċju; • L-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet minn avukati barranin sabiex jirreġistraw f’Malta għall-prattika tal-professjoni qed isir kollu b’mod elettroniku Miżuri li saru min-naħa tal-Qrati tal-Ġustizzja • SMS lill-partijiet dwar differimenti ta' kawzi - Ġiet introdotta sistema li permezz tagħha l-partijiet f'kawża jiġu nfurmati b'sms kull meta l-kawża tagħhom tkun differita . Din is-sistema tinformahom ukoll bid-data tad-differiment. • Artikolu 23D tal- Kap 9 tal-Ligijiet ta’ Malta - Dan l-Artikolu daħal fis-seħħ bl-għan li jiffaċilita’ t-tlestija tar-rapport tal-iffriżar tal-assi. Dan ir-rapport kien qabel jiġi imħejji minn diversi avukati mqabbda mill-qrati. Saret emenda fil-Kap 9 tal-Liġijiet ta’ Malta sabiex dan ir-rapport jiġi preparat mir-reġistratur tal-Qrati. • Artikolu 392A (5) tal-Kap 9 tal-Liġijiet ta’ Malta - Dan l-Artikolu huwa mezz sabiex l-imputat flimkien mal-Avukat Ġenerali jilħaq ftehim għal sanzjoni adegwata għalih jekk jiġi biex jammetti l-akkużi miġjuba fil-konfronti tiegħu. Dan sabiex il-Qorti tal-Maġistrati bħala Qorti ta’ Ġudikatura Kriminali tapplika s-sanzjoni li jkunu ftehmu fuqha. • Twaqqif ta' Sezzjoni - Court Customer Relations – B’din l-inizzjativa ġew appuntati tlett Court Customer Relations Assistants. Kull min jidħol il-Qorti l-llum isib lill dawn l-uffiċjali fl-intrata tal-Qorti li jieħdu ħsieb li jirrispondu mistoqsijiet u diffikultajiet u jipprovdu informazzjoni u direzzjoni lil klijenti fuq servizzi offruti mid-Direttorati tal-Qrati. • Prezentata tal-Atti tista' ssir kemm fir-Registru ta' Malta u kemm f'dak t'Għawdex irrispettivament fejn qed tinstema' l-kawza – Din il-faċilita tippermetti li persuna li jkollha kawża Ċivili Għawdex tista' faċilment tippreżenta l-kawża u kwalnukwe att ieħor relatat magħha fir-Reġistru ta' Malta mingħajr l-inkonvenjent li trid tmur Għawdex u viċe versa. Għal dan l-iskop saru emendi legali permezz tal-Att VII tal-2014. Din ġiet estiza anke għar-rapport peritali fejn qed jiġu maħlufa rapporti minn periti hawn Malta f'kawża li tkun qed tinstema' Għawdex u viċe versa. • E-mails lill-avukati dwar digriet in camera – L-emails kollha li jingħataw in camera bdew jintabgħatu lil avukat awtomatikament mis-sistema tal-LECAM. • Użu tal-Awli - Is-sistema tal-użu tal-awli kienet tintuża mid-Deputati tar-reġistru biss sabiex jassenjaw l-awla li fiha ikun ser jaħdem il-maġistrat jew l-imħallef fil-ġurnata li hija skedata s-seduta. B’din l-inizjattiva d-deputati kollha tal-maġistrati u imħallfin ingħataw aċċess għal din is-sistema. L-għan ta’ dan it-tibdil kien sabiex is-seduti li huma ippjanati jidħlu fis-sistema mal-ewwel u l-pubbliku jkun jista’ jikkonferma jekk effettivament għandux seduta f’ġurnata partikolari billi jidħol fis-sit tal-ġustizzja mill-kumdita’ ta’ daru. • E-mails lill-avukati u Prokuratur Legali dwar rizultat ta' notifika - Ġie introdott servizz ġdid fejn bih l-avukati u l-prokuraturi legali jiġu nfurmati permezz ta' email jekk att ġudizzjarju ġiex notifikat jew le. • Traskrizzjonijiet ta’ xhieda u digrieti - Inbdiet sistema ġdida fil-Case Management system sabiex l-avukati jiġu moqdija mill-aktar fis possibbli fejn jidħlu xhieda li ngħataw tul proċeduri kriminali. Is-sistema qabel kienet li wara s-seduta jew meta l-kawża tkun waslet għat-trattazzjoni finali, ssir kopja tax-xhieda u tinġabar mill-avukat tal-imputat/a jew tal-parti ċivile. B’din l-inizzjativa meta x-xhieda tiġi traskritta din tintbgħat permezz tal-posta elettronika lil avukati fil-kawża. B’din is-sistema jitnaqqsu traġitti żejda lil avukati sas-sigrieta tal-maġistrat għal kopji neċessarji u permezz ta’ din il-proċedura l-avukati jkunu jistgħu jibnu l-proċess mill-kumdita’ tal-uffiċċju tagħhom bil-mod il-mod. Din is-sistema qed tintuża kemm għad-digrieti u kif wkoll għax-xhieda mogħtija fil-kumpilazzjonijiet. • Artikolu 392B tal-Kap 9 tal-Liġijiet ta’ Malta- Ammissjoni ta’ Ħtija - L-għan ta’ dan l-artikolu huwa li fejn ikun hemm ammissjoni bikrija mill-imputat għall-akkużi li huma soġġett għal piena ta’ aktar minn għaxar snin minflok ma jgħaddu minn snin ta’ ġbir ta’ provi quddiem il-Qorti tal-Maġistrati bħala Qorti Istruttorja, l-kawża tintbgħat għand l-Avukat Ġenerali b’notifika lir-Reġistratur tal-Qorti sabiex din il-kawża