Legislature:
Category:
Reset
Active:

Titjib tas-servizz tat-Trasport Pubbliku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’qiegħed isir għat-titjib tas-servizz tat-trasport pubbliku f’Malta u anke f’Għawdex?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-leġislatura li għaddiet iffukajna l-attenzjoni tagħna sabiex inpoġġu t-trasport pubbliku bi skeda fuq sisien sodi u b’hekk nerġgħu nibdew inrawwmu fiduċja ġdida fil-pubbliku sabiex jerġa’ jibda juża dan is-servizz. Ittiehdu numru ta’ miżuri sabiex inkunu nistgħu nilħqu dan l-iskop. Tajjeb wieħed ifakkar it-tnedija tan-network il-ġdid li daħal fis-seħħ fl-2015. Dan in-network kien riżultat ta’ konsultazzjoni wiesgħa kemm mal-pubbliku kif ukoll mal-Kunsilli Lokali. Dan in-network fisser żieda ta’ madwar 2.5 miljun kilometru fis-sena u medja ta’ 400 vjaġġ kuljum. Irriżulta wkoll fl-intoduzzjoni ta’ 24 rotta ġdida kif ukoll modifikazzjoni ta’ 43 rotta oħra u illum qiegħed jilħaq inħawi ġodda li ma kienux koperti minn dan is-servizz qabel. Minħabba dawn iż-żidiet kien hemm il-bżonn li l-venda tal-Belt Valletta titkabbar b’erbatax -il Bus Bay ġdida. Ġiet introdotta b’suċċess it-Tallinja Card li permezz tagħha ġie imħaffef b’mod konsiderevoli l-imbark tal-passiġgieri. Ġew riveduti wkoll it-tariffi ta’ persuni li għamdhom aktar minn 60 sena, tfal, kif ukoll persuni b’diżabilita` fejn dawn tnaqqsu b’13% fil-ġimgħa. Tnaqqset ukoll it-tariffa ta’ 90 ġurnata ta’ l-istudenti. Għall-ewwel darba, persuni li għandhom l- Special Identity Card maħruġa mill-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabbilta` bdew igawdu mill-istess nollijiet bħal dawk eżistenti għall-persuni li għandhom il- Blue Badge . Saru ukoll żewġ priority lanes ġodda fil-Gżira u f’tal-Pieta` u dan sabiex ikompli jitħaffef it- traġitt tal-karozzi tal-linja. Skema li daħlet fis-seħħ din is-sena kienet dik li kull min jagħlaq it-18 –il sena matul l-2017 igawdi minn trasport b’xejn. Ġie estiż l-użu ta’ Tallinja Card fejn issa wieħed jista’ jħallas għall-vjaġġ tal-laneċ li joperaw bejn tas-Sliema u il-Belt Valletta kif ukoll dawk li joperaw bejn il-Kottonera u il-Belt Valletta b’dawk li jagħmul użu minn din il- Card jibbenefikaw minn roħs tan-nol tal-lanċa. Sabiex il-passiġġieri jkunu nfurmati aħjar, l-operatur tat-trasport pubbliku introduċa il- Mobile App . Din l- App tgħin lill- passiġġieri sabiex ikunu jistgħu jippjanaw il-vjaġġi tagħhom aħjar. Daħlu ukoll 204 karozzi tal-linja ġodda, 28 minnhom aktar kmieni din is-sena, b’dawn ta’ l-aħħar magħmmra b’USB chargers . Dawn il-karozzi tal-linja għandhom magni EURO 6, u allura jniġġsu anqas u huma mgħammra b’żewġt bibien u b’hekk it-tlugħ u nżul tal- passiġġieri minn ġol-karozzi tal-linja jitħaffef. Inħossu li dawn il-miżuri flimkien ma’ oħrajn li qegħdin jiġu studjati qegħdin jgħinu sabiex il-poplu jrabbi aktar fiduċja fis-servizz tat-trasport pubbliku. Din il-fiduċja ġdida qed tirriżulta f’żieda fin-numru ta’ passiġġieri li qedin jagħmlu użu mis-servizz tat-trasport publiku. Tajjeb wieħed jinnota li is-sena li għaddiet aktar minn 43 milljun passiġġier għamlu użu minn dan is-servizz li jfisser żieda ta’ madwar 8% fuq is-sena preċedenti. Għall-ewwel 8 xhur ta’ din is sena, meta ikkumparat mal-istess perjodu is-sena li għaddiet, iż-żieda fin-numru ta’ passiġġiera huwa ta’ 12%.

