Tista' l-Ministru tgħid fiex wasal ir-restawr tal-Mitħna tax-Xewkija, li kien propost fil-budget għas-sena 2017? Meta hu mistenni li jitlesta dan ix-xogħol ta' restawr u kemm intefaq fuq dan ix-xogħol ta' restawr sa issa? Min qed jagħmel dan ix-xogħol u kif ġie magħżul?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li nħarġet sejħa għall-offerti għal xogħlijiet ta' restawr tal-bini tal-Mitħna waqt li s-sejħiet għall-offerti għall-materjal tal-mekkaniżmu magħha qed jiġu finalizzati. Ix-xogħol tar-rijabilitazzjoni tal-Mitħna kollha hu mistenni li jitlesta sal-aħħar tas-sena 2019.
Tista' l-Ministru tgħid fiex wasal ir-restawr fuq l-Għar ta' Kalipso fix-Xagħra, li kien propost fil-budget għas-sena 2017? Meta hu mistenni li jitlesta dan ix-xogħol ta' restawr u sa issa kemm intefaq fuq dan ix-xogħol ta' restawr? Min qed jagħmel dan ix-xogħol u kif ġie magħżul?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninsab infurmata li qed jitħejjew it-tenders sabiex jiġi kkonsolidat l-Għar ta’ Kalipso. Ix-xogħol mistenni jitlesta fi żmien sena minn meta jiġi ffinalizzat il-proċess ta’ tendering.
Testijiet ġeoloġiċi bejn Malta u Għawdex bħala preparazzjoni bies isir it-tunnel
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk it-testijiet ġeoloġiċi bejn Malta u Għawdex bħala preparazzjoni biex isir it-tunnel bejn iż-żewġ gżejjer, humiex lesti u dan peress li fil-budget għas-sena 2017 kien intqal li dawn kellhom isiru kmieni fl-2017? Jekk huma lesti, meta tlestew, x' irriżulta u jekk jistax ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ dawn it-testijiet u kopja tar-rapporti ġeoloġiċi?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpelant li t-testijiet ġeoloġiċi, li se jsiru f’postijiet differenti fuq l-art u fil-baħar, se jibdew fil-ġimgħa li ġejja.
Sub seabed tunnel bejn Malta u Għawdex – sejħa pubblika għad-design, build and operate
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk is-sejħa pubblika għad-design, build and operate għal sub seabed tunnel bejn Malta u Għawdex inħarġitx? Jekk inħarġet, meta kien li ġiet ippubblikata? Meta hu mistenni li min ser jagħmel dan ix-xogħol jiġi magħżul?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sejħa pubblika għad-design, build, maintain and operate għall-mina bejn Malta u Għawdex qegħda tiġi ppreparata, u għandha tiġi ppublikata s-sena d-dieħla.
Devoluzzjoni ta’ aktar responsabilità għal Għawdex – White Paper
Question
Tista' l-Ministru tgħid jekk il-White Paper dwar devoluzzjoni ta' aktar responsabilità għall-gżira ta' Għawdex kif proposta fil-budget għas-sena 2017 ġietx ippubblikata? Jekk ġiet ippubblikata, tista' l-Ministru tpoġġi kopja tagħha fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk sal-lum ma ġietx ippubblikata meta hu maħsub li din il-White Paper se tiġi ppubblikata kif imwiegħda fil-budget għal din is-sena?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 1505.
L-artijiet f'Malta u Għawdex għadhom mhux kollha rreġistrati mar-Reġistru Pubbliku tal-Artijiet. Nifhem li mhijiex ħidma faċli, imma jekk kull biċċa art tkun reġistrata jkun ġie ssimplifikat proċess ta' riċerka burokratika u jiġu ffrankati ħafna flus lil terzi. X'inhi l-prijorità li għandu l-Gvern għal din il-ħidma f'din il-leġislatura? X'inhi l-istrateġija dwar dan ir-Reġistru? Hemm time frames? Kemm huma bħala persentaġġ dawk l-artijiet li huma rreġistrati? Kemm hemm impjegati li jaħdmu f'din it-taqsima proprju biex jirreġistraw l-art?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Nitlob lill-Onor. Interpellanat biex jagħmel il-mistoqsija lill Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jintervjeni biex it-Triq Alfred Cachia Zammit, Żejtun titlesta? Dan peress li l-ħaddiema jmorru jaħdmu ftit siegħat u jitilqu jew jagħmlu ġranet ma jersqux 'l hemm u dan b’detriment għall-ħwienet u għar-residenti tal-lokal? Jista’ wieħed jara li din it-triq titlesta meta tikkunsidra li din inbdiet minn Marzu jiġifieri 7 xhur ilu u għadha fi stat diżastruż?
