Jista’ l-Ministru jgħid x’kien ir-riżultat tal-programm tar-ristrutturar tal-Biċċerija u l-investimenti li saru mill-2013 ’il quddiem?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-investimenti li saru fil-Biċċerija fl-aħħar erba’ snin wasslu sabiex jiġu indirizzati l-issues kollha identifikati mill-awdituri tal-Kummissjoni Ewropea waqt l-ispezzjoni li saret f’Jannar 2013. Matul is-snin li għaddew sar investiment qawwi f’faċilitajiet u tagħmir fil-biċċerija. L-imqawel fejn jintlaqgħu l-annimali ġew mibdula ta’ taħt b’mod li tkun garantita l-iġene u l-benesseri tal-annimali. Tlestew faċilitajiet għall-impjegati b’mod li tkun garantita is-segregazzjoni bejn ħaddiema li jidħlu f’sezzjonijiet differenti tal-linja waqt li tkun grantita l-iġene personali tagħhom. Sar xogħol sostanzjali fuq il-linji tal-qatla nfushom inkluż fuq is-soqfa, ħitan, u t-tagħmir. Fost l-oħrajn inbidlet il-linja tal-majjal kif ukoll bosta tagħmir ieħor. Sar xogħol estensiv fuq is-sistema tad-drenaġġ inkluż bil-bini ta’ blood-room iddedikata biex jinġabar id-demm kollu qabel jintbagħat fl-inċineratur. Inbidlu l-faċilitajiet biex jinħaslu t-trakkijiet tar-raħħala biex b’hekk jitnaqqas ir-riskju ta’ cross-contamination bejn razzett u ieħor. Ġiet installata sistema ta’ arja kkundizjonata fuq il-linji biex b’hekk tkun garantita temperatura adegwata. Ġew rekrutati impjegati ġodda kif ukoll ingħata taħriġ lill-impjegati biex ikunu midħla tal-istandards Ewropej u jimxu magħhom. Bi pjaċir ngħid li frott ta’ dan kollu ġie rreġistrat titjib fil-kwalità tal-laħam ta’ Malta. Ninfurmah ukoll li Awdituri tal-UE li żaru l-impjant fl-2016 kienu impressjonati bl-iżvilupp li sar u faħħru lill-Malta għall-progress li sar.
Biċċerija – miżuri biex jitnaqqas il-konsum tad-dawl u l-ilma
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri ġew implimentati fil-Biċċerija biex jitnaqqas il-konsum tad-dawl u l-ilma u tiżdied l-effiċjenza fil-bini?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-investimenti li saru fil-Biċċerija fl-aħħar erba’ snin, waqt li kienu ntiżi biex iseddqu l-livell ta’ iġene fil-biċċerija, kien żgurat li jkunu energy efficient u/jew jiffaċilitaw il-ġbir u l-ħażna tal-ilma tax-xita. Fost l-oħrajn id-dawl artifiċjali nbidel kollu għal sistemi LED. L-apparat kollu kien żgurat li jkun mill-iktar effiċjenti. Barra minn hekk mistenni joħroġ tender sabiex is-sistema ta’ tisħin tal-ilma tinbidel minn waħda li tuża t-thin fuel oil għal waħda ibbażata fuq gass u solar-water heaters.
Barra minn hekk, wara li saret manutenzjoni estensiva tas-soqfa, dawn inksew bil-
membrane
. Tnaddfet u ġiet restawrata u nżebgħet b’żebgħa
food grade
ġiebja apposta biex tilqa’ l-ilma tax-xita. Tqiegħdet
network
ta’ katusi li mill-bjut inkwestjoni jwasslu għal ġol-ġiebja msemmija. L-aħħar fażi ser tkun l-installazzjoni ta’ sistema ta’ iffiltrar tal-ilma biex ikun żgurat li l-ilma kollu wżat fil-biċċerija jkun ta’ kwalità tajba għax-xorb u b’hekk ikun jista’ jintuża fil-ħasil tal-impjant.