Forzi Armati ta’ Malta – nefqa fuq titjieb infrastrutturali eżistenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm intefqu flus mill-FAM minn Marzu 2013 ‘il hawn biex ittejjeb l-infrastrutturi eżistenti li hi responsabbli minnhom u eventwalment biex jitjiebu l-kundizzjonijiet li jaħdem fihom kull suldat?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, fiż-żmien imsemmi, intefqu €9.7M fi proġetti biex jitjiebu l-infrastrutturi eżistenti tal-Forzi Armati ta’ Malta.

Forzi Armati ta’ Malta – riżorsi umani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi pjan hemm biex il-FAM tilħaq in-numru stabbilit ta’ riżorsi umani bżonnjużi ħalli taqdi r-rwoli kollha mistennija minnha bħala forza tal-ordni?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-FAM tippjana li tingaġġa, kull sena, numru ta’ rekluti u uffiċjali kadetti biex tagħmel tajjeb kemm għal dawk li jitilqu mill-FAM kif ukoll biex tintlaħaq il-forza kif stabbillita fl-Establishment tal-FAM. Il-forza ta’ Riżerva ta’ Volunteri qiegħda tiġi msaħħa b’iktar ingaġġi biex tkun riżorsa addizzjonali għall-FAM kemm waqt xogħol ta’ rutina kif ukoll waqt emerġenzi.

Forzi Armati ta’ Malta – taħriġ lill-membri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’qed isir mill-FAM biex tinvesti fil-membri tagħha? X’taħriġ qed jingħata lis-suldat u jekk dan jistax b’xi mod jgħin lis-suldat għal meta jtemm il-karriera tiegħu fis-servizz?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi matul dawn l-aħħar tliet snin il-Forzi Armati ta’ Malta għamlet avvanz kbir fejn jidħol taħriġ, żviluppar u kwalifiċi għall-membri tagħha. Bħala taħriġ il-FAM diġà żdidilha l-fond relatat b’mitejn elf ewro fis-sena u bħalissa għaddejjin diskussjonijiet biex dan ikompli jiżdied. Il-Forza għamlet titjib sostanzjali u investiet sew fl-iskola interna tagħha u qed isir issa programm strutturat annwali ta’ taħriġ. Il-FAM rrevediet diversi programmi u kontenut ta’ programmi ta’ taħriġ ħalli dan ikun jirrifletti iktar il-bżonnijiet u ż-żminijiet tal-lum. Reġgħu bdew jintbagħtu kadetti f’akkademji navali barra l-pajjiż, ħalli tiġi riżolta l-problema ta’ nuqqas ta’ uffiċjali kwalifikati fl-imsemmi qasam. Iddaħħlu wkoll korsijiet ta’ tmexxija relatati ma’ promozzjonijiet u li jirriflettu r-responsabbiltajiet ġodda li membri tal-FAM jkunu ser jokkupaw. F’dak li għandu x’jaqsam ma’ kwalifiċi l-Forza għamlet arranġamenti u diskussjonijiet fit-tul man- National Commission for Further and Higher Education (NCFHE) sabiex ċertu korsijiet li qed isiru jkunu rikonoxxuti skont il-livelli li din il-Kummissjoni tirrikonoxxi. Diġà ġie rikonoxxut it-taħriġ relalat ma’ reklutaġġ ta’ suldati ġodda u dan f’livell tlieta. Bħalissa għaddejjin diskussjonijiet finali sabiex jiġu rikonoxxuti wkoll korsijiet oħra bħal korsijiet ta’ kmand marbut mal-promozzjonijiet, kif ukoll korsijiet għal dawk li jkunu qed jippreparaw sabiex isiru uffiċjali bil-kummissjoni. Il-FAM bdiet ukoll tibgħat diversi membri tagħha jsegwu korsijiet f’istituzzjonijiet rikonoxxuti esterni, bħall-MCAST, Transport Malta u l-ITS f’ċertu ħiliet marbuta max-xogħol tal-FAM, u dan minflok mal-kors isir internament. Dan qed jassigura l-ogħla livelli kif ukoll kwalifika rikonoxxuta fi kwalunkwe impjieg ieħor għall-membru tal-FAM. Dan ovvjament b’investiment finanzjarju.

