Jista' l-Ministru jikkonferma li lejn l-aħħar ta' Ġunju 2017, intużat xi kimika ġewwa l-Katakombi ta' San Pawl li kienet ta' ħsara għas-saħħa kemm tal-viżitaturi kif ukoll għal ħaddiema ta' Heritage Malta? Jista' jgħid jekk Heritage Malta nnotifikatx lill-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) b'dan l-inċident?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li f’Ġunju 2017 ingħata trattament ġdid lill-art tal-injam taċ-ċentru tal-viżitaturi tal-Katakombi ta’ San Pawl peress li din, bħal kull art tal-injam oħra, għandha bżonn ta’ manutenzjoni. Dan ix-xogħol sar mill-kunrattur sabiex jonora l-obbligi kuntrattwali tiegħu. Il-materjal li ntuża ma kien jeħtieg l-ebda tip ta’ prekawzjoni la għal min japplikaħ u l-anqas għal nies oħra. Jekk l-Onorevoli Interpellant jaf b’xi każ nitolbu ikellimni.
Fondazzjoni Valletta 2018 – proġett ta’ Heritage Malta — MUŻA
Question
Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-Fondazzjoni Valletta 2018, mhux qed tagħti l-prominenza mistħoqqha għall-proġett ta' Heritage Malta - MUŻA? Jista' jgħid għaliex f'dawn l-aħħar ġimgħat, l-uniku prominenza li ngħatat lil dan il-proġett kienu ta’ ftit ritratti ta’ ġebel u saqaf? Ma jaħsibx il-Ministru li dan il-proġett għadu jingħata iktar prominenza?
Response (BONNICI, OWEN)
Il-Fondazzjoni Valletta 2018 qed tikontribwixxi direttament u b’mod attiv ħafna fit-tqassim ta’ tagħrif dwar il-MUZA u fil-promozzjoni ta’ dan il-proġett interessanti permezz ta’ inizjattiva msejħa ‘Naqsam il-MUŻA’ mtella’ fi sħab ma' Heritage Malta, li hija l-entità Governattiva responsabbli mill-MUZA. Permezz ta' interventi f'numru ta' lokalitajiet Maltin u Għawdxin, il-pubbliku qed isir jaf aktar x’inhu dan il-proġett u l-kunċett li fuqu huwa mibni, iġifieri dak ta’ mużew maħsub u ikkurat mal-komunità. ‘Naqsam il-MUZA’ beda fl-2016 u diġa saru interventi fil-Belt Valletta, Marsa, Kalkara, Gżira u Siġġiewi. Dawn il-laqgħat ta’ tagħrif u diskussjoni ser jiġu wkoll estiżi għall-Università ta’ Malta u għall-Freeport. F’dawn l-interventi, l-komunitajiet diversi jsiru jafu wkoll dwar il-kollezzjoni nazzjonali tal-arti u jitqassmilhom materjal komunikattiv varjat. Il-budget totali allokat għal dan l-eżerċizzju ta' match funding kien ta' €10,000 (2016), €10,000 (2017) u €15,000 (2018).
Pittura ta’ Preti – esebizzjoni permanenti fil-MUŻA
Question
Jista' l-Ministru jikkonferma li hemm il-ħsieb li l-pittura ta' Preti li nxtrat mill-Ministeru għal Għawdex se tkun esebita b'mod permanenti fil-Mużew il-ġdid ta' Heritage Malta - il-MUŻA?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif tħabbar ħafna drabi fil-mezzi tax-xandir, il-pittura ta’ Mattia Preti se tiġi eżebita fil-Mużew ta’ Għawdex.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il ticket tal-Ipoġew ħarġet Heritage Malta b'xejn fix-xahar ta' Ġunju u Lulju? Jista' jgħid min ibbenefika minn dawn it-tickets?