Kunsilli Lokali – xogħlijiet biex jiffaċilitàw l-operat tal-Gvern Ċentrali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’qed isir biex il-kunsilli jew gvernijiet lokali jaħdmu aħjar u b’hekk anke jiffaċilitaw l-operat tal-Gvern Ċentrali?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li bħalissa għaddej proċess ta’ riforma li se jkun qed jagħti żvolta ġdida lill-operat tal-Kunsilli Lokali fir-rispett tal-awtonomija li jgawdu fit-twettiq tad-doveri tagħhom skont l-Artiklu 33 tal-Att dwar il-Kunsilli Lokali. Fil-frattemp qed jittieħdu dawn il-miżuri ewlenin, fost oħrajn:
- Aġġornament tal-proċeduri dwar ix-xiri (procurement)billi jinħarġu regolamenti ġodda u linji gwida.
- Aġġornament tal-Istqarrijiet Finanzjarji tal-Kunsilli Lokali biex ikun hemm modernizzar tal-preżentazzjoni tad-dħul u l-infiq
- Direzzjoni lil Kunsilli Lokali li jinsabu b’defiċit u sabiex dawn jirregolarizzaw il-pożizzjoni tagħhom skont ir-Regolamenti Finanzjarji
- Ġbir ta’ statistika biex tiġi ppreparata strategija komuni biex il-Kunsilli Lokali jkollhom lokalitajiet iktar indaf
- Taħriġfrekwenti lis-Segretarji Eżekuttivi dwar il-funzjonijiet tagħhom bħala Kapijiet Finanzjarji, Amministrattivi u Eżekuttivi; u
- Assistenza mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali lill-Kunsilli Lokali f’kull qasam tal-operat tagħhom inkluż għajnuna fit-tħejjija tad-dokumenti tas-sejħiet tal-offerta.
Jista’ l-Ministru jinforma jekk inbediex il-proċess imħabbar ta’ riforma tal-Gvern Lokali u, jekk iva, fejn wasal? Dan mistenni jwassal għal emendi fil-Liġi li tirregola l-Kunsilli Lokali?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċess dwar ir-riforma tal-Gvern Lokali nbeda u hemm Kumitat ta’ Tmexxija mmexxi mis-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet responsabbli għat-teħid tad-deċiżjonijiet wara li jsriu l-konsultazzjonijiet kollha meħtieġa. Ir-riforma tal-Gvern Lokali ser twassal ukoll għal diversi emendi tal-liġi tal-Kunsilli lokali u leġislazzjoni oħra sussidjarja.
Kunsilli f’żoni turistiċi – ilmenti dwar imwejjed u siġġijiet
Question
Peress li diversi kunsilli, partikolarment dawk f’żoni turistiċi, jilmentaw dwar il-kwistjoni tal-imwejjed u s-siġġijiet li jinħarġu minn stabbilimenti tal-ikel u x-xorb u f’dan ir-rigward tkellem ukoll dan l-aħħar il-Kummissarju għall-Ambjent u l-Ippjanar, jista’ l-Ministru jgħid x’qed isir biex il-kwistjoni tkun indirizzata, anke, jekk hu l-każ, b’koordinament mal-Ministeru għat-Turiżmu?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-materja qed tiġi indirizzata fir-Riforma tal-Gvern Lokali. Ta’ min isemmi li l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali ppreżentat rapport b’diversi proposti dwar materji li l-istess Assoċjazzjoni tqishom bħala prijoritajiet fir-Riforma tal-Gvern Lokali. Fost dawn il-proposti hemm dawk dwar it-tqegħid ta’ mwejjed u siġġijiet minn stabbilimenti tal-ikel u x-xorb. Diġà nbdew it-taħdtiet mal-awtoritajiet u l-entitajiet kollha konċernati u l-kunsilli lokali ser ikunu qed jagħtu s-sehem attiv tagħhom dwar policies dwar dan għar-rigward tal-lokalitajiet tagħhom.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru tal-uffiċjali li kienu jiffurmaw l-istaff tal-ex Segretarju Permanenti f’Mejju 2017 u x’kien il-grad tagħhom? Jista’ jgħid kemm hu n-numru tal-membri li jiffurmaw l-istaff fl-uffiċċju tas-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru tiegħu ta’ bħalissa u kemm minnhom kienu jagħmlu parti mill-uffiċċju tas-Segretarju Permanenti ta’ qabel?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ uffiċjali li kienu jiffurmaw l-istaff tal-ex Segretarju Permanenti f’Mejju 2017 kien jammonta għal tmienja (8). Il-grad tagħhom kien:
Assistant Director: 1
Senior Principal: 1
Principal: 1
Assistant Principal: 1
Office Management Asst: 1
Senior Clerk: 1
Messenger: 1
Driver: 1
In-numru tal-membri li jiffurmaw l-istaff fl-uffiċċju tas-Segretarju Permanenti ta’ bħalissa jammonta għal sebgħa (7). Persuna (1) minnhom kienet tagħmel parti mill-uffiċċju tas-Segretarju Permanenti ta’ qabel.
