Konverżjoni ta’ Eks Sptar Navali fl-Imtarfa fi Skola Internazzjonali
Question
Jista’ l-Ministru jispjega x’benefiċċji se jkun qed jiggwadanja minnhom pajjiżna, bil-konverżjoni tal-eks-Sptar Navali fl-Imtarfa fi skola internazzjonali?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li din l-iskola internazzjonali se tkun immirata għal tfal ta’ persuni barranin li jkunu qed jgħixu u jaħdmu f’pajjiżna. Din se tippermettilhom li jistudjaw kurrikulu bi standards internazzjonali, liema kurrikulu se jkun jista’ jitkompla f’pajjiżhom la darba jitilqu minn Malta. Din l-iskola se tkun qed tattira aktar familji barranin biex jiġu jgħixu u jaħdmu f’pajjiżna, hekk kif permezz ta’ din l-iskola internazzjonali, uliedhom se jkunu qed jibbenefikaw minn kontinwita’ fl-istudju tagħhom.
Mill-banda l-oħra, anke l-poplu Malti se jkun qiegħed jibbenefika minn din l-iskola hekk kif ta’ kull sena l-operaturi tagħha se jkunu marbuta li joffru numru ta’ boroż ta’ studju lill-istudenti Maltin u Għawdxin mingħajr l-ebda ħlas.
Jista’ l-Ministru jindika fiex wasal il-proġett tar-riġenerazzjoni ta’ Birżebbuġa li kien imwiegħed fil-Baġit 2017? Liema entitajiet huma involuti f’dan il-proċess u sa meta se jkun ippubblikat il-pjan?
Response (MIZZI, KONRAD)
Saru diversi laqgħat ma’ diversi stakeholders sabiex ikun ippreparat dan il-Pjan ta’ Riġenerazzjoni għal Birżebbuġa fosthom mal-Kunsill Lokali, Komunita’ Kummerċjali, Għaqdiet Volontarji, LEAP, Heritage Malta, ERA, Planning Authority, Malta Freeport, GDP, Uffiċjali responsabbli mill-Portijiet, Transport Malta, Sports Malta, il-Ministeru għall-Ambjent, Ministeru għall-Edukazzjoni, kif ukoll laqgħat mal-pubbliku.
Żona tal-Kottonera, Ftuħ tal-Università Amerikana u l-proġett ta’ Smart City – mitigazzjoni tal-problemi tat-traffiku
Question
B’liema mod il-Ministru se jkun qiegħed jimmitiga l-problemi tat-traffiku li mistennija jiżdiedu fin-nofsinhar ta’ Malta fid-dawl tal-proġetti li se jsiru fiż-żona tal-Kottonera, fosthom il-ftuħ tal-Università Amerikana u l-proġett ta’ Smart City?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Grand Harbour Regeneration Corporation — interventi
Question
Jista’ l-Ministru jgħarraf x’interventi għamlet il-Grand Harbour Regeneration Corporation (GHRC) fi Triq id-Dejqa, il-Belt Valletta, matul l-2017?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ġejt infurmat mill-GHRC li fi Triq id-Dejqa, l-Belt installat ħamsin (50) lanterna bi stijl Vittorjan u b’teknoloġija ta’ LED matul it-triq kollha, li jinkludi stallazzjoni ta’ elettriku ġdid ukoll. Dawn twaħħlu minflok tmien (8) lampi konvenzjonali li kien hemm qabel.
Proġett tal-Biskuttin u Pjazza ta’ Tritoni — konsultazzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jgħarraf x’konsultazzjoni saret fit-tfassil tal-proġett tal-Biskuttin u Pjazza ta’ Tritoni b’mod partikolari dwar aċċessibbiltà għal persuni b’diżabbiltà?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġejt infurmat li fil-fażi tal-ippjanar tal-proġett, il-GHRC għamlet diversi laqgħat ma’ numru ta’ stakeholders fosthom il-Kummissjoni Nazzjonali għal Persuni b’Diżabilita’ (KNPD). Mal-Kummissjoni, il-GHRC pproponiet, u eventwalment intlaħaq qbil, li l-pavimentar mill-Biskuttin sad-daħla tal-Belt ikun indikattiv għal persuni neqsin mid-dawl. Dan huwa l-ewwel proġett tax-xorta tiegħu f’Malta fejn pjazza sħiħa ser tkun ukoll għall-użu aktar komdu mill-persuni neqsin mid-dawl.