Response (BONNICI, OWEN)
Matul Ġunju u Lulju inħargu sbatax-il biljett mingħajr ħlas għall-Ipoġew. Dawn inħargu għal mistiedna distinti ta’ Heritage Malta.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa jgħid jekk hemmx persons of trust fl-Isptar Sir Paul Boffa? Jekk iva, min huma? Jista’ jgħid x’irwol għandhom u lil min jirrapurtaw?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ma hemm ‘l ebda person of trust taħdem fl-isptar Pawlu Boffa.
Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali — konsulenzi minn persuna
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk xi entità fid-dekasteru tiegħu tatx xogħol legali jew talbitx konsulenzi mill-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament jew id-ditta legali tagħha, wara Marzu 2013? Jekk iva, meta? Liema entità kienet/hija, u kemm kien/hu l-valur/ħlas tax-xogħol imsemmi sena b’sena?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, fil-perjodu msemmi ma kienx ingħata xogħol jew konsulenzi legali, la mill-persuna u l-anqas mid-ditta legali msemmija.
Kummisarju tal-Pulizija, Deputat Kummissarju u Assistenti Kummissarji – pakkett finanzjarju
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-pakkett finanzjarju ġdid li l-Assistenti Kummissarji, Deputati Kummissarji u Kummissarju tal-Pulizija għandhom u li ma tħabbarx pubblikament mill-Gvern?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat illi l-pakkett finanzjarju tal-Kummissarju tal-Pulizija, id-Deputati u l-Assistenti Kummissarji huwa l-istess pakkett li jgawdu uffiċċjali tal-Gvern li għandhom headship position u fi skali ugwali.
Jista' l-Ministru jgħid jekk fis-sejħa li jmiss għal Supretendenti fil-pulizija, hux se jkun il-każ li membri tal-Korp apparti Spetturi tal-pulizija se jkunu eleġibbli?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat illi l-applikanti kollha li applikaw għas-sejha interna li saret fil-21 ta' Lulju 2017 għal grad ta' Supretendent tal-Pulizija kienu kollha spetturi anzjani (tmien snin servizz iservu fil-grad ta' spettur wara li jkunu ġew ikkonfermati f'dan ir-rank). Din kienet waħda mill-kundizzjonijiet ta' eliġibbiltà li kien hemm imniżżla fis-sejħa tal-applikazzjonijiet.
Liġi tal-Finanzjament ta’ Partiti Politiċi – pubblikazzjoni tar-regolamenti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk u meta se jiġu ppubblikati regolamenti taħt il-Liġi tal-Finanzjament ta’ Partiti Politiċi?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. li taħt l-Att dwar il-Liġi tal-Finanzjament tal-Partiti Politiċi (Kap 544) diġà ħarġu r-Regolamenti li ġejjin:
L.S. 544.01 Regolamenti dwar ir-Reġistrazzjoni ta’ Partiti Politiċi – 27 ta’ Mejju 2016
L.S. 544.02 Regolamenti dwar il-Forma tal-Kontijiet Finanzjarji tal-Partiti Politiċi – 12 ta’ Awwissu 2016
L.S. 544.03 Regolamenti dwar il-Pubblikazzjoni ta’ Rapporti ta’ Donazzjoni – 21 ta’ Marzu 2017
L.S. 544.04 Regolamenti dwar il-Forma ta’ Rapporti ta’ Donazzjonijiet riċevuti minn Partiti Politiċi.” – 21 ta’ Marzu
Dawn ir-Regolamenti, ovvjament, tqieghdu kollha fuq il-Mejda tal-Kamra u ġew resi kollha pubblici.
Ħal Tarxien – Triq tal-Barrani – tkabbir ta’ pompa tal-petrol
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità għall-Ippjanar għandhiex talba biex tikber il-pompa tal-petrol fi Triq tal-Barrani, Ħal Tarxien (qabel it-traffic lights)?