Post of Special responsibility – għalliema librara, guidance teachers u complementary teachers
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm għalliema li tneħħilhom il-Post of Special Responsibility bħal teachers, librarians, guidance teachers, complementary teachers u oħrajn minħabba nuqqas ta’ għalliema fis-suġġett rispettiv tagħhom? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-iskejjel fejn dawn l-għalliema qegħdin joffru s-servizzi tagħhom?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li hemm żewġ (2) għalliema li kienu qed iservu fis-servizz tal-complementary li qiegħdin jaqdu r-rwol ta’ class teacher fil-Primarja. Iż-żewġ skejjel huma il-Primarja tal-Msida u l-Primarja ta’ Ħal Għaxaq.
Barra minn dawn hemm tliet (3) għalliema, li kienu se jibdew iservu f’servizz, li baqgħu fl-iskola fejn kienu (bħala class teachers fil-Primarja) sakemm ikun jista’ jintbagħat għalliem minflokhom. Dawn huma fl-iskejjel Primarji ta’ San Ġwann, Ħal Għargħur u l-Imġarr. Dawn l-għalliema kienu se jibdew iservu fis-servizzi ta’ Hospital Classes, Maths Support u Science Peripatetic rispettivament.
Bħalissa qed isir ir-reklutaġġ ta’ għalliema supplenti biex b’hekk ikun possibbli li jiġu rilaxxati dawn l-għalliema.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' lukandi li kellhom liċenzja/permessi fil-konfini tal-Mellieħa u San Pawl il-Baħar (Buġibba/Qawra) sena b'sena, lokalità b'lokalità bejn Jannar 2010 u Settembru 2017?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ġejt infurmat mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu li fil-perjodu bejn Jannar 2010 u Settembru 2017, in-numru ta’ lukandi liċenzjati fil-lokalitajiet ta’ San Pawl il-Baħar (inklużi Buġibba u Qawra) u l-Mellieħa kienu:
Sena
Buġibba
Qawra
San Pawl il-Baħar
Xemxija
Mellieħa
2010
10
22
2
2
11
2011
10
21
2
2
11
2012
8
21
2
2
11
2013
9
21
2
2
11
2014
9
21
2
2
11
2015
10
20
2
2
11
2016
10
20
2
2
11
2017
10
22
2
2
11
Il-Mellieħa u San Pawl il-Baħar – applikazzjonijiet għall-bini ta’ lukandi ġodda
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm huma l-applikazzjonijiet għall-bini ta' lukandi ġodda fil-konfini tal-Mellieħa u San Pawl il-Baħar u jindika liema huma u f’liema żoni saru l-istess applikazzjonijiet?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ġejt infurmat mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu li n-numru t’applikazzjonijiet għall-bini ta’ lukandi ġodda fil-konfini tal-Mellieħa u San Pawl il-Baħar għas-sena 2017 huma:
· Lukanda ta’ 3 stilel fil-Mellieħa
· Lukanda ta’ 3 stilel f’San Pawl il-Baħar
· Estensjoni ta’ lukanda ta’ 3 stilel f’San Pawl il-Baħar
Il-Mellieħa u San Pawl il-Baħar – applikazzjonijiet għall-bini ta’ lukandi ġodda
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm huma l-applikazzjonijiet għall-bini ta' lukandi ġodda fil-konfini tal-Mellieħa u San Pawl il-Baħar u jindika liema huma u f’liema żoni saru l-istess applikazzjonijiet?
Response (BORG, IAN)
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 1694, l-Awtorità tal-Ippjanar għandha quddiema għaxar applikazzjonijiet ivvalidati jew ippublikati għall-bini ta’ lukandi ġodda fil-kunsilli lokali tal-Mellieħa u San Pawl il-Baħar. Qed inpoġġu fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ dawn l-applikazzjonijiet bid-dettalji mitluba.
