Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – persuni li joffru servizz ta’ konsulenza
Question
Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-persuni li qed joffru servizz ta’ konsulenza lill-Ministeru tiegħu, direttorati u kull entità li taqa’ taħt il-Ministeru tiegħu? Jista’ jgħid ukoll xi ħlas jew perkaċċi qed igawdu minnhom dawn il-persuni u xi kriterji ntużaw biex eventwalment intgħażlu huma biex jagħtu tali servizz?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li għandi sitt Policy Consultants fl-iStrategic Priorities Unit. Il-ħlas u l-perkaċċi tagħhom qegħdin jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra. Dawn ġew appuntati bil-proċeduri normali li jinħarġu mill-OPM.
Skejjel – infiq fuq stationery u riżorsi oħrajn għal għalliema
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont li ntefaq mill-iskejjel kollha tal-istat fuq stationery u riżorsi oħra għall-għalliema matul is-sena skolastika 2016-2017? Jista’ jpoġġi din l-informazzjoni fuq il-Mejda tal-Kamra u tkun preżentata, skola skola? Jista’ jindika wkoll mingħand min inxtara tali materjal u l-ammont ta’ ħlas li ngħata?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li l-infiq fuq stationery u riżorsi oħra għall-għalliema matul is-sena skolastika 2016-2017 kien kif se nsemmi:
Stationery: €284,253.10
Riżorsi għall-għalliema: €230,058.15
Ninforma lill-Onor. Interpellant li lista bl-informazzjoni skola skola hija vasta ħafna. Għalhekk, nitlob lill-Onor. Interpellant li jekk għandha bżonn xi informazzjoni speċifika dwar xi skola jew skejjel partikolari, nitlobha tindika fejn meħtieġ.
Kunsill Malti għall-Arti – għajnuna lill-artisti u l-professjonisti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kif il-Kunsill Malti għall-Arti qiegħed jgħin lill-artisti u l-professjonisti biex ikomplu jikbru fil-qasam? Jista’ jispeċifika wkoll xi programmi għaddejjin bil-għan li jagħmlu dan?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-Kunsill Malti għall-Arti għandu strateġija bl-isem ta’ Create 2020 li permezz tagħha qed jimplimenta 70 azzjoni sas-sena 2020 li qed jgħinu lis-setturi kulturali u kreattivi jikbru aktar fuq livell artistiku u professjonali. Fost dawn il-miżuri insibu 10 programmi ta’ fondi pubbliċi li permezz tagħhom artisti u organizazzjonijiet kulturali jistgħu jaċċessaw matul i-sena. Dawn ivarjaw skond it-tip ta’ proġetti li jkunu qed jaħdmu fuqhom – minn parteċipazzjoni fuq pjattaformi internazzjonali sa ħolqien ta’ proġetti innovattivi. Il-Programmi huma dawn
1. Malta Arts Fund
2. Kreattiv
3. Cultural Export Fund
4. Kultura TV
5. Il-Premju tal-President għall-Kreattivita
6. Professional Development Grants
7. Creative Industries Platform
8. Cultural Partnership Agreement
9. Malta Digital Games Fund
10. Gozo Cultural Support Programme
Il-Kunsill Malti għall-Arti jmexxi wkoll numru ta’ inizjattivi bħal inċentivi fiskali kif ukoll joffri programmi ta’ taħriġ li jgħinu lill-artisti jiżviluppaw aktar ħiliet intraprenditorjali. Il-programm ta’ riċerka tal-Kunsill Malta għall-Arti tkompli ssaħħaħ iil-kapacita’ tal-Kunsill li joħloq aktar programmi bbażati fuq analiżi ta’ riċerka biex is-settur jibqa jiġi żviluppat.
