Legislature:
Category:
Reset
Active:

Siġġiewi – units ta’ akkomodazzjoni soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm se jiġu mibnija units ta' akkomodazzjoni soċjali fis-Siġġiewi f'din il-leġislatura?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, n-numru ta’ units għall-akkomodazzjoni soċjali li ser jinbnew ġewwa s-Siġġiewi jammonta għal 84 unit.

Siġġiewi – units ta’ akkomodazzjoni soċjali – social impact assessment

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarx Social Impact Assessment qabel ġie deċiż li jiżdiedu l-ammont ta' units ta' akkomodazzjoni soċjali fis-Siġġiewi? Jista’ jgħid għandux pariri esperti li jgħidu li proġetti esaġerati ta’ akkomodazzjoni soċjali ma' jżidux jew ma joħolqux problemi soċjali ġodda fl-inħawi fejn jinbnew dawn il-proġetti?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ż-żieda ta’ units li qed jirreferi għaliha hu hi dik ta’ 4 appartamenti. Kif qalet l-istess awtorita’ tal-ippjanar waqt id-deċiżjoni tagħha, din iż-żieda ma timmeritax li l-proġett jiġi deskritt bħala wieħed ‘esaġerat’. L-awtoritajiet ħadu inkonsiderazzjoni l-assessjar li kien meħtieġ u kif rikjest mill-liġi.

Siġġiewi – binja ta’ akkomodazzjoni soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex ma' tax widen għat-tħassib tal-Kunsill Lokali u r-residenti tas-Siġġiewi u anke ambjentalisti dwar dak li huma qed isejħu binja massiva ta' akkomodazzjoni soċjali li qed jibni l-gvern fis-Siġġiewi? Jista’ jgħid ukoll jekk tax każ il-kunsill u r-residenti li qed isostnu li l-binja hija kbira wisq u se toħloq problemi estetiċi u ta' traffiku?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant li l-proġett ilu fuq il-karta mill-2006, u approvat mill-2013. Il-Gvern sema’ t-tħassib tar-residenti, u kien għalhekk li ddeċieda kontra li jibni sular ieħor biex il-proġett jamalgama mal-madwar, u favur li jiżdiedu aktar l-ispazji ta’ parkeġġ ħafna aktar mill-minimu rikjest bil-liġi. Il-proġett se jsaħħaħ ukoll l-aċċess min dak provdut mit-toroq eżistenti. Dan kollu juri li l-kritika tal-oppożizzjoni hija bbażata biss biex tipprova ttellef il-fondi miksuba u tassigura li l-proġett li proponew huma stess 11-il sena ilu jibqa’ fuq il-karta, għad-detriment ta’ dawk li għandhom bżonn akkomodazzjoni soċjali.

Bini ta’ units ta’ akkmodazzjoni soċjali f’Malta u Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ħsieb li jinbnew units ta' akkomodazzjoni socjali f'Malta u Għawdex f'din il-leġislatura? F'liema lokalitajiet se jinbnew? Ġew identifikati s-siti? Xi studji saru?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, minn naħa tal- Housing Projects Management Unit Ltd. (HPMU Ltd.), in-numru ta’ units li ser ikunu qed jinbnew għal akkomodazzjoni soċjali huwa ta’ 683 units, fil-lokalitajiet imsemmija hawn taħt: · Attard; · B’Kara; · Cospicua; · Kirkop; · Ħal-Luqa; · Msida; · Naxxar; · Qrendi; · Siġġiewi; · Ħaż-Żebbuġ u · Żurrieq.

Korp tal-Pulizija – membri – taħriġ fi sparar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu l-membri tal-Korp tal-Pulizija li ngħataw taħriġ fi sparar mill-1 ta’ Jannar 2017 sal-31 ta’ Awwissu 2017?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li matul il-prejodu bejn l-1 ta’ Jannar 2017 sal-31 ta’ Awwissu 2017, kien hemm 37 Membru tal-Korp li attendew kors ta' taħriġ fi sparar fl-Akkademja għall-Forzi Dixxiplinati. Fl-istess perjodu, il-Membri kollha tal-RIU ingħataw taħriġ fi sparar ukoll. Matul is-snin 2015 u 2016 ammont konsiderevoli ta' Membri tal-Korp ħadu taħriġ fl-użu tal-armi, u dawn kienu madwar elf u ħames mitt membru. Qed jittieħdu l-passi neċessarji biex taħriġ in ġenerali jjiġi intensifikat u jkun aktar regolari.

Rapporti ta’ vjolenzi domestika

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm rapporti ta’ vjolenza domestika mill-1 ta’ Jannar 2017 sal-31 ta’ Awwissu 2017?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi bejn l-1 ta’ Jannar 2017 u l-31 ta’ Awwissu 2017 kienu rrappurtati 865 każ ta’ vjolenza domesika.