Awtorità tal-Ippjanar — Abbozz tar-Regolamenti dwar billboards u reklami
Question
Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju wasal il-proċess b'rabta mal-abbozz tar-Regolamenti dwar Billboards u Reklami, 2017, u li l-Awtorità tal-Ippjanar nediet konsultazzjoni pubblika dwarhom, liema abbozz huwa maħsub sabiex jissostitwixxi l-Avviż Legali 103 tal-2016 u ċjoè r-Regolament tal-2016 dwar Billboards u Reklami?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan il-Ministeru jinsab fl-aħħar stadju tal-proċess b'rabta mal-abbozz tar-Regolamenti dwar Billboards u Reklami, 2017, jiġifieri dik li qed issir hija l-aħħar reviżjoni fuq l-abbozz finali qabel ikun ippubblikat.
Awtorità tal-Ippjanar — Abbozz tar-Regolamenti dwar billboards u reklami – sottomissjonijiet, kummenti u proposti
Question
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tas-sottomissjonijiet, kummenti u proposti kollha li rċeviet l-Awtorità tal-Ippjanar bħala parti mill-proċess ta' konsultazzjoni pubblika dwar l-abbozz tar-Regolamenti dwar Billboards u Reklami, 2017, u li l-Awtorità tal-Ippjanar nediet konsultazzjoni pubblika dwarhom, liema abbozz huwa maħsub sabiex jissostitwixxi l-Avviż Legali 103 tal-2016 u ċjoè r-Regolament tal-2016 dwar Billboards u Reklami?
Response (BORG, IAN)
It-tagħrif għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il siġra nqerrdu mill-kuntrattur inkarigat mill-Awtorità għat-Trasport f'Malta fit-twettiq ta' xogħlijiet ta' twessigħ ta' Triq in-Naxxar f'Ħal Lija u l-Iklin matul ix-xahar ta' Lulju 2017? Jista' jgħid ta' liema speċi kienu l-imsemmija siġar?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid meta ser jinbidlu ż-żewġ lifts prinċipali tal-Qorti peress li dawn ikunu bil-ħsara ta' spiss b'detriment kbir għal kull min ikun fil-bini tal-Qorti?
Response (BONNICI, OWEN)
Wara li saru l-processi ta'
procurement
kollha skont il-liġi, ninforma l-Onor. Interpellant li l-pjan hu li ż-żewġ
lifts
principali tal-Qorti jkunu nbidlu sa qabel tmiem din is-sena.
Jista' l-Ministru jgħid meta hu mistenni li jitlesta x-xogħol fuq żewġ awli ġodda flok is-Sala tat-Taħriġ u l-Librerija l-antika fil-bini tal-Qorti?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li x-xogħol fuq iż-żewġ awli ġodda beda. Id-Dipartiment tal-Qrati tal-Ġustizzja ħareġ l-Order to Start Works fl-24 ta’ Awwissu 2017 sabiex ix-xogħol jibda fi żmien ġimgħa. L-kuntrattur għandu sittax il-ġimgħa biex ilesti x-xogħol.
Ħaż-Żebbuġ – Triq l-Indipendenza – resurfacing tat-triq
Question
B’referenza għall-aħħar biċċa tat-Triq l-Indipendenza f’Ħaż-Żebbuġ, fejn hemm joqogħdu familji li biex jidħlu ġo darhom iridu jużaw skalapiża jew ma jistgħux jużaw il-garaxx tagħhom kif ukoll il-parapett ta' darhom qed jintuża bħala aċċess pubbliku. Nifhem li din it-triq ilha mwiegħda għal aktar minn 10 snin u fil-leġislatura l-oħra kien maħsub, , li matul din is-sena (2017) jitkompla r-resurfacing tal-aħħar biċċa ta' din it-triq. Għaldaqstant jista’ l-Ministru jgħid jekk dan għadux ipprogrammat li jseħħ?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpelllant li parti tat-triq imsemmija, ma tistax tigi asfaltata għalissa għax din il-parti ma ġietx iffurmata skont il-linja tat-triq mogħtija mil-Awtorita’ tal-Ippjanar u kif inhu stabbilit skont S.L. 499.57. L-aċċess li hemm preżenti għaddej mill-parapetti tal-istess djar, u għaldaqstant ma’ tistax tiġi asfaltata.
