Miżuri Pro-business li jħallu impatt pożittiv fuq l-ekonomija
Question
Jista’ l-Ministru jfisser il-mod kif l-attitudni pro-business tal-Gvern ħalliet impatt pożittiv fuq l-ekonomija ta’ Malta?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Mill-ewwel jiem ta’ l-aħħar amministrazzjoni l-Gvern wera impenn qawwi favur il-ħolqien tax-xogħol u t-tkattir tal-ġid permezz ta’ attitudni pro business li biha ħajjar u ffaċilita investiment serju bis-saħħa ta’ mizuri pozittivi li kienu u għadhom jikkontribixxu lejn l-izvilupp tal-ekonomija tagħna. Il-promozzjoni kontinwa ta’ pajji¿na bħala ċentru li jilqa’ l-investiment jibqa’ dejjem għan ewlieni wara din l-attitudni.
F’dan is-sens, aspett importanti hu li nkomplu nsaħħu bla heda l-kompetittività internazzjonali tagħna fil-qasam tal-investiment flimkien mal-mod professjonali u serju u d-determinazzjoni li nuru fl-evalwazzjoni ta’ proposti għall-investiment f’pajjizna u l-ħeffa li biha nieħdu d-deċiżjonijiet meħtieġa.
Nafu sew kemm min ikun qed jikkunsidra li jinvesti f’Malta japprezza din l-attitudni pro-attiva li permezz tagħha nixprunaw u nħaffu l-pass tal-investiment waqt li nwittu t-triq u ngħinu lil dawk l-investituri li jressqu proposti li jkunu
feasible
u jħallu
return
ġust waqt li jżidu l-attività ekonomika fil-pajjiż.
It-tnaqqis tal-burokrazija, is-simplifikazzjoni, it-tħaddim ta’ politika favur intraprizi żgħar u medji u inkuraġġiment lin-negozji tal-familja wkoll għandhom sehem importanti fl-attitudni pro business ta’ dan il-Gvern.
Fl-istess hin din l-attitudni qed nikkumplimentawha b’investimenti qawwija f’oqsma bħalma huma l-enerġija, it-toroq, is-saħħa, l-edukazzjoni, it-turiżmu kif ukoll taħriġ biex min irid jinvesti f’pajjizna jsib madwaru ambjent li tassew jippromwovi, jħajjar u jistimola l-investiment.
Dan l-impenn favur inkuraġġiment pozittiv lil investiment serju kellu, u se jkompli jagħti, sehem qawwi biex nattiraw aktar investiment ġdid minn diversi pajjiżi kif ġa għamilna f’dawn l-aħħar erba’ snin u nofs f’oqsma bħall-edukazzjoni, turizmu mediku, hub reġjonali, manifattura u setturi oħra li flimkien jikkontribiwxxu lejn il-ħolqien ta’ aktar ġid permezz ta’ valur mizjud qawwi u xogħol u impiegi għal mijiet kbar ta’ ħaddiema tagħna.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm hits fuq il-portal il-ġdid tal-Awtorità tal-Ippjanar fl-ewwel ġimgħa li kien imniedi dan il-portal?
Response (BORG, IAN)
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 1290, skont is-sistema tal-Awtorità tal-Ippjanar kien hemm erbgħin elf ħames mija u ħamsa u għoxrin hit (40,525) fuq il-websajt il-ġdida tal-istess Awtorità fl-ewwel ġimgħa minn meta ħarġet uffiċjalment għall-użu tal-pubbliku.
Din l-informazzjoni nġabret fuq kemm il-IP Address differenti, estern mill-Awtorità, aċċessa din il-websajt bejn l-24/7/2017 u t-30/7/17 f-intervalli ta’ nofs siegħa b’tali mod li jekk l-istess IP Address aċċessa l-websajt għal aktar minn darba, dan ġie ripetut jekk f’ intervalli differenti u mhux ikkalkulat jekk fl-istess intervall ta’ nofs siegħa.