Persuni mressqa l-Qorti fuq vjolenza domestika

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet ta’ persuni li tressqu l-Qorti akkużati bi vjolenza domestika mill-1 ta’ Jannar 2017 sal-31 ta’ Awwissu 2017?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi kif diġà ġie mwieġeb f’mistoqsija parlamentari 1464, skont is-sistema elettronika tal-Pulizija kien hemm tmien mija u ħamsa u sittin (865) każ ta’ vjolenza domestika, li ġew irrapurtati lill-pulizija matul il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2017 sal-31 ta’ Awwissu 2017. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi kif diġà kien spjegat fi tweġibiet għal mistoqsijiet simili, fil-każijiet fejn irriżulta ksur tal-liġijiet f'rapporti ta’ dawn ir-reati, il-persuni responsabbli jiġu investigati u jittressqu l-Qorti.

Lokalitajiet – rapporti ta’ serq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il każ ta’ serq ġie rrapurtat fil-lokalitajiet msemmija hawn taħt, lokal b’lokal mill-1 ta’ Jannar 2017 sal-31 ta’ Awwissu 2017: a. Valletta; b. Il-Furjana; c. Il-Marsa; d. Il-Ħamrun; e. Santa Venera; f. Raħal Ġdid; g. Ħal Tarxien; h. Ħaż-Żabbar; i. Wied il-Għajn; j. Marsaxlokk; k. Ħal Qormi; l. Ħaż-Żebbuġ; m. L-Imġarr (Malta) n. Ir-Rabat (Malta) o. Ħ’Attard; p. Ħal Balzan; q. Ħal Lija; r. L-Iklin; s. Birkirkara; t. Il-Mosta; u. In-Naxxar; v. Il-Mellieħa; w. Il-Għargħur; x. San Ġwann; y. San Ġiljan; z. Is-Swieqi; aa. Tas-Sliema; bb. Il-Gżira; cc. L-Imsida; dd. Iż-Żejtun; ee. L-Imqabba; ff. Ħal Safi; gg. Ħal Kirkop; hh. Il-Qrendi; ii. Is-Siġġiewi; jj. L-Isla; kk. Bormla; ll. Il-Birgu; mm. Il-Kalkara; nn. San Pawl il-Baħar; u oo. Għawdex kollu?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi rapporti ta’ serq li saru fil-lokalitajiet imsemmija f’Malta u Għawdex mill-1 ta’ Jannar 2017 sa 31 ta’ Awwissu 2017, kien kif jidher fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Persuni mressqa fuq suspett ta’ traffikar ta’ drogi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li ġew arrestati fuq suspett ta’ traffikar ta’ droga bejn l-1 ta’ Jannar 2017 u l-31 ta’ Awwissu 2017?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi bejn l-1 ta’ Jannar 2017 u l-31 ta’ Awwissu 2017 kien hemm 112 persuna, li ġew arrestati fuq suspett ta’ traffikar ta’ droga.

Persuni mressqa akkużati bi traffikar ta’ droga

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm tressqu persuni akkużati bi traffikar ta’ droga bejn l-1 ta’ Jannar 2017 u l-31 ta’ Awwissu 2017?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi bejn l-1 ta’ Jannar 2017 u l-31 ta’ Awwissu 2017 tressqu erbgħa u sittin (64) persuna, akkużati bi traffikar ta’ droga.

Xewkija Għawdex – żona industrijali – business workshops

Question

B'referenza għad-diskors tal-Baġit għas-sena 2017, fejn f'paġna 104 intqal li ż-Żona Industrijali tax-Xewkija se tiġi estiża fuq żewġ binarji għal business workshops ġodda għal servizzi finanzjari, ICT, riċerka u taħriġ, jista' l-Ministru jgħid x’inizjattivi ttieħdu u twettqu dwar dan il-proġett?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor Interpellant li nħarġu żewġ sejħiet pubbliċi għall-offerti mid-Dipartiment tal-Kuntratti għat-twettiq tax-xogħolijiet fuq iż-żewġ siti rispettivi, dak hekk imsejjaħ Il-Ħofra, u dak prezentament okkupat mill-impjant abbandunat tal-fabbrika tal-ħalib, li it-tnejn jiffurmaw parti miż-żona industrijai tax-Xewkija.

Inizjattivi biex sit ikun żviluppat

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra u jgħid x’inizjattivi ttieħdu u twettqu biex parti mis-sit, illum okkupat mill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, tiġi żviluppata f'faċilità li sservi għal għanijiet differenti biex takkomoda, fost setturi oħra, operazzjonijiet bħalma huma servizzi finanzjarji,ta’ riċerka u ta’ taħriġ?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor Interpellant li nħarġet sejħa pubblika għall-offerti mid-Dipartiment tal-Kuntratti għat-twettiq tax-xogħolijiet fuq is-sit indikat.

Għawdex – proġetti tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u l-Iskola Medika ta’ Barts

Question

Dwar il-proġetti tal-Isptar Ġenerali ta' Għawdex u l-Iskola Medika ta' Barts, liema inizjattivi kienu deskritti mill-Gvern bħala proġetti li se jagħtu dimensjoni ġdida u fl-istess ħin ikomplu jiddiversifikaw l-ekonomija Għawdxija, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra u jgħid x'kienu r-riżultati miksuba s'issa rigward dan il-għan?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor Interpellant li waqt li x-xogħlijiet fuq l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u l-Iskola Medika ta’ Barts annessa qed ikomplu, Barts laqgħat l-ewwel 40 student barrani tagħha ġewwa Għawdex.