Korp tal-Pulizija — Victim Support Unit – programmi televiżivi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Victim Support Unit jipparteċipax fi programmi televiżivi u/jew radjufoniċi? Jekk iva, x’kienet din il-parteċipazzjoni fix-xhur ta’ bejn Jannar u Lulju 2017?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat illi l-Victim Support Unit jipparteċipa fi programmi televiżivi u radjufoniċi. Infurmat illi bejn Jannar u Lulju ta' din is-sena kien mistieden fi tliet okkażjonijiet li kienu jikkonsistu f'żewġ programmi televiżivi u wieħed fuq ir-radju.
Jista’ l-Ministru jgħid minn meta bdiet topera s-sezzjoni interna fi ħdan il-Korp tal-Pulizija, bl-isem ta’ Police Counselling Unit? X’servizzi toffri? Teżisti xi tip ta’ statistika ta’ min ġie assistit minn din il-unit mit-twaqqif tagħha u b’liema mod ġew assistiti l-persuni konċernati?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat illi s-Sezzjoni fi ħdan il-Korp tal-Pulizija, bl-isem ta’ Police Counselling Unit bdiet topera uffiċjalment mis-7 ta’ April 2017. Din toffri servizzi ta’ appoġġ psikoloġiku lir-rekluti, pulizija u persuni ċivili (impjegati mad-Department tal-Pulizija) sabiex tipprovdi għall-iżvilupp u benessri psikosoċjali tagħhom mir-reklutaġġ sal-irtirar. L-għan prinċipali ta’ dan is-servizz huwa li b'diversi funzjonijiet relatati, jippreveni, itaffi u jirriċerka reazzjonijiet għal stress negattiv fi ħdan il-membri tal-Korp. Dettalji dwar assistenza li ngħatat mill-Police Counselling Unit bejn ix-xahar ta’ April sal-lum 18 ta’ Settembru 2017 kien kif jidher fit-tabelli t'hawn taħt:
Persuni assistiti mill-‘Police Counselling Unit’.
Spettur/ oħrajn
Surġent
Kuntistabbli
Persunal Ċivili
Persuni taħt taħriġ
Familjari
Total
3
30
49
-
3
6
91
Tip ta’ għajnuna mgħotija.
Għajnuna provduta
Total
Appoġġ emozzjonali
7
Ġestjoni tal- istress wara inċident
38
Informazzjoni
38
Riferut lejn servizzi ta’ appoġġ barra mill-Korp
7
Sessjoni ta’ counselling
51
Seduti li tħejjew mill-Uffiċċju Prinċipali taċ-Ċitazzjonijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru seduti li tħejjew mill-Uffiċċju Prinċipali taċ-Ċitazzjonijiet minn Jannar ta’ din is-sena? Teżisti statistika dwar in-numru ta’ każi li mexxa dan l-Uffiċċju fl-istess perjodu?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat illi minn Jannar 2017 sa nofs ix-xahar ta' Settembru tal-istess sena, l-Uffiċċju Prinċipali taċ-Ċitazzjonijiet ħejja tliet mija u żewġ seduti (302). F'dan il perjodu l-istess uffiċċju mexxa sebat elef u tnax-il każ (7,012).
Pulizija ta’ Malta – skorti Presidenzjali u oħrajn
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ipprovdiet skorti Presidenzjali u oħrajn, il-Pulizija ta’ Malta matul il-perjodu Jannar u Lulju 2017? Jista’ jgħid ukoll kemm-il darba attendew fil-Korsa tal-Marsa b’konnessjoni mat-tiġrijiet taż-żwiemel fl-istess perjodu?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat illi l-ammont ta' skorti li pprovdiet it-Taqsima tal-Kavallerija tal-Pulizija matul il-perjodu Jannar sa Lulju 2017, kien kif jidher fit-tabella t'hawn taħt. Din it-tabella tinkludi wkoll dettalji dwar kemm-il darba membri tal-istess taqsima attendew għal-xogħol fil-Korsa tal-Marsa, b’konnessjoni mat-tiġrijiet taż-żwiemel fl-istess perjodu.