Forzi Armati ta’ Malta – missjonijiet ta’ tiftix ta’ salvataġġ

Question

Jista’ l-Ministru jindika kemm saru sigħat ta’ titjiriet bl-ajruplani u tbaħħir bil-laneċ fuq missjonijiet ta’ tiftix u salvataġġ matul l-2016? Kemm ġew salvati persuni mill-FAM?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lilll-Onor. Interpellant illi, fil-perijodu msemmi fil-mistoqsija, il-FAM wettqet 64 siegħa ta’ titjir u 1251 siegħa ta’ tbaħħir fuq missjonijiet ta’ tiftix u salvataġġ. Ġew salvati 1276 persuna.

Investiment barrani miġjub lejn Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kien il-valur tal-investiment li nġieb lejn Malta bejn is-snin 2014 u 2016?

Response (CARDONA, CHRIS)

L-Investiment proġettat tal-Investiment li nġieb lejn Malta u approvat mill-Malta Enterprise bejn 2014 u 2016 jammonta għal €350.30 miljun.

Kumpaniji b’investiment barrani li kabbru l-operat tagħhom f’Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm kumpaniji b’investiment minn barra li kabbru l-operat tagħhom f’Malta mis-sena 2014 sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor Interpellant li mis-sena 2014 s’Awissu 2017 kien hemm 48 kumpaniji b'Investiment min barra li kabbru l-operat tagħhom.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Protezzjoni tal-Kummerċ — interns

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm interns bħalissa mal-Ministeru? Kif intgħażlu? Kemm jaħdmu u kemm jitħallsu? X’durata għandu l-kuntratt tagħhom?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi dan il-Ministeru għandu 3 interns li huma ingaġġati ġewwa l-Ambaxxati ta’ Malta. L-informazzjoni tinsab fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Talbiet għal għajnuna konsolari

