Legislature:
Category:
Reset
Active:

Triq tal-Baħrija — manutenzjoni

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa sabiex fit-triq tal-Baħrija qabel il-ġibjun fejn it-triq sfrundat, jara li ssir il-manutenzjoni meħtieġa sabiex ikun evitat il-periklu?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-triq tal-Baħrija msemmija fil-mistoqsija parlamentari ma tiffurmax parti mill-lista ta’ toroq arterjali jew distributorji u għalhekk ma taqax taħt ir-responsabilità ta’ Transport Malta. Madanakollu galadarba qed jissemma li jeżisti periklu mill-Onor. Interpellant, se nara li l-Ministeru jidħol f’diskussjoni ma’ esperti u l-Kunsill Lokali tar-Rabat fuq din il-materja.

Tnaqqis fil-pensjoni — każ ta' koppja

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi sabiex jara li d-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali jagħmel ġustizzja ma' koppja li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament fejn din il-koppja bagħtet ittra ta' protesta lid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali biex tilmenta minn deċiżjoni li ħa l-istess dipartiment fil-konfront tagħhom meta l-istess dipartiment spiċċa biex jieħu deċiżjoni li titnaqqas il-pensjoni tal-istess koppja?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-persuna msemmija kellu l-benefiċċju tal-Għajnuna Medika mwaqqaf. Dan peress illi l-kapital tiegħu kien eċċeda l-iskala u wara li saret investigazzjoni mid-dipartiment, irriżulta li l-kapital imsemmi qatt ma kien ġie ddikjarat mill-klijent fl-applikazzjoni li huwa kien issottometta. Għalhekk minbarra li twaqqaf il-benefiċċju msemmi, kellu wkoll jinġabar dak kollu li kien tħallas. Tajjeb wieħed jinnota li fl-ebda ħin ma tnaqqset ir-rata tal-Pensjoni Kontributorja. It-tnaqqis li qed iseħħ huwa persentaġġ mill-istess pensjoni kontributorja sabiex jinfeda dak illi għandu jagħti lura lid-Dipartiment.

LESA – speed cameras — kontravenzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jagħti d-dettalji tan-numru ta' kontravenzjonijiet li kienu reġistrati mil-LESA minn kull speed camera, kull xahar fl-aħħar tnax-il xahar?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.
Leg 13 PQ #1030 Sitting 21 2017-10-02 Oral · Final From: CLAYTON BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu

Mellieħa, San Pawl il-Baħar, Buġibba u Qawra – xogħlijiet mill-MTA u Tourism Zones Foundation

Question

Jista’ l-Ministru jagħti elenku tax-xogħlijiet li saru mill-MTA u t-Tourism Zones Foundation fil-Mellieħa u f’San Pawl il-Baħar, inkluż Buġibba u l-Qawra, bejn Jannar u Ġunju 2017?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ġejt infurmat mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu flimkien mal-Fondazzjoni għaż-Żoni Turistiċi li bl-għajnuna tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet wettqu diversi xogħlijiet fiż-żoni msemmieja, fosthom: · Manutenzjoni fuq il- promenades kollha ta’ San Pawl il-Baħar li jinkludu x-Xemxija, Buġibba u l-Qawra. · Manutenzjoni fil-pjazza ta’ Buġibba. · Manutenzjoni fuq il-promenade tal-Bajja tal-Għadira. · Bdil u żieda ta’ tabelli fiż-żewġ lokalitajiet. · Manutenzjoni estensiva fuq numru ta’ winċijiet tal-opri tal-baħar li hemm fil-lokalita ta’ San Pawl il-Baħar wara li kienu fi stat li jiġu mitlufa. · Xogħol fuq il-bankijiet tal-promenade ta’ ħdejn it-torri Wignacourt. · Xogħol ta’ tranġar tal-concrete platform fil-bajja tal-Armier. · Xogħol ta’ żebgħa fi Triq il-Pijunieri (l-entratura ta’ Buġibba) San Pawl il-Baħar. · Xogħol ta’ Road Marking f’diversi nħawi fosthom – Għajn Tuffieħa Parking, Golden Bay Parking, Disabled Bays fil-Bajja tal-Għadira, Qawra Point, Perched Beach. · Intramaw mill-ġdid il-festuni tal-Bajja tal-Għadira u tul il-kosta ta’ San Pawl il-Baħar. · Numru ta’ walkways ġodda sabiex tkompli tiżdied l-aċċessibilta’ għal persuni b’diżabilta’ fil-bajjiet Melliħin fosthom l-Għadira, Golden Bay u Little Armier. · L-Awtorita` ffinanzjat parti mill-proġett li sar mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa fi Triq San Publiju. Dan ix-xogħol apparti l-immaniġjar tal-bajjiet li jġibu stat ta’ Bandiera Blu (Blue Flag) matul l-istaġun tas-sajf li huma – Il-Bajja tal-Għadira, Golden Bay, Qawra Point u Buġibba Perched Beach.
Leg 13 PQ #1031 Sitting 21 2017-10-02 Oral · Final From: CLAYTON BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu

Paradise Bay – żieda ta’ ramel fil-bajja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi pjanijiet sabiex isir intervent f’Paradise Bay sabiex jiżdied ir-ramel f’din il-bajja wara li dan ittieħed mill-maltemp u ma reġax irritorna lura?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ġejt infurmat mill-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu li għalkemm huwa fatt li l-volum tar-ramel f’din il-bajja naqas viżibilment matul ix-xhur tax-xitwa, ma jfissirx li dan intilef għal kollox minn dik li hija magħrufa teknikament bħala “is-sistema tal-bajja”. Dan huwa proċess naturali li jseħħ kull sena u li r-riżultat aħħari tiegħu jiddependi mis-saħħa u d-direzzjoni tal-irjieħat u l-kurrenti. Bħal kull proċess naturali, dan ivarja minn sena għall-oħra. Fil-każ ta’ Paradise Bay din is-sena ħareġ aktar ramel ‘il barra milli reġa’ daħal ‘il ġewwa, b’riżultat li l-bajja tidher li ċkienet. Ninsab infurmat li dan il-fenomenu seħħ diversi drabi fil-passat u qed jiġi immoniterjat.

Xogħol fuq it-triq mix-Xemxija għall-Mellieħa

Question

Wara li l-Ministru vara lista ta’ toroq li fuqhom se jsir xogħol bi prijorità, jista’ l-Ministru jinforma lil din il-Kamra dwar il-pjanijiet li hemm għat-triq li twassal mix-Xemxija għall-Mellieħa peress li din it-triq qiegħda fi stat li qed tiddeterjora u hija l-aċċess ewlieni għal-lokalità tal-Mellieħa?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta qed tħejji pjanijiet ta’ rikostruzzjoni u twessiegħ ta’ toroq bejn il-pont tal-Mistra u l-junction li tagħti għal Selmun. Hemm ukoll pjanijiet ta’ rikostruzzjoni fil-bqija tat-triq u ċjoè sal-junction fl-inhawi tas-Simar u x-xogħlijiet se jkunu qed isiru skont il-prioritajiet u l-ħruġ tal-permessi meħtieġa.

Il-proġett tat-triq tal-Għadira

Question

Jista’ l-Ministru jagħti update dwar il-proġett tat-triq tal-Għadira? Għad hemm pjanijiet li din it-triq tkun inkluża fil-proġett tat-TEN-T? Jekk iva, hemm xi timeline partikolari? Peress li fil-passat kien hemm anke diskussjonijiet dwar diversi possibilitajiet kif jista’ jitwettaq dan il-proġett, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-gvern għadux bil-ħsieb li jimxi fuq xi waħda minn dawn il-possibilitajiet?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa qed jiġu finalizzati l-applikazzjoni għall-fondi mill-Unjoni Ewropea għat-Ten-T, liema applikazzjonijiet jagħlqu f’Novembru li ġej. Għaldaqstant dettalji ta’ liema toroq ikunu se jingħataw fondi, ser tingħata wara li jagħlaq il-proċess.

