Legislature:
Category:
Reset
Active:

Pulizija ġodda ingaġġati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew ingaġġati Pulizija ġodda fil-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 2020 sal-31 ta’ Diċembru 2020 u bejn l-1 ta' Jannar 2021 u l-31 ta’ Awwissu 2021?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat illi bejn l-1 ta’ Jannar 2020 sal-31 ta’ Diċembru 2020 ġew ingaġġati erbgħa u erbgħin Pulizija ġodda, filwaqt illi fil-perjodu ta’ bejn l-1 ta' Jannar 2021 u l-31 ta’ Awwissu 2021 ġew ingaġġati ħamsa u sittin Pulizija ġodda. Ma’ dan kien hemm ingaġġ ukoll ta’ uffiċjali oħra bħala parti mic-‘civilianization’.

Ħaż-Żabbar – Triq il-Pellegrinaġġ tar-Roti – ġrieden fi djar tar-residenti — passi

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jinforma x’passi ttieħdu sabiex jiġu protetti r-residenti ta’ Triq il-Pellegrinaġġ tar-Roti Ħaż-Żabbar mid-diversi ġrieden li qed jidħlu f’djarhom minn għalqa li fiha terzi qed jixħtu materjal varju?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi d-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali rċieva żewġ ilmenti rigward it-Triq indikata. L-ewwel ilment daħal f’Mejju tal-2020 dwar akkumulu ta’ materjal mormi ġo għalqa privata f’din l-imsemmija Triq u infestazzjoni ta’ ġrieden. F’Ġunju ta’ din is-sena daħal ukoll ilment ieħor dwar l-akkumulu biss. Dawn iż-żewġ ilmenti ġew investigati minn uffiċjali għas-Saħħa Ambjentali. Mill-investigazzjonijiet jrriżulta li l-akkumulu li hemm fl-għalqa jikkonsisti fi skart inorganiku bħal bramel vojta tal-plastik u mbarazz ieħor mormi. Minkejja diversi tentattivi sabiex jiġi stabbilit is-sid ta’ din l-għalqa sa’ llum għadna ma nafux lil minn tappartjeni. Saru trattamenti għall-kontra l-ġrieden fl-akkwati ta’ din l-għalqa minn ufficjali tat-Taqsima tal- Pest Control Unit fi ħdan id-Direttorat. Dawn it-trattamenti saru kemm is-sena li għaddiet kif ukoll din is-sena. L-uffiċċjali għas-Saħħa Ambjentali ser ikomplu b’investigazzjoni tagħhom sabiex jiġi stabbilit is-sid tal-għalqa sabiex jitneħħa l-akkumulu.

Ħaż-Żabbar – Triq il-Pellegrinaġġ tar-Roti – ġrieden fi djar tar-residenti — passi

Question

Jista’ l-Ministru jinforma x’passi ttieħdu sabiex jiġu protetti r-residenti ta’ Triq il-Pellegrinaġġ tar-Roti Ħaż-Żabbar mid-diversi ġrieden li qed jidħlu f’djarhom minn għalqa li fiha terzi qed jixħtu materjal varju?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali ikkunsidra din il-materja u bagħat ir-rapport tiegħu lid-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali.

Ministeru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur — Persons of trust

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm Persons of Trust fil-Ministeru tiegħu fl-2012 u kemm kien l-ammont totali ta’ dawn il-pagi u benefiċċji?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-2012 ma kelli l-ebda Ministeru.

Ministeru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur — Persons of trust

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm Persons of Trust fil-Ministeru tiegħu bħalissa u kemm hu l-ammont totali ta’ dawn il-pagi u benefiċċji?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant ghat-twegiba tal-mistoqsija parlamentari 20984.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej — Persons of trust

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm Persons of Trust fil-Ministeru tiegħu fl-2012 u kemm kien l-ammont totali ta’ dawn il-pagi u benefiċċji?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-2012 ma kelli l-ebda Ministeru.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej — Persons of trust

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm Persons of Trust fil-Ministeru tiegħu bħalissa u kemm hu l-ammont totali ta’ dawn il-pagi u benefiċċji?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jghamel referenza għal PQ 20985.

