Legislature:
Category:
Reset
Active:

Malta Enterprise – proġetti ta’ investiment barrani u lokali – impjiegi ġodda ġġenerati

Question

Jista' l-Ministru jinforma lil din il-Kamra kemm huwa kkalkulat li proġetti ta' investiment barrani u lokali approvati mill-Malta Enterprise ġġeneraw impjiegi ġodda, matul l-2016 u sa nofs l-2017? Kemm huwa kkalkulat li kien il-valur ta' dan l-investiment ġdid?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġetti approvati mill-Malta Enterprise matul l-2016 sa nofs 2017 huwa ikkalkulat li ser joħolqu 2,900 impjieg u investiment ta’ €391 miljun.
Leg 13 PQ #1426 Sitting 26 2017-10-11 Oral · Final From: SILVIO GRIXTI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Identity Malta – ħruġ ta’ permessi tax-xogħol lill-ħaddiema barranin

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu jew li hemm ippjanati li jittieħdu minn Identity Malta biex jitħaffef il-proċess għall-ħruġ ta' permessi tax-xogħol lill-ħaddiema barranin li jistgħu jaħdmu f'Malta biex tittaffa l-problema kbira li qed iħabbtu wiċċhom magħhom diversi intrapriżi, kbar u żgħar, meta jfittxu impjegati ġodda minħabba l-qagħda ta' full employment li hawn fil-pajjiż?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa għaddejin numru ta’ tibdiliet fi ħdan id-Dipartiment taċ-Ċittadinanza u l-Expatriates. Fl-aħħar ġimgħat ġew issimplifikati numru ta’ checklists applikabbli għas-settur tal-catering u low-skilled work. Beda jingħata s-servizz tas-single permits ġewwa Għawdex filwaqt li għaddej ix-xogħol sabiex jinfetaħ uffiċċju ġdid f’Evans Building, il-Belt, maħsub sabiex iħaffef il-proċess tat-tiġdid ta’ dawn il-permessi. Qed isir ukoll investiment fir-rizorsi umani ta’ dan id-dipartiment sabiex ikun jista’ jlaħħaq maz-zieda fid-domanda għall-permessi ta’ xogħol u residenza. Tajjeb ukoll li wieħed isemmi li kompliet tingħata assistenza individwali lil kumpaniji li jħaddmu persuni minn barra l-Unjoni Ewropea u tkompla wkoll is-servizz tal-Outreach Initiative, fejn Identity Malta żżur in-negożji u taċċetta applikazzjonijiet minn barra l-uffiċini tagħha. Żdiedu wkoll il-benefiċjarji taħt il-Key Employee Initiative li hija skema fejn persuni kwalifikati minn barra l-Unjoni Ewropea li jaqilgħu salarju ta’ €30,000 fis-sena jkollhom l-applikazzjoni tagħhom proċessata f’perjodu ta’ ħames ġranet tax-xogħol. Wara konsultazzjoni mal-korpi kostitwiti, Identity Malta għandha l-ħsieb li testendi dan il-proċess għal ħaddiema oħra barranin li huma speċjalizzati f’xi settur jew ieħor izda ma jleħħqux mal-kriterji ezistenti relatati mad-dħul.

Nuqqas ta’ għalliema fil-primarja – amalgamazzjoni ta’ klassijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk minħabba nuqqas ta' għalliema fis-settur primarju fil-bidu ta' din is-sena skolastika 2017/2018 ġewx amalgamati klassijiet fi skejjel fejn hemm tali nuqqas? Jekk iva, jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista bl-ismijiet ta' dawn l-iskejjel?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-iskejjel primarji tal-Istat li fihom ġew amalgamati klassijiet huma: Dingli Primarja Mosta Primarja B Paola Primarja B Birżebbuġa Primarja Fl-ebda każ ma nqabeż il-limitu ta’ studenti hekk kif stipulat fil-ftehim settorjali ta’ bejn il-Gvern u l-MUT.