Abbozz ta’ Liġi Regulation for Vocational Training
Question
B’referenza għall-Abbozz ta’ Liġi ntitolat Regulation for Vocational Training, jista’ l-Ministru jgħid kemm-il kors ta’ studju se jiġi affettwat b’dan l-abbozz, jekk huwiex se jaffettwa wkoll studenti li diġà qegħdin isegwu wieħed minn dawn il-korsijiet u jekk l-edukaturi humiex se jiġu mitluba jsegwu dan it-tagħlim mhux biss fuq il-kampus?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Abbozz ta' Liġi msejjaħ “Att sabiex jiġi regolat it-Tagħlim ibbażat fuq ix-Xogħol u l-Apprendistati fil-kuntest ta' Programm ta' Edukazzjoni u Taħriġ Vokazzjonali” tressaq għall-Ewwel Qari fis-seduta ta' nhar it-Tnejn li għadda. Għalhekk għadu suġġett għad-diskussjoni.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il għalliem huwa sekondat għal xogħol barra l-iskola u sekondat ma’ għaqdiet, dipartimenti jew postijiet oħra, u jgħid ma min huma sekondati?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li wieħed u ħamsin (51) għalliem huma sekondati f’xogħol barra l-iskola. Dawn huma sekondati ma' entitajiet pubbliċi u NGOs, Ministeri u Segretarjati Parlamentari, u għaqdiet sportivi u/jew trejdunjonisitċi.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' lecturers ġodda li ġew impjegati fl-MCAST bejn Jannar 2017 u Settembru 2017? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista bl-ismijiet ta' dawn il-lecturers, jgħid x'esperjenza għandhom fit-tagħlim u anki jagħti dettalji dwar il-kwalifiki tagħhom u f'liema korsijiet se jkunu qegħdin jgħallmu?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li n-numru ta' lecturers ġodda li ġew impjegati fl-MCAST bejn Jannar 2017 u Settembru 2017 kien ta' 14. Il-korsijiet li qed jgħallmu huma:
Project Management in Construction and the Build Environment
Sport
Fiżika
Matematika
Xjenza
Health and Social Care
Saħħa
Inġinerija Mekkanika - Manifattura
Malti
Imprenditorija
Edukazzjoni Inklussiva
Snin Bikrin
Nixtieq ngħarraf lill-Onor. interpellant li skont il-protezzjoni tad-data, l-ismijiet tal-impjegati ma jistgħux jingħataw.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ lecturers ġodda li ġew impjegati fl-Università ta’ Malta bejn Jannar 2013 u Settembru 2017, u jindika l-ismijiet, il-kwalifiki, il-grad ta’ impjieg, u f’liema fakultà qegħdin jaħdmu?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li n-numru ta' resident academics li ġew impjegati mill-Università ta' Malta bejn Jannar 2013 u Settembru 2017 huwa kif jidher fil-lista li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra..
Nixtieq ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont il-protezzjoni tad-data, l-ismijiet tal-impjegati ma jistgħux jingħataw.
Tista’ l-Ministru tgħid fl-aħħar erba’ snin (2013-2017) kemm ġew implimentati proġetti b’fondi Ewropej f’kull wieħed minn dawn l-oqsma:
a) saħħa;
b) edukazzjoni u xogħol;
c) turiżmu;
d) inklużjoni soċjali;
e) sigurtà nazzjonali;
f) kultura u restawr;
g) trasport;
h) żgħażagħ;
i) agrikoltura, biedja u sajd;
j) ambjent;
k) enerġija u ilma; u
l) riċerka u innovazzjoni
Tista’ tgħid kemm kien jammonta l-valur ta’ dawn il-fondi Ewropej f’kull qasam? Tista’ tagħti lista ta’ liema kienu dawn il-proġetti, mil-liema settur ta’ fondi Ewropej u kemm minnhom għandhom rabta ma’ Għawdex? Liema huma l-fondi li qegħdin jibbenefikaw minnhom nies li huma fir-riskju tal-faqar?
Response (DALLI, HELENA)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-listi ta’ proġetti implimentati matul il-Programming Period 2007/2013. Il-maġġoranza ta’ l-ispiza ġiet ffinalizata bejn l-2013 u l-2015.
Nsemmi wkoll li n-nefqa f’Fondi Ewropej għall-Programming Period 2007/2013 taħt il-Fond Agrikolu Ewropew w skemi oħrajn għall-bdiewa kienet tammonta għal €77,653,355 filwaqt li n-nefqa f’Fondi Ewropej taħt il-Fond Ewropew għas-Sajd għall- Programming Period 2007/2013 kienet ta’ €8,372,329.
Infurmata wkoll li l-ammont nvestit direttament għall-benefiċċju t’Għawdex taħt il-Programming Period 2007/2013 kien ta’ €95 miljun, jiġifieri ħdax fil-mija tal-allokazzjoni globali ta’ Programm Operattiv I u Programme Operattiv II.