Xahar
Skorti Presidenzjali
Skorti ta' Ambaxxaturi
Xogħol waqt tiġrijiet fil-Korsa tal-Marsa
Jannar 2017
-
-
-
Frar 2017
-
3
5
Marzu 2107
-
4
5
April 2017
-
3
5
Mejju 2017
2
-
7
Ġunju 2017
-
3
7
Lulju 2017
1
-
5
Total
TOTAL
3
13
34
Memorandum of Understandings pendenti — Pajjiżi Ewropej, Ażjatiċi u tal-Amerika ta’ Isfel
Question
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm-il Memorandum of Understanding hemm pendenti kemm ma’ pajjiżi Ewropej, kif ukoll ma’ pajjiżi tal-Amerika ta’ Isfel u dawk Ażjatiċi?
Response (ABELA, CARMELO)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa hemm 18-il Memoranda ta’ Ftehim pendenti ma’ pajjiżi Ewropej, ma’ pajjiżi tal-Amerika ta’ Isfel u ma’ pajjiżi Ażjatiċi.
It-tabelli t’hawn taħt juru kemm-il Memoranda ta’ Ftehim hemm pendenti għal kull kontinent, kif ukoll liema huma dawn il-Memoranda ta’ Ftehim.
Kontinent
Numru ta’ Ftehim
Amerika t’Isfel
8
Asja
7
Ewropa
7
Pajjiżi Ażjatiċi
Pajjiż
Ftehim Pendenti
L-Aħħar Informazzjoni
Il-Bangladesh
Memorandum ta’ Ftehim bejn l-Bangladesh Foreign Service u l-MEDAC
Qed isiru taħdidtiet bejn il-partijiet konċernati bl-għajnuna tal-Ministeru.
L-Indoneżja
Ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja.
Negozjati bejn Malta u l-Indoneżja fuq ftehim dwar it-Taxxa Doppja għadhom għaddejin. Il-konklużjoni ta’ dan il-ftehim jagħti lok għal iktar investiment u kummerċ bejn iż-żewġ pajjiżi.
Il-Korea ta’ Isfel
Tiġdid tal-‘Memorandum ta’ Ftehim fuq Kooperazzjoni bejn il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin ta’ Malta u l-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u l-Kummerċ tar-Repubblika tal-Korea’.
L-abbozz tal-Ftehim intbagħat f’Seoul f’April tal-2015, u qed jiġi ikkunsidrat min-naħa Koreana.
Iċ-Ċina
Memorandum ta’ Ftehim fuq kooperazzjoni fil-qasam tal-affarijiet marittimi.
L-abbozz ser jiġi diskuss f’laqgħa ma’ delegazzjoni mill-Amministrazzjoni tal-Istat Oċean (SOA) Ċiniz fil-marġini tar-raba’ Konferenza Internazzjonali ‘Because Our Ocean’ bejn l-4 u s-7 ta’ Ottubru 2017.
Memorandum ta’ Ftehim fuq ir-Rikonoxximent Reċiproku ta’ Lawrji Ogħla, Diplomi u Ċertifikati.
Il-Ministeru tal-Edukazzjoni u tal-Impjieg ikkuntattja lill-Ministeru tal-Edukazzjoni taċ-Ċina sabiex il-proċess tal-applikazzjoni inkorporata f’dan l-MOU, li ġie iffirmat fl-2013, jitwessa biex jinkludi żewġ istituzzjonijiet edukattivi addizzjonali.
Il-Mongolja
Memorandum ta’ ftehim dwar konsultazzjonijiet politiċi.
Il-Memorandum lest biex jiġi iffirmat.
Memorandum ta’ ftehim fuq kooperazzjoni fil-kultura, lis-sport u t-turiżmu.
L-abbozz tal-Ftehim ntbagħat minn naħa Maltija f’Jannar tal-2016. Il-Ministeru kompla jsegwi żviluppi fuq l-abbozz, anki waqt l-ASEM summit li seħħet fil-Mongolja f’Lulju ta’ 2016, u qed jistenna reazzjoni min-naħa Mongola.
L-Amerika Ċentrali u l-Amerika Latina
Pajjiż
Ftehin Pendenti
L-Aħħar Informazzjoni
L-Arġentina
Memorandum ta’ Ftehim fil-Qasam tal-Isports
Qegħdin nistennew risposta mill-Gvern tal-Arġentina.