Għalliema li tneħħilhom il-post of special responsibility

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk minħabba nuqqas ta' għalliema f'ċertu suġġetti kienx hemm għalliema li tneħħilhom dak li jissejjaħ il-post of special responsibility? Jekk iva, kemm kien in-numru ta' dawn l-għalliema u f'liema skejjel jagħtu s-servizz tagħhom?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat mid-Direttorat għal Servizzi Edukattivi li l-ebda għalliem fl-iskejjel statali ma tneħħielu dak li jissejjaħ il-post of special responsibility.

Impieg ta’ għalliema ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ dawk l-għalliema li ġew impjegati għall-ewwel darba fis-sistema edukattiva għas-sena 2017–2018, f’liema grad ġew impjegati, x’responsabilitajiet ingħataw, fejn ġew mitluba jirrapportaw għas-servizz, xi kwalifiki għandhom u x’ġew mitluba jgħallmu?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ tabelli li juru n-numru ta’ għalliema skont il-grad li ġew impjegati f’kull skola u anke x’suġġett/i jgħallmu. Rigward kwalifiki, dawk fil-grad ta’ Għalliem u Għalliem b’kuntratt definit kollha għandhom il-kwalifiki neċessarji biex ikollhom il-Warrant Permanenti ta’ Għalliem u dan ifisser li b’mod ġenerali għandhom il-B.Ed (Hons), il-PGCE jew ekwivalenti. Dawk fil-grad ta’ Għalliem Supply għandhom jew first degree jew żewġ ‘A’ Levels.

Nurture Classes — għalliema

Question

Billi jien infurmat illi f'Mejju li għadda saru interviews għal għalliema biex jgħallmu f'dawk li qed jissejħu Nurture Classes, jista' l-Ministru jagħti tagħrif lil din il-Kamra dwar x'inhu dan is-servizz? Jista’ jgħid jekk huwiex mifrux fl-iskejjel kollha u għal min huwa mmirat? Kemm daħlu minn dawk l-għalliema u LSAs illi għaddew mill-interview? Jaħseb il-Ministru li se jkun hemm bżonn aktar għalliema għan-Nurture Classes sa tmiem din is-sena skolastika?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-rwol tan-Nurture Groups hu sapport lit-tfal li qed isibu diffikultà fil-qasam soċjo-emozzjonali, bi programmi differenti skont il-bżonn tal-istudenti. Is-servizz tan-Nurture Class qiegħed jiġi offrut f’39 skola primarja kif muri fit-tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Kull sena is-servizz qiegħed jiġi estiż għal aktar skejjel b’mod gradwali. L-aħħar interviews li saru għas-servizz tan-nurture classes fl-iskejjel primarji saru kif ġej: Għalliema għan-Nurture Classes – Malta: Mejju 2017 F’dan ir-riżultat kien hemm disa' (9 ) kandidati li għaddew. Minn dawn sebgħa (7) bdew jagħtu s-servizz tagħhom fin-Nurture Classes minn Settembru li għadda. Iż-żewġ kandidati l-oħra ġew offruti biex jagħtu s-servizz fi skola differenti minn dik li qed jgħallmu fiha bħalissa u rrifjutaw. Għalliema għan-Nurture Classes – Għawdex: Mejju 2016 Dan huwa riżultat li kien għadu validu meta kien qed isir id-deployment għas-sena skolastika 2017/18. Minn dan ir-riżultat kienet diġa’ ġiet ingaġġata l-kandidata li ġiet l-ewwel u bdiet tagħti dan is-servizz f’Jannar li għadda. Il-kandidata li ġiet it-tieni wkoll bdiet tagħti s-servizz fin-Nurture Class ġewwa Għawdex minn Settembru li għadda. Fir-riżultat kien għad baqa' tmien (8) kandidati oħra iżda r-riżulatat skada fl-1 ta Settembru 2017. Learning Support Assistants għan-Nurture Classes – Malta: Mejju 2017 F’dan ir-riżultat kien hemm 15-il kandidat li għaddew. Minn dawn sebgħa (7) bdew jagħtu s-servizz tagħhom fin-Nurture Classes minn Settembru li għadda, kellna kandidata waħda li rrifjutat u għalhekk baqa' sebgħa (7) oħra fil-lista. Learning Support Assistants għan-Nurture Classes – Għawdex: Mejju 2017 F’dan ir-riżultat kien hemm 22 kandidat li għaddew. Minn dawn waħda (1) bdiet tagħti s-servizz fin-Nurture Class u għalhekk baqa' 21 fir-riżultat. Sa tmiem din is-sena skolastika mhuwiex ippjanat li jinfetħu aktar Nurture Classes ġodda minħabba li dan normalment isir fil-bidu tas-sena skolastika.