Jista’ l-Ministru jgħid kif qed jiġu megħjuna l-produzzjonijiet teatrali fil-komunitajiet f’Malta u Għawdex bil-għan li jżidu l-potenzjal tagħhom?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li f’dawn l-aħħar snin saru numru ta’ proġetti li taw spinta lit-teatru fil-komunita’. Dawn jinkludu l-fondi pubbliċi mmexxija mill-Kunsill Malti għall-Arti li permezz tagħhom ġew ffinanzjati numru ta’ proġetti artistiċi fil-komunita’ kif ukoll numru ta’ festivals bħal Żigu Żajg u l-Malta International Arts Festivals u organizazzjonijiet pubbliċi kulturali bħal Fondazzjoni Valletta 2018 li ppreżentaw numru ta’ proġetti teatrali mal-komunita’ u għall-komunita’.
Sar ukoll proġett estensiv bejn il-Kunsill Malti għall-Arti, Valletta 2018 u l-Universita’ ta’ Malta biex jiddokumenta aktar minn ħamsin spazju teatrali fejn l-maġġoranza tagħhom hu taħt is-sieda tal-komunita’. Dan l-istudju serva bħala bażi għal miżuri biex dawn l-ispazji jkunu jistgħu jintu¿aw aktar għall-produzzjonijiet teatrali fil-komunitajiet. Dawn il-miżuri mħabbra wkoll fil-Manifest Elettorali ser jiġu żviluppati fix-xhur li ġejjin.
Proġett ieħor hu Teatru Malta, mwaqqaf mill-Kunsill Malti għall-Arti biex jinvesti direttament fi produzzjonijiet teatrali fil-komunitajiet f’Malta u Għawdex. Dan ser isir permezz ta’ programm iffinanzjat mill-aġenzija LESA u li mill-2018 ser joffri numru ta’ produzzjonijiet f’numri ta’ teatri tal-komunità.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ persuni li żaru l-wirja tas-sejf storiku ta’ La Valette, waqt l-esebizzjoni li kien hawn fostna?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-wirja tas-sejf tal-Gran Mastru de Valette kienet miftuha bejn it-18 ta’ Marzu u t-8 ta’ Settembru 2017. F’dan il-perjodu kien hemm total ta’ 47,870 persuna li żaru l-wirja. Din hija żieda ta’ 16,125 persuna li żaru dan is-sit fuq l-istess perjodu tas-sena l-oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba nfetħu wirjiet kulturali bla ħlas għall-pubbliku, sakemm tiġi biex titwieġeb din il-mistoqsija? Kemm-il persuna żaret dawn il-wirjiet, preferibbilment maqsuma bejn Maltin u barranin?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li mill-bidu ta’ din il-leġiżlatura (Ġunju 2017) sa llum kien hemm żewg okkażjonijiet meta l-pubbliku kien mistieden iżur mużewijiet jew wirjiet mingħajr l-ebda tip ta’ ħlas. Dawn kienu:
8 ta’ Settembru: Wirja tas-sejf ta’ de Valette fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeologija, li għaliha attendew 5450 persuna. Fis-7 ta’ Settembru sar ukoll lecture dwar is-sejf li għalih attendew madwar 200 ruħ.
13 ta’ Settembru: Ftuħ mingħajr ħlas (filgħaxija) tal-wirja permanenti tal-Mużew Nazzjonali tal-Gwerra fil-Forti Sant’ Iermu fl-okkazjoni tal-75 anniversarju mill-għoti tal-George Cross, li għaliha attendew 416 persuna.
Barra minn hekk kien hemm żewg okkażjoniiet oħra meta l-pubbliku seta jżur mużewijiet u siti għal prezz ridott ħafna ta’ €2. Dawn kienu:
15 ta’ Awwissu: Muzewijiet taċ-Ċittadella, meta attendew 956 persuna.
8 ta’ Settembru: Forti Sant’ Anglu, meta attendew 2000 persuna
Għad ta’ gruppi lokali wkoll jistgħu iżuru l-mużewijiet u s-siti għal prezz imraħħas ta’ €1.
Din l-istatistika ma tinkludix il-viżti tat-tfal tal-iskejjel, li huma dejjem bla ħlas, kemm jekk jiġu waqt viżta formali organizzata mill-iskola (madwar 40,000 fis-sena) kif ukoll jekk jużaw l-iskema ta’ dħul mingħajr ħlas permezz ta’ card speċjali u li Heritage Malta nediet is-sena l-oħra.
