Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet is-somma totali li tħallset f'pagi u spejjeż relatati ma’ pagi (National Insurance, allowances, overtime etc) lill-impjegati kollha tal-Gvern fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex għas-sena 2016? Għall-istess sena kemm kienet is-somma totali li tħallset lill-kuntratturi privati talli pprovdew ħaddiema fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-ħaddiema u professjonisti li jaħdmu fl-isptar Ġenerali t' Għawdex huma fuq il-payroll tal-Gvern.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-kundizzjonijiet li bihom huwa ingaġġat l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament inkluż salarju, allowances u perkaċċi oħra?
Ħsarat fi Triq Ġorġ Borg Olivier fil-Mellieħa – għajnuna lill-ħwienet
Question
Kawża tal-maltemp li seħħ fl-aħħar jiem u l-ħsarat ikkawżati fi Triq Ġorġ Borg Olivier fil-Mellieħa, jista' l-Ministru jgħid jekk is-sidien tal-ħwienet fit-triq imsemmija li sofrew danni mhux żgħar mill-maltemp, hux se jiġu megħjuna mill-Gvern għall-ħsarat ikkawżati mill-maltemp?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta qed twettaq xogħlijiet f'din it-triq iżda m’hijiex l-entita Governattiva li għandha tkun imfittxija għal kwalunkwè pretensjoni ta’ danni fir-rigward. Għalhekk din il-mistoqsija għandha tiġi riferuta lill-Ministeru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess sabiex tibda tinbena faċilità sportiva (grawnd tal-futbol) fin-Naxxar fil-limiti ta' bejn in-Naxxar u San Ġwann?
Response (BORG, IAN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex iressaq il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess sabiex tibda tinbena faċilità sportiva (grawnd tal-futbol) fin-Naxxar fil-limiti ta' bejn in-Naxxar u San Ġwann?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa għaddej il-proċess li permezz tiegħu l-awtorità tal-artijiet ser tgħaddi l-art lil SportMalta. Il-kuntratt bejn l-entitajiet mistenni jiġi ffirmat fil-ġimgħat li ġejjin.
Jista' l-Ministru jindika meta mistenni jibda x-xogħol fuq il-proġett li suppost kien intenzjonat għall-persuni b'diżabilità madwar tliet snin ilu fin-Naxxar, preċiżament fiż-żona fejn kien jopera qabel iċ-Ċentru tal-Fieri fin-Naxxar? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra il-pjanti ta' dan il-proġett li ġew sottomessi quddiem il-MEPA u awtoritajiet oħra konċernati?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġiet sottomessa applikazzjoni quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar u l-applikazzjoni qiegħda tiġi evalwata. Għalhekk, il-pjanti għadhom m'humiex finalizzati. La darba l-pjanti jkunu fi stadju avvanzat ser jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.
Il-Mellieħa u San Pawl il-Baħar – applikazzjonijiet pendenti għar-residenzi għall-anzjani
Question
Jista' l-Ministru jindika kemm hemm applikazzjonijiet pendenti ta' persuni li applikaw sabiex jidħlu f'waħda mir-residenzi għall-anzjani li jinsabu fil-Mellieħa u San Pawl il-Baħar?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, d-Dipartiment għall-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, ma jitlobx informazzjoni dwar il-preferenza tal-applikanti għal dħul fi djar tal-anzjani. Għalhekk d-Dipartiment m’għandux informazzjoni dwar kemm applikaw persuni sabiex jidħlu fir-residenzi għall-anzjani li jinsabu fil-Mellieħa u f’San Pawl il-Baħar.
Il-Mellieħa, in-Naxxar u San Pawl il-Baħar – persuni li jagħmlu użu mis-servizz tal-Meals on Wheels
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li kienu jew għadhom jagħmlu użu mis-servizz tal-Meals on Wheels fil-Mellieħa, in-Naxxar u San Pawl il-Baħar, sena b'sena u lokalità b'lokalità minn Jannar 2011 sa Settembru 2017?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament għandhiex xi inkarigu pubbliku f’Malta jew barra minn Malta u f’dak il-każ, x’inhu l-inkarigu, x’inhuma s-salarju, allowances u perkaċċi u x’inhuma l-kundizzjonijiet ta’ impjieg?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ m’għandu l’ebda kuntratt ta’ inkarigu mal-persuna li qed tagħmel referenza għaliha il-Mistoqsija.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament għandhiex xi inkarigu pubbliku f’Malta jew barra minn Malta u f’dak il-każ, x’inhu l-inkarigu, x’inhuma s-salarju, allowances u perkaċċi u x’inhuma l-kundizzjonijiet ta’ impjieg?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, m’għanddhiex inkarigu pubbliku fl-ebda entità li taqa’ taħt id-dekasteru tiegħi.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 968, jista’ l-Ministru jgħid jekk id-Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) jistax jieħu passi regolatorji jekk ikun hemm ksur tal-Att dwar il-Kompetizzjoni? Jekk ma jistax jieħu passi, x’qed isir biex din is-sitwazzjoni titranġa?