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa ħabbar li ser jinbena Outpatients Blokk ġdida fis-sit tal-helipad f'Mater Dei Hospital. Jista’ jgħid liema huma d-dixxiplini tal-Outpatients li ser jimxu f'dan il-blokk? Jista’ jgħid kemm hi l-ispiża tal-proġett? X'inhi t-target day ta' tlestija u l-migration ta' dan il-proġett? Jista’ l-Ministru jgħid jekk din l-ispiża ser tiġi ffinanzjata b'PFI (Private Funding Investment)? Jekk b'mhux b'PFI b'liema mod ser jiġi ffinazjat?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi kif jaf hu stess miż-żmien li għamel bħala Ministru tas-Saħħa, l-isptar Mater Dei inbena b'nuqqas kbir ta' spazju. Dan jinkludi ukoll nuqqas ta' kliniki għall-out patients. F'dan il-budget il-Gvern ħabbar illi matul is-sena li ġejja se jingħata bidu għal proġett ġewwa Mater Dei li ser iwassal għal carpark ġdida kif ukoll binja tal-outpatients. Bħalissa qiegħed isir il-medical brief, kif ukoll bdew diskussjonijiet mal-Awtorita’ tal-Ippjanar.
Peress li f'Marzu ġie mħabbar mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa li ser iniedi proġett biex jinbena sptar ġdid ta' Mother and Child fl-Isptar Mater Dei fuq is-swali tal-emerġenza fejn intqal li dan ser jiġi ffinanzjat minn PFI (Private Funding Initiative). Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid f'liema stadju wasal dan il-proġett? Inħarġet is-sejħa tal-PPP? Jekk le, f'liema stadju waslet is-sejħa? Jista’ jgħid x'inhuma l-kriterji ta' din is-sejħa? Il-VGH hi eskluża milli tipparteċipa? X'differenza tgħaddi minn Special Purpose Vehicle u Private Funding Initiative?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi bħalissa qiegħed isir il-Cost Benefit Analysis dwar il-proġett tal-Mother and Child. Rigward il-mistoqsija tiegħu dwar x'differenza tgħaddi bejn Special Purpose Vehicle u Private Funding Initiative, ninfurmah illi bħala Ministru għas-Saħħa ma nħossx li hu kompitu tiegħi li nidħol fi spegazzjoni ta' termini ekonomiċi f'din il-kamra.
Sub Seabed Tunnel — Sejħa ta' Design, Build and Operate
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1504 li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Għawdex u li issa ġiet riferuta lilu u ċjoè: Dwar il-proposta ta' konnessjoni permanenti bejn iż-żewġ gżejjer tista' l-Ministru tgħid jekk inħarġitx l-ewwel fażi tas-sejħa pubblika ta' design, build and operate għal sub seabed tunnel ?
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1503 li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Għawdex u li issa ġiet riferuta lilu u ċjoè: B'referenza għad-Diskors tal-Baġit għas-sena 2017 fejn f'paġna 89 ingħad li " Fl-istess ħin sar progress sostanzjali fuq il-konnessjoni permanenti bejn Malta u Għawdex. Kmieni fl-2017 għandhom isiru eżamijiet ġeoloġiċi biex b'dan it-tagħrif se nkunu nistgħu nibnu mudell ġeoloġiku ta' taħt qiegħ il-baħar “ Tista' l-Ministru tgħid jekk dawn l-eżamijiet sarux u jekk fl-affermattiv tgħid x'kienu dawn ir-riżultati?
Testijiet Siżmiċi dwar il-bini ta' mina bejn Malta u Għawdex
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1502 li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Għawdex u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk it-testijiet siżmiċi, dwar bini ta' mina bejn iż-żewġ gżejjer, li saru mill-Università ta' Malta u Transport Malta ġewx konklużi? Jekk fl-affermattiv jista' jagħti informazzjoni dwar dawn ir-riżultati?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-investigazzjonijiet sismiċi fil-kanal bejn Malta u Għawdex waslu fl-aħħar stadju. Madankollu, l-analiżi ta’dawn l-investigazzjonijiet għadha għaddejja, u l-mudell ġeoloġiku, li se jinkludi kemm ir-riżultati tal-analiżi sismika kif ukoll tal-investigazzjonijiet ġeoloġiċi, huwa mistenni li jkun finalizzat lejn l-aħħar tas-sena dieħla.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 828, jista’ l-Ministru jagħti d-dettalji tal-isponsorships li ngħataw mill-Awtorità tat-Turiżmu li rrefera għalihom fit-tweġiba u jgħid kemm-il sponsorship ingħata, lil min u f’kull każ kemm kien l-ammont?
Response (MIZZI, KONRAD)
Nassigura lill-Onor. Interpellant li l-isponsorships li ngħataw mill-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu huma kollha relatati ma’ attivitajiet ta’ natura turistika li l-maġġorparti tagħhom ilhom jiġu sponsorjati għal snin sħaħ. Dawn l-isponsorships jgħaddu mill-iskrutinju ta’ Kumitat imwaqqaf apposta għal dan il-għan. L-isponsorships li ingħataw mill-MTA kienu għal dawn l-attivitajiet:
· Police Week 2017
· FatBoy Slim
· Iċ-Ċittadella Concert
· Malta Military Tattoo 2017
· Mdina Grand Prix 2017
· Treasure Hunt 2017
· Round Malta Kayak Race
· MAHE