Ma teżistix statistika li tagħmel differenza bejn Maltin u barranin, madanakollu nistgħu ngħidu b’ċertezza li l-maġġoranza assoluta ta’ dawk li jgawdu minn dawn l-okkażjonijiet ikunu Maltin.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ilu li twaqqaf il-Victim Support Unit fi ħdan il-Korp tal-Pulizija? Jista’ jgħid ukoll kemm kienu l-vittmi/qraba ta’ vittmi li fittxew l-għajnuna mill-istess Victim Support Unit u x’tip ta’ informazzjoni ngħatatilhom f’dan il-perjodu?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat illi l-Victim Support Unit fi ħdan il-Korp tal-Pulizija ġie mwaqqaf f'Jannar 2017. Infurmat illi minn Jannar sa Awwissu 2017, ġew assistiti mitejn u sebgħa u erbgħin (247) persuna, li jinkludu kemm vittmi kif ukoll qraba ta' vittmi. L-għajnuna li ngħatat lill-vittmi tinkludi, sapport emozzjonali immedjat lill-vittmi ta’ kriminalità jew lill-qraba tagħhom li jkunu għadhom kif għaddew minn trawma, referrals għal servizzi t'appoġġ jew xi tip ta' għajnuna oħra barra mill-korp, kif ukoll informazzjoni u follow-ups fuq il-każijiet tagħhom.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew irrapportati każi ta’ frodi mill-benefiċċji soċjali fis-sena 2016? Kemm minn dawn il-każi nstab li kienu tassew qed iqarrqu bid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali? Jista’ l-Ministru jagħti stima ta’ kemm ġew iffrankati flus b’dawn l-investigazzjonijiet li saru matul is-sena 2016?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, matul is-sena 2016, id-Dipartiment għall-Investigazzjoni ta’ Frodi ta’ Benefiċċji irċieva 650 rapport ta’ każijiet fejn kien allegat abbuż mill-benefiċċji soċjali. Minn dawn il-każijiet, id-Dipartiment għall-Investigazzjoni ta’ Frodi ta’ Benefiċċji irakkomanda lid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali 330 każ illi nstab li kienu bi ksur tal-provvedimenti tal-Att sabiex jiġu sospiżi jew riveduti skont il-każ. Mill-informazzjoni li d-Dipartiment għall-Investigazzjoni ta’ Frodi ta’ Benefiċċji rċieva jew ġabar mingħand id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali fuq dawn l-każijiet u fuq każijiet oħra, huwa stmat li matul is-sena 2016 ġew iffrankati €4,020,309.
Estensjoni tas-servizz offrut mill-Fondazzjoni għas-Servizzi Soċjali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid liema kienu dawk il-lokalitajiet li fihom kien estiż is-servizz offrut mill-Fondazzjoni għas-Servizzi Soċjali f’dawn l-aħħar xhur? Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li dawn is-servizzi jkomplu jkunu estiżi għal aktar lokalitajiet?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, l-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS) toffri s-servizzi tagħha lil kull min jeħtieg sew mid-diversi ċentri tagħha, madwar Malta u Għawdex, kif ukoll permezz ta’ żjarat fil-familji.
Matul dawn l-aħħar xhur ġew estiżi s-servizzi segwenti fil-lokalitajiet imsemmija kif indikat hawn taħt :
Lokalità / Servizz
Tip ta’ Servizz
Faċilità Korretiva ta’ Kordin
Servizzi varji: LEAP, APPOGG, sedqa kif u meta meħtieġ. Il-Fondazzjoni assenjat persuna fuq bazi 40 siegħa fil-gimgħa sabiex jassisti fl-integrazzjoni ta’ persuni li joħorgu mill-Ħabs.
Ħal-Għargħur
Home Based Therapeutic Service
(HBTS), Tqassim tal-FEAD/SFFD.
Ħal-Kirkop
Ċentru LEAP. Tqassim tal-FEAD/SFFD.
Kottonera
Ċentru LEAP. Tqassim tal-FEAD/SFFD, Servizz tal-HBTS.