Wied ta’ Ħal Qormi – ħruġ ta’ drenaġġ

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’kienet il-kawża li mal-ewwel ġranet tax-xita f’Settembru beda jfur id-drenaġġ fil-Wied ta’ Ħal Qormi? X’qed isir biex tiġi rrimedjata s-sitwazzjoni?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kawża maġġuri ta’ din l-inkonvenzjenza ġejja primarjament minn numru kbir ta’ konnesjonijiet tal-ilma tax-xita ma’ dan il-main arterjali tad-drenaġġ. Din is-sistema tad-drenaġġ tilqa’ ammont kbir ta’ drenaġġ li jkun ġej minn madwar Malta. B’hekk il-problema tiġi kkawżata meta tagħmel ix-xita u mhux f’kundizzjonijiet xotti. Biex tiġi rimedjata s-sitwazjoni l-Korporazzjoni għandha proġett ippjanat għas-sena d-dieħla biex is-sistema tad-drenaġġ tiġi rinnovata. Dan il-proġett ser ikopri lqugħ tad-drenaġġ b’mod iżjed effiċjenti billi nkabbru l-wisa’ tal-pajpijiet u jsiru retention manholes biex jaqdu bħala ritenzjoni tal-ilma u jiġu evitati restrizzjonijiet fis-sistema. B’hekk jitnaqsu l-overflows u l-inkonvenjenzi. Barra minn hekk, qed issir ħidma biex neliminaw li l-ilma tax-xita jispiċċa fis-sistema tad-drenaġġ li qed jikkawża dawn il-problemi.

MARSA – RAMEL GĦALL-KORSA TAŻ-ŻWIEMEL

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm ġie jiswa r-ramel li ntefa' fil-Korsa tal-Marsa fl-14 ta' Settembru? Min iddeċieda li jintgħażel dan ir-ramel? X'konsultazzjoni saret mas-sidien u s-sewwieqa qabel ma nxtara dan ir-ramel? Min iffinanzja x-xiri ta' dan ir-ramel? Tista’ tgħid għaliex ir-ramel li tpoġġa fil-25 t’April ta’ din is-sena inbidel fl-14 ta’ Settembru? Għaliex tneħħa f’daqshekk żmien qasir?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-ramel li ntefa’ fil-Korsa tal-Marsa fl-14 ta’ Settembru ġie jiswa €60,000, liema ramel ġie magħżul minn kumitat tekniku fi ħdan il-Malta Racing Club. Dan ir-ramel ġie ffinanzjat mill-fondi tal-Malta Racing Club sabiex ikun ramel tal-għola kwalità.

Kunsill tal-Malta Racing Club – privatizzazzjoni tal-kumpless tal-Marsa — laqgħat ta’ informazzjoni

Question

Tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dati ta' meta l-Kunsill tal-Malta Racing Club organizza laqgħat ta' informazzjoni mas-sidien u s-sewwieqa dwar il-privatizzazzjoni tal-kumpless tal-Marsa bejn it-22 ta' Marzu 2017 minn meta ġie ffirmat l-MOU mal-kumpanija privata sad-data meta qiegħda ssir din il-mistoqsija?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kunsill tal-Malta Racing Club kien involut fil-proċess u, tajjeb wieħed jgħid, li fl-istess Kunsill hemm rappreżentanza tas-sidien u s-sewwieqa.
Leg 13 PQ #22222 Sitting 492 2021-10-05 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni

FTS — impjegati

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm impjegati l-Fondazzjoni għall-Skejjel t’Għada (FTS)? X’inhuma l-gradi? Tista’ tagħti d-dettalji tal-pakkett finanzjarju ta’ kull grad mill-Kap Eżekuttiv ’l isfel? Tista’ tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-organigramma tal-Fondazzjoni?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Infurmata li fil-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada hemm 48 impjegat. Il-gradi u s-salarji kif ukoll l-organigramma tal-Fondazzjoni huma kif muri fit-tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 13 PQ #22223 Sitting 492 2021-10-05 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni

FTS – SERVIZZI PROFESSJONALI KKUNTRATTATI

Question

Tista’ l-Ministru tagħti l-lista ta’ servizzi professjonali li kkuntrattat l-FTS fl-aħħar seba’ snin? Min huma dawn is-service providers?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Nitlob l-Onor. Interpellant jispeċifika għal liema servizzi professjonali qiegħed jirreferi.