Kalkara – Triq Santu Rokku – rapporti ta’ tlielaq tal-karozzi

Question

Billi qed ikun hemm rapporti ta' tlielaq tal-karozzi fit-Triq Santu Rokku l-Kalkara li qed idejqu r-residenti tal-lokal, jista' l-Ministru jgħid jekk jikkunsidrax li jieħu aktar miżuri biex karozzi ma jsuqux bi speed qawwi, kemm għad-detriment ta' sewwieqa oħra kif ukoll għar-residenti tal-inħawi?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant billi nikkonferma li Transport Malta rċeviet diversi ilmenti li fl-inħawi msemmija xi drabi jkun hemm min qed jabbuża bil-vettura u jsuq b' veloċita' eċċessiva. Is-sezzjoni tal-Infurzar fi ħdan Transport Malta ħadet azzjoni mmedjata u flimkien mal-Pulizija qed tagħmel moniteraġġ fl-akwati permezz tal-uffiċjali tagħha. Transport Malta għandha wkoll pjanijiet sabiex timplimenta miżuri oħra li jgħinu biex dan l-abbuż jinqata’, fosthom li tinstalla Traffic Calming Measures fil-wiċċ tat-triq imsemmija.

Immigranti – pjan

Question

Peress li hemm rapporti li qed jgħidu li hemm madwar miljun immigrant jistennew fil-kosta tal-Afrika ta’ Fuq biex jaqsmu lejn l-Ewropa, tista’ l-Ministru tikkonferma jekk hux qed isir pjan ta’ kontinġenza fuq livell nazzjonali u/jew fuq livell Ewropew, f’każ li Malta jkollha tiffaċċja influss t’immigranti bħalma kien hemm lura fl-2011?

Response (DALLI, HELENA)

Nitlob l-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Brexit — Arranġamenti