Din l-informazzjoni nġabret mis-sistema tal-informatika tal-istess Awtorità fuq applikazzjonijiet pendenti li huma ivvalidati jew ġew ippubikati fejn il-kunsill lokali ndikat huwa jew il-Mellieħa jew San Pawl il-Baħar u li fil-proposta tal-iżvilupp tagħhom għandhom xi waħda mill-kelmiet segwenti:
· Lukanda/i
· Hotel/s
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanti jew dokumenti pubbliċi oħra relatati dwar proġett li hemm il-ħsieb li jinbena fiż-żona (sit) ta' fejn hemm il-kumpless tal-Fieri fin-Naxxar? Fuq l-istess proġett, jista' l-Ministru jindika f’liema stadju waslet l-applikazzjoni quddiem l-awtoritajiet konċernati?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Kunsill Lokali tal-Mellieħa – pjanijiet għall-problema tal-konġestjoni
Question
Jista' l-Ministru jgħid xi pjanijiet għandhom il-Gvern u l-Kunsill Lokali tal-Mellieħa dwar il-problema tal-konġestjoni kontinwa tat-traffiku fi Triq Ġorġ Borg Olivier?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra
Kunsill Lokali tal-Mellieħa – pjanijiet għall-problema tal-konġestjoni
Question
Jista' l-Ministru jgħid xi pjanijiet għandhom il-Gvern u l-Kunsill Lokali tal-Mellieħa dwar il-problema tal-konġestjoni kontinwa tat-traffiku fi Triq Ġorġ Borg Olivier?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa li qed jipproponi l-introduzzjoni ta’ sistema ta’ one-way li talterna d-direzzjoni permezz ta’traffic lights, fil-parti bejn Triq il-Qalb Imqaddsa u Triq it-Tonn, waqt li Transport Malta qed tistenna l-eżitù ta’ simulazzjoni diġitali qabel tittieħed deċiżjoni finali min-naħa tagħha.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu l-istudenti li applikaw biex jibdew xi wieħed mill-korsijiet fil-livell ta’ Baċellerat li tniedew mill-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS) aktar kmieni din is-sena?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ġejt infurmat mill-Istitut għall-Istudju Turistiċi (ITS) li n-numru ta’ studenti li din is-sena applikaw biex jibdew xi wieħed mill-korsijiet fil-livell ta’ Baċellerat huwa ta’ 142.
132 student se jibdew l-istudji tagħhom fl-ewwel sena. Ħafna minn dawn huma studenti tal-ITS li lestew id-
Diploma
tal-ITS u issa bdew l-ewwel sena li hija ukoll ekwivalenti għal
Higher National Diploma
. 10 studenti daħlu direttament fit-tieni sena tal-kors peress li temmew b’suċċess il-
Higher National Diploma
fl-istudji rispettivi tagħhom.
ITS – proċess biex persuni jerġgħu jidħlu fl-edukazzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu jsir mill-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS) biex jiġi ffaċilitat il-proċess biex dawk li diġà jaħdmu fis-settur turistiku jerġgħu jidħlu fl-edukazzjoni u b’hekk jgħollu l-livell ta’ ċertifikazzjoni tagħhom?
Response (MIZZI, KONRAD)
L-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS), permezz tal-programm ‘Recognition for Prior Learning’, qed jindirizza l-ħtiġijiet ta’ individwi li bħalissa huma impjegati fis-settur tat-turiżmu u l-ospitalità b'esperjenza estensiva miġbura matul il-ħajja tax-xogħol tagħhom, li qed ifittxu li jkomplu l-ħiliet tagħhom u jiksbu kwalifiki formali akkreditati.
Dan il-proċess ġdid huwa mfassal biex jiżgura li r-riżorsi umani tagħna fi ħdan l-industrija tat-turiżmu jistgħu jaraw it-turiżmu u l-ospitalità bħala karriera, permezz ta’ taħriġ akkademiku u prattiku, minbarra wkoll qafas ta' akkreditazzjoni formali grazzi għall-kooperazzjoni bejn ITS u Università Haaga-Helia tal-Finlandja.
