Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 13 PQ #699 Sitting 27 2017-10-16 Oral · Final From: CLAUDIO GRECH To: Ministeru għall-Finanzi

Dipartiment tal-VAT – trasferimenti

Question

Jista’ l-Ministru jagħti l-lista tat-trasferimenti ta’ ħaddiema mid-Dipartiment tal-VAT mill-1 ta’ Jannar 2016 ‘il hawn u (mingħajr ma jagħti l-ismijiet tal-persuni kkonċernati) għal kull trasferiment jagħti l-grad u n-numru ta’ snin li l-ħaddiem rispettiv kien ilu jaħdem fid-Dipartiment?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
Leg 13 PQ #700 Sitting 27 2017-10-16 Oral · Final From: CLAUDIO GRECH To: Ministeru għall-Finanzi

Uffiċċju tal-Arbitru għas-Servizzi Finanzjarji — xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont dettaljat tax-xogħol li għamel s’issa l-Uffiċċju tal-Arbitru għas-Servizzi Finanzjarji u jgħid kemm irċieva talbiet u kemm iddeċieda minnhom?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Uffiċċju tal-Arbitru beda jirċievi l-ilmenti fl-aħħar ġimgħa ta' Ġunju 2016. Minn dak iż-żmiem sal-aħħar tas-sena 2016, l-Uffiċċju rċieva 564 ilment. Minn dawn, ftit aktar minn 80 fil-mija inġabru f'każ wieħed peress li l-mertu huwa identiku. F'Ġunju 2016, daħlu 349 ilment; f'Lulju daħlu 110; f'Awissu daħlu 30; f'Settembru daħlu 20; f'Ottubru daħlu 19; f'Novembru daħlu 22 u f'Diċembru daħlu 14. Bejn Jannar u Settembru 2017 daħlu 135 ilmenti, kif ġej: f'Jannar daħlu 21; fi Frar daħlu 15; f'Marzu daħlu 15; f'April daħlu 8, f'Mejju daħlu 20 f'Ġunju daħlu 11; f'Lulju daħlu 12; f'Awwissu daħlu 10 u f'Settembru daħlu 23. Permezz tal-mejazzjoni, ġew riżolti sitt kazijiet fl-2016 u għaxar kazijiet minn Jannar sa Settembru 2017. Hafna mill-kazijiet li jiġu quddiem l-Arbitru għas-Servizzi Finanzjarji huma kumplessi ħafna u jkun irid isir is-smigħ tagħhom, apparti li l-partijiet ikunu jridu jingħataw iż-żmien biex jagħmlu s-sottomissjonijiet. l-Arbitru beda jisma' l-ewwel każijiet fl-aħħar ġimgħa ta' Settembru 2016 u sa issa instemgħu l-maġġoranza assoluta tal-każijiet li ġew sottomessi quddiemu. Sa l-aħħar ta' Sttembru 2017, ġew deċiżi b'kollox 49 każ. Diversi deċizzjonijiet oħra mistennija jingħataw fil-ġimgħat li ġejjin. L-Arbitru għas-Servizzi Finanzjarji waqqaf servizz bit-telefon biex ilmenti mhux kumplessi, jew mistoqsijiet ta natura ġenerali dwar oqsma relatati mal-Uffiċċju, jkunu jistgħu jsiru mill-pubbliku minn djarhom. L-Uffiċċju ta' l-Arbitru solva madwar 688 minn dawn is-sitwazzjonijiet bejn Ġunju 2016 sal-aħħar ta Settembru 2017.
Leg 13 PQ #701 Sitting 27 2017-10-16 Oral · Final From: CLAUDIO GRECH To: Ministeru għall-Finanzi

Ħaddiema ta' nazzjoanlità barranija li jaħdmu f'Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn ħaddiema ta’ nazzjonalità barranija li jaħdmu f’Malta u jgħid kemm ħallsu f’FSS u SSC matul is-snin 2015 u 2016?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Rotta għal Victoria Gardens

Question

Jista’ l-Ministru jara li l-unika rotta li kien hemm vijabbli għal Victoria Gardens, Swieqi u li twaqqfet, terġa’ tiġi reattivata?

Response (BORG, IAN)

Ninsab infurmat li r-rotta 16, li sservi il-lokalità tas-Swieqi, ġiet mibdula għal kif kienet qabel wara li kien hemm talba mill-Kunsill Lokali sabiex din terġa’ tibda tieqaf fi Triq il-Franċiż.