Question

Peress li r-Renju Unit ħareġ għadd ta’ dokumenti bil-pożizzjoni tiegħu fuq temi differenti fid-dawl tal-Brexit u dwar l-arranġamenti li jridu jsiru wara li joħorġu mill-Unjoni u bdew ukoll in-negozjati bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern Britanniku dwar it-tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni, tista’ l-Ministru taġġorna l-Kamra dwar in-negozjati li saru s’issa? X’inhuma l-prijoritajiet tal-Gvern Malti għal dawn in-negozjati u x’qed isir biex dawn il-prijoritajiet jiġu realizzati? X’inhu jagħmel il-Gvern Malti dwar dawn id-dokumenti li qed jiġu ppubblikati mir-Renju Unit?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-Renju Unit sa issa ppublika erbatax (14) il-dokument b’pożizzjonijiet fuq oqsma differenti. Dawn huma l-pożizzjonijiet li se jkun qed jieħu l-Gvern Brittaniku fin-negozjati mal-Unjoni Ewropeja (UE) dwar it-tluq mill-istess Unjoni. Dawn id-dokumenti qed jiġu studjati mill-Gvern minn Unit apposta li ġie mwaqqaf fis-segrettarjat ghall-affarijiet ewropej fil-Ministeru li jiena mmexxi biex jikkoordina mal-Ministeri kollha kkonċernati tal-Gvern, mar-Rappreżentanza Permanenti ġewwa Brussell, kif ukoll mat-Task Force tal-Kummissjoni Ewropeja responsabbli min-negozjati mar-Renju Unit f’isem l-UE. Sa issa r-Renju Unit ħareġ żewġ tipi ta’ dokumenti: i. Dokumenti dwar temi li jitrattaw id-divorzju bejn ir-Renju Unit u l-UE – bħad-dokumenti dwar id-drittijiet taċ-ċittadini u dak dwar it-tqegħid ta’ prodotti fis-swieq qabel id-data tat-tluq mill-UE. ii. Dokumenti dwar ir-relazzjoni futura bejn l-UE u r-Renju Unit – bħad-dokument dwar id-dwana. Dawn id-dokumenti huma kollha aċċessibli pubblikament fuq s-sit elettroniku tal-Gvern tar-Renju Unit. Rigward in-negozjati, sa issa saru erba’ ċikli ta’ negozjati bejn Michel Barnier u t-tim tiegħu, bħala negozjaturi ewlenin f’isem l-Unjoni u t-tim mir-Renju Unit. Dawn iffukaw l-aktar fuq id-drittijiet taċ-ċittadini, is-saldu finanzjarju min-naħa tar-Renju Unit u oqsma relatati mas-separazzjoni taż-żewġ naħat. L-aktar li sar progress kien f’dak li għandu x’jaqsam mad-drittijiet tac-ċittadini. Il-mexxejja qablu illi m’għandhomx jibdew negozjati mar-Renju Unit dwar ir-relazzjoni futura bejn iż-żewġ partijiet qabel ma l-ewwel jiġi maqbul il-ħruġ ordnat tar-Renju Unit b'mod li titnaqqas l-inċertezza u, sa fejn possibbli, jiġi minimizzat it-tfixkil ikkawżat minn din il-bidla f'daqqa. Għaldaqstant, mhux qed jiġu diskussi temi elenkati fid-dokumenti tar-Renju Unit dwar l-arranġamenti futuri. Il-Gvern Malti qed jappoġġja l-pożizzjoni maqbula bejn is-27 Stat Membru u jemmen li importanti ħafna li bħala blokk nibqgħu magħqudin waqt dawn in-negozjati. Bħala Gvern, il-prijorità tagħna tibqa li ċ-ċittadini Maltin u l-familji tagħhom kemm jista jkun ma jintlaqtux ħażin mill-Brexit. Għaldaqstant qed niżguraw li fil-pożizzjonijiet meħuda waqt dawn in-negozjati, dawk iċ-ċittadini li qed jgħixu – minħabba xogħol, studju eċċ, fir-Renju Unit ma jintlaqtux ħażin. Qegħdin naħdmu wkoll biex niżguraw li dak li ksibna bħala Gvern matul is-snin frott ir-relazzjoni viċina li dejjem kellna mal-Gvernijiet Brittaniċi f’oqsma differenti (bħall-kummerċ u s-saħħa), jiġi mħares.

Tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea — rendikont

Question

Peress li l-mexxejja tal-gvernijiet tal-Unjoni Ewropea aktar kmieni din is-sena qablu li n-negozjatur ewlieni, f’Ottubru għandu jagħti rendikont dwar jekk ikunx sar progress biżżejjed fl-ewwel fażi tan-negozjati dwar it-tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni biex nimxu għat-tieni fażi, jiġifieri n-negozjati dwar ir-relazzjonijiet futuri, tista’ l-Ministru tindika jekk jidhirx li hemm biżżejjed progress biex jibdew in-negozjati dwar ir-relazzjonijiet futuri bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea?

