Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li minn Marzu 2013 sal-lum ingħataw il-kariga ta’ Junior Manager jew pakkett finanzjarju ekwivalenti għal dak ta’ Junior Manager, fil-PBS? Kemm minn dawn kienu nisa u kemm kienu rġiel? Kemm minn dawn saru wara sejħa interna u kemm saru wara sejħa pubblika? Meta ħarġu dawn is-sejħiet? X’inhuwa l-pakkett finanzjarju ta’ Junior Manager fil-PBS?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat illi fil-PBS kien hemm 5 persuni li ngħataw il-kariga ta’ Junior Manager u 2 persuni li ġew inagħtati l-kariga ta’ Project Manager li tiġi ekwivalenti għal dik ta’ Junior Manager. Minn dawn 5 kienu rġiel u 2 kienu nisa. Dawn il-karigi nħarġu billi saret sejħa 1 interna f’Jannar ta 2014, sejħa oħra pubblika li saret f’April 2015 u l-5 sejħiet l-oħra kienu direct internal appointments. Wieħed jinnota li dawn il-gradi mhumiex fil-ftehim kollettiv u għaldaqstant il-Management għandu d-diskrezzjoni li ma joħrogx sejħa. Il-pakket finanzjarju ta’ Junior Manager huwa ta’ €24,500 - €36,000 fis-sena.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni li turi xogħlijiet jew proġetti assenjati lill-
Junior Managers
, jew ekwivalenti.
Jista’ l-Ministru jgħid x’passi se jittieħdu biex jitneħħew l-inkonvenjent li qed joħloq il-Ġibjun tal-Imqabba li hemm biswit il-bypass tal-Imqabba u dan fid-dawl li meta dan il-ġibjun jimtela’, l-ilma qiegħed jispiċċa fi proprjetajiet privati?
Response (BORG, IAN)
Ninsab infurmat li d-Dipartiment tax-Xogħlijiet u l-Infrastruttura qed ifassal proposta, flimkien mal-Kunsill Lokali tal-Imqabba, biex jinbena ġibjun ġdid fl-akkwati tal-ġibjun eżistenti li hemm fil-bypass tal-Imqabba, biex jilqa’ fih l-ilma li jfur mill-ġibjun eżistenti. Kif din il-proposta tkun finalizzata, issir talba għall-fondi biex dan il-proġett ikun jista’ jitwettaq.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm u kemm hemm ħaddiema bħalissa, li s-salarju tagħhom huwa l-paga minima? Jista’ jgħid ukoll f’liema setturi tax-xogħol qegħdin jaħdmu u jekk humiex impjegati mal-gvern jew mal-privat u dan għal kull sena mis-sena 2013 sas-sena 2017?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol u l-entitajiet li jaqgħu taħtu m’humiex responsabbli minn kundizzjonijiet tax-xogħol, inkluż fost l-oħrajn is-salarju.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna qegħda f’xi skema mħaddma mill-Fondazzjoni tal-General Workers’ Union u li kienu jirreġistraw għax-xogħol qabel ma ttieħdu mill-Fondazzjoni? F’liema impjiegi qegħdin jitpoġġew, ma’ liema awtorità, dipartiment, aġenzija jew kumpanija huma qegħdin jintbagħtu jaħdmu? X’inhi t-take home pay tagħhom?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li 662 persuna qegħda fil-Community Work Scheme. Minn dawn 632 kienu jirreġistraw mal-Jobsplus qabel daħlu fl-iskema. L-impjiegi varji li qegħdin fihom dawn il-persuni huma kif muri fit-tabella t’hawn taħt:
Occupations
Animal Carer
Cleaner
Clerk
Driver
Gardener
Handyman
Labourer
Maintenance
Messenger
Plasterer
Attendant
Receptionist
Watchman
Minn dawn is-632 persuna, 251 qegħdin jaħdmu f’kunsilli lokali, 225 fi skejjel pubbliċi, 82 f’entitajiet pubbliċi, 71 ma’ NGOs u 3 huma releavers.