tiġi appuntata għas-smiegħ mill-Qorti Kriminali fi żmien xahrejn minn mindu tirċievi n-notifika mill-Qorti tal-Maġistrati bħala Qorti Istruttorja. • Metodu ġdid ta' kif qed jiġu ntaxxati l-aġġudikaturi tat-Tribunal Għal Talbiet Żgħar fejn qed jitħallsu per terminated case u mhux per sitting. - Ħarget Legal Notice 295 tal-2014, fejn irregolat il-ħlas tal-aġġudikaturi tat-Tribunal Għal Talbiet ¯għar fejn dawn qed jitħallsu għal kull kawża magħluqa u mhux għal kull seduta li jagħmlu. B'hekk hemm l-inċentiva li l-kawżi jiġu terminati malajr u mingħajr dewmien • Simplifikazzjoni ta' kif jiġu nominati il-Kuraturi - Il-mod ta' kif jiġu nominati l-kuraturi deputati sar aktar trasparenti u dan billi meta jidħol rikors biex jiġu nominati kuraturi deputati, dawn jiġu nominati skont l-elenku mill-ewwel skont id-data tal-prezentata u cash number (meta jkun hemm aktar minn rikors wieħed) u mhux skont id-data tad-digriet finali tal-Imħallef/Maġistrat. B'hekk kull avukat u prokuratur legali imniżżel fl-elenku ikun jaf minn qabel għal liema atti ha jkun nominat bħala kuratur deputat. Din l-proċedura tassikura trasparenza fl-għażla tal-kuraturi. • Lecam on-line ghal professjoni legali - Acts Module (l-Ewwel Fazi)- Permezz ta’ din l-inizjattiva l-Professjoni Legali jkollha aċċess għall-kull att li jidħol il-Qorti. B'hekk min-naħa tal-amministrazzjoni tal-Qorti sar eżerċizzju fejn l-atti kollha meta jiġu preżentati jiġu linked mal-kawza rispettiva. • Lecam on-line għal professjoni legali - Warrants Module (It-Tieni Fazi) - Ġiet fis-seħħ il-Lecam Online għal dak li jirrigwarda l-mandati. Ġiet offruta lill-Professjoni Legali, jiġifieri għal Avukati, Prokuraturi Legali u Nutara Pubblici. B'dan il-mod kull klijent li jmur fl-uffiċċju tal-avukat tiegħu jkun jista' jiġi aġġornat dwar il-mandati dak il-ħin stess. • Emails lill-Avukat u Prokuraturi Legali dwar digrieti fl-atti tal-mandati kollha u mhux fil-Mandat t'Inibizzjoni biss – Bdew jintbagħtu d-digrieti tal-Qorti lill-Avukati u lill-Prokuraturi Legali tal-partijiet. Dan kien possibbli wara li sar eżercizzju estensiv fejn ġew iċċekjati l-kawżi kollha biex jiddaħħlu l-avukati u l-prokuraturi legali fis-sitema tal-Lecam biex b'hekk ikunu jistgħu jirċievu d-digrieti mill-ewwel b'email. • Proġett Pilota – Notifiki fil-kawżi sommarji. L-għan ta' dan il-proġett huwa li: 1) l-imputati u x-xhieda jkunu notifikati mill-kumpanija privata u mhux mill-Puliżija; 2) li x-xhieda f'kawża ma jiġux il-Qorti għalxejn fil-każ fejn l-imputat ma jkunx notifikat; 3) Id-Deputat Reġistratur ikun jista' jikteb il-verbal fis-sistema provduta mill-kumpanija privata u toħroġ estratt tas-sentenza sabiex l-imputat u l-partijiet jkollhom kopja informali tas-sentenza immedjatament. Bis-saħħa ta' dan il-proġett il-kawżi sommarji qegħdin f'sistema fejn wieħed jista' faċilment jikkonferma x'ġara f'kawża partikolari mingħajr ma jkollu bżonn ifittex fl-arkivju. • Tkomplija ta' delegazzjoni ta' funzjonijiet tal-Lecam fit-tliet modules oħra - Acts Module, Cedoli Module u Fines Module. Korrezzjonijiet li qabel kienu jsiru mill-MITA issa ser jibdew isiru mill-uffiċċjali tad-Direttorat taċ-Ċivil. • Ħlas tal-Kawtela - Iċ-ċedola ta' depożitu bdiet timtela mill-attwarji tal-appell fejn kopja taċ-ċedola tinżamm fil-proċess u l-oriġinali timxi għand is-subbasti. Meta l-appellant imur bic-ċedola biex din titħallas il-cash, din timxi max-xogħol għand id-Deputati tar-Reġistru fejn meta jiffirmaw iċ-ċedola jittimbraw li l-appell huwa kawtelat fuq l-appell innifsu. B'hekk il-proċessi tal-appell ma joqgħodux jiġru minn uffiċċju għall-ieħor u ma jkunx hemm il-biża li l-proċess jiġi ttimbrat bħala kawtelat mis-subbasti qabel mal-appellant imur iħallas tali appell u għaldaqstant jista' jagħti l-każ jibqa' sejjer mingħajr ma jħallas. Din l-inizjattiva evitat li l-appellant imur f'erbgħa uffiċċji differenti biex iħallas il-kawtela. • Lecam online phase 3 - Case Management online għal professjoni legali – B’din l-inizjattiva ta' Lecam Online il-Professjoni Legali jkollha aċċess għall-kull kaz li jidħol il-Qorti komodament mill-uffiċċju tagħhom • Direttorju Ġenerali tat-telefon tal-Qrati tal-Ġustizzja -Direttorju Ġenerali tan-numri tat-telefon tal-Qrati tal-Ġustizzja ġie aġġornat b’lista ta’ numri ta’ kull sezzjoni