Taħt il-Programm Operattiv II tal-Programming Period 2007/2013 ittieħdu zewġ mizuri partikolari biex jiġu ndirizzati dawk in-nies li kienu f’riskju ta’ faqar. Dawn il-mizuri huma l-Garanzija għaz-zgħazagħ (nefqa kienet tammonta għal €3,068,801.69) kif ukoll l-proġett Leap (nefqa kienet tammonta għal €2,222,483.32)
Presidenza Maltija tal-Kunsill Ewropew – Xogħlijiet tal-MITA
Question
Jista’ l-Prim Ministru jgħid x’kien l-involviment tal-aġenzija MITA fix-xogħol u l-proġetti li saru matul is-sitt xhur tal-Presidenza Maltija tal-Kunsill Ewropew?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lil Onor. Interpellant lil-MITA ġiet fdata bit-tmexxija ta’ programm estensiv tat-teknoloġija tal-informatika, li kien jikkonsisti f’diversi inizjattivi, proġetti u servizzi bil-għan li jipprovdu soluzzjoni komprensiva u kompluta, skont il-bżonnijiet tal-Presidenza Maltija.
Il-MITA pprovdiet servizzi ta’ project management, servizzi ta’ konsulenza speċjalizzata u servizzi ta’ mmaniġġar ta’ kuntratti relatati ma’ networks, servizzi tat-telefon, stampar u soluzzjoni CCTV, proviżjoni tas-servizzi tal-internet, internet bandwidth, soluzzjoni IPTV, soluzzjoni għal video conferencing, proviżjoni ta’ laptops/tablets u apparat għall-ipproċessar ta’ video u stampi. Servizzi ta’ konsulenza oħrajn li ġew ipprovduti kien jinkludu valutazzjoni u proviżjoni ta’ wireless internet f’siti barra mill-Palazz tal-Granmastru, websites u app uffiċjali tal-Presidenza, servizzi għas-sigurtà tal-informatika u soluzzjoni għall-akkreditazzjoni.
Il-MITA mmaniġġjat, ikkordinat u pprovdiet infrastruttura ta’ network u anke wireless madwar il-Palazz tal-Granmastru fil-Belt li kien imfassal apposta għall-ġurnalisti, delegati u t- team tal-Presidenza. Ħadet ukoll ħsieb li jsir tiġdid fit-teknoloġija użata f’Dar Malta fi Brussell, intenzjonata biex tkabbar il-kapaċità tal-ICT minħabba ż-żieda fil-produttività li kien hemm bżonn matul il-Presidenza Maltija.
Matul is-sitt xhur tal-Presidenza Maltija, il-MITA pprovdiet appoġġ tekniku u servizzi ta’ monitoraġġ biex tiżgura eżekuzzjoni bla problemi tal-laqgħat informali. Is-servizzi ta’ appoġġ ġew ipprovduti minn team iddedikat li kien jopera mill-Palazz u li kien responsabbli mill-appoġġ tekniku ta’ kuljum u l-manutenzjoni tal-infrastruttura u s-servizzi tal-ICT. Team speċjalizzat ta’ impjegati li pprovdew desktop support li assistew lid-delegati u lill-ġurnalisti fl-użu tas-servizzi tal-ICT li kien disponibbli matul il-laqgħat. Il-monitoraġġ tas-servizzi u tal-apparat tal-ICT sar fuq bażi 24x7 matul is-sitt xhur mid-Data Centre tal-MITA.