Response (BONNICI, OWEN)
Nirreferi lil Onor. Interpellant li kif diġa ntqal fit-tweġiba li qed jirreferi għaliha, l-Uffiċċju ma jistax jipprovdi l-informazzjoni mitluba fid-dawl tal-każ pendenti li hemm quddiem il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili (Ġurisdizzjoni Kostituzzjonali).
Peress li ggradwaw grupp ġdid ta’ studenti li jispeċjalizza fil-fisjoterapija u peress li s-sejħa tas-sena l-oħra għadha ma għalqietx, jista’ l-Ministru jgħid hux se jiddaħħlu aktar fisjoterapisti li kienu applikaw xhur ilu iżda għadhom ma ssejħux, qabel ma tagħlaq din is-sejħa? Meta għandha tiftaħ sejħa oħra għal aktar fisjoterapisti? Skont il-projections tal-HR, kemm hemm fisjoterapisti nieqsa fis-servizz tas-Saħħa Pubblika?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi matul din is-sena, sad-9 t’ Ottubru ġew ingaġġati 13-il fiżjoterapista ġodda jaħdmu mad-dipartiment tas-Saħħa wara sejħa pubblika. Meta r-riżultat imsemmi jiġi eżawrit hemm l-intenzjoni li tinħareġ sejħa oħra, dejjem skont l-eżiġenzi tas-servizz.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk fl-Education Hub tal-Imsida, li kienet ex-Mater Dei, li tilqa’ studenti b'challenging behaviour fejn hemm għalliema dedikati ħafna u peress li s-sistema edukattiva qed toffri edukazzjoni iffukata fuq il-ħtiġijiet ta' studenti żgħażagħ imma minn pazjent jirriżulta li hemm team li jissejjaħ lilu nnifsu bħala psycho-social team, li mhux speċjalizzat fil-qasam, u dan qed jagħti pariri li ma humiex skont ir-remit professjonali tiegħu? Hemm ħsieb li mill-aspett ta' well-being u kura komprensiva tal-istudenti, iżurhom fl-iskola, team speċjalizzat jew konsulent fil-qasam tal-kundizzjoni tagħhom? Qed jingħata tagħlim edukattiv iffukat dwar sess u sesswalità? X'inhu l-proċess ta' kif qed tingħata l-mediċina lil dawn il-minuri waqt il-ħin tal-iskola? Qed jinżamm kuntatt dirett mal-ġenituri u l-familja tal-istudenti biex jissaħħu r-relazzjonijiet ta' bejniethom?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-professjonisti li jagħtu s-servizz u li jagħmlu parti mill-education psycho-social team ġejjin minn oqsma differenti ta’ speċjalizzazzjoni. Is-sapport lil kull student jingħata skont in-natura tal-każ. Għaldaqstant dawn l-istudenti jiġu segwiti jew minn ħaddiema soċjali, mill-psikoterapista, mill-Guidance Teachers ta’ Anti-bullying, Anti-Substance Abuse u miċ-Child Safety Services, Principal Education Support Practitioner (Counsellor) u Principal Education Support Practitioner (Career Advisor) u College Prefect of Discipline. Dawn il-professjonisti għandhom il-kwalifika jew ta’ Masters level jew Post Graduate Diploma apparti is-snin ta’ ħidma f’dawn l-oqsma. Kull sena, il-professjonisti jkollhom numru ta’ taħriġ biex jgħinhom aktar ikunu professjonisti u aġġornati.
Isiru ħafna laqgħat bejn il-professjonisti fejn jiġi diskuss kull każ, fejn fost l-oħrajn jiġi diskuss min ser jaħdem mal-istudent. Darba fix-xahar issir laqgħa mal-Kap tal-iskola fejn anke f’dawn il-laqgħat jiġu aġġornati kull msieħeb preżenti biex b’hekk ikun hemm koordinament sħiħ tad-deċiżjonijiet li jittieħdu.
Il-ħidma tal-professjonisti qiegħda tingħata l-istudenti. Meta waqt il-case conferences joħroġ li student għandu bżonn servizz partikolari dan jingħata kemm minn professjonisti fi ħdan is-sistema edukattiva kif ukoll minn entitajiet oħra jiddependi n-natura tal-każ.