fil-Qorti u qed ikun disponibbli fuq il-Website tal-Ġustizzja. B'hekk il-pubbliku jkun jista' jċempel dirett fid-diversi uffiċċji u lid-diversi impjegati tal-Qorti mingħajr ma jkollu bżonn jinqeda bil-linja ġenerali li ħafna drabi tkun okkupata minħabba n-numru kbir ta telefonati li jidħlu kuljum. • LECAM Judgements apllication. Permezz ta' dan l-enchacement is-sentenzi mogħtija fil-Qrati Maltin ser ikunu aċċessibli għal staff fil-Qorti ta' Ghawdex u sentenzi mogħtija mill-Qorti ta' Għawdex ser ikunu aċċessibli għal staff tal-Qorti ta' Malta. • Bdejna l-implimentazzjoni tad-delegazzjoni ta' Funzjonijiet tal-Lecam minn fuq il-MITA għal fuq id-Direttorat taċ-Ċivil fil-Case Management Module. - B'hekk issa it-tibdil rikjest f'kawżi li jkunu ngħalqu aktar minn sena ilu; update ta' dettalji ta' kawżi ċivili, u tħassir ta' data dwar seduti li jkun għadu ma sar xejn fihom jibda jsir minn uffiċċjali għolja fid-Direttorat taċ-Ċivil. Din l-inizzjattiva sservi sabiex jitnaqqas il-burokrazija li tinħoloq kull darba li żball żghir fil-case management ikun irid jiġi rranġat. • Memos lill-istaff il-ġdid – Il -memos l-aktar importanti ġew miġbura u ngħataw lill-impjegati l-ġodda skont il-posizzjoni tagħhom. Din il-ġabra ta’ memos qed tkun tibqa' tiġi aġġornati b’memos ġodda li jinħargu minn żmien għall-ieħor. Din il-ġabra qed tkun ta' għajnuna għall-impjegati kollha meta jiġu biex iwettqu dmirijiet. • Lecam online phase 4 - Aċċess għall-atti mill-partijiet fil-kawża – B’din l-inizjattiva l-partijiet fil-kawża jistgħu jaraw il-kawża tagħhom online u b'hekk ikunu jistgħu jsegwu aħjar il-kawża tagħhom. L-aċċess għal online case għandu jsir permezz tal-e-id. • e-Filing fit-Tribunal ta' Reviżjoni Amministrattiva - sabiex niffaċilitaw il-mod kif talbiet għal reviżjoni ta' deċizjonijiet amministrattivi jiġu mressqa quddiem dan it-Tribunal. Ġiet introdotta sistema fejn tali talbiet jiġu ppreżentati online mill-avukati. Il-ħlas tad-drittijiet ukoll isir online. • Tneħħija tal-uża tal-e-ID meta wieħed jiffalja b'mod eletroniku Avviż tat-Talba fit-Tribunal Għal Talbiet Zgħar – Ġiet faċilitata l-mod kif talbiet fit-Tribunal Għal Talbiet ¯għar jiġu mressqa quddiem dan it-Tribunal bl-użu tal-informatika. • Scanning ta' proċessi li jkunu waslu għal ġuri: Proċessi li jkunu intbagħtu mingħand l-Avukat Generali lil Qorti Kriminali sabiex ikunu appuntati għal ġuri ġew'scanned' u kopja tagħhom tingħata fuq CD lil partijiet konċernati b'hekk is-sistema saret aktar effiċjenti u jkun hemm anqas ħela ta' karti. • Lecam online phase 5 - Faċilita' li l-avukati u prokuraturi legali jkollhom aċċess għal-history tan-notifiki li jkunu rċevew permezz tal-sms's u imejls – Din l-inizzjativa tgħin lill-avukat u lill-prokuratur legali jżomm track tan-notifiki u digrieti li huma llinkjati ma' ismu. • e-fees - Dan il-proġett jirrigwarda l-intaxxar tal-kawżi. Kull kawża ċivili tiswa ċertu flus li jkunu dovuti lir-Reġistru tal-Qorti kif ukoll lill-Avukati/Prokuraturi Legali li jkunu taw is-servizz tagħhom lill-partijiet fil-kawża. Din is-sistema tat l-opportunita li wieħed ikun jaf kemm tkun qed tiswih il-kawża tiegħu - kemm ikunu qed isiru spejjeż. Dan ifisser minn x'ħin jiġi ppreżentat ir-rikors ġuramentat għal kull att li jidħol waqt il-kawża sa ma tiġi ntaxxata finalment mid-deputat reġistratur. Aħna min-naħa tal-Qorti joħroġ l-avviż għall-ħlas tad-Dritt tar-Reġistru, ukoll minn din is-sistema, u l-persuna tista' tiġi tħallas jew inkella tista' tħallas on-line. • Applikazzjonijiet online għall-entitajiet li jippreżentaw fir-Reġistru tat-Tribunal għal Talbiet ¯għar. Qed isir titjib fil-mod kif inhi formolata l-formoli elettroniċi sabiex kumpaniji jew entitajiet legali jkunu wkoll jistgħu jippreżentaw onlajn talbiet f'dan it-Tribunal. • Faċilità lill-avukati u prokuraturi legali fejn ikunu jistgħu jaraw l-atti kollha ppreżentati li huma llinkjati ma' isimhom – Din l-inizzjativa qed tgħin lill-avukati u lill-prokuraturi legali jkunu jafu x'ippreżentaw f'kull kawża li jkollhom u b'hekk ikunu jistgħu jżommu track tal-kawżi u f'hiex ikunu waslu mingħajr m'għandhom għalfejn jiġu r-reġistru jaraw il-file fiżikament li jaf ikun għand l-Imħallef jew Maġistrat u għalhekk ma jkunx aċċessibbli. • Tagging ta' kawża li avukat jew prokuratur legali