Rapporti ta’ serq

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ kemm saru rapporti ta’ serq lokalità b'lokalità mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-21 ta’ Awwissu 2021?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat illi n-numru ta’ rapporti li saru mal-Pulizija dwar serq, lokalita b’lokalita bejn l-1 ta’ Jannar 2021 u l-31 ta’ Awwissu 2021 kienu: Attard 32, Balzan 15, Birgu 17, Birkirkara 101, Birzebbugia 92, Bormla 37, Dingli 9, Fgura 42, Floriana 51, Fontana – Għawdex 1, Għajnsielem - Għawdex 23, Għarb - Għawdex 5, Gharghur 7, Għasri - Għawdex 4, Għaxaq 26, Gudja 26, Gżira 89 , Ħamrun 120, Iklin 9, Isla 17, Kalkara 19, Kerċem – Għawdex 5, Kirkop 7, Lija 5, Luqa 40, Marsa 111, Marsaskala 91, Marsaxlokk 32, Mellieħa 50, Mġarr 20, Mosta 82, Mqabba 7, Msida 85, Mtarfa 4, Munxar - Għawdex 4, Nadur - Għawdex 9, Naxxar 52, Paola 64, Pembroke 10, Pieta' 47, Qala - Għawdex 3, Qormi 152, Qrendi 11, Rabat - Malta 53, Rabat - Għawdex 22, Safi 5, San Ġiljan 305, San Ġwann 54, San Lawrenz - Għawdex 2, San Pawl Il-Bahar 277, Sannat - Għawdex 5, Santa Lucija 10, Santa Venera 39, Siġġiewi 22, Sliema 149, Swieqi 30, Ta' Xbiex 39, Tarxien 22, Valletta 100, Xagħra - Għawdex 13, Xewkija - Għawdex 13, Xgħajra 6 , Żabbar 55, Żebbuġ 54, Żebbuġ – Għawdex 23 , Żejtun 47, Żurrieq 19.

Każijiet ta’ vjolenza domestika

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ kemm kien hemm każijiet ta’ vjolenza domestika lokalità b'lokalità mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Awwissu 2021?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat illi l-ammont ta’ każijiet ta’ vjolenza domestika, lokalità b'lokalità, irrapurtati lill-Pulizija mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Awwissu 2021 kienu: Attard 28, Balzan 10, Birgu 9, Birkirkara 50, Birzebbugia 48, Bormla 31, Dingli, 10, Fgura, 34, Floriana, 11, Għajnsielem - Għawdex 7, Gharghur 2, Għaxaq 11, Gudja 4, Gżira 17, Hamrun 32, Iklin 3, Isla 12, Kalkara 7, Kerċem - Għawdex 1, Kirkop 7, Lija 2, Luqa 18, Marsa 26, Marsaskala 42, Marsaxlokk 7, Mellieħa 23, Mġarr 9, Mosta 26, Mqabba 7, Msida 41, Mtarfa 6, Munxar - Għawdex 5, Nadur - Għawdex 7, Naxxar 23, Paola 20, Pembroke 8, Pieta' 16, Qala - Ghawdex 3, Qormi 47, Qrendi, 4, Rabat, 15, Rabat - Għawdex, 4, Safi, 3, San Ġiljan, 21, San Ġwann 20, San Pawl Il-Bahar 90, Sannat - Għawdex 1, Santa Lucija 6, Santa Venera 24, Siġġiewi 27, Sliema 20, Swieqi 19, Ta' Xbiex 3, Tarxien, 16, Valletta, 37, Xagħra - Għawdex, 4, Xewkija - Għawdex, 5, Xgħajra 5, Żabbar 56, Żebbug 31, Zebbug - Għawdex 8, Żejtun 35, Żurrieq 27.
Leg 13 PQ #22262 Sitting 492 2021-10-05 Oral · Final From: JOSEPH ELLIS To: Ministeru għal Għawdex