Proġett tat-tisfija tal-ilma tad-drenaġġ għall-użu mill-bdiewa

Question

B’referenza għall-proġett tat-tisfija tal-ilma tad-drenaġġ, magħruf anke bħala new water, u l-provvediment ta’ dan l-istess ilma lill-bdiewa, jista’ l-Ministru jara li dan l-ilma jitwassal anke lill-bdiewa li jaħdmu r-raba’ tagħhom fiż-żona tat-Torri l-Aħmar, fiż-żona ta’ Wied Musa (qrib iċ-Ċirkewwa) u anke fiż-żona tal-Aħrax tal-Mellieħa? X’inhu l-proċess li għandu jagħmel bidwi biex jibda jgawdi minn dan l-ilma?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma bħalissa qed tagħmel studju fuq il-possibiliajiet li l-inħawi msemmijin jiġu pprovduti b’dan l-ilma vis a vis il-volum totali ta’ ilma li jista’ jiġi prodott kif ukoll inħawi oħra li diġa huma inklużi fill-proġett li qed jiġi propost għal-fondi tal-Unjoni Ewropeja.

Applikazzjonijiet minn bdiewa biex jibdew jagħmlu użu mis-second class water

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm daħlu applikazzjonijiet minn bdiewa sabiex jibdew jagħmlu użu mis-second class water li qed jiġi prodott wara t-tisfija tad-drenaġġ bejn l-1 ta’ Jannar 2017 u t-30 ta’ Ġunju 2017? Jista’ l-Ministru jelenka anke l-lokalitajiet minn fejn huma dawn il-bdiewa u jgħid kemm hemm applikazzjonijiet minn dawn li ġew approvati?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma rċevit 52 applikazzjoni bejn l-1 ta’ Jannar 2017 u t’30 ta’ Ġunju 2017. Dawn l-applikazzjonijiet ġew kollha approvati u l-lokalitajiet minn fejn huma dawn il-bdiewa huwa kif ġej: Lokalita Numru t’applikazzjonijiet Birkirkara 1 Ħad-Dingli 1 Ħal-Għaxaq 1 L-Imġarr 19 Mellieħa 20 Mosta 2 Naxxar 4 San Pawl il-Baħar 3 Ħaż-Żebbuġ 1 Total 52

Freeport — spezzjonijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 818, jista’ l-Ministru jgħarraf lill-Kamra x’kienu r-riżultanzi ta’ dawn l-ispezzjonijiet u jekk kienx hemm ksur ta’ kundizzjonijiet imposti fuq l-operat tal-Freeport? Barra minn hekk, jista’ jgħarraf lill-Kamra jekk dawn l-ispezzjonijiet sarux wara rapporti, kenux miftehma mat-tmexxija tal-Freeport jew jekk kenux spezzjonijet marbuta ma’ xi skeda? Finalment, jista’ jgħarraf lill-Kamra meta kienet l-aħħar spezzjoni li saret u jekk hemmx ippjanati spezzjonijiet oħra u dan fir-rigward ħsejjes u fatturi oħra kkawżati mill-operat tal-Freeport?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, matul dawn l-ispezzjonijiet irriżulta li kien hemm bżonn ta’ titjib fl-immaniġġjar tal-iskart, fil-ħażna ta’ żjut jew likwidi oħra, u fl-operat waqt manutenzjoni ta’ vetturi u apparat ieħor. Dawn kienu jmorru kontra l-kundizzjonijiet tal-permess ambjentali għaldaqstant l-ERA ħadet azzjoni billi talbet lill-operatur jibdel is-sistemi operattivi tiegħu bir-riżultat li ġew żviluppati proċeduri ġodda fl-immaniġġjar tal-iskart u ġew installati tabelli għall-kontenituri. Barra min hekk l-operatur ħarreġ lill-impjegati f’dawn l-oqsma. B’riżultat ta’ dawn l-ispezzjonijiet ġie installat ukoll oil-water seperator u culverts biex jilqgħu xi żjut u likwidi oħra fiż-żona ta’ manutenzjoni. Rigward tipi ta’ spezzjonijiet, hemm dawk li huma ta’ rutina (skont skeda) fejn l-operatur ikun infurmat ftit siegħat qabel biex jiġi assigurat li l-persuna responsabbli mill-implimentazzjoni tal-permess tkun disponibbli. Spezzjonijiet oħra li jsiru b’riżultat ta’ lmenti mal-ERA jiġu investigati mingħar pre-avviż. L-aħħar spezzjoni li saret fil-Freeport kienet fit-3 ta’ Mejju 2017 u spezzjonijiet oħrajn huma ppjanati għall-futur skont l-iskeda ta’ spezzjonijiet li l-uffiċjali tal-Awtorità jaħdmu biha bħala proċedura interna. F’dawn l-ispezzjonijiet il-faċilità tiġi spezzjonata fil-kuntest tal-kundizzjonijiet tal-permess tal-operat.