Il-Bolivja
Memorandum ta’ Ftehim dwar Kwalifiċi Komuni
Qegħdin jsiru taħdidiet mad-dipartimenti Maltin ikkonċernati (Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol)
Il-Brażil
Memorandum ta’ Ftehim fil-Qasam tat-Turiżmu
Qegħdin nistennew risposta mill-Gvern tal-Brażil
Memorandum ta’ Ftehim dwar Kwalifiċi Komuni
Qegħdin nistennew risposta mill-Gvern tal-Brażil
L-Ekwador
Memorandum ta’ Ftehim dwar Kwalifiċi Komuni
Qegħdin nistennew risposta mill-Gvern tal-Ekwador
Il-Messiku
Memorandum ta’ Ftehim dwar Konsultazzjoni Bilaterali
Il-ftehim maqbul u lest biex jiġi iffirmat. Dan ħa jiġi iffirmat mal-ewwel oppurtunità.
Il-Panama
Memorandum ta’ Ftehim dwar Konsultazzjoni Bilaterali
Qegħdin nistennew risposta mill-Gvern tal-Panama.
Il-Peru
Memorandum ta’ Ftehim dwar Kwalifiċi Komuni
Qegħdin nistennew risposta mill-Gvern tal-Peru.
Ewropa
Pajjiż
Ftehim Pendenti
L-Aħħar Informazzjoni
Il-Montenegro
Memorandum ta’ Ftehim fil-qasam tal-edukazzjoni bejn il-Gvern tar-Republikka ta’ Malta u l-Gvern tal-Montenegro
Qegħdin nistennew risposta mill-Gvern tal- Montenegro sabiex jiġi iffirmat il-Memorandum ta’Ftehim.
Il-Polonja
Memorandum ta’ kooperazzjoni bejn Il-Ministeru tal-Familja u s-Solidarjeta` Soċjali tar-Repubblika ta’’ Malta u l-Ministeru tax-Xogħol u l-Politika Soċjali tar-Repubblika tal-Polonja
(L-idea dwar il-kooperazzjoni ġiet min-naħa tal-awtoritajiet Maltin iżda l-ewwel abbozz ġie proponut min-naħa Pollakka). Sa Settembru 2017 għadhom għaddejjin it-taħdidiet interni mill-Ministeru tal-Familja u Solidarjeta Soċjali.
Ir-Rumanija
Ftehim ta’ Kooperazzjoni bejn il-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal, u Solidarjeta Soċjali tar-Repubblika ta' Malta, u l-Ministeru tax-Xogħol, Familja, Protezzjoni Soċjali, u l-Anzjani tar-Rumanija.
Il-Ftehim huwa lest għal-firma. Qegħdin nistennew risposta mill-Gvern tar-Rumanija sabiex il-Ftehim ikun jista’ jiġi ffirmat.
Is-Serbja
Memorandum ta’ Ftehim bejn il-Gvern tar-Repubblika ta’ Malta u l-Gvern tar-Repubblika tas-Serbja dwar il-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu ta’ narkotiċi u sustanzi psikotropiċi, il-kriminalità organizzata u t-terroriżmu internazzjonali.
Peress li l-abbozz ta’ dan il-ftehim kien pendenti għal ħafna snin, bħalissa għaddejin konsultazzjonijiet interni f’Malta sabiex jiġi stabbilit jekk il-ftehim għandux ikun rivedut u jerġgħux jinfetħu n-negozjati.
Is-Slovenja
Memorandum ta’ Ftehim fuq Kooperazzjoni fl-Oqsma tal-Edukazzjoni u l-Isport.
Dan l-abbozz ġie ippreżentat min-naħa Slovena. Il-Ministeru tal-Edukazzjoni qed jevalwa l-abbozz.
L-Estonja
Memorandum ta’ Ftehim fuq Kooperazzjoni f’Servizzi ta’ eGovernment
Qegħdin nistennew risposta mill-Gvern tal-Estonja.