Dwar tagħlim edukattiv iffukat dwar sess u sesswalità, iva qiegħed jingħata dan it-tagħlim waqt il-lezzjonijiet tal-PSCD. F’ċertu ċirkostanzi s-sesswalità wkoll tiġi diskussa waqt one to one sessions li l-istudent ikollu mal-professjonisti. Ħafna mill-każijiet dan ikun matul is-sessjonijiet terapewtiċi li jiġu mogħtija mill-counsellor, ħaddiema soċjali jew psikoterapista. Għal matul is-sena skolastika hemm ippjanat li jkun hemm sessjonijiet li jingħataw minn professjonisti f’dan il-qasam.
Rigward kif qed tingħata l-mediċina lil dawn l-istudenti waqt il-ħin tal-iskola, ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-iskejjel tal-Istat kull mediċina tingħata mingħand in-nurse imma minħabba n-natura tal-każijiet ta’ dawn l-istudenti sar ftehim bil-kunsens anke tal-ġenituri, fejn l-istudenti jieħdu l-mediċina fl-uffiċċju tal-Kap tal-Iskola. Il-mediċina tinżamm fl-uffiċċju tal-Kap tal-Iskola.
Rigward l-aħħar parti tal-mistoqsija, l-iskola żżomm kuntatt mal-ġenituri b’mod kontinwu. Formalment kull ġenitur ikollu żewġ laqgħat mal-Kap tal-Iskola matul is-sena skolastika. Matul is-sajf saru kuntatti mal-ġenituri kollha. Apparti dawn isiru ħafna laqgħat b’mod regolari mal-ġenituri. Waqt is-sena skolastika jsiru attivitajiet varji għall-ġenituri/kustodji tal-istudenti. Huma bosta wkoll dawk il-familji li ngħataw appoġġ konkret skont il-bżonnijiet tal-familja.
Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar – kariga ta’ individwu
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, u b’mod partikolari, x’kariga jew funzjoni tokkupa fil-Ministeru u/jew f’xi entità kwalunkwe li taqa’ taħt ir-responsabilità tal-Ministeru? Jista’ jgħid x’salarju, allowances, perkaċċi u kundizzjonijiet għandha u għal kemm żmien ġiet appuntata?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar – individwu — safar
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, u b’mod partikolari, kemm-il darba siefer mal-Ministru bejn Marzu 2013 u l-aħħar ta’ Settembru 2017, x’kienu l-okkażjonijiet u n-natura tas-safar u kemm sewa s-safar b’rabta ma’ dan l-individwu?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar – kariga ta’ persuna
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar il-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, u b’mod partikolari, x’kariga jew funzjoni tokkupa fil-Ministeru u/jew f’xi entità kwalunkwe li taqa’ taħt ir-responsabilità tal-Ministeru? Jista’ jgħid x’salarju, allowances, perkaċċi u kundizzjonijiet għandha u għal kemm żmien ġiet appuntata?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Jista' l-Ministru jgħid dettaljatament fejn waslu l-proċeduri legali li l-Gvern Malti fetaħ kontra l-Kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament u jqiegħed fuq il-Mejda d-dokumenti tal-kawża?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi nfetħu proċeduri ta’arbitraġġ kontra l-kumpanija msemmija minnu.
Jista’ l-Ministru jelenka l-għotjiet u l-commitment letters li nħarġu mill-Good Causes Fund bejn id-29 ta' April 2017 u t-3 ta' Ġunju 2017, inkluż dik li hu stess ta fil-Knisja ta' Ġiesu, fir-Rabat fl-1 ta' Ġunju 2017 filgħaxija?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid min ta l-ordni għat-transfer tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, fejn liema transfer kien fl-aħbarijiet tal-15 ta’ Ġunju 2017?
Response (BONNICI, OWEN)
Din hija prassi normali li individwi jiġu mċaqalqa minn dipartiment għall ieħor skond l-esiġenzi tal-Kumpanija.
Ħadd ma ta l-ordni, l-Individwu baqa f’postu iżda ngħata rwol ġdid dak ta’ Quality Assurance Manager.
Jista’ l-Ministru jgħid x’kienet ir-raġuni għat-transfer tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, liema transfer kien fl-aħbarijiet tal-15 ta’ Ġunju 2017? Fejn intbagħat?
Response (BONNICI, OWEN)
Nirreferi għat-tweġiba li tajt f’Mistoqsija Parlamentari 199.