Rigward il-kundizzjonijiet ġenerali tax-xogħol, dawn il-ħaddiema huma impjegati fuq bażi full-time. Għaldaqstant japplikaw għalihom il-kundizzjonijiet normali tax-xogħol, jiġifieri salarju bażiku annwali li ma jkunx anqas mill-paga minima stabbilita, kif ukoll il-bonuses statutorji kollha. Dawk kollha li kienu ilhom aktar minn sena fuq il-paga minima ħadu wkoll iż-żieda li ħabbar il-Gvern. Apparti minn dan, il-Fondazzjoni għamlet ftehim mal-entitajiet kollha li jibbenefikaw minn dan is-servizz biex fl-aħħar tas-sena dawn joħorġu performance bonus/allowance sa 5% lill-impjegati ta’ din l-iskema.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il student irċieva l-Għotjiet ta’ Manteniment matul is-sena akkademika 2016/2017?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li sas-7 ta’ Settembru 2017, total ta’ 18,846 student li attendew kors f’istituzzjonijiet post-Sekondarji u Terzjarji tul is-sena akkademika 2016-17, attendew u rċevew l-Għotjiet ta’ Manteniment lill-Istudenti.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm studenti li ngħataw stipendju għar-raġuni li huma rrepetew sena fil-kors? Jista’ l-Ministru jgħid ukoll f’liema korsijiet kienu jew imxew għalih dawn l-istudenti? Jista’ jagħti dan għal kull sena akkademika mis-sena 2013?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif muri fit-tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Attachments:PQ 922 - Studenti li rrepetew sena fil-kors - stipendju.pdf
Rata ta’ stipendju klassifikata bħala High Priority
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jingħata rata ta’ stipendju ogħla u kklassifikat bħala High Priority lill-korsijiet ta’ studji oħra apparti dawk li llum diġà qegħdin jiġu kkunsidrati hekk?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-korsijiet kollha eliġibbli għall-Għotjiet ta’ Manteniment lill-Istudenti jistgħu jiġu klassifikati bħala Ġenerali, Preskritti jew ta’ Prijorità Għolja.
Il-klassifikazzjoni tal-korsjiet għall-Għotjiet ta’ Manteniment lill-Istudenti hija eżerċizzju li jsir kull sena qabel il-bidu ta’ kull sena akkademika, fejn il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, fi qbil mal-Ministru għall-Finanzi, u fuq rakkomandazzjoni tal-Bord tal-Għotjiet ta’ Manteniment lill-Istudenti, jiddetermina liema korsijiet f’livell Post-Sekondarju u Terzjarju jingħataw rata ta’ stipendju Preskritta jew ta’ Prijorità Għolja.
Għotjiet ta’ manteniment lill-istudenti – korsijiet eleġibbli
Question
Jista’ l-Ministru jgħid liema korsijiet huma eleġibbli għall-għotjiet ta’ manteniment lill-istudenti? Jista’ jgħid ukoll meta dawn il-korsijiet ġew rikonoxxuti bħala li jagħtu eleġibilità lill-istudenti li jsegwu dawn l-għotjiet?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bit-tagħrif mitlub. Rigward din it-tabella, nitlob lill-Onor. Interpellant tinnota li jien infurmat li għal ċerti korsijiet m'hemmx is-sena ta' approvazzjoni peress li ilhom jiġu offruti għal numru sostanzjali ta' snin.
Attachments:PQ 924 - Għotjiet ta' manteniment lill-istudenti - korsijiet eleġibbli.pdf
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 621 u ċjoè: Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati persuni ġodda mal-kumpanija WasteServ Malta Limited xahar b'xahar matul il-perjodu mill-1 ta' Jannar 2017 sat-2 ta' Ġunju 2017?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-1 ta’ Jannar 2017 sat-2 ta’ Ġunju 2017 il-Wasteserv impjegat persuna waħda.
Peress li l-liġi biex tintuża l-kannabis mediċinali, li hi estratta mill-pjanta nnifisha, iddaħħlet fl-2015, fejn int bħala Ministru tal-Ġustizzja għandek mertu f'dan ir-rigward, u peress li s-sistema preżenti hija b'ordni ta' tabib, pazjent jista’ jġib din il-mediċina (sintetika u mhux direttiva ) b'eċċezzjoni li trid tkun on named patient basis u skont il-Good Manufacturing Practice (GMP) u l-unika mediċina li tista’ tiddaħħal tiswa €500 per 10 mls meta hawn prodotti ferm orħos u xorta tajbin. Peress li issa l-Awtorità indipendenti tal-Kompetittività u l-Ħarsien tal-Konsumatur ( MCCAA) taqa’ taħt ir-remit tal-Ministeru tal-Ġustizzja, tista’ tgħid x’passi qed jittieħdu biex pazjent ma jibqax ibati l-konsegwenzi imposti fuqu, dan billi f'sentejn żmien minn meta ddaħħlet il-liġi d-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika qatt ma implimenta s-sistema, għalkemm l-Awtorità tal-Mediċina approvat l-użu?