jista' jkollu nteress fiha –B’din is-sistema ta' tagging iffacilitat lill-avukat jew prokuratur legali li jekk għandu interess f'kawża jew kawżi partikolari huwa jiġi awtomatikament updated bl-andament ta' dik il-kawża partikolari mingħajr ma' joqgħod iżomm paperwork żejjed u followups żejda. • Lecam online phase 6 - Tibdil tal-indirizz tal-imejl u numri tal-mowbajl mill-Avukati u Prokuraturi Legali - tingħata l-faċilita lill-avukati u lill-prokuraturi legali li jkunu jistgħu jibdlu n-numru tal-mowbajl u tal-indirizz tal-imejl tagħhom, meta jkun il-każ, u b'hekk ma jkollhomx għalfejn joqgħodu jidħlu l-Qorti u jikkomunikaw mal-iskrivani sabiex isir dan it-tibdil imma jagħmluh komodament mill-uffiċċji tagħhom. • Scanning ta' Atti Ġudizzjarji ppreżentati fil-Prim' Awla tal-Qorti Ċivili. Atti ppreżentati fil-Prim Awla jibdew jiġu skanjati sabiex iċ-ċittadin ikollu aċċess għalihom mill-programm MyActs li ġie varat is-sena l-oħra. • eActs (Ittri Uffiċjali). Il-professjoni legali ser tingħata l-faċilita li jippreżentaw ittri uffiċjali online. • Apparat ta' Video Conferencing. Ġie installat apparat ta' Video Conferencing f'Awla 14 sabiex ikun possibbli li tittieħed xhieda minn barra minn Malta u ta' individwi li ma jkunux jistgħu jattendu l-Qorti għal diversi raġunijiet. Inxtara wkoll apparat ta' Video Conferencing Portable sabiex ikun jista' jintuża fejn meħtieġ. B'hekk sa fejn hu possibbli s-seduti fil-kawżi jsiru u ma jitwalux bla bżonn minnħabba li xhieda ma jkunux jistgħu jigu personalment il-Qorti. • eFines - Ħlas ta' multi online. B'din is-sistema il-pubbliku ma jkollux għalfejn jiġi l-Qorti sempliċiment biex iħallas multa u jkun hemm aktar serħan tal-moħħ li ma jkunx hemm ċekkijiet li ma jiġux onorati mill-banek • Aċċess aktar utli għall-website http://www.justiceservices.gov.mt. Apparti li l-website reġgħet ġiet mibnija mill-ġdid, il-professjonisti legali u ċ-ċittadin ser ikollhom aċċess aktar effiċjenti peress li issa l-website ser tkun ukoll mobile friendly. • Teħid ta' xhieda ta' tobba mill-Isptar Ġenerali ta' Għawdex permezz ta' video-conference mal-Qorti ta'Għawdex b'hekk tiġi mnaqqsa l-burokrazija u jitnaqqas il-ħela ta' ħin u l-iskariġġ żejjed għat-tobba li jistgħu jużaw ħinhom aħjar l-isptar - T-Tobba li jkunu jridu jgħatu x-xhieda tagħhom quddiem il-Qorti. Il-parti involuta fil-kawża. Il-pazjenti li qabel seta kien il-każ li jkollhom jingħataw appuntament ieħor minħabba li t-tabib kien ikun irid jattendi l-Qorti fil-ġurnata tal-appuntament tagħhom. • Titjib fil-programm taċ-Ċedoli ta' Depożitu fil-Qrati - Iċ-Ċedoli ser jibdew jiġu reġistrati wkoll bin-numru tal-ID Card b'hekk tkun faċilitata t-tfittxija għalihom, kif ukoll digrieti jiġu reġistrati u mibgħuta b'email lill-Avukati • Multi pendenti nkorporati mac-certifikat tal-kondotta – L-uffiċju tal-kondotti ngħatalhom aċċess għal program tal-multi sabiex ikunu jistgħu jivverifikaw jekk multa hiex imħallsa jew le. B’hekk iċ-ċittadin ma jkollux għalfejn jintbagħat il-Qorti għal verifika jekk multa tkunx ġiet imħallsa jew le. • Titjib fil-programm tas-Subbasti - Kull parti fis-subbasta ser tibda tiddaħħal biex jagħmel it-tfittxija aħjar. Id-Digrieti tal-Qorti ser jibdew jiġu reġistrati fis-sistema u jintbgħatu lill-Avukati. • Prezentati b’mod elettroniku ta kawżi quddiem il-Qorti tal-Maġistrati – Sede Ċivili – Kawżi ċivili quddiem il-Qorti tal-Maġistrati issa jistgħu jiġu preżentati online mill-Kommunita Legali. • Introduzzjoni tal-Mobile App li permezz tagħha wieħed jirċievi notifikazzjoni dwar id-data tas-seduta tal-kawżi tiegħu – Kull parti fil-kawża tista’ tirreġistra u tirċievi avviż tas-smiegħ b’sms ftit jiem qabel is-smiegħ tal-kawża. • Miżuri oħrajn saru min naħa tal-Avukat Ġenerali Dwar il-qasam tal-prosekuzzjoni, dan il-qasam huwa strettament regolat bil-liġi u għalhekk m’ hijiex biss kwistjoni ta’ intervent amministrattiv. F’ dan il-qasam saru ukoll diversi emendi li jnaqqsu l-burokrazija bhal per ezempju procedura mqassra biex tinqata l-kawza f’ każijiet meta l-akkużat jammetti mal-ewwel , referenza ta’ każijiet li jinvolvu pussess ta’ ammonti żgħar ta’ droga għall-użu personali lill-Kummissarju tal-Ġustizzja permezz tal-Att I tal-2015 u ż-żieda tal-possibilita ta’ patteġġjament f’ kawżi fejn l-akkużat ikun lest jammetti.