Response (DALLI, HELENA)

Biex ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea ikunu jistgħu jibdew it-tieni fażi tan-negozjati, irid l-ewwel jintlaħaq ftehim dwar il-punti fl-ewwel fażi. L-ewwel fażi tinkludi qbil dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE u tar-Renju Unit, u l-familji tagħhom, li jkunu affettwati bil-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea; dwar is-saldu finanzjarju li għandu jiżgura li kemm l-Unjoni kif ukoll ir-Renju Unit jirrispettaw l-obbligi finanzjarji li jirriżultaw mill-perjodu kollu tas-sħubija tar-Renju Unit fl-Unjoni; kif ukoll li tinstab soluzzjoni flessibbli għall--Irlanda sabiex tiġi evitata fruntiera fiżika, waqt li tiġi rrispettata l-integrità tal-ordni legali tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, wara l-erba’ ċikli ta’ negozjati li saru sa issa bejn iż-żewġ partijiet u b’ċiklu ieħor biss skedat sal-Kunsill Ewropew ta’ Ottubru, jidher li ma hemmx biżżejjed progress dwar it-temi msemmija biex jibdew in-negozjati fuq ir-relazzjoni futura jew dik ta’ tranżizzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit. Għaldaqstant, ma jidhirx li sal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew ta’ dan ix-xahar se jkun hemm il-progress mistenni biex nibdew it-tieni fażi ta’ dawn in-negozjati. Dan minħabba li sa issa, s-sitwazzjoni politika interna tar-Renju Unit baqgħet fluwida, u l-Gvern Brittaniku għadu ma ffinalizzax il-pożizzjoni tiegħu fuq ċertu temi (bħal per eżempju, fuq is-saldu finanzjarju), li għandhom jiġu deċiżi qabel ma n-negozjati jkunu jistgħu jimxu għall-fażi li jmiss.

Pjanijiet għall-Malta – Unjoni Ewropea

Question

Wara s-suċċess tal-ewwel Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Ministri tal-Unjoni Ewropea, tista’ l-Ministru telabora fuq il-prijoritajiet tal-Gvern Malti f’dak li għandu x’jaqsam mal-Unjoni Ewropea?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-prijoritajiet tal-Gvern Malta f’dak li għandu x’jaqsam mal-Unjoni Ewropea huma - l-migrazzjoni u s-sigurtà; - s-settur soċjali, - oqsma ekonomiċi u finanzjarji sabiex ikun hemm tkabbir, impjiegi u investiment, - l-qafas multifinanzjarju post-2020; - is-settur marittimu - Brexit: tema li se tiddomina parti sostanzjali tal-aġendi ewropej fix-xhur u snin li ġejjin. Hemm il-prijorita tagħna se tkun li jiġu mħarsa d-drittijiet taċ-ċittadini.

Intrapriżi li bbenefikaw mill-iskema Business Advisory Services

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm intrapriżi bbenefikaw mill-iskema Business Advisory Services bejn is-sena 2014 u d-data sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li 182 il-intrapiża bbenefikat taħt l-iskema tal-Business Advisory Services mill-2014 sa l-aħħar ta’ Settembru 2017.

WSC – ċertifikazzjoni ta’ kwalità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’ċertifikazzjoni ta’ kwalità tħaddan il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma tħaddan ċertifikazzjoni ta’ ISO9001 fuq l-operat kollu tagħha u l-postijiet tal-operat tagħha. Għandha wkoll ċertifikat ta’ l- ISO14001 fi tlett postijiet speċifiċi u l-operat li jsir fihom, li huma l-operat kollu li jsir f’Ħal Luqa Head Office, dak li jsir f’ Kandja Pumping Station kif ukoll fl-impjant ta’ Pembroke. Iż-żewġ ċertifikazzjonijiet ingħataw mill-kumpanija SGS UK Ltd. Apparti minn hekk il-laboratorju fi ħdan il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma huwa ukoll laboratorju akkreditat għal- ISO17025 mill-NAB-MALTA.

Ilma tax-xorb — Testijiet fuq ilma li jasal fid-djar tal-konsumaturi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ testijiet isiru fuq l-ilma tax-xorb li jasal fid-djar tal-konsumaturi? Kemm il-kampjun ittieħed matul is-sena 2016 u kemm-il test sar?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ilma tax-xorb li jasal fid-djar tal-konsumaturi huwa ċċekkjat għall-kwalità skont ma’ titlob id-direttiva tal-ilma tax-xorb tal-Unjoni Ewropea li hija wkoll il-Liġi Maltija. It-testijiet li jsiru huma ta’ natura kimika u fiżika kif ukoll mikrobioloġika. Matul is-sena 2016 ġew ittestjati 1,304 kampjun minn diversi lokalitajiet madwar Malta u Għawdex u dawn irriżultaw f’ 27,724 ta’ testijiet speċifiċi.