Mużew għal Għawdex — xogħlijiet

Question

Għar-rigward tal-Mużew għal Għawdex li ilu mwiegħed li ser jibda xogħol dwaru għal dawn l-aħħar erba’ snin, jista’ l-Ministru jgħid jekk matul is-sena 2017 sarx xi xogħol fuq dan il-proġett? Jekk fl-affermattiv jista’ jgħid liema huma x-xogħlijiet li twettqu?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li matul l-2017 sar dan ix-xogħol li ġej rigward il-Muzew għal Għawdex: - Intagħżel l- integrated design team ta’ periti u speċjalisti oħra - Ġiet sottomessa l-applikazzjoni lill-Awtorita’ tal-Ippjanar - Bdew jinkitbu t- tenders tax-xogħlijiet - Issuktat il-preparazzjoni fuq l- istoryline u tal-oġġetti li se jkunu esibiti fil-mużew Konvint li l-Onor Interpellant jaf u japprezza li f’dawn it-tip ta’ proġetti ix-xogħol fiżiku fuq is-sit ikun biss l-aħħar fażi wara snin ta’ tħejjijiet. Dan it-tip ta’ xogħol mistenni jibda matul l-2018.
Leg 13 PQ #1494 Sitting 22 2017-10-03 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – bini ta’ pixxina

Question

B’referenza għall-bini ta’ pixxina f’Għawdex, issa li ħarġet talba għal proposti biex is-settur privat jiddisinja, jibni u jieħu ħsieb il-manutenzjoni tal-kumpless, tista’ l-Ministru tgħid jekk kienx ġie ffirmat il-kuntratt fuq dan il-proġett? Tista’ tgħid meta hu maħsub li jitlesta dan il-proġett?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninsab infurmata li l-Memorandum of Understanding ġie iffirmat f'Novembru tas-sena 2016 u bħalissa, n-negotiating team għaddej negozjati mal-privat. Il-proġett huwa maħsub li jitlesta sa mhux aktar tard minn tnax-il xahar mid-data tal-iffirmar tal-kuntratt.
Leg 13 PQ #1495 Sitting 22 2017-10-03 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Għajnsielem Għawdex – xogħol fuq id-Dar tal-Anzjani

Question

Tista’ l-Ministru tinforma lill-Kamra u telenka rendikont tax-xogħol li sar fuq il-proġett tad-Dar tal-Anzjani f’Għajnsielem? Tista’ tgħid liema xogħol twettaq matul is-sena 2017? Tista’ tgħid meta hu maħsub li tibda tiffunzjona din id-dar?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninsab infurmata li x-xogħol ta' bini jinsab fi stadju avvanzat. Reċentament ġiet sottomessa applikazzjoni lill-P.A. sabiex jiżdiedu xi faċilitajiet li huma meħtieġa biex jirrispondu għal ħtiġijiet tal-persuni li għandhom id-dimensja. Qed jiġi wkoll preparat tender għat-tlestija u operat tad-dar.

Impjant tar-riċiklaġġ ta’ Sant’Antnin – tindif

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser jitnaddaf l-impjant tar-riċiklaġġ ta’ Sant’ Antnin li nħaraq għax ħafna nies li joqogħdu fil-viċin ma jistgħux iħallu miftuħ minħabba r-riħa ta’ ħruq li għadha ħierġa mill-impjant?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ewwel nett mhuwiex korrett meta jgħid li għada ħierġa riħa ta’ ħruq. Dan mhux minnu u ilu hekk. Għadna kif irċivejna t-testijiet fuq il-materjal kif mitlub mill-awtorità u tellaqna mall-ewwel il-proċess sabiex jiġi ingaġġat kuntrattur sabiex jesporta dan il-materjal skont il-prassi.

Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima — transfers ta' ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ transfers li ngħataw lill-ħaddiema fid-dipartimenti u fl-entitajiet li jifformaw parti mill-ministeru li jmexxi, u dan għall-perjodu bejn is-6 ta' Ġunju u t-12 ta’ Ġunju?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ma ngħata l-ebda transfer fil-perjodu ta’ bejn is-6 ta’ Ġunju u t-12 ta’ Ġunju 2017.

Ministeru għas-Saħħa — transfers ta' ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ transfers li ngħataw lill-ħaddiema fid-dipartimenti u fl-entitajiet li jifformaw parti mill-ministeru li jmexxi, u dan għall-perjodu bejn is-6 ta' Ġunju u t-12 ta’ Ġunju?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma kien hemm l-ebda trasferiment ta’ ħaddiema mill-Ministeru għas-Saħħa fil-perjodu msemmi minnu.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ — transfers ta' ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ transfers li ngħataw lill-ħaddiema fid-dipartimenti u fl-entitajiet li jifformaw parti mill-ministeru li jmexxi, u dan għall-perjodu bejn is-6 ta' Ġunju u t-12 ta’ Ġunju?

Response (ABELA, CARMELO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jindika għal liema sena qiegħed jirreferi.