Birkirkara – Villa Lauri — xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid bħalissa liema xogħlijiet huma għaddejjin f'Villa Lauri, Birkirkara u meta dawn ix-xogħlijiet huma ppjanati li jitlestew? Meta ser tkun tista' tintuża mill-istudenti Għawdxin, din il-binja?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet strutturali tlestew. Bħalissa qed isiru l-evalwazzjonijiet fuq l-offerti mitfugħa għax-xogħlijiet ta’ M&Es u għall-għamara. L-offerta għall-installazzjoni tal-Lift reġgħet ġiet ippubblikata peress li fl-ewwel sejħa għall-offerti l-ebda offerta ma kienet eliġibli. Din is-sejħa għall-offerti se tagħlaq f’dan ix-xahar. Ix-xogħlijiet mistennija li jibdew fix-xhur li ġejjin appena jiġu assessjati l-offerti. Qed isir dak kollu possibbli biex Villa Lauri tibda tintuża mill-istudenti Għawdxin u anke mill-qraba ta’ pazjenti Għawdxin li jkunu rikoverati fi sptar f’Malta mis-sena 2022.
Leg 13 PQ #22263 Sitting 492 2021-10-05 Oral · Final From: JOSEPH ELLIS To: Ministeru għal Għawdex

Ir-Rabat Għawdex — Uffiċini tal-Kummissarju tat-Taxxi - ristrutturazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi n-natura tax-xogħlijiet ta' ristrutturazzjoni li qed isiru fl-uffiċini tal-Kummissarju tat-Taxxi tar-Rabat, Għawdex, meta bdew ix-xogħlijiet, meta dawn ix-xogħlijiet suppost jitlestew u kemm suppost ser jiswew dawn ix-xogħlijiet?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet ta’ rinnovazzjoni, ristrutturar u retrofitting li qed isiru fl-uffiċini tal-Kummissarju għat-Taxxi fir-Rabat Għawdex huma parti minn proġett akbar li jinkorpora ċ-Ċentru Amministrattiv kollu. Dawn ix-xogħlijiet se jaraw it-tisbieħ tal-binja kollha. Dan il-proġett se jġib iċ-Ċentru Amministrattiv kollu aċċessibbli u konformi mal-istandards tas-saħħa u s-sigurtà. It-tender għax-xogħlijiet tar-retrofitting u x-xogħlijiet strutturali issa ntrebħu. L-offerti l-oħra jinsabu fl-istadju ta’ aġġudikazzjoni jew fil-proċess li jiġu ppubblikati. Ix-xogħlijiet issa bdew u l-proġett kollu mistenni li jieħu sa massimu ta' tliet snin biex jitlesta.
Leg 13 PQ #22264 Sitting 492 2021-10-05 Oral · Final From: JOSEPH ELLIS To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex – impjegati self-employed — servizz

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew ingaġġati ħaddiema impjegati self-employed sabiex jagħtu servizz lill-Ministeru f'Għawdex, sena b'sena mill-2010 'l hawn u x'inhi n-natura tal-ingaġġ tagħhom? Kemm hu t-tul ta' dawn il-kuntratti ta' ingaġġ u x’inhi r-rimunerazzjoni li qed tingħata għal dawn l-ingaġġi?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ħaddiema ngaġġati mal-Ministeru jiġu ngaġġati skont ir-regoli tas-Servizz Pubbliku.
Leg 13 PQ #22265 Sitting 492 2021-10-05 Oral · Final From: JOSEPH ELLIS To: Ministeru għal Għawdex

Wied il-Lunzjata – tindif ta’ Wied

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta l-aħħar ġie mnaddaf Wied il-Lunzjata u xi pjanijiet hemm sabiex jitnaddaf mill-ġdid?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għaddej bit-tħejjija tad-dokumenti neċessarji sabiex tiġi sottomessa applikazzjoni mal-Awtorità tal-Ippjanar sabiex issir rijabilitazzjoni tal-wied. Diġa tħejja l-Ecological Survey tal-wied.
Leg 13 PQ #22266 Sitting 492 2021-10-05 Oral · Final From: JOSEPH ELLIS To: Ministeru għal Għawdex

Ir-Rabat Għawdex – Triq Wied il-Lunzjata – problema tal-ilma

Question

Jista' l-Ministru jgħid għandux xi pjanijiet sabiex tiġi solvuta l-problema tal-ilma kull meta tagħmel ix-xita fi Triq Wied il-Lunzjata fir-Rabat, Għawdex?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex għaddej bil-pjanijiet neċessarji għal din it-triq.