Response (BORG, IAN)
Ninsab infurmat li l-Awtorità tal-Ippjanar għandha quddiemha applikazzjoni (Screening) bin-numru PA1109/17 - (Proposed demolition of existing fuel station and garages and proposed re-construction of fuel station including car-wash, class 4b shop and garages. Application also includes sign and LPG fixed point of sale) liema applikazzjoni tinvovli sit akbar minn dik tal-fuel station eżistenti li tinsab fi Triq tal-Barrani, Ħal Tarxien.
Avukat Ġenerali – persuni li ġew dikjarati bħala whistleblower — immunità
Question
Jista’ l-Ministru jelenka jew jispeċifika l-każijiet li hemm imsemmija li fihom inħareġ ċertifikat ta’ immunità minn prosekuzzjoni? X’inhu l-okkju ta’ kull kawża u għaliex f’kull każ kien jeħtieġ tali pass mill-Avukat Ġenerali?
Response (BONNICI, OWEN)
Kif japprezza l-Onor. Membru l-kawżi li fihom inħarrgu ċertifikati kondizzjonati ta’ immunita minn prosekuzzjoni taħt l-Att dwar il-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni huma kawżi kriminali u m’ huiwiex meqjus li huwa xieraq illi l-ismijiet tal-akkużati jiġu mxandra wieħed wieħed b’ mod li jibqgħu fl-atti tal-Kamra għal dejjem. Jista’ jingħad iżda illi l-kawżi kienu kollha dwar is-sejbien ta’ meters manomessi fejn tqis li huwa xieraq illi wieħed jikkonċentra fuq li jeqred il-‘brimba’ ta’ persuni li kienu jidhru li qegħdin ibagħbsu l-meters milli l-’għanqbuta’ ta’ konsumaturi li daħlu f’dawn it-tip ta’ arranġamenti illegali . F’ każ ieħor inħareġ ċertifikat taħt l-Att dwar il-Protezzjoni tal-Informatur wara konsultazzjoni skont il-liġi . Dak il-każ huwa magħruf u ma jidhirlix li hemm għalfejn jerga’ jiġi speċifikat.
Il-Mosta — twessigħ tal-ispazju tal-karreġġjata madwar ir-roundabout ta Triq il-Kungress Ewkaristiku
Question
Jista’ l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa sabiex isir xogħol ta’ twessigħ tal-ispazju tal-karreġġjata madwar ir-roundabout li hemm fit-tarf ta’ Triq il-Kungress Ewkaristiku ma' tarf Vjal Valletta u Vjal Indipendenza fil-Mosta? Dan is-suġġeriment qed isir sabiex it-traffiku li jdur ma’ din ir-roundabout jibda jkollu spazju ta’ żewġ karreġġjati mal-istess roundabout u t-traffiku jkun jista’ jsuq b’aktar kumdità u b’inqas periklu.
Response (BORG, IAN)
Ninsab infurmat illi Transport Malta qed tippjana xogħlijiet ta' titjib tal-wiċċ tat-toroq fl-inħawi tal-junction inkwistjoni u għalhekk ser isiru l-verifiki neċessarji biex wieħed jara jekk is-suġġeriment li ġie mressaq jistax ikun amalgamat mal-istess titjib.
Mosta — Triq il-Kbira salib it-Toroq ma Triq il-Kostituzzjoni - pedestrian crossings
Question
Jista' l-Ministru jieħu passi sabiex fi Triq il-Kbira salib it-toroq ma Triq il-Kostituzzjoni l-Mosta, jara li jsiru pedestrian crossings sabiex il-pubbliku jkun jista' jaqsam b'mod aktar organizzat?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fi Triq il-Kbira salib it-toroq ma’ Triq il-Kostituzzjoni l-Mosta, preżentament diġà teżisti pedestrian crossing.