Permezz ta’ din il-miżura, aħna mhux biss qed inwasslu valur formali għax-xogħol u l-għarfien miksub fuq ix-xogħol minn dawk li kienu qed jikkontribwixxu għas-suċċess ta' din l-industrija, iżda se nkunu qed nirrispondu malajr il-kisba ta’ kwalifiki akkreditati professjonali permezz tal-firxa ta' korsijiet disponibbli fl-ITS. Dan fl-aħħar se jagħtihom l-opportunità li jkomplu jikkonsolidaw il-karrieri tagħhom,
Jiena ċert li ħafna nies validi fl-industrija tat-Turiżmu u l-ospitalità li mhumiex iċċertifikati jistgħu jibbenefikaw immens permezz ta’ dan il-programm peress li jistgħu jżidu l-viżibilità u l-valur tal-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi tagħhom miksuba barra mill-edukazzjoni u t-taħriġ formali.
NCPE –implimentazzjoni tal-politika ta’ gender mainstreaming
Question
Tista’ l-Ministru tagħti tagħrif dwar ħidmet il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) fejn kienet tidħol l-implimentazzjoni tal-politika ta’ gender mainstreaming fl-operat tal-Gvern?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) regolarment tagħti taħriġ lill-uffiċjali pubbliċi dwar it-tifsira tal-istrateġija ta’ gender mainstreaming u l-implimentazzjoni tagħha, kif ukoll dwar kif għandhom jiġu rrappurtati annwalment l-azzjonijiet li jkunu ttieħdu marbuta ma’ din l-istrateġija fix-xogħol tal-Gvern. Dan ir-rappurtaġġ annwali huwa obbligu ta’ kull dipartiment/entità tal-Gvern, hekk kif imniżżel f’OPM Circular 15/2012, u r-rapporti Barra t-taħriġ regolari, l-NCPE tiltaqa’ ukoll ma’ dawk id-dipartimenti/entitijiet li jkunu jeħtieġu għajnuna sabiex jippreparaw ir-rapport annwali tagħhom.
Mill-2012 sal-2017 l-NCPE tat 32 sessjoni ta’ taħriġ dwar gender mainstreaming fis-settur pubbliku li għalihom attendew iktar minn 500 uffiċjal pubbliku. Kull sena, mill-2013 ‘l hawn, l-NCPE ippreparat rapport li fih eżaminat ir-rappurtaġġ annwali mid-dipartimenti/entitaijet tal-Gvern.
Fl-2017, l-NCPE irċeviet 99 rapport minn dipartimenti/entitajiet tal-Gvern b’informazzjoni dwar xogħol ta’ gender mainstreaming li sar tul l-2016. Fl-evalwazzjoni tagħha, l-NCPE innutat li hemm bżonn ta’ iktar għarfien dwar l-istrateġija ta’ gender mainstreaming u l-obbligu li jsir rappurtaġġ annwali dwar l-azzjonijiet li jkunu ttieħdu għandhom jintbagħtu lil NCPE sabiex jiġu analiżżati u jitħejja rapport ikkonsolidat.
NCPE – diskussjoni dwar gender quotas fil-politika
Question
Tista’ l-Ministru tindika jekk sarx xi xogħol mill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) marbut mad-diskussjoni dwar gender quotas fil-politika?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li fl-2016, il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) ħejjiet riċerka dwar in-nisa fil-politika u gender quotas li:
· spjegat għaliex huwa importanti li jkun hemm bilanċ bejn is-sessi fil-parteċipazzjoni politika;
· iddeskriviet it-tipi differenti ta’ kwoti li jeżistu;
· iddiskutiet l-implimentazzjoni tagħhom;
· għamlet rakkomadazzjonijiet fil-kuntest ta’ Malta.