Response (BONNICI, OWEN)
Irrid nerġa’ nissottolinea, kif diġà għamel korrettement l-Onor. Interpellant fid-domanda tiegħu, li kien dan il-Gvern li fl-aħħar leġizlatura daħħal il-principju li bniedem jista’ juza l-kannabis bħala medicina mingħajr ma jinkorri konsegwenzi penali u dan suggett kif provdut fil-liġi msemmija fid-domanda.
Ninsab infurmat, permezz ta’ parir tekniku, li “Mediċina”, skont ir-regoli Ewropej u konsegwentement anke dawk lokali, tista’ tinkiteb f’riċetta mit-tabib jekk hi verament kwalifikata bħala mediċina, jiġifieri li l-mediċina tkun tissodisfa r-rekwiżiti Ewropej fir-rigward ta’ kwalità, sigurtà u effikaċja. Għalhekk l-Awtorità dwar il-Mediċini hija f’pożizzjoni li tagħti rakkomandazzjoni għall-awtorizazzjoni meta tirċievi applikazzjoni u hekk tpoġġi għad-disposizzjoni tal-pubbliku Malti dak il-prodott relatat mal-kannabis li jissodisfa r-rekwiżiti biex jkun jista’ jaqa taħt il-klassifika ta’“mediċina”. Is
-Sativex
huwa eżempju ta’ wieħed minn dawn il-prodotti.
L-Awtorità dwar il-Mediċini tikkonsidra kull talba li tkun ta’ benefiċċju għall-pazjent u skont il-liġijiet ta’ pajjiżna.
Irrid ngħid ukoll li l-Gvern għandu l-intenzjoni li janalizza s-sitwazzjoni kemm legali u kemm de facto u jaġġorna skont il-bżonn għall-ġid aħħari tal-pazjenti Maltin u Għawdxin.
Kannabis Mediċinali — Awtorità dwar il-Mediċini – dħul f’pajjiżna
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk kienx hemm aġenti tal-mediċina li wrew interess mal-Awtorità dwar il-Mediċini biex idaħħlu fis-suq lokali, mediċina tal-kannabis sintetika jew estratt mill-pjanta?
Kannabis Mediċinali — kampanja edukattiva mill-Health Education Unit
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x'kampanja edukattiva ġiet ppreparata mill-Health Education Unit kemm għat-tobba, kif ukoll għall-pazjenti, dwar l-użu tal-kannabis mediċinali?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi d-dipartiment tas-Saħħa m’għandu ebda unit bit-titlu ta' Health Education Unit.
Jista’ l-Ministru jgħid x’qed iżomm lil Enemalta biex l-uplighters li jdawwlu l-faċċata tal-Knisja ta' San Mark li kienu twaħħlu minn din l-entità biex iddawwal wirt kulturali fi Triq Santu Wistin jerġgħu jinxtegħlu peress li dawn ilhom maqtugħin minn Settembru 2016? Jekk il-manutenzjoni tagħhom ma taqax taħt il-kompitu tal-Enemalta, għalkemm kien proġett ta' din l-entità, liema dipartiment irid jagħmel tajjeb għall-ispiża pubblika?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Kunsilli lokali – permessi dwar ipparkjar temporanju jew makkinarju
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-proċedura dwar permessi li jagħtu l-kunsilli lokali dwar ipparkjar temporanju jew makkinarju ieħor? L-NGOs u l-Knisja huma eżentati minn dan il-ħlas ta' permess?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi d-Dipartiment għall-Gvern Lokali kien ħareġ linji gwida lill-Kunsilli Lokali kollha permezz ta’ Ċirkulari Nru 8 tal-2017 dwar attivitajiet li jeħtieġu l-permess tal-Kunsill Lokali għall-ipparkjar temporanju jew makkinarju ieħor.