Aktar minn hekk, proġetti oħrajn li saru matul dan il-perjodu u li kienu relatati mal-Presidenza Maltija kienu jinkludu l-Malta Summit fi Frar tal-2017 u l-Malta Digital Assembly 2017 li sar f’Ġunju.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid xi proġetti saru fis-snin 2016 u 2017 permezz tal-MITA Innovation Hub? Kemm-il startup applikaw u x’kien l-ammont ta’ grants li dawn ibbenefikaw minnhom?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lil Onor. Interpellant li bejn l 2016 u l 2017 l-MITA Innovation Hub ħarġet tliet startup programmes. Dettalji tat-tliet programmi jinsabu fit-tabella hawn taht:
ProgettData tas-sejħaApplikantiApplikanti magħżulaValur ta' kull grant moghti lil kull startupTotal ammont allokat għal kull grant
StartApp2.012 /03 201683€22,000€66,000
YouStartIT8 /10/ 2016195€22,000€110,00
YouStartIT#219 /05/ 2017176€22,000€132,000
Total €308,000
Jista’ l-Ministru jagħti tagħif dwar il-miżuri li qegħdin jittieħdu biex il-pubbliku jkun iktar infurmat dwar ir-riskji tal-marda tas-siġar Xylella Fastidiosa li qiegħda teqred is-siġar taż-żebbuġ fl-Italja?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Direttorat għall-Ħarsien tal-Pjanti fi ħdan id-Diviżjoni għar-Regolazzjoni Veterinarja u Saħħa tal-Pjanti qed iwettaq kampanja ta’ informazzjoni biex iżid l-għarfien dwar il-mard Xylella fastidiosa u jqajjem kuxjenza dwar ir-riskju ta’ dħul ta’ din il-marda ġewwa Malta, li tnediet fl-2016. Din il-kampanja hija mmirata lejn il-pubbliku inġenerali b’attenzjoni partikolari għall-vjaġġaturi, peress li dan il-pesti jista’ jkun preżenti fil-pjanti mingħajr sintomi u għalhekk il-moviment ta’ pjanti minn pajjiżi fejn dan l-organiżmu huwa preżenti jippreżenta riskju. Il-messaġġ prinċipali tal-kampanja li huwa wkoll assoċċjat ma’ karattru li ġie żviluppat apposta, huwa li meta jsiefer, wieħed ma għandux iġib miegħu xitel ta’ pjanti. Għas-snin 2016 u 2017 il-Gvern ivvotta €110,000 għal din il-kampanja li parti min-nefqa qed tiġi ko-finanzjata mill-Unjoni Ewropea.
Laboratorju Veterinarju Nazzjonali — akkreditazzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jgħid meta l-Laboratorju Veterinarju Nazzjonali ġie akkreditat skont ISO/IEC 17025 u xi tfisser din l-akkreditazzjoni?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Laboratorju Veterinarju Nazzjonali jaħdem sabiex jissalvagwardja s-saħħa tal-annimal kif ukoll is-saħħa pubblika. L-irwol ewlieni tal-Laboratorju huwa l-kontroll u s-sikurezza fil-produzzjoni primarja tal-ikel li joriġina mill-annimali. F'April tal-2015, il-Laboratorju Veterinarju Nazzjonali kiseb l-akkreditazzjoni skont l-Istandard Internazzjonali ISO 17025. Dan l-istandard ikopri ir-rekwiżiti għall-kompetenza tal-laboratorji. F'ħafna pajjiżi ewlenin, inkluż fi ħdan l-Unjoni Ewropea, laboratorju ikun jitqies bħala teknikament kompetenti jekk ikollu l-akkreditazzjoni għal dan l-istandard.
Sal-lum il-Laboratorju Veterinarju Nazzjonali kiseb l-akkreditazzjoni għal ħames testijiet li jinkludu: l-i
screening
ta' l-Antibijotiċi fil-bajd u l-laħam; l-analiżi ta'
Sulphanamides
fil-ħalib, bajd u laħam; l-analiżi tat-'
Trichinella
'; l-analiżi tas-'
Salmonella
', u l-analiżi tal- presenza ta' antibijotiċi.
Il-kisba tal-akkreditazzjoni tkompli ssaħħaħ il-kompetenza, l-imparzjalità, u l-integrità operattiva ta' dan il-Laboratorju. F'dan ir-rigward il-Laboratorju jibqa’ jaħdem sabiex jibqa’ jagħti servizz ta' kwalità kif ukoll jibqa’ jikkontribwixxi s-servizzi tiegħu għas-saħħa pubblika.
Testijiet biex jissalvagwardjaw is-saħħa tal-annimali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il test sar matul l-2016 mis-servizzi veterinarji biex jissalvagwardja s-saħħa tal-annimali, kif ukoll is-saħħa pubblika fil-gżejjer Maltin?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.