Ministeru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali – reklamar fuq Facebook — nefqa

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 784 u ċjoè: Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa mill-Ministeru tiegħu, inkluż kull entità u Dipartiment fi ħdan l-istess Ministeru, f'reklamar fuq is-sit soċjali Facebook matul il-perjodu mill-1 ta' Mejju 2017 sat-3 ta' Ġunju 2017?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi n-nefqa fl-imsemmi żmien kienet ta’ €3,842.08 (VAT inkluż).

Servizzi għal Pazjenti Maltin u Għawdxin mingħajr ħlas

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk is-servizzi tas-saħħa għal pazjenti Maltin u Għawdxin hux se jibqgħu mingħajr ħlas? Jekk le, jista’ jsemmi liema?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi sakemm il-Gvern ta’ Malta jkun immexxi minn Gvern Laburista is-servizzi tas-saħħa kienu u ser jibqgħu jingħataw bla ħlas.

Persuni li applikaw biex ikunu donaturi tal-organi

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm-il persuna applikat biex tkun donatur tal-organi?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi sal-bidu t' Ottubru kien hemm 'il fuq minn 9,500 persuna li applikat sabiex tkun tista’ tkun donatur tal-organi.

Sptar Mater Dei – persuni li marru fl-Emerġenza

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm-il persuna marret fl-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei biex tkun tista’ tieħu l-kura meħtieġa din is-sena? Kemm minn dawn inżammu għal kura fl-istess sptar?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi minn Jannar sa Ġunju tal-2017 kien hemm 71,355 attendenza ġewwa d-dipartiment ta’ l-Emerġenza fl-isptar Mater Dei. Minn dawn, madwar 18,100 pazjent ġew ammessi fl-iswali tal-istess sptar sabiex ikunu jistaw jieħdu iżjed kura.

Sptar Mater Dei – pazjenti fil-kurituri

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk matul l-2016 u l-2017 kienx hemm pazjenti fil-kurituri tal-Isptar Mater Dei? X’miżuri ttieħdu biex dawn jitnaqqsu?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi minn Jannar sa l-aħħar t’ Awwissu tal-2017 ġew irreġistrati 48 każ ta’ pazjenti li ngħataw kura mhux ġo sala stabbilita. Nfakkru ukoll illi fis-sena 2012 taħt gvern preċenti n-numru ta’ pazjenti li ngħataw kura fil-kurituri ta' Mater Dei kien ta’ 8118. Dan it-titjib sostanzjali kien possibli wara investimenti li saru fl-aħħar snin biex jiżdiedu s-sodod u faċilitajiet relatati, bħas-swali tal- MAU u l- Hospitality Lounge sabiex l-effiċjenza f’dan l-istess sptar tkompli tiżdied.

Mediċini b’xejn kontra l-kanċer

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm-il mediċina kontra l-kanċer ġiet introdotta matul din is-sena? Għal-liema tip ta’ kanċer din tintuża u kemm hemm persuni li bbenefikaw minn din il-mediċina bla ħlas?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi mil-2013 sal lum taħt Gvern Laburista ddaħħlu 14- il mediċina ġdida kontra l-marda tal-kanċer. Matul din is-sena ddaħħlu 8 mediċini ġodda fil-formularju tal-gvern u hemm mijiet ta’ pazjenti li diġa qed jibbenefikaw minn dawn il-mediċini bla ħlas. Uħud mill-mediċini l-ġodda qed jittrattaw il-kanċer fil-bużżieqa tal-urina, fid-demm, fl-għonq tal-utru u kif ukoll fil-prostita’. Nfakkar lill-Onorevoli Interpellant illi fl-2012 taħt gvern preċidenti ma ddaħħlet l-ebda mediċina tal-kanċer ġdida fil-formularju tal-gvern. Din hi xhieda ta’ mpenn minn dan il-gvern lejn il-pazjenti tagħna kif ukoll il-familjari taghhom. Nirrimarka illi din is-sena hija sena rekord għaliex hija l-iktar sena li ddaħħlu mediċini ġodda fil-formularju tal-gvern kontra l-marda tal-kanċer f’dawn l-aħħar 9 snin.

Qasam tas-Sigurtà Soċjali – miżuri ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kienu l-miżuri ġodda fil-qasam tas-Sigurtà Soċjali li ġew introdotti fil-baġits ta’ Gvern Laburista sena b’sena, mill-2013 sal-2017?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, lista dettaljata tal-miżuri ġodda fil-qasam tas-Sigurtà Soċjali li kienu introdotti mis-sena 2013 sal-2017.