Direttorat tat-Teknoloġija u l-Informatika – investiment mill-Water Services Corporation

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’investiment sar mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma fid-Direttorat tat-Teknoloġija u l-Informatika? X’kien ir-riżultat ta’ dan l-investiment?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tul dawn l-aħħar snin, fil-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma nbena 'team' speċjaliżżat fl-informatika. L-għan ewlieni kien li jsir 'knowledge transfer' mingħand il-kuntrattur ewlieni li kien jagħti support lill-Korporazzjoni u jiġu ffrankati ħafna flus. Bis-saħħa ta’ dan it-team, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma naqqset ħafna d-dipendenza fuq il-kuntrattur ewlieni u ġew frankati miljuni ta' ewro li kienu jintefqu fuq 'support' tas-sistema. Mis-sena d-dieħla l-Korporazzjoni ser tkompli tinvesti aktar sabiex isir 'upgrade' tas-sistema u l-infrastruttura tal-Automated Meter Management (AMM).

Telf ta’ ilma li jkun ġej minn serq jew problemi ta’ ħsarat fil-meters

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu jsir mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma biex jitnaqqas it-telf ta’ ilma li jkun ġej minn serq u/jew problemi ta’ ħsarat fil-meters? Jista’ l-Ministru jagħti rendikont dwar kemm saru spezzjonijiet mill-Korporazzjoni relatati ma’ serq tal-ilma fl-2016 u sad-data li fiha titwieġeb din il-mistoqsija?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fid-direttorat tal-informatika, ġie mwaqqaf team li jiffoka fuq l-analiżi tad-'data' li tkun dieħla mis-sistema tal-Automated Meter Management. Dan it-team iħares u janaliżża d-data tal-konsum tal-meters fuq perjodi differenti u jiġu identifikati dawk il-meters li jkun jeħtieġ isirilhom spezzjonar. Wara li ssir l-ispezzjoni, dan it-team ikompli jsegwi dawn il-każijiet sabiex jassigura ruħu li l-problema ġiet solvutha u l-konsum reġistrat huwa dak korrett. Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma matul is-sena 2016 għamlet 684 spezzjoni relatati ma’ serq tal-ilma filwaqt li minn Jannar sa’ Lulju 2017 diġa kienet għamlet 597 spezzjoni.

Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma – pjan fil-qasam tal-enerġija rinovabbli

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-pjan tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma fil-qasam tal-enerġija rinovabbli?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara li din is-sena jiġi ffinaliżżat il-proġett ta’ communal solar farmfuq il-bejt tal-ġibjun tal-Fiddien, fejn sejjer jiġi ġġenerat 1 megawatt peak ta’ Enerġija fis-sena li minnu sejrin igawdu madwar 370 familja, l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qed tara x’possibiltajiet hemm biex issib iktar spazji biex tutiliżżahom ħalli jiġu nstallati aktar panelli fotovoltaiċi bil-ħsieb li għas-sena d-dieħla, Malta tkun tista’ tgawdi minn aktar minn 2 megawatt fis-sena ta’ enerġija rinovabbli oħra.

Awtorità tal-Artijiet – sistemi preżenti tal-informatika

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma s-sistemi preżenti tal-informatika u dawk maħsubin għall-futur fl-Awtorità tal-Artijiet?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil Onor. Interpellant li preżentament l-Awtorita ta’ l-Artijiet tagħmel u¿u min diversi sistemi li ilhom jintużaw għal snin twal, u li teknoloġikament wasslu fl-“end of life cycle“ taghhom, teknoloġija li spiċċat u m’għadix tiġi żviluppata.Għalhekk l-Awtorita beħsieba tinvesti sostanzjalment fi xhur u snin li ġejjin sabiex tkun tista taqdi il-funzjonijiet tagħha b’effiċenzja, kontabilta’ u trasparenza. Dawn jinkludu sistema integrata sħiħa li tkopri kull direttorat u funzjoni ta’ l-Awtorita.