Proċedura biex jiġu tterminati l-prokuri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif taħdem il-proċedura li introduċa hu, biex jiġu tterminati l-prokuri? Kemm ġiet tiswa? Kemm-il prokura diġà ġew terminati sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija b’din il-proċedura l-ġdida?

Response (BONNICI, OWEN)

L-inizzjattiva sabiex tiġi introdotta proċedura ġdida biex jiġu terminati l-prokuri ttieħdet is-sena li għaddiet permezz ta' Att IV tal-2016 li jemenda l-Kodiċi Ċivili u l-Avviż Legali 404 tal-2016 intitolat Regolamenti tal-2016 dwar Reġistru Elettroniku (Terminazzjoni tal-Mandati). Din il-proċedura ġdida dwar revoki ta' prokuri hija applikabbli f'każijiet ta' prokuri li jinvolvu persuni u mhux kumpaniji. Din il-proċedura tapplika kemm għall-prokuri ġenerali, u kif ukoll prokuri speċjali li s-suġġett tagħhom ikun jikkonċerna biss proprjeta' immobbli. Sabiex wieħed jirrevoka prokura huwa meħtieġ illi timtela waħda minn żewġ formoli pprovduti mill-Uffiċċju tan-Nutar tal-Gvern li huma msejħa Formola RPG (għal revoka ta' prokuri ġenerali) u Formola RSP (għal revoka ta' prokuri speċjali) rispettivament. Fiż-żewġ każijiet trid tiġi ppreżentata l-karta tal-identita' tal-persuna li qed titlob ir-revoka. Fil-każ tal-Formola RSP trid tiġi wkoll ippreżentata kopja tal-prokura speċjali li tkun se tiġi revokata. Kull applikazzjoni għar-revoka ta' prokura tista' ssir bi ħlas ta' 50 Ewro. L-Uffiċċju tan-Nutar tal-Gvern jipproċessa l-applikazzjonijiet kollha mit-Tnejn sal-Ġimgħa (esklużi btajjel pubbliċi) sat-15:00. Il-lista ta' applikazzjonijiet tiġi aġġornata onlajn kuljum sat-15:30 fuq is-sit tal-Uffiċċju tan-Nutar tal-Gvern li jifforma parti mill-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali. Din l-inizzjativa għenet ħafna sabiex il-pubbliku jkun dejjem moqdi aħjar u b'inqas burokrazija. Il-pubbliku issa għandu l-faċilita' li jiċċekkja onlajn fis-sit fuq imsemmi u għalhekk saret aktar faċli sabiex il-professjonalisti jaċċertaw ruħhom li t-tali prokurahija waħda valida u għalhekk tnaqqas ukoll l-abbuż. Salv dan kollhu, insibu wkol l-fatt li iċ-ċittadin qed jiffranka ħafna spejjeż li fejn qabel din il-proċedura kienet tiswa madwar 2000 Ewro, illum il-ġurnata b’din il-miżura ġiet tiswa biss 50 Ewro. Inoltre r-revoka qed issir fl-istess ġurnata fir-reġistru elettroniku. Sat-22 ta' Settembru 2017 saru 117 –il revoka ta' prokura.