Marsascala
Ċentru LEAP. Tqassim tal-FEAD/SFFD. Servizz residenzjali tal-Appogg.
Mosta
Ċentru LEAP. Tqassim tal-FEAD/SFFD, ħwejjeg u ħtigijiet oħra.
Msida
Ċentru LEAP. Tqassim tal-FEAD/SFFD.
Servizz għaż-żghażagh tal-Aġenzija Appoġġ
Qawra
Ċentru LEAP. Tqassim tal-
ikel (Fund for the European Aid to the Most Deprived
) – FEAD /State Funded Food Distribution (SFFD)
Ħal-Qormi
Ċentru LEAP. Tqassim tal-FEAD/SFFD.
Valletta
Ċentru LEAP. Tqassim tal-FEAD/SFFD.
Ix-Xewkija (Għawdex)
Ċentru LEAP. Tqassim tal-FEAD/SFFD.
Għajnsielem
Servizz tal-Fostering Agenzija Appogg.
Iż-Żurrieq
Ċentru LEAP.
Ir-Rabat
Servizz residenzjali tal-Aġenzija Appoġġ
Santa Venera
Iċ-
Children’s House
li tlestiet bi tħejjija għal meta tibda topera l-liġi l-ġdida taċ-Child Protection u skont l-impenji li ħadet Maltabħala pajjiż firmatarju tal-Konvenzjoni ta’ Lanzarote biex proċeduri legali jsiru f’ ambjent li huwa
child friendly
.
Ix-Xagħjra
Servizz residenzjali tal-Aġenzija Appoġġ.
F’dawn l-aħħar ftit xhur ġiet ukoll estiża l-ħidma f’Għawdex fejn ġew assenjati numru ta’ ħaddiema fil-qasam soċjali sabiex jilħqu l-ħtiġijiet ta’ dan ir-reġjun. Ġiet estiża wkoll il-ħidma fil-lokalità tal-Mosta permezz ta’ ċentru fejn qed jitqassmu ħtiġijiet varji għal familji fil-bżonn.
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, qed ikun ippjanat li s-Servizzi tal-Fondazzjoni jkunu mifruxa aktar fil-kommunità bil-għan li nrendu s-servizzi aktar aċċessibli. Għal dan il-għan il-Fondazzjoni iffirmat ftehim mal-Kunsilli Lokali tal-Fgura u l-Msida li jwaswsal biex il-Fondazzjoni tibda tikri sular sħiħ fil-binjiet ta’ dawn il-kunsilli lokali rispettivi, minn fejn ikunu jistgħu jingħataw s-servizzi tagħha fil-qalba tal-kommunità.
Fuq kollox, biex tintlaħaq il-mira strateġika tal-Fondazzjoni li jkollha preżenza aktar effettiva u aktar effikaċi fil-kommunità, il-management tal-Fondazzjoni se jkun qed iwettaq pjan li jintegra flimkien is-servizzi fil-kommunità tal-Aġenzija Appoġġ u s-servizzi taċ-Ċentri LEAP f’servizz wieħed magħruf bħala SERVIZZ KOMMUNITAJIET biex b’hekk il-ħidma soċjali tkun ikkordinata aħjar u aktar iffukata biex tilħaq aktar nies bil-bżonn. Il-mira hi li fuq medda ta’ ħames snin ikollna din it-tip ta’ presenza almenu fil-lokalitajiet b’ popolazzjoni ta’ 10,000 u aktar.
Jista’ l-Ministru jispjega kif jaħdem il-Kalkulatur għall-Pensjoni tal-Irtirar? Jista’ l-Ministru jinforma kemm kienu dawk li s’issa għamlu użu minn dan is-servizz offrut onlajn?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-Kalkulatur għall-Pensjoni tal-Irtirar jaħdem b`mod faċli ħafna, fejn persuna mwielda fl-1 ta’ Jannar tal-1952 jew wara, u li taspira li tirtira, tista` iddaħħal sett minimu ta` informazzjoni mandatorja bħala bażi għal stima kemm jista` jkun preċiża tal-pensjoni tal-intitolament ladarba persuna tirtira.