Awtorità tad-Djar – applikazzjonijiet għall-akkomodazzjoni soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ applikazzjonijiet li għandha fil-preżent l-Awtorità tad-Djar ta' nies li qed jistennew akkomodazzjoni soċjali? Minn din il-lista, jista' jgħid mil-liema lokalità f’Malta u f’Għawdex ġejjin dawn l-applikazzjonijiet?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-informazzjoni mitluba minnu hija kif muri fit-tabella t’hawn taħt: Lokalita' minn fejn qed japplikaw l-klijenti Total Attard 25 Balzan 23 Birkirkara 186 Birzebbuġia 119 Burmarrad 01 Cospicua 143 Dingli 07 Fgura 88 Floriana 45 Fontana Għawdex 03 Għajnsielem Għawdex 05 Għargħur 15 Għaxaq 19 G'Mangia 02 Gudja 12 G¿ira 91 Ħamrun 148 Iklin 08 Kalkara 21 Kappara 01 Kerċem Għawdex 02 Kirkop 16 Lija 04 Luqa 29 Marsa 89 Marsalforn Għawdex 08 Marsaxlokk 11 Mdina 02 Mellieħa 24 Mġarr 12 Mosta 92 Mqabba 10 Msida 87 Mtarfa 15 Munxar Għawdex 04 Nadur Għawdex 06 Naxxar 49 Paceville 01 Paola 135 Pembroke 15 Pieta' 51 Qala Għawdex 04 Qormi 130 Qrendi 20 Rabat 48 Rabat Għawdex 12 Safi 24 San Ġwann 88 San Lawrenz Għawdex 01 Sannat Għawdex 05 Senglea 74 Siġġiewi 36 Sliema 69 San Ġiljan 41 San Pawl il-Baħar 221 Santa Luċija 28 Santa Venera 63 Swieqi 09 Ta' Xbiex 10 Tarxien 60 Valletta 162 Vittoriosa 42 Wied il-Għajn 119 Xagħra Għawdex 03 Xewkija Għawdex 02 Xgħajra 28 Zabbar 96 Zebbuġ 71 Zebbuġ Għawdex 08 Zejtun 63 Zurrieq 51 3212

Awtorità tad-Djar – proġetti u xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jaġġorna lil din il-Kamra dwar il-proġetti u x-xogħol li qed tagħmel l-Awtorità tad-Djar biex ittaffi l-problemi ta' housing u tinqata’ l-lista ta' stennija li hemm, darba għal dejjem?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-Awtorita’ tad-Djar tinsab għaddeja b’ħidma fuq 16-il sit f’lokalitajiet diversi madwar Malta sabiex tibni ‘l fuq minn 680 appartament ġdid. Ix-xogħlijiet f’dawn is-siti jinsabu fi stadju ta’ skavar u huwa mistenni li dawn ikunu lesti bejn sentejn u tliet snin oħra. Din hija biss mizura waħda minn bosta biex il-lista ta’ stennija titnaqqas b’mod drastiku. Mizuri oħra skemi ġodda fejn b’arranġamenti mal-banek kummerċjali jgħinu aktar ċittadini jsiru sidien ta’ darhom u b’hekk ma jibqgħux fuq il-lista ta’ stennija. Għaddejja wkoll skema biex l-Awtorita’ izzid l-istokk ta’ units għal skop ta’ housing soċjali, u fil-futur qrib ser toħroġ skema oħra ġdida fejn tħajjar sidien ta’ residenzi mhux uzati biex dawn jiġu rranġati u jinkrew għal skop ta’ housing soċjali. Barra minn hekk, tħabbru mi¿uri oħra fil-Baġit li għadda li d-dettalji dwarhom se jkunu qed jitħabbru dalwaqt.