Forzi Armati ta’ Malta – operazzjonijiet barra minn Malta

Question

Jista’ l-Ministru jindika tip ta’ operazzjonijiet barra minn xtutna li fihom tieħu sehem il-Forzi Armati ta’ Malta u jekk dawn sarrfux ukoll f’xi salvataġġi ta’ ħajjiet?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Forzi Armati ta’ Malta tipparteċipa f’operazzjonijiet intiżi sabiex iħarsu l-fruntieri esterni tal-Unjoni Ewropea taħt il-kappa tal-Frontex. L-operazzjonijiet imsemmija huma: Operation Triton; iffukata fl-ibħra taċ-ċentru tal-Mediterran; Operation Poseidon; iffukata fl-ibħra madwar il-gżejjer Griegi; u Operation Flexible Operational Activities fuq il-fruntieri esterni (terrestri) ġewwa l-Balkani u fruntieri terrestri mat-Turkija. Waqt dawn l-operazzjonijiet, membri tal-Forzi Armati ta’ Malta kemm-il darba jkunu involuti f’tiftix u salvataġġ ta’ persuni. Il-Forzi Armati ta’ Malta tipparteċipa f’Operazzjoni 'ATALANTA', tal-Unjoni Ewropea, li għandha l-għan illi tiġġieled il-piraterija fir-reġjun tas-Somalja, billi tibgħat Uffiċjal ġewwa l-kwartieri ġenerali fl-Ingilterra. Fl-2015, il-FAM bdiet tipparteċipa f’Operazzjoni 'SOPHIA', tal-Unjoni Ewropea, bl-għan li jiġi mkisser iċ-ċirku tat-traffikar uman fil-Mediterran, billi tibgħat Uffiċjal u sottuffiċjal ġewwa kwartieri ġenerali fl-Italja.

Forzi Armati ta’ Malta – flotta tal-ajru

Question

Jista’ l-Ministru jindika x’assi fil-flotta tal-ajru kellha l-Forzi Armati ta’ Malta f’Marzu 2013 u kemm kien il-valur tagħhom? Jista’ jagħti stampa simili fil-ġurnata li fiha qed titwieġeb din il-mistoqsija?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-assi tal-flotta tal-ajru tal-FAM, u l-valur stimat tagħhom, f'Marzu 2013 u f'Settembru 2017 hu kif jidher hawn taħt : Marzu 2013 9 Rotary Wing u 10 fixed Wing – Valur ta’ € 20.5m Settembru 2017 12 Rotary Wing u 11 fixed Wing – Valur ta’ € 76.8m

Forzi Armati ta’ Malta –nuqqas ta’ uffiċjali gradwati

Question

Jista’ l-Ministru jindika kif il-Forzi Armati ta’ Malta qed tindirizza l-problema ta’ nuqqas ta’ uffiċjali ggradwati minn akkademji navali biex ikunu jistgħu joperaw laneċ Maltin?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-FAM regolarment toħroġ sejħiet għall-ingaġġ ta’ uffiċjali kadetti li għandhom kwalifiċi marittimi. Il-FAM kienet waqfet milli tibgħat Uffiċjali jitħarrġu f’Akkademji navali fl-1999. Wara li nħass in-nuqqas tad-disponibbiltà ta’ Uffiċjali biex imexxu ċertu laneċ, saru negozjati ma’ forzi militari barranin u fl-2015 reġgħu bdew jintbagħtu. Il-FAM assigurat korsijiet ma’ Akkademji Taljani, Irlandiżi, Ingliżi u Amerikani biex tħarreġ l-Uffiċjali tagħha. Tajjeb li nsemmu li korsijiet ta’ dan it-tip jirrikjedu bejn tliet u erba’ snin biex dan l-investiment jagħti l-frott tiegħu u l-FAM tilħaq numru adekwat ta’ Uffiċjali kwalifikati.