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il talba saret lill-Ministeru tiegħu għal għajnuna konsolari bejn Jannar 2017 u d-data meta tkun imwieġba din il-mistoqsija? Jista’ jgħid x’kienet in-natura ta’ dawn il-każijiet?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bejn l-1 ta’ Jannar u l-15 ta’ Settembru ta’ din is-sena b’kollox saru tnejn u sittin (62) talba lill-Ministeru għal għajnuna konsolari. Dawn it-talbiet saru fuq il-każi msemmija hawn kif ġej: · Tmien (8) każi ta’ arrest ta’ Maltin jew nazzjonalità Maltija fil-pajjiżi li ġejjin: każ (1) f’ Abu Dhabi , każ (1) fl-Albanija; żewġ każi (2) fil-Ġermanja, każ (1) fil-Greċja, żewġ każi (2) fl-Italja u każ (1) fil-Libja; · Għaxar (10) kazi ta’ Maltin li kellhom bżonn assistenza medika waqt li kienu barra minn xtutna: każ (1) fl-Amerika, każ (1) fi Franza; każ (1) fl-Indoneżja, każ (1) fl-Ingilterra, każ (1) fl-Isvizzera, erba’ każi (4) fl-Italja u każ (1) fit-Turkija; · Erba’ (4) każi ta’ mwiet ta’ Maltin li seħħew waqt li l-persuni kienu barra minn xtutna. Fil-każi li gejjin il-Ministeru intalab jagħti l-assistenza lil familjari sabiex dawn ikunu jistgħu iġibu l-kadavru lura lejn Malta; jew intalab jassisti fil-korrispondenza mal-awtoritajiet ta’ fejn seħħ il-mewt. L-imwiet saru fil-pajjiżi msemmija kif ġej: każ (1) fl-Awstrija, żewġ każi (2) fl-Italja u każ (1) fil-Malasja; · Sittax (16) -il każ ieħor għall-assistenza għal ħruġ ta’ dokumenti tal-ivjaġġar għal Matin jew persuni ohra ta’ nazzjonalita Maltija li ntifilhom jew insterqihom il-passaport barra minn Malta jew li bdew isibu diffikulta’ biex jiġu lura Malta minħabba raġunijiet oħra. L-għajnuna mill-Ministeru ġiet mitluba darbtejn (2) mill-Arġentina, darba (1) mill-Awstralja u mill-Awstrija, darbtejn (2) mill-Belġju, darba (1) mill-Bulgarija, mill-Filippini u mill-Ġermanja, darbtejn (2) mill-Ingilterra, darba (1) mill-Italja, mill-Kenja u minn New Zealand u darbtejn (2) mit-Tajlandja; · Erba’ (4) każi minn Maltin jew minn persuni ta’ nazzjonalita’ Maltija li nżammu f’ajruporti barranin għal diversi raġunijiet fosthom għax kien hemm suspett fuq d-dokument tal-ivvjaġġar li l-persuna kienet qed tuża. F’dan ir-rigward il-Ministeru rċieva talba (1) għall-għajnuna minn persuna Maltija li nżammet fl-ajruport ta’ Bali. Talba oħra (1) saret minn persuna li twaqqfet fil-fruntieri tal-Kambodja. Talba oħra (1) saret minn persuna li kienet fi traġitt minn Singapore għall-Malasja. Filwaqt li talba oħra (1) saret minn żewg Maltin li kienu fi triqithom lejn l-Indja u nżammu fl-ajruport ta’ Istanbul; · Għaxar (10) każi li kienu jinvolvu assistenza sabiex persuni Maltin jew ta’ nazzjonalita’ Maltija ikunu jistgħu jakkwistaw xi tip ta’ servizz minn pajjiżi terzi; · Każ (1) fej persuna barranija li kellha każ mal-Qorti ta’ Malta għalkemm il-każ kien għadda; isem il-persuna xorta baqa’ jidher fuq l -internet għalhekk talbet l-għajnuna tal-Ministeru sabiex isimha jittneħħa l-isem minn fuq dawn is-siti; · Talba (1) minn familjari ta persuna Maltija li qata’ biljett tal-ivjaġġar għall-Irlanda u ma kellux biex jirritorna lura lejn Malta; · Talba (1) minn familjari ta persuna Maltija li tgħix l-Eġittu li minħabba ċirkostanzi familjari aggravati tixtieq titlaq mill-pajjiż u tiġi Malta bit-tfal tagħha; · Talba (1) minn missier ta’ tfajjel b’diżabbilita’ li bħalissa jinsabu f’Wales u li minħabba l-kundizzjoni ta’ ibnu jixtieq jirritorna lura Malta, anke sabiex jingħaqad mal-kumplament tal-familja tiegħu ħalli jkunu jistgħu jieħdu ħsieb il-bżonnijiet tat-tifel aħjar; · Żewġ (2) talbiet minn gruppi Maltin li talbu l-assistenza tal-Ministeru għax inzertaw kienu Madrid waqt l-attakk terroristiku li seħħ f’ Awwissu li għadda; · Talba (1) minn missier li ibnu weġġa’ waqt l- istampede li seħħ f’Turin f’Ġunju. Peress li t-tifel kellu jiddaħħal l-isptar intalbet l-għajnuna tal-Ministeru biex ikunu jistgħu jirritornaw lura Malta fl-iqsar żmien possibbli; · Tliet (3) talbiet minn familji Maltin li ġew assistiti b’kull mod possibbli sabiex jew jirritornaw lura Malta jew li jiġu evakwati minn żoni milquta mill-urugan Irma.

Legalizzazzjoni ta’ dokumenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il talba kellu għal-legalizzazzjoni ta’ dokumenti bejn Jannar 2017 u d-data meta tkun imwieġba din il-mistoqsija?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ dokumenti li ġew illegalizzati bejn l-1 ta’ Jannar u l-14 ta’ Settembru 2017 kien ta’ sitta u għoxrin elf,mitejn u tlieta u erbgħin (26,243).Dan ifisser li f’disa’ xhur tmint elef,tliet mija u disgħa u ħamsin (8,359) persuna ġiet biex tinqeda mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni Kummerċjali.

Pajjiżi tal-Amerika Latina, Amerika Ċentrali, pajjiżi Ażjatiċi u oħrajn Ewropej – ftehim pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ftehim pendenti ma’ pajjiżi tal-Amerika Latina, tal-Amerika Ċentrali, pajjiżi Ażjatiċi u oħrajn Ewropej?

Response (ABELA, CARMELO)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm 57 ftehim li preżentament qegħdin fil- proċess ta’ negozzjati mal-pajjiżi tal-Amerika Latina, tal-Amerika Ċentrali, pajjiżi Ażjatiċi u oħrajn Ewropej, li huma elenkati: Kontinent Numru ta’ Ftehim Amerika Latina 14 Amerika Ċentrali 3 Asja 24 Ewropa 16

Ħatriet ta’ konsli ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inħatru konsli ġodda minn Jannar 2017 u f’liema reġjuni għandhom ġurisdizzjoni?