L-Italja
Emendi fl-MoU ta' kollaborazzjoni fid-Difiża bejn Malta u l-Italja
L-awtoritjiet Taljani infurmaw li xtaqu xi tibdil/ emendi f’dan l-MoU. L-awtoritajiet Maltin bagħtu l-kummenti f’April 2017. Qegħdin nistennew risposta mill-Gvern Taljan
Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħol qiegħed jitwettaq u hu ppjanat li jitwettaq, f’żoni ta’ Natura 2000?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pjanijiet ta’ tmexxija tas-siti Natura 2000, li ġew approvati mil-Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima fl-2016, komplew jiġu implimentati, b'attivitajiet f’bosta nħawi. Xogħlijiet għaddejjin jinkludu attivitajiet fil-Qala ta’ Santa Marija u r-Ramla tat-Torri għall-ħarsien tal-għaram tar-ramel, it-tneħħija ta’ speċi barranin u aljeni f’xi siti bħal f’Kemmuna; kif ukoll xogħlijiet li huma għaddejjin jew qed jiġu ppjanati fi nħawi bħall-Għadira s-Safra, il-Magħluq ta’ Marsaskala, il-Ballut ta’ Marsaxlokk, l-Għadira, is-Simar, il-Buskett u l-Majjistral Park. Minbarra minn dan, il-Ministeru għall-Ambjent, l-Iżvilupp Sostenibbli u t-Tibdil fil-Klima qiegħed jaħdem biex isaħħaħ il-ħidma tal-ERA fuq dawn il-pjanijiet permezz ta’ Ambjent Malta.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il tunnellata ta’ skart u speċi aljeni tneħħew fl-aħħar azzjoni tal-ERA fuq Kemmuna?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tal-Ambjent u Riżorsi, flimkien mal-PARKS u l-Wasteserv ġabret 9 tunnellati ta’ skart ġenerali, 30 tunnellata ta’ skart tal-metall, 2 vetturi fi tmiem żmienhom u 33 tunnellata ta’ Agave u speċi aljena oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid x’progress qed isir fuq l-immaniġġjar ta’ żoni proposti bħala Żoni Marittimi Mħarsa?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol għaddej fuq żewġ binarji: l-għażla ta’ Żoni Protetti fil-Baħar ġodda u l-immaniġjar tagħhom.
Dwar siti protetti ġodda, qed tingħata attenzjoni speċifika għas-sikkek u l-għerien fil-baħar wara r-riżultati tal-Proġett LIFE Baħar għal Natura 2000, li għadu għaddej. Sar ukoll seminar internazzjonali dwar “Żoni fil-Mediterran: Qsim ta' Kompetenza għal Konservazzjoni Effettiva” f’ nofs Settembru 2017, ma’ diversi esperti nazzjonali u internazzjonali, inklużi rappreżentanti tal-Kummissjoni tal-UE.
Dwar it-tmexxija ta’ siti protetti fil-baħar, il-proċess biex jitlestew il-Pjanijiet ta’ Tmexxija nbeda fl-aħħar tal-2016, u bħalissa għaddej minn fażi ta’ konsultazzjoni mal-istakeholders ewlenija.
Minbarra dan, l-emfasi tal-ERA hija wkoll fuq siti li mhumiex imħarsa, permezz tal-kopertura tal-Programm Nazzjonali ta' Monitoraġġ tal-Baħar li qiegħed jiġi implimentat mill-ERA bħalissa.
Fondi mill-Unjoni Ewropea għall-immaniġġar tal-iskart
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kienx hemm xi fondi mill-Unjoni Ewropea li jindirizzaw l-immaniġġjar tal-iskart? U jekk iva, jistgħu jingħataw id-dettalji?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-iskart u l-ekonomija ċirkolari huma priorità f’Malta u hemm diversi fondi Ewropej li huma acċċessibbli u jikkontribwixxu sabiex Malta tersaq aktar lejn il-miri dwar ir-riċiklaġġ taħt obbligi tal-UE. Il-Ministeru applika kemm għall-fondi li jipprovdu aktar għarfien u innovazzjoni u kif ukoll qed jaħdem sabiex jaċċessa fondi ta’ tip infrastruttali. Dawn jinvolvu fondi amministrati nazzjonalment bħal European Strategic and Investment Fund kif ukoll fondi oħra amministrati ċentralment mill-Kummissjoni tal-Unjoni Ewropea. Għal aktar informazzjoni fuq dawn, ngħarraf lill-Onor. Interpellant sabiex jitlob din l-informazzjoni mill-Ministeru tal-Affarijiet Ewropew u l-Ugwaljanza.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta’ Fondi Ewropej li kienu allokati għal monitoraġġ marittimu u x’se jkunu eżattament ir-riżultati ta’ dawn il-proġetti?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Programm Nazzjonali ta’ Monitoraġġ tal-Baħar beda jiġi implementat f’Ġunju ta’ din is-sena permezz tal-proġett EMFF 8.3.1, li huwa parzjalment iffinanzjat taħt il-Fond EMFF għall-2014-2020. Il-fondi eliġibbli taħt l-EMFF huma ta’ 1.6 miljun ewro, li minnhom €400,000 huma il-kontribuzzjoni nazzjonali ta’ Malta. Il-proġett innifsu se jiswa iżjed mill-fondi eliġibbli, b’total ta’ €1,774,000. Dan huwa proġett ta’ sentejn dwar monitoraġġ ambjentali tal-baħar li se jagħti aktar dejta, tagħrif u għarfien fuq il-baħar, u se jwassal għall-implimentazzjoni tal-Pjan Nazzjonali ta’ Monitoraġġ fil-Baħar u t-twettiq ta’ diversi obbligi taħt ir-Regolamenti dwar Qafas fil-Politika Ambjentali tal-Baħar u r-Regolamenti dwar il-Protezzjoni tal-Flora, Fawna u Ambjenti Naturali. Il-proġett ħa jrendi wkoll il-produzzjoni ta’ database fejn l-informazzjoni li ser tinġabar permezz ta’ dan il-proġett, kif ukoll dejta u tagħrif ieħor relevanti, tkun tista’ tiġi miġbura b’mod ċentralizzat u tkun aktar aċċessibbli.