Pulizija – sehem tal-Pulizija f’kampanji edukattivi jew ta’ relazzjonijiet pubbliċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm kampanji edukattivi jew talbiet minn entitajiet biex il-Pulizija tieħu sehem f’attivitajiet edukattivi jew ta’ relazzjonijiet pubbliċi, minn Jannar 2016 sal-lum?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-ammont ta' kampanji edukattivi jew talbiet li saru lill-Pulizija sabiex jieħdu sehem f’attivitajiet edukattivi jew ta’ relazzjonijiet pubbliċi, minn Jannar 2016 sal-aħħar ta' Awwissu 2017, kien kif jidher fit-tabella t'hawn taħt: Jannar 2016 sa Diċembru 2016 Taħditiet edukattivi 136 Parteċipazzjonijiet u intervisti fuq TV u Radju 91 Wirjiet 99 Jannar 2017 sa Awwissu 2017 Taħditiet edukattivi 80 Parteċipazzjonijiet u intervisti fuq TV u Radju 71 Wirjiet 66

Skema MicroInvest — intrapriżi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm intrapriżi bbenefikaw mill-iskema MicroInvest bejn is-sena 2014 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li taħt l-iskema tal-Micro Invest, min Jannar 2014 sa’ illum, il-Korporazzjoni rċiviet 4695 il-benefiċjarju.

Scholarships Unit – investiment allokat għal skemi ta’ boroż ta’ studju

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien l-investiment allokat għal din is-sena f’fondi nazzjonali u Ewropej, għal skemi ta’ boroż ta’ studju amministrati mill-iScholarships Unit tal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-investiment allokat għal din is-sena kemm f’fondi nazzjonali kif ukoll dawk Ewropej, għal skemi ta’ boroż ta’ studju amministrati mill-iScholarships Unit tal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, huwa kif muri fit-tabella t’hawn taħt, jiġifieri: Skema Tip ta’ Fondi Investiment allokat għal din is-sena Malta Arts Scholarships Scheme Fondi Nazzjonali €250,000 Malta Sport Scholarships Scheme Fondi Nazzjonali €120,000 ENDEAVOUR Scholarships Scheme – Group A Fondi Soċjali Ewropew €1,600,000 ENDEAVOUR Scholarships Scheme – Group B Malta Government Scholarships Fund Fondi Nazzjonali €900,000

Serq miċ-ċimiterju taż-Żejtun

Question

Jista’ l-Ministru jara li l-Pulizija taż-Żejtun titlob il-filmati tas-CCTV li waħlet il-paroċċa taż-Żejtun fiċ-ċimiterju taż-Żejtun minħabba l-ammont ta’ serq li qed isir miċ-ċimiterju taż-Żejtun u li dwar dan is-serq jien infurmat li saru rapporti kemm lill-Arċipriet taż-Żejtun kif ukoll lill-pulizija? Billi l-arċipriet qal li hu jagħti biss il-filmati tas-CCTV li hemm fiċ-ċimiterju jekk jiġi mitlub mill-pulizija, tista’ l-pulizija tagħmel tajjeb għal dawn il-filmati u tinvestiga bis-serjetà dan is-serq miċ-ċimiterju taż-Żejtun?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija taż-Żejtun titlob filmati minn CCTV's meta dan ikun meħtieġ u dawn jinkludu CCTV's li waħlet il-parroċċa taż-Żejtun fiċ-ċimiterju taż-Żejtun, jekk u meta jkun hemm bżonn. Rigward dan il-każ jidher illi s-CCTV inkwistjoni ma kienx jiġbed u jkopri l-lok minn fejn saret is-serqa. Sallum, l-investigazzjonjiet li saru anke fil-madwar irriżultaw fin-negattiv. Infurmat illi bejn Jannar 2016 u Lulju ta' din is-sena kien hemm każ wieħed ta' serq minn dan iċ-ċimiterju.

Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol – ħruġ ta’ multi amministrattivi

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm inħarġu multi amministrattivi fl-2016 mill-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) għal kontravenzjonijiet tar-regolamenti relatati? Kemm kien l-ammont dovut u l-ammont miġbur mill-Awtorità? X’inhuma r-raġunijiet li teżisti diskrepanza bejn l-ammont dovut u l-ammont miġbur?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li matul is-sena 2016, l-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) ħarġet 361 multi amministrattivi. L-ammont dovut kien ta’ €142,600 filwaqt li l-ammont miġbur kien ta’ €131,400. Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-differenza bejn l-ammont dovut u l-ammont miġbur hija attribwita għal diversi fatturi, fosthom li numru ta’ multi jkunu appellati fil-Qorti. F’dawn il-każi, u meta l-Qorti tikkonferma l-multa, il-ħlas ma jsirx lill-OHSA iżda jinġabar bħala multa pekunarja li tkun imposta mill-Qorti. Barra minn hekk, persuna ntimata biex tħallas multa tkun tista titlob li tħallas il-multa bin-nifs. Għaldaqstant, dan jista' jwassal biex parti mill-multa titħallas is-sena ta’ wara.