Response (ABELA, CARMELO)

Mill-bidu tas-sena 2017 ġew appuntati seba’ konsli onorarji. Il-pajjiżi u l-ġurisdizzjoni ta’ dawn il-konsli huwa kif ġej: Konsli Onorarji Belt Pajjiż Ġurisdizzjoni Montpellier Franza Fuq id-Dipartimenti ta’ Hérault, Aude u Pyrénées-Orientales Almere Olanda Fuq il-Provinċji ta’ Groningen, Friesland, Drente, Flevoland, Overijssel u Gelderland Munich Ġermanja Fuq l-istat tal-Bavarja Oviedo Spanja Fuq il-Prinċipat ta’ Asturias Venezja Italja Fuq ir-Reġjun tal-Veneto Vigo Spanja Fuq il Komunita’ Awtonoma ta’ Galicia Medan Indoneżja Fuq il-Gżira ta’ Sumatra li tinkludi l-provinċji ta’ Aceh, North Sumatra, West Sumatra, Riau, Riau Island, Jambi, Bengkulu, South Sumatra, Bangka-Belitung Islands u Lampung
Leg 13 PQ #1223 Sitting 23 2017-10-04 Oral · Final From: STEFAN ZRINZO AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Wirt Għawdex — xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tagħti rendikont ta’ xogħlijiet li saru mill-Ministeru b’kollaborazzjoni ma’ Wirt Għawdex?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra

Skejjel – ingaġġ ta’ staff fil-qasam ta’ appoġġ lill-istudenti

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta’ kemm staff addizzjonali ġie ingaġġat f’dawn l-aħħar ħames snin fil-qasam tal-appoġġ lill-istudenti fl-iskejjel?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni dwar kemm staff addizzjonali ġie ingaġġat f'dawn l-aħħar ħames snin fil-qasam tas-sapport lill-istudenti fl-iskejjel qed titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.

Persuni b’diżabilità fis-suq tax-xogħol — statistika

Question

Jista’ l-Ministru jipprovdi statistika tan-numru ta’ persuni b’diżabilità fis-suq tax-xogħol f’dawn l-aħħar ħames snin?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li n-numru ta’ persuni b‘diżabilità li kienu qegħdin jaħdmu fl-aħħar ħames snin, hu kif se nsemmi: Persuni b’diżabilit à jaħdmu 2012 1,750 2013 1,877 2014 2,113 2015 2,466 2016 2,764 Ngħarraf ukoll lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni għas-sena 2017 tinġabar fl-aħħar tas-sena.

Awtorità tal-Ippjanar – azzjonijiet ta’ infurzar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm l-Awtorità tal-Ippjanar ħadet azzjonijiet ta’ infurzar matul l-ewwel sitt (6) xhur tas-sena 2017 u fiex kienu jikkonsistu dawn l-azzjonijiet?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika eżatt għal liema tip ta’ azzjonijiet ta’ infurzar qed jirreferi.

Awtorità tal-Ippjanar – applikazzjonijiet għal boutique hotels

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm daħlu applikazzjonijiet għand l-Awtorità tal-Ippjanar għal boutique hotels fit-Tlett Ibliet tal-Kottonera?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lil Onor. Interpellant jispeċifika għal liema perjodu qed jitlob l-informazzjoni

Operaturi li għandhom Trade Licence f’Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn operaturi li għandhom Trade Licence f’Malta?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-ħtieġa ta liċenzi għal operaturi li huma premises based bħal ħwienet u fabbriki tneħħiet fl 2016. In-numru ta’ operaturi li mhumiex premises based bħal street hawker u market hawkers li għandhom trading licence huma 2824.

Intrapriżi li bbenefikaw mill-Iskema Certify

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm intrapriżi bbenefikaw mill-Iskema Certify bejn is-sena 2015 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor Interpellant li mill- 2015, 24 il-intrapiża ibbenefikat taħt l-iskema ta’ Certify.

Intrapriżi li bbenefikaw mill-Iskema Business Start

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm intrapriżi bbenefikaw mill-Iskema Business Start bejn is-sena 2015 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor Interpellant li mill-2015, 74 il-intrapiża ibbenefikat taħt l-iskema tal- Business Start.