Dipartiment tas-Saħħa Ambjentali – spezzjonijiet fiż-żona ta’ ġibjun fl-Imqabba

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħarraf lill-Kamra jekk fis-sena 2015, 2016 u 2017 sarux spezzjonijiet mill-uffiċjali tad-Dipartiment tas-Saħħa Ambjentali fl-Imqabba fiż-żona ta’ ġibjun u dan fir-rigward ilmenti li tressqu dwar ilma staġnat fl-istess ġibjun kif ukoll ilmenti rigwardanti health hazards inkluż preżenza ta’ ġrieden? Jista’ jgħarraf ukoll lill-Karma jekk itteħdux passi, jew entitajiet intalbux jieħdu passi, rigward l-istess?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fis-sena 2015, id-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali ma rċieva l-ebda ilment relatat mal-ġibjun li jinsab fiż-żona tal-Imqabba. Xorta waħda saru trattamenti ta’ prevenzjoni kontra l-ġrieden fix-xhur ta’ Lulju u ta’ Novembru. Matul is-sena 2016, dan id-Direttorat irċieva 5 ilmenti bejn ix-xhur ta’ Marzu u Awwissu minħabba akkumulu ta’ ilma qiegħed. Inħareġ avviż lill-entita’ kkonċernata fit-30 ta’ Mejju 2016 sabiex jitneħħa dan l-inkonvenjent u s-sitwazzjoni tiġi rregolarizzata. Fl-1 t’ Awissu ġie kkonfermat li l-inkonvenjent kien tneħħa. Waqt li dawn l-ilmenti kienu qed jiġu nvestigati saru 4 trattamenti għal kontra l-ġrieden fiż-żona tal-post imsemmi f’dawn il-ġranet: 21 ta’ Ġunju, 12 ta’ Lulju, 22 ta’ Lulju u fid-29 ta’ Lulju. Saru wkoll it-trattamenti ta’ prevenzjoni fix-xhur ta’ Marzu, Awwissu u ta’ Novembru ta’ l-istess sena. Matul is-sena 2017, fix-xahar ta’ Lulju id-direttorat irċieva 2 ilmenti rigward ħmieġ fl-istess żona izda mill-investigazzjonijiet irriżulta li l-ilmenti ma kienux ikkonfermati. Madanakollu saru 2 trattamenti għal kontra il-ġrieden fl-4 u fit-22 ta’ Lulju. Saret spezzjoni oħra fit- 3 t’ Awwissu 2017 fejn ġie kkonfermat li ma kien hemm ebda akkumulu ta’ ħmieġ jew ilma qiegħed. Madanakollu fil-25 ta’ Settembru sar rapport lill-Awtorita’ rispettiva sabiex jiġi evitat milli jkun hemm ilma stagnat f’dan il-ġibjun u tittieħed kull prekawzjoni neċessarja.

Definizzjonijiet ta’ “medically assisted procreation” u “prospective parents” fl-Att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijun u f’Avviż Legali

Question

B’referenza għall-emendi li saru permezz tal-Avviż Legali 156 tal-2017, tista’ l-Ministru tgħid x’kienet ir-raġuni li saru dawn l-emendi biex issa rriżulta li d-definitions ta’ “medically assisted procreation” u ta’ “prospective parents” fl-imsemmi avviż legali huma differenti mid-definitions mogħtija fl-Embryo Protection Act? Tista’ l-Ministru tirrimedja din is-sitwazzjoni biex ma jkunx hemm xi każ ta’ kontestazzjoni ta’ interpretazzjoni fil-Qorti?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li r-raġuni li saru dawn l-emendi huwa biex it-tifsiriet tat-termini “medically assisted procreation” u ta’ “prospective parents” jwasslu biex tingħata l-opportunità lill-koppji ta’ sess differenti u anke dawk tal-istess sess biex igawdu minn leave meta jgħaddu minn dan il-proċess. Id-dritt għal dan il-leave se jingħata kemm jekk l-intervent isir f’Malta kif ukoll barra minn Malta. Għaldaqstant m’hemmx x’jigi rimedjat anke minħabba l-fatt li jekk isiru xi emendi kif propost mill-Onor. Interpellant, dan iwassal biex ikun hemm sitwazzjoni ta’ diskriminazzjoni bejn koppji ta’ sess differenti u dawk tal-istess sess.