Programm Consul on the Move – ħruġ ta’ passaporti lil ċittadini Maltin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inħarġu passaporti lil ċittadini Maltin permezz tal-programm Consul on The Move minn Frar 2017 sad-data meta tkun imwieġba din il-mistoqsija?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa l-Programm Consul-on-the-Move jopera minn erba’ pajjiżi fejn Malta għandha Ambaxxata/Kummissjoni Għolja u/jew Konsolati Ġenerali.Il-pajjiżi fejn jitħaddem dan il-programm huma l-Awstralja,l-Amerika,il-Kanada u r-Renju Unit.Tajjeb wieħed iżid li mill-Awstralja,l-Kummisjoni Għolja Maltija f’Kanberra tkopri wkoll il-ħtiġijiet tal-Maltin li jgħixu f’New Zealand. Bejn l-1 ta’ Frar u l-25 ta’ Settembru ta’ din is-sena mill-programm Consul-on-the-move inħarġu (117) passaport lill ċittadini Maltin.Dawn ħarġu kif ġej: · L-Awstralja – sitta u disgħin (96) passaport.Dawn inharġu kif ġej: f’Perth, Western Australia – sbatax-il passaport (17) fi Brisbane, Queensland – ħamsa w tletin passaport (35) f’Mackay,Queensland – sitt passaporti (6) f’Cairns,Queensland – sitt passaporti (6) f’Adelaide,South Australia – tmienja w għoxrin (28) passaport (Marzu 2017) f’Adelaide,South Australia – erba’ (4) passaporti (informazzjoni parzjali peress li l-aħħar żjara f’Adelaide saret f’Settembru 2017). · L-Amerika – tliet (3) passaporti ħargu kollha minn Michigan. · Il-Kanada – erbatax-il passaport (14).Dawn inħarġu kif ġej: f’Newfoundland – ħamsa (5) passaporti f’Nova Scotia – sitta (6) passaporti fi Quebec – tliet (3) passaporti. · Ir-Renju Unit – erba’ (4) passaporti f’Cardiff.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ – impjegati li qed jagħmlu korsijiet fl-Università ta’ Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati fid-dekasteru tiegħu li qed jagħmlu korsijiet fl-Università ta’ Malta jew universitajiet barranin? Liema huma l-korsijiet? X’inhu l-grad tal-impjegati involuti u jekk hux qed jingħataw xi forma ta’ għajnuna f’dan ir-rigward?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qegħda fit-tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ċittadini Maltin li qegħdin f’ħabsijiet barra minn Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ċittadini Maltin li bħalissa qegħdin f’ħabsijiet barra minn Malta? F’liema pajjiż jinsabu? Kemm minnhom qed jistennew li l-każ tagħhom jiġi pproċessat u kemm minnhom qegħdin iservu sentenzi ta’ ħabs?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa hemm ħmistax (15)-il persuna ta’ nazzjonalita’ Maltija li qegħdin f’ħabsijiet barra minn Malta.Dawn qegħdin fil-pajjiżi kif imsemmi hawn taħt: Albanija (1), Awstralja (7), Brazil (1), Emirati Għarab Magħquda (1), Franza (1),Italja (1), Libja (1), Renju Unit (1), Tuneżija (1). Filwaqt li ħamsa (5) li jinsabu fl-Albanija, fil-Brazil,fi Franza, fir- Renju Unit u fit-Tunezija rispettivament qegħdin iservu sentenza ta’ ħabs,it-tnejn (2) li hemm fil-Libja u l-Italja qed jistennew li l-każ tagħhom jiġi pproċessat,waqt li persuna (1) li hemm fl-Emirati Għarab Magħquda bħalissa qed tistenna li jitlestew proċeduri amministrattivi sabiex tiġi meħlusa.Mill-banda l-oħra mis-seba’ każijiet fl-Awstralja,sitta (6) minnhom ukoll qegħdin miżmuma f’detenzjoni u qed jistennew li każ tagħhom jiġi pproċessat,filwaqt li f’każ ieħor il-persuna (1) wara li skontat is-sentenza ta’ priġunerija mogħtija lilu,intbagħat ġo ċentru apposta fejn bħalissa qed jinżamm sakemm jitlestew l-arranġamenti ta’ deportazzjoni lura lejn Malta. Nixtieq niġbed l-attenzjoni ta’ l-Onor. Interpellant li din iċ- ċifra tikkorrispondi biss ma’ dawk il-persuni li talbu għall-assistenza tal-Missjonijiet tagħna barra minn Malta.Għaldaqstant iċ-ċifra tista ma tirriflettix l-ammont kollu tal-persuni b’nazzjonalita’ Maltija li jinsabu f’ħabsijiet barra minn Malta.