Stħarriġ u monitoraġġ fuq organiżmi ta’ ħsara tal-pjanti – fondi mill-Unjoni Ewropea
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħataw flus mill-Unjoni Ewropea mill-1 ta’ Jannar 2015 s’issa, biex ikompli jsir stħarriġ u monitoraġġ fuq organiżmi ta’ ħsara tal-pjanti?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-1 ta' Jannar 2015, skont il-liġi li ġiet ippublikata fil-15 ta’ Mejju 2015, id-Direttorat għall-Ħarsien tal-Pjanti ġie mogħti finanzjament sabiex iwettaq stħarriġ annwali dwar il-preżenza ta' organiżmi ta' ħsara għall-pjanti fit-territorju Malti, li jammonta għat-total ta' €394,000 għas-snin 2015, 2016 u 2017 hekk kif ġej:-
2015: €85,000 (50% of €170,000)
2016: €141,000 (75% of €187,000)
2017: €168,000 (75% of €224,000)
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif fuq il-progress li sar biex jiġi stabbilit inventarju ta’ siġar tat-tin? Kemm hemm bdiewa inklużi f’dan l-inventarju u kemm siġar tat-tin ġew irreġistrati?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li f'Mejju tal-2016 id-Direttorat għall-Ħarsien tal-Pjanti nieda eżerċizzju ta' reġistrazzjoni tas-siġar tat-tin bil-għan li jinħoloq inventarju li jindika n-numru ta' siġar tat-tin u l-firxa tagħhom fil-gżejjer Maltin. L-istħarriġ ippermetta wkoll studju xjentifiku dwar it-tkabbir ta' din is-siġra u l-mard li jattakha. Fil-perjodu ta' reġistrazzjoni li kien miftuħ bejn April u Settembru 2016, ġew reġistrati madwar 20,000 siġra tat-tin minn 2,800 bidwi. L-informazzjoni li nġabret waqt il-perjodu tar-reġistrazzjoni tas-siġar tat-tin qegħda tiġi diġitalizzata fis-sistema ġejografika li għandu d-Direttorat.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm kien hemm Żwiġijiet biċ-Ċivil f’dawn l-aħħar erba’ snin bejn:
a) Maltin;
b) Malti u barranija;
ċ) Maltija u barrani; u
d) barranin?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Hawn taħt jinsab it-tagħrif mitlub:
Żwiġijiet biċ-Ċivil
Koppji Maltin
Malti ma' Barranija
Maltija ma' Barrani
Barranin
2013
208
142
74
634
2014
208
151
70
793
2015
290
161
78
749
2016
287
158
88
913
01/01/2017 – 20/08/2017
165
92
59
536
Passaporti kkonsenjati lil Maltin minn rappreżentanzi diplomatiċi jew konsolari Maltin
Question
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm kienu kkonsenjati passaporti ġodda u passaporti mġeddin lil ċittadini ta’ Malta minn rappreżentanzi diplomatiċi jew konsolari Maltin barra minn Malta sena b’sena u pajjiż b’pajjiż bejn l-2011 u l-2015?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-passaporti ma għadhomx aktar jiġġeddu iżda meta jiskadu, jinbidlu u jinħareġ dejjem passaport ġdid. Il-figuri għas-snin imsemmija huma kif ġej: fl-2011 ħarġu 2,963 passaport, fl-2012 ħarġu 3,078, fl-2013 ħarġu 3,422, fl-2014 ħarġu 3,866 u fl-2015 ħarġu 3,572 passaport. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, it-tagħrif mitlub.
Applikazzjonijiet għaċ-ċittadinanza minn individwi ta’ nazzjonalità Ingliża
Question
Jista’ l-Prim Ministru jgħid x’kien in-numru ta’ applikazzjonijiet ta’ persuni ta’ nazzjonalità Ingliża li applikaw għaċ-ċittadinanza f’dawn l-aħħar erba’ snin? X’wassal għal din iż-żieda?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi matul is-snin kienet irreġistrata żieda fin-numru ta’ persuni illi japplikaw għaċ-ċittadinanza Maltija. Is-segwenti hija l-istatistika tal-Ingliżi illi applikaw għaċ-ċittadinanza Maltija mill-2013 sal-lum.
2013 – 203
2014 – 152
2015 – 198
2016 – 392
Jannar sa Lulju 2017 – 419
Matul is-sena li għaddiet, l-applikazzjonijiet tal-Ingliżi għaċ-ċittadinanza Maltija meta mqabblin mas-snin preċedenti irduppjaw, u dan in-numru kompla jiżdied matul is-sena kurrenti. Għalkemm l-applikanti ma jintalbux jagħtu r-raġuni għaliex ikunu qegħdin japplikaw għaċ-ċittadinanza Maltija, ninnutaw illi l-applikazzjonijiet żdiedu drastikament wara r-referendum tal-Brexit.