Qormi – Triq il-Belt Valletta – espropjazzjoni ta’ art

Question

Jista' l-Ministru jgħarraf lil din il-Kamra jekk inbdewx proċeduri ta' esproprjazzjoni sabiex il-Gvern jakkwista art li fuqha hemm parti mill-grawnd 5-a-side ta' Qormi FC li jinsab biswit iċ-ċimiterju fi Triq il-Belt Valletta f'Ħal Qormi?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li rigward il-ground tal 5-a-side ta’ Ħal-Qormi, għaddejjin proċeduri fil-qrati ta’ Malta bejn il-privat u l-Gvern. Ngħid ukoll li qatt ma kien hemm talbiet għal esproprjazzjoni min naħa tal-kunsill jew xi tip ta’ entità oħra.

Ħal Qormi – Triq il-Wied – speed camera

Question

Jista' l-Ministru jgħarraf il-Kamra fiex waslet it-talba tal-Kunsill Lokali ta' Ħal Qormi li saret ftit snin ilu dwar il-bżonn ta’ speed camera fi Triq il-Wied bħala miżura ta' sigurtà fi Triq il-Wied f'Ħal Qormi?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jitlob l-informazzjoni meħtiega lill-Ministru kkonċernat.

Ħal Qormi – Triq il-Mitħna – devoluzzjoni tal-Mitħna

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslet it-talba tal-Kunsill Lokali ta' Ħal Qormi li saret xhur ilu dwar id-devoluzzjoni tal-mitħna li tinsab fi Triq il-Mitħna u teħtieġ restawr b'mod immedjat qabel jintilef dan il-wirt storiku?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-talba tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal-Qormi ġiet milqugħa u l-proċess qiegħed ikun segwit.

Tender ta' art — każ ta' persuna

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament rigward tender ta' art?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant illi fl-evalwazzjoni tat-talba in kwistjoni, l-Awtorità tal-Artijiet se tkun qed tieħu konjizzjoni tal-iskambju tal-korrispendenza li diġà kien hemm bejn id-Dipartiment u l-individwi dwar din l-istess talba.

Swieqi — Wied Għomor u Wied id-Dis - livell ta' protezzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 767 u jinforma lill-Kamra liema livell ta’ protezzjoni hemm għal Wied Għomor u Wied id-Dis fis-Swieqi? Hemm xi pjanijiet ta’ tibdil hekk kif qiegħda fin-North Harbour Local Plan? Dan qed jirrefletti fil-GeoServer? U jekk din hija ODZ, allura jista’ jgħid jekk dan kollu huwiex żball, u hemmx xi korrezzjoni fil-ġejjieni?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li; Wied Għomor, fil-limiti ta’ San Ġwann, San Ġiljan u s-Swieqi, kien skedat bħala Arja ta’ Importanza Ekologika u Sit ta’ Importanza Xjentifika b’partijiet bħala Livell 2 u oħrajn bħala ta’ Livell 3 u Żona ta’ Ilqugh ta’ Livell 4 kif ippubblikat fin-Notifka Tal-Gvern Numru 409 tal-1999 ippubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern datata 1 ta’ Gunju 1999, aċċessibbli mis-sit elettroniku ta’ l-Awtorita’ ta’ l-Ippjanar kif indikat hawn: http://www.pa.org.mt/LpDocumentDetails?syskey=%20181 Wied id-Dis, bejn il-Għarghur u s-Swieqi, kienu bdew l-istudji f’Marzu ta’ l-2010 għal eventwali proposta ta’ skedar wara konsultazzjonijiet meħtiega, imma dan ma’ setghax jitkompla mill-Awtorita’ ta’ l-Ippjanar minħabba li l-uffiċċjali speċjalizzati fl-ekoloġija marru jaħdmu ma’ aġenziji oħra, kif ukoll wara ir-riviżjoni ta’ Att dwar l-Iżvilupp u l-Ippjanar, 2016 ir-responsabilta’ biex jiġi propost skedar ta’ siti naturali ġiet investita fl-Awtorita’ ghar-Riżorsi u l-Ambjent. M'hemmx pjanijiet biex jiġi rivedut l-pjan lokali għal din iż-żona.