Għalliema fis-servizz tal-edukazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ dawk l-għalliema li diġà kienu impjegati fis-servizz tal-edukazzjoni iżda li għas-sena 2017-2018 jew ġie imġedded il-kuntratt tagħhom, jew ri-impjegati għal perjodu ieħor, u jgħid f’liema grad ġew impjegati, x’responsabilitajiet ingħataw, fejn ġew mitluba jirrapportaw għas-servizz, xi kwalifiki għandhom u x’ġew mitluba jgħallmu?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ tabelli li juru n-numru ta’ għalliema li diġà kienu impjegati u li reġgħu ġew impjegati għas-sena 2017-2018, skont il-grad għal kull skola u għal kull suġġett. Rigward kwalifiki, dawk fil-grad ta’ Għalliem b’kuntratt definit kollha għandhom il-kwalifiki neċessarji biex ikollhom il-Warrant Permanenti ta’ Għalliem u dan ifisser li b’mod ġenerali għandhom il-B.Ed (Hons), il-PGCE jew ekwivalenti. Dawk fil-grad ta’ Għalliem Supply għandhom jew first degree jew żewġ ‘A’ Levels.

Ilmenti dwar għalliema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid dwar kemm-il għalliem id-dipartiment irċieva xi forma ta’ ilment matul is-sena skolastika 2016-2017, u jgħid kemm minn dawn l-ilmenti ġew investigati, kif u x’passi ttieħdu?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul is-sena skolastika 2016/2017 il-Kunsill dwar il-Professjoni tal-Għalliema rċieva żewġ (2) ilmenti fuq għalliema u ilment wieħed fuq assistent kap ta’ skola mid-Direttur Ġenerali fuq allegat ksur ta’ kodiċi ta’ etika. Preżentement għaddejjin tliet inkjesti separati mill-Kunsill dwar il-Professjoni tal-Għalliema sabiex ikun stabbilit jekk kienx hemm ksur tal-kodiċi ta’ etika kif allegat.

Impieg ta’ LSAs ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ dawk l-LSAs li ġew impjegati għall-ewwel darba fis-sistema edukattiva għas-sena skolastika 2017-2018, f’liema grad ġew impjegati, x’responsabbiltajiet ingħataw, fejn ġew mitluba jirrapportaw għas-servizz, u xi kwalifiki għandhom?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li t-total ta’ Learning Support Assistants ġodda impjegati fis-sena skolastika 2017-2018 s'issa (sal-5 ta' Ottubru) huwa 94. Il-kumplament tat-tagħrif mitlub qiegħed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Il-minimu tal-kwalifiki huwa skont kif ħarġu s-sejħiet għall-impjieg fil-gradi differenti.

Ilmenti minn Heads, Assistant Heads u Prinċipali dwar għalliema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il ilment irċieva matul is-sena skolastika 2016-2017 minn Heads jew Assistant Heads jew Prinċipali dwar għalliema fl-iskejjel tagħhom, x’passi ttieħdu u x’kienet il-konsegwenza għal jew l-azzjoni li ttieħdet fil-konfront ta’ dawn l-għalliema?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li matul is-sena skolastika 2016/2017 il-Kunsill dwar il-Professjoni tal-Għalliema ma rċieva ebda talba minn Heads, Assistant Heads, u Prinċipali dwar Għalliema biex ikunu investigati xi għalliema.

Intrapriżi li bbenefikaw mill-iskema Gozo Transport Grant Scheme

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm intrapriżi bbenefikaw mill-iskema Gozo Transport Grant Scheme bejn is-sena 2014 u d-data sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li 125 intrapiża bbenefikat taħt l-iskema tal-Gozo Transport Grant mill- 2014 sal-aħħar ta’ Settembru 2017.

Intrapriżi li bbenefikaw mill-iskema Trade Promotion

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm intrapriżi bbenefikaw mill-iskema Trade Promotion?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li 116-il intrapiża bbenifikat taħt l-iskema tat-Trade Promotion minn mindu ġiet imnedija l-iskema fl-2016 sal-aħħar ta’ 2017.