Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 13 PQ #1615 Sitting 28 2017-10-17 Oral · Final From: ROBERT ABELA To: Ministeru għat-Turiżmu

Dar il-Meditteran għall-Konferenzi — irranġar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu jsir f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi biex dan iċ-ċentru jsir aktar attrezzat u jaqdi aħjar lill-klijenti ta’ din l-entità? Jista’ jgħid fiex wasal il-proġett ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropea f’Dar il-Mediterran?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ġejt infurmat li f’dawn l- aħħar tlett snin, rajna tkabbir b’saħħtu u bla preċedent fid-domanda għas-servizzi li joffri Dar il-Mediterran għall-Konferenzi. Għal dan il-għan, iċ-Ċentru nieda programm ta’ investiment f’infrastruttura li jinkludi fost l-oħrajn: · Rinnovar ta’ żewġ swali (David Bruce u Vassalli) li jikkonsisti prinċipalment f’xiri ta’ apparat modern awdjo-viżiv li jintuża għas-suq tal-konferenzi; · Tibdil ta’ sala żdingata, f’żewġ studios għaż-żfin, mgħammra apposta għal dan il-għan, li qed taqdi l-komunita’ kulturali fosthom il-Kumpanija Nazzjonali taż-zfin magħrufa aħjar bħala Żfin Malta; · Restawr ta’ terazzin li jagħti fuq il-Port il-Kbir b’veduti mill-isbaħ; · Relokazzjoni tal-uffiċini sabiex minflokom setgħu jinħolqu aktar spazji li jaqdu s-suq tal-konferenzi l-kbar; Saru proġetti strutturali oħra, li ġew traskurati fl-imgħoddi b’konsegwenza ta’ telf ta’ bejgħ, fosthom : · Għall-ewwel darba ġiet installata, sistema ta’ arja kkundizzjonata fis-sala Sacra Infermeria, li sa ftit żmien ilu ma setgħatx tintuża għal żmien twil matul is-sena minkejja d-domanda kbira għaliha. Dan l-investiment qed isarraf f’domanda akbar u għalhekk fi qliegħ akbar għaċ-Ċentru minħabba tnaqqis f’infiq f’armar temporanju li kien ikollu jinkera mill-klijenti fix-xhur sħan u f’dawk kesħin. Xogħolijiet oħra kienu meħtieġa fis-seħħ għas-saħħa u s-sigurta’ fosthom · Installazzjoni ta’ sistema ta’ Fire detection u mmoderniżżar ta’ apparat tat-tifi tan-nar ; · Switchgear ġdid bil-għan liċ-Ċentru joffri servizz superjuri billi jipprovdi kurrent stabbli, load ta’ elettriku akbar, flessibilita’ u ħarsien minn inċidenti serja minħabba apparat qadim; · Restawr u preservazzjoni tas-saqaf storiku tal-injam tas-Sacra Infermeria li jgib madwar 400 mitt sena sabiex dan il-wirt imprezzabbli illum jista’ jitgawda mill-pubbliku in ġenerali. Dan il-proġett serva wkoll biex jitneħħa l-periklu minħabba l-qagħda li kien jinstab fih qabel ir-restawr. Fondi tal-Ewropa Mal-approvazzjoni tal-applikazzjoni, il-Management beda mill-ewwel jaħdem bis-sħiħ fuq l-implimentazzjoni. Saru laqgħet ta’ konsultazzjoni ma diversi entitajiet fosthom l-Awtorita’ tal-Ippjanar, is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kultural, l-UNESCO u l-KNPD sabiex niżguraw li kollox jimxi mar-regolamenti. Dawn taw l-approvazzjoni sabiex b’hekk seta’ jinbeda’ il-proġett. Xi tenders diga’ ġew aġġudikati u oħrajn qed jiġu ppubblikati. Ix-xogħolijiet strutturali mistennija li jibdew dalwaqt. Ser jinbeda ir-restawr tal-kappella tas-Sagrament u restawr ta’sala storika oħra li ma kienetx miftuħa għall-pubbliku. Din tal-aħħar ser tiġi armata b’apparat mill-aktar modern sabiex isservi għat-tkabbir tas-suq tal-konferenzi. Wara dawn mistennija jinbdew il-proġett tal-bejt li ser jinfetaħ għall-pubbliku għall-ewwel darba, ir-restawr u l-preservazzjoni ta’ xelters, il-ftuħ għall-pubbliku ta’ sala oħra storika li tinstab taħt is-sala La Valette u installazzjoni ta’ mużew virtwali b’teknoloġija moderna liema bħalha li ser tieħu lill-viżitaturi lura fiż-żmien biex jesperjenzaw kif dan il-bini kien jintuża f’dawn l-450 sena ta’ storja.
Leg 13 PQ #1616 Sitting 28 2017-10-17 Oral · Final From: ROBERT ABELA To: Ministeru għat-Turiżmu

Dar il-Meditteran – problema ta’ storbju minn makkinarju antik

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif qiegħda tiġi indirizzata l-problema ta’ storbju minn makkinarju antik f’Dar il-Mediterran bil-għan li ma jinħoloqx inkonvenjent żejjed lir-residenti tal-inħawi?

Response