Pazjenti li ħadu l-kura miċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kien hemm pazjenti li ħadu l-kura miċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo sal-aħħar ta’ Awwissu 2017?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi n-numru ta’ attendenzi fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo bejn Jannar u Awwissu ta’ din is-sena kien ta’ 58,216.
Jista’ l-Ministru jirraporta dwar il-progress fix-xogħlijiet li qed isiru fi Triq Alfredo Cachia Zammit fiż-Żejtun fejn ix-xogħlijiet fiha issa ilhom għaddejjin ix-xhur b’inkonvenjent kbir kemm għar-residenti kif ukoll għan-negozji ta’ din it-triq? Jista’ jagħti data tentattiva għal meta huwa maħsub li dawn ix-xogħlijiet jitlestew?
Response (BORG, IAN)
Ninforma l-Onor. Interpellant li ladarba x-xogħlijiet qed jistennew l-aħħar tħejjijiet u approvazzjoni neċessarja mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC), nitlob lill-Onorevoli interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' ħaddiema barranin li għandhom permess biex jaħdmu f'Malta li huma rreġistrati ma' Jobsplus? Jista' jgħid kemm minnhom ġejjin minn pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea u kemm minnhom ġejjin minn pajjiżi terzi? Teżisti statistika dwar kemm ħaddiema barranin jaħdmu fuq il-gżira Għawdxija u jekk iva, kemm huwa dan in-numru? Jista' jinforma lil din il-Kamra x'passi tieħu Jobsplus biex kemm jista' jkun jiġi kkontrollat l-abbuż ta' ħaddiema barranin li jistgħu jkunu qed jaħdmu Malta illegalment?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li skont l-informazzjoni li għandha l-Jobsplus, in-numru ta’ persuni barranin li jaħdmu f’Malta u għandhom formola ta’ bidu ta’ impjieg fl-aħħar ta’ Marzu 2017 kien ta’ 37,717-il persuna. Minn dawn 27,334 persuna kienu ġejjin minn pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li 10,383 persuna huma minn pajjiżi terzi.
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni li għandha l-Jobsplus fuq kemm hemm barranin jaħdmu fuq il-gżira Għawdxija hija indikattiva minħabba li numru ta’ kumpaniji kbar ikollhom l-indirizz fuq Malta però ikollhom nies li jaħdmu f’Għawdex. Għaldaqstant tintuża statistika bbażata fuq ir-residenza tal-impjegati. F’dan il-każ in-numru ta’ persuni barranin li r-residenza hija Għawdex u li kienu qed jaħdmu kien ta’ 1,295 persuna (1,107 mill-Unjoni Ewropea u 188 minn pajjiżi terzi).
Sabiex jiġi kkontrollat l-abbuż ta' ħaddiema barranin li jistgħu jkunu qed jaħdmu f’Malta jew f’Għawdex illegalment, Jobplus għandha fi ħdanha sezzjoni ta’ spettorat li tagħmel spezzjonijiet regolari fuq il-lant tax-xogħol f’oqsma differenti tal-ekonomija. Meta jinstabu persuni jaħdmu li mhux reġistrati mal-Jobsplus, tittieħed azzjoni sabiex dawn l-impjiegi jiġu regolarizzati. Jekk dawn l-azzjonijiet jiġu injorati, tittieħed azzjoni kontra min jimpjega billi dawn jittellgħu l-Qorti.