Abbażi ta’ din ir-riċerka, l-NCPE qajjmet iktar kuxjenza dwar dan is-settur fuq il-media permezz ta’ tlett stqarrijiet:
· Ir-rappreżentazzjoni baxxa ta’ nisa fil-politika trid tiġi indirizzata (18/06/2016)
· Il-partiti politiċi għandhom jippreżentaw listi bilanċjati ta’ kandidati nisa u irġiel (13/02/2017)
· Defiċit demokratiku meta n-nisa u l-irġiel ma jkunux rappreżentati b’mod ugwali (27/07/2017)
Tista’ l-Ministru ssemmi l-inizjattivi mmirati lejn l-istudenti li saru mill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) minn Jannar 2016 sal-aħħar ta’ Lulju 2017?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li l-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE), b’kollaborazzjoni maċ-Ċentru tad-Drama, organizzat attivitajiet ta’ teatru interattiv fl-edukazzjoni bit-titlu ‘Sterjotipi’ immirati lejn studenti tal-Forms 2, 3 u 4. Sal-aħħar ta’ Lulju 2017, kienu saru 14-il rappreżentazzjoni u ntlaħħqu 1,354 student. Dan it-teatru ta opportunitὰ lill-istudenti li jaħsbu b’mod kritiku dwar ir-rwoli tan-nisa u l-irġiel li jeżistu fis-soċjetὰ, sabiex jinfetħu aktar opportunitajiet għal kulħadd. Huwa ppjanat li din l attività titkompla fil-bidu ta’ din is-sena skolastika.
L-NCPE organizzat ukoll roving van biex idur l-iskejjel post-sekondarji u terzjarji bil-għan illi titqajjem kuxjenza dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi, l-importanza tal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja, u l-isterjotipi. Waqt din l-attività, l-istudenti rġiel ġew imħeġġa jagħtu l-opinjoni tagħhom fuq is-suġġett. B’kollox ġew miġbura ‘l fuq minn 850 kumment li qed jiġu mtellὰ fuq is-siti soċjali tal-NCPE. Din l-attività saret f’sitt postijiet (MCAST Mosta, l-Università ta’ Malta, Giovanni Curmi Higher Secondary Naxxar, MCAST Raħal Ġdid, Junior College Msida, u M. A. Refalo Għawdex) bejn Frar u Mejju tal-2017.
Tista’ l-Ministru tgħid x’attivitajiet jew inizjattivi saru mill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) minn Jannar 2016 sal-aħħar ta’ Lulju 2017 immirati għal min iħaddem?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li f’Jannar tal-2017, il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) organizzat Business Breakfast għal min iħaddem. Waqt din l-attività, ġiet diskussa l-importanza ta’ miżuri favur il-familja fuq il-post tax-xogħol. 70 parteċipant attendew din l-attività.
L-NCPE organizzat ukoll sessjonijiet ta’ konsultazzjoni ma’ Human Resource Managers u kapijiet ta’ entitajiet ġejjin mis-settur privat kif ukoll mis-settur pubbliku. Diversi parteċipanti qasmu l-esperjenzi tagħhom dwar tipi differenti ta’ miżuri favur il-familja skont is-settur tal-impjieg. L-ewwel tlett sessjonijiet saru f’April, f’Mejju u f’Settembru tal-2017, u għalihom attendew 55 parteċipant.
L-NCPE tiċċertifika entitajiet fis-settur privat kif ukoll pubbliku li juru impenn sabiex tintlaħaq ugwaljanza bejn is-sessi fl-operat tagħhom. Tul l-imsemmi perjodu, l-NCPE iċċertifikat 23 organizzazzjoni bil-Marka tal-Ugwaljanza (Equality Mark), filwaqt li 12-il organizzazzjoni oħra ġew ri-ċertifikati b’din il-Marka. Sal-aħħar ta’ Lulju tal-2017, kien hemm 78 entità ċċertifikata bil-Marka tal-Ugwlajnza li għandhom madwar 20,800 impjegat.
Tista’ l-Ministru tgħid fiex wasal ix-xogħol fuq il-fibre optic link bejn Malta u Għawdex? Tista’ tgħid liema kumpanija ser tkun qed tpoġġi dan il-fibre optic link u meta hu mistenni jkun f’postu u jibda jintuża?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninsab infurmata li x-xogħol kollu fuq id-dokument għas-sejħa għall-offerti huwa lest u d-dokument intbagħat għall-vetting lid-Dipartiment tal-Kuntratti. Is-sejħa għall-offerti mistennija tiġi ippubblikata fil-ġimgħat li ġejjin. Skont it-tender document, ix-xogħol kollu tat-tqegħid għandu jitlesta sal-aħħar tas-sena 2018.