In-numru ta’ persuni li għamlu użu minn dan is-servizz offrut online, minn Lulju 2017 sa issa kien ta’ 6133.
Persuni li jaħdmu għal rashom li bbenefikaw mill-Benefiċċju tal-Maternità
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta’ persuni li jaħdmu għal rashom li s’issa bbenefikaw mill-Benefiċċju tal-Maternità? Jista’ jgħid ukoll kemm kienet l-ispiża s’issa minn kemm ilha li ġiet introdotta din il-miżura?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, n-numru ta’ persuni li jaħdmu għal rashom u li bbenefikaw minn rata ogħla ta’ Benefiċċju għall-Maternità mis-sena 2015 ’l hawn jammonta għal 408 bi spiża ta’ €959,330.12.
Jista’ l-Prim Ministru jispjega x’ħidma qiegħda ssir mill-Gvern biex kemm Malta kif ukoll Għawdex ikomplu joffru servizz ta’ Wi-Fi b’xejn u ta’ kwalità f’postijiet meqjusin pubbliċi?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Il-gvern ilu għal dawn l-aħħar snin jaħdem biex sena wara sena jiżdiedu n-numru ta’ postijiet pubbliċi li joffru WiFi b’xejn liċ-ċittadini.
L-Awtorità ta' Malta dwar il-Komunikazzjoni (l-MCA) qed tikkontribwixxi b’ħidma diretta u matul l-2017 kompliet tikkollabora ma’ entitajiet oħra biex iżżid l-ammont ta’ WiFi hotspots b’xejn madwar Malta u Għawdex. Sa Lulju ta’ din is-sena, l-MCA kienet qed tħaddem mat-340 WiFi hotspot fosthom 40 ġodda introdotti matul din is-sena. Sar ukoll xogħol ta’ upgrading fuq oħrajn eżistenti sabiex jingħata servizz dejjem aqwa lill-pubbliku. L-MCA qed taħdem sabiex f’kull belt u raħal f’ Malta u Għawdex jkun hemm tal-anqas erba' WiFi hotspots b’xejn. Il-mira hi li dawn jitilgħu għal 400 sal-aħħar ta’ din is-sena
Sa Lulju 2017, in-numru ta’ nies li għamlu użu mill-WiFi hotspots installati mill-MCA kien ilaħħaq 2.6 miljun persuna, li kwart minnhom huma barranin.
Għarfien dwar riskji ta’ użu ħażin mill-Internet fost it-tfal
Question
Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk sarux xi inizjattivi riċenti biex jissaħħaħ l-għarfien dwar riskji ta’ użu ħażin mill-Internet fost it-tfal?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Dan is-suġġett huwa għal qalb il-Gvern u l-ħidma fuqu ma tieqafx u ser tkompli tiġi sostnuta b’mod kontinwu speċjalment permezz tal-proġett ewlieni BeSmartOnline! li llum il-ġurnata qed jitqies bħala best practice anki fuq livell internazzjonali. Infakkar li l-BeSmartOnline! huwa proġett koordinat mill-Awtorità ta' Malta dwar il-Komunikazzjoni (l-MCA), flimkien ma numru ta’ partners li jinkludu l-Aġenzija Appoġġ, l-Uffiċju tal-Kummissarju għat-Tfal, id-Direttorat tal-Kwalità u l-iStandards fl-Edukazzjoni u bl-għajnuna u l-appoġġ ta’ numru ta’ entitajiet oħra. L-għan tal-proġett BeSmartOnline! huwa li jissaħħaħ l-għarfien fost tfal, żgħażagħ, għalliema, ġenituri u carers tat-tfal, sabiex meta t-tfal jiltaqgħu ma riskji assoċjati mal-użu tal-Internet, dawn ikunu f'pożizzjoni li jgħarfuhom u ma' jisfawx vittmi tal-Internet.
Fost l-aħħar inizjattivi taħt dan il-proġett tnehdiet kampanja ta’ informazzjoni fl-iskejjel kollha madwar Malta u Għawdex, fejn qed jingħatatilhom diversi lezzjonijiet mfassla apposta bħala parti mis-suġġett tal-
Personal, Social and Career Development.