Welfare Committee – xiri ta’ sodod u wheelchairs

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm inxtraw sodod u wheelchairs ġodda mill-Welfare Committee minn Jannar 2017 sal-ġurnata li tingħata r-risposta? Fejn u kemm ġew allokati fil-komunità, fl-isptarijiet, inkluż Karen Grech, rehabilitation u djar tal-anzjani individwali? Kemm hemm minnhom li ma tqassmux u fejn qegħdin jinżammu?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Inerpellant illi, minn Jannar 2017 sad-data li fiha qed tkun preżentata din it-tweġiba, l-Welfare Committee xtara apparat utli li tqassam fid-djar tal-anzjani u l-isptarijiet kif ġej: 3 sodod tal-elettriku għar-Residenza San Vinċenż de Paul; 73 Wheelchair normali li 50 minnhom inxtraw għar-Residenza San Vinċenż de Paul, 3 għad-dar tal-anzjani tal-Furjana, 12 għad-dar tal-anzjani tal-Imtarfa, 6 għad-dar tal-anzjani tal-Mosta u 2 għad-dar ta l-anzjani tal-Imsida; 2 20” Bariatric Wheelchairs għar-Residenza San Vinċenż de Paul; 2 22” Bariatric Wheelchairs għar-Residenza San Vinċenż de Paul; 2 24” Bariatric Wheelchairs għar-Residenza San Vinċenż de Paul; 1 26” Bariatric Wheelchair għar-Residenza San Vinċenż de Paul; 5 Reclining Wheelchairs għar-Residenza San Vinċenz de Paul; 5 Amputee Wheelchairs għar-Residenża San Vinċenz de Paul u 30 Tilt in Space Wheelchairs, fejn 15 inxtraw għar-Residenza San Vinċenż de Paul u 15 għall-Isptar Mount Carmel.

Welfare Committee – xiri ta' kaxxi tar-rigali għar-residenti ta' Djar tal-Anzjani f'għeluq sninhom

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inxtraw kaxxi tar-rigali biex jingħataw bħala rigal f'għeluq snin ir-residenti tad-Djar tal-Anzjani fl-aħħar tnax il-xahar? Kemm swiet kull kaxxa u kemm hi s-somma globali li ntefqet mill-Welfare Committee? Jista' wkoll jispeċifika l-kontenut tipiku ta' waħda mill-kaxxi?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Welfare Committee qassam 3100 kaxxa tar-rigali lir-residenti anzjani fid-djar tal-Anzjani, f’għeluq sninhom bejn Lulju 2016 u Ġunju 2017. Kull kaxxa swiet €55.82, bis-somma totali li kienet tammonta għal €173,026.30. Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-kaxxi tar-rigali mqassma kienu jikkonsistu f’rigali kif ġej ; KAXXA TAR-RIGALI LI NGĦATAT LIN-NISA. Sett ta’ Xugami Sett ta’ Face Cloths Shampoo Shower Gel Handwash Sponża Fwieħa Statwa Reliġuża. Pakkett ta’ 3 kalzetti Kartiera tal-Flus Hair Clip Eyeshadow Xkupilja tax-xagħar Nail Files Wipes Ladies Hand Fan. KAXXA TAR-RIGALI LI NGĦATAT LILL-IRĠIEL: Sett ta’ Xugami Sett ta’ Face Clothes Shampoo Shower Gel Handwash Sponża Fwieħa Kartiera tal-Flus Statwa Reliġuża Ċinturin Pakkett ta’ 3 kalzetti 2 Nail Files Wipes Foam tal-leħja Pinzell tal-leħja Petne

Welfare Committee Board – membri li ngħataw promozzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm mill-membri tal-Welfare Committee Board ingħata promozzjoni minn Jannar 2017 sal-ġurnata li tingħata din ir-risposta? Tista' tispeċifika x'kien il-grad tal-persuni individwali qabel ma ngħataw il-promozzjoni u l-grad tagħhom illum?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ma kien hemm l-ebda membru tal-Welfare Committee li ngħata promozzjoni fil-perjodu msemmi.