Każijiet ta’ korrimenti u fatalitajiet fuq postijiet tax-xogħol

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’kienu r-rati ta’ korrimenti u fatalitajiet f’postijiet tax-xogħol, sena b’sena bejn l-2013 u l-2016? Liema kienu s-setturi assoċjati mal-ogħla rati ta’ korrimenti?

Response (DALLI, HELENA)

L-informazzjoni mitluba hija skont it-tabella mpoġġija fuq il-Mejda tal-Kamra.

Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol – tneħħija ta’ materjal li jkun fih l-asbestos

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm irċeviet notifiki l-OHSA matul l-2016 għat-tneħħija ta’ materjal li jkun jinkludi l-asbestos? F’kemm-il każ minnhom inħarġet awtorizzazzjoni biex jitneħħa l-materjal perikoluż? Tista’ wkoll tgħid x’passi ħadet l-OHSA biex ikun hawn aktar informazzjoni dwar l-obbligi legali f’dawn is-sitwazzjonijiet, b’mod partikolari biex ikunu protetti l-ħaddiema?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li matul is-sena 2016, l-OHSA rċeviet 30 notifika li kien ser jitneħħa l-asbestos f’siti differenti. Inħarġet awtoriżazzjoni fil-każijiet kollha wara li kienet eżaminata d-dokumentazzjoni sottomessa, li fost affarijiet oħrajn tkun tinkludi l-pjan tax-xogħol dwar kif ikun ser jitneħħa l-asbestos, il-miżuri ta’ prevenzjoni u protezzjoni għall-ħaddiema, it-taħriġ li jkunu rċevew il-ħaddiema, u r-rapporti ta’ eżamijiet ta’ sorveljanza medika. Apparti l-iskrutinju tad-dokumentazzjoni li tirċievi l-OHSA, l-Uffiċċjali għas-saħħa u s-sigurtà jispezzjonaw il-proġetti ta’ tneħħija tal-asbestos meta tkun inħarġet l-awtoriżazzjani biex isir dan ix-xogħol. Ninforma lill-Onor. Interpellant li għalkemm matul iż-żmien inħarġu diversi linji gwida dwar it-tneħħija ta’ l-asbestos, matul l-2016, l-OHSA ħadmet biex tikkonsolidahom f’dokument wieħed, li jkun jinkludi wkoll l-iktar informazzjoni teknika riċenti u aġġornata dwar is-suġġett, biex ikun faċilitat il-proċess ta’ osservanza tar-regolamenti.

Malta-EU Steering and Action Committee – parteċipazzjoni ta’ NGOs

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm NGOs f’Malta qegħdin jipparteċipaw fil-proċessi ta’ konsultazzjoni tal-Malta-EU Steering and Action Committee (MEUSAC)?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li hemm 284 NGOs li qegħdin jipparteċipaw fil-proċessi ta’ konsultazzjoni organizzati mill-MEUSAC.

NGOs, kunsilli lokali u entitajiet tal-Gvern li akkwistaw fondi mill-Unjoni Ewropea bl-assistenza tal-MEUSAC

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il NGO, kunsill lokali u entità tal-Gvern irnexxielhom jakkwistaw fondi mill-Unjoni Ewropea bl-assistenza tal-MEUSAC bejn l-2008 u llum? Kemm kien l-ammont totali ta’ fondi li bbenefikaw minnhom?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li bejn is-sena 2008 sal-lum kien hemm 193 NGO li bbenefikaw minn total ta’ €9,812,015 ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea; 119 Kunsilli Lokali li bbenefikaw minn total ta’ €13,574,000 ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea u 29 Entitajiet tal-Gvern li bbenefikaw minn total ta’ €11,834,306 ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea. It-total ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea li bbenefikaw minnhom NGOs, Kunsilli Lokali u Entitajiet tal-Gvern bl-assistenza tal-MEUSAC jammonta għal €35,220,321.

MEUSAC – laqgħat tal-konsultazzjoni

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm saru laqgħat ta’ konsultazzjoni mill-MEUSAC bejn Marzu 2013 u Ġunju 2017?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bejn Marzu 2013 u Ġunju 2017, il-MEUSAC organizzat 125 laqgħa ta’ konsultazzjoni.
Leg 13 PQ #1337 Sitting 21 2017-10-02 Oral · Final From: ROBERT ARRIGO To: Ministeru għat-Turiżmu

Eco-Tax miġbura

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inġabret Eco Tax minn Malta u Għawdex bejn Ġunju 2016 u Mejju 2017?

Response (MIZZI, KONRAD)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.