Għal dan l-għan ġew żviluppati numru ta' riżorsi fosthom:
workbooks
, ħrejjef bil-Malti miktuba għat-tfal, u logħba diġitali. Tenhdiet ukoll kampanja informattiva dwar il-privatezza u oħra fuq l-użu bilanċjat tal-Internet.
Fl-ewwel nofs ta’ din is-sena ġew organizzati numru ta' sezzjonijiet ta' għarfien mal-ġenituri f'bosta skejjel kif ukoll f’ numru ta’ postijiet ta' xogħol bis-sehem ta’ diversi entitajiet privati. B'kollaborazzjoni bejn Facebook u l-BeSmartOnline!, ġie wkoll organizzat seminar li fih l-għalliema ġew infurmati dwar il-miżuri li tieħu din il-kumpanija biex tipproteġi ż-żgħażagħ fuq dan il-midja soċjali. L-għalliema ingħataw ukoll pariri dwar kif jistgħu jgħinu l-istudenti meta jużaw il-Facebook.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk għadhomx isiru operazzjonijiet nhar ta’ Ħadd? Jista’ jgħid ukoll kemm-il operazzjoni saret matul dan il-jum matul din is-sena?
Response (FEARNE, CHRIS)
Nikkonferma mal-Onorevoli Interpellant illi kemm fl-isptar Mater Dei u kif ukoll fl-isptar Ġenerali t’Għawdex isiru operazzjonijiet nhar ta’ Ħadd. Fil-perjodu ta’ bejn Jannar u Awwissu ta’ din is-sena filfatt saru total ta’ 1,516 –il proċedura.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jagħti rendikont ta’ kemm pazjenti marru jieħdu l-kura barra minn Malta f’dawn l-aħħar sentejn? X’etajiet kellhom dawn il-pazjenti?
Response (FEARNE, CHRIS)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tabella t’hawn taħt filwaqt li ninfurmah illi l-età tal-pazjenti tvarja minn ftit ġranet sa l-età ta’ 86 sena.
Sena
Numru ta’ Pazjenti
Numru ta' Episodji
2015
499
759
2016
549
825
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kienu il pazjenti li ħadu servizz mid-Dipartiment tal-Kura Primarja?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi matul l-2016 kien hemm 1,525,652 –il persuna li ħadet servizz mid-dipartiment tal-Kura Primarja filwaqt li minn Jannar sa Awwissu tal-2017 kien hemm 2,429,380. Dawn il-figuri jinkludu s-servizzi li jingħataw miċ-ċentri tas-saħħa u l-bereġ, child screening ġewwa l-iskejjel, l-Occupational Health Unit, in-National Screening Unit u z-zjarat ta’ l-Speech Language fl-iskejjel u fid-djar.
Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima — kuntratti u xogħlijiet minn kumpanija/individwu
Question
Jista’ l-Ministru jagħti lil din il-Kamra rendikont dettaljat tax-xogħol u/jew kuntratti li ngħataw mill-Ministeru u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu, id-ditta legali u l-individwu li d-dettalji tagħhom qed jingħataw separatament għall-perjodu bejn l-1998 u l-2013? Jista' jelenka liema mix-xogħol u/jew kuntratti ingħataw b'direct order?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li id-ditta legali u l-individwu kkonċernat ma ngħata l-ebda xogħol mill-Ministeru tiegħi jew minn xi entità li taqa’ taħti għall-perjodu bejn l-1998 u l-2013.
Ministeru għas-Saħħa — kuntratti u xogħlijiet minn kumpanija/individwu
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministeru għas-Saħħa jagħti lil din il-Kamra rendikont dettaljat tax-xogħol u/jew kuntratti li ngħataw mill-Ministeru u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu, id-ditta legali u l-individwu li d-dettalji tagħhom qed jingħataw separatament għall-perjodu bejn l-1998 u l-2013? Jista' jelenka liema mix-xogħol u/jew kuntratti ingħataw b'direct order?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ma ngħata l-ebda xogħol mill-Ministeru għas-Saħħa lid-ditta legali u/jew l-persuna msemmija minnu