Proġett tal-Junction tal-Addolorata– pjani ta’ traffic management
Question
Minħabba li qed joqrob iż-żmien li jingħata bidu għall-proġett tant meħtieġ għan-naħa t’isfel ta’ Malta, dik tal-junction ta’ ħdejn iċ-ċimiterju tal-Addolorata, jista’ l-Ministru jikkonferma hux qed jitħejjew pjani serji ta’ traffic management biex jiffaċilitaw it-traffic flow għal waqt il-perjodu li fih ikun qed isir il-proġett biex l-inkonvenjent għall-pubbliku jkun mill-inqas, bħalma fil-fatt ġara fil-proġett tal-Kappara?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa Transport Malta għaddejja b’xogħljiet ta’preparazzjoni għas-sejħa tax-xogħlijiet tal-junction inkwistjoni. Fost dawn il-preparamenti hemm dawk li jikkonċernaw l-immaniġġar tat-traffiku biex waqt l-eżekuzzjoni tal-istess xogħlijiet l-impatt fuq it-traffiku jkun l-inqas possibli. Dan se jsir billi jiġu nklużi fis-sejħa numru ta’ klawżoli speċifiċi għall-immaniġġjar tat-traffiku, liema klawżoli eventwalment se jagħmlu wkoll parti integrali mill-kuntratt li jiġi ffirmat mill-Kuntrattur. Tali klawżoli jiġu infurzati mill-uffiċċjali tal-Awtorità biex kif seħħ fil-proġett tal-Kappara jkun assigurat illi s-sewwieqa jibqgħu jużaw ir-rotot ta’ din il-junction bl-inqas inkonvenjent possibli.
Jista’ l-Ministru jagħti indikazzjoni ta’ kemm hu mistenni li jieħu żmien biex jitwettaq il-proġett tal-junction tal-Addolorata minn meta jingħata bidu? Għall-proġett tal-junction tal-Addolorata hemm il-ħsieb li jinġiebu strutturi maħdumin lesti minn barra minn Malta bħalma ġara fil-proġett tal-junction tal-Kappara?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett tal-Junction tal-Addolorata huwa wieħed ta’ skala konsiderevoli u bil-pjanijiet li ġew infassla s’issa jidher li se jkun qed jieħu madwar tlett snin biex jitlesta. Dawn ix-xogħlijiet se jkunu mifruxa fuq numru ta’ fażijiet bl-ewwel fażi tkun dik ta’ demolizzjoni ta’ wħud mill-fabbriki li hemm fl-inħawi. It-tip ta’ strutturi ser ikunu skont is-sistemi li ser ikun qed jaddotta l-Kuntrattur li se jkun qed jintagħżel wara sejħa pubblika. L-istess sejħa se tkun qed teżiġi li l-istess Kuntrattur jagħmel użu minn sistemi effiċjenti li jħaffu l-andament tax-xogħol u biex l-istess xogħol isir bl-inqas inkonvenjent lis-sewwieqa.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew ingaġġati persuni fl-Uffiċċju tal-Arbitru għas-Servizzi Finanzjarji u jaqsam l-informazzjoni skont il-karigi u s-salarji/benefiċċji rispettivi?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda.
Jista’ l-Ministru jagħti l-lista tat-trasferimenti ta’ ħaddiema mid-Dipartiment tad-Dwana mill-1 ta’ Jannar 2016 ‘il hawn u (mingħajr ma jagħti l-ismijiet tal-persuni kkonċernati) għal kull trasferiment jagħti l-grad u n-numru ta’ snin li l-ħaddiem rispettiv kien ilu jaħdem fid-Dipartiment?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba ghadha qed tinġabar.
Jista’ l-Ministru jagħti l-lista tat-trasferimenti ta’ ħaddiema mid-Dipartiment tat-Taxxi Interni mill-1 ta’ Jannar 2016 ‘il hawn u (mingħajr ma jagħti l-ismijiet tal-persuni kkonċernati) għal kull trasferiment jagħti l-grad u n-numru ta’ snin li l-ħaddiem rispettiv kien ilu jaħdem fid-Dipartiment?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba ghadha qed tinġabar.