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Leġislazzjoni Sussidjarja 441.04 dwar Regolamenti Dwar Attivitajiet Li Jeħtieġu Permessi mill-Kunsilli Lokali kif ukoll Ċirkulari Numru 8 tal-2017.
Fid-dawl tad-deċizjoni tal-Qorti Kostituzzjonali tat-3 ta’ Mejju 2016 fl-ismijiet Federation of Estate Agents v. Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) et, jista’ l-Ministru jgħid x’passi regolatorji u ta’ sanzjoni jista’ jieħu d-Direttur Ġenerali jekk ikun hemm ksur tal-artikoli 5 jew 9 tal-Kap. 379 tal-Liġijiet ta’ Malta?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li minnħabba l-fatt li hemm il-każ pendenti quddiem il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili (Ġurisdizzjoni Kostituzzjonali) (vide Falzon Group Holdings Limited Et vs Direttur Generali (Kompetizzjoni) Et), il-parir li għandi hu li d-Direttur Generali (Kompetizzjoni) ma jistax jagħti l-informazzjoni mitluba.
Rabat – Triq Santu Wistin – uplighters mal-Knisja ta’ San Mark
Question
Peress li l-uplighters li jdawlu l-faċċata tal-Knisja ta' San Mark fi Triq Santu Wistin, ir-Rabat kienu proġett tal-Ministeru għat-Trasport u Infrastruttura u peress li minħabba nuqqas ta' manutenzjoni din il-mixgħela ilha mitfija minn Settembru 2016, jista’ l-Ministru jara li jittieħdu l-passi neċessarji sabiex jerġgħu jinxtegħlu anke minħabba li din il-knisja tinsab fil-qalba tar-Rabat u hi sit li jżuruh it-turisti għax hu parti mill-wirt kulturali?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li b’referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 969, il-fittings tad-dawl li ser jintuzaw f'dan ix-xogħol ġew ordnati mill-Italja u hekk kif jaslulna aħna mmexxu bix-xogħol meħtieg.
Peress li l-unika preparazzjoni tal-cannabis li hija manifatturata taħt Good Manufacturing Practice huwa sprej ta’ 10ml li jiswa €500 u li pazjent b'uġigħ kroniku jista’ jkollu bżonn iktar minn 10ml kuljum, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk hemmx possibilità inqas burokratika li pazjenti jkunu jistgħu jaċċessaw mediċini tal-cannabis li jkunu iktar irħas, dejjem taħt in-normi li tippermetti l-liġi dwar użu mediku tal-kannabis?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-liġi fis-seħħ għal użu mediku tal-cannabis tippermetti l-importazzjoni ta’ dawk il-prodotti li huma kkunsidrati mill-Awtorita’ kompetenti li huma mediċini.
Peress li l-liġi tippermetti lil erba’ tipi ta' speċjalisti biex jagħmlu riċetta tal-cannabis extract, iżda dawn jidher li ma ħadu ebda forma ta' training fuq dan is-suġġett, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk dawn l-ispeċjalisti jirċevux xi forma ta’ taħriġ fuq dan is-suġġett sabiex imbagħad ikunu dawn li jkunu jistgħu jagħmlu riċetta iktar infurmata? Jista’ jgħid minn meta tbidlet il-liġi fl-aħħar leġiżlatura kemm ħarġu permessi biex jintuża l-estratt tal-kannabis għal użu mediku?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ispeċjalisti msemmija minnu huma kollha mħarrġa skont ir-rekwiżiti tal-Kunsill Mediku u tal-iSpecialist Accredetation Committee.
Użu rikreattiv tal-cannabis – pazjenti li ddaħħlu fl-isptarijiet
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm ġew admitted persuni fi sptarijiet jew reparti ta’ kura mentali għal kumplikazzjonijiet psikoloġiċi li huma maħsuba li kienu relatati mal-użu rikreattiv tal-kannabis?
Response (FEARNE, CHRIS)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jindika għal liema perjodu qed jirreferi.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 596 u ċjoè: Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħataw transfers fil-Forzi Armati ta’ Malta fil-perjodu bejn l-1 ta’ Mejju 2017 u t-3 ta’ Ġunju 2017?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-perjodu msemmi saru seba’ postings fil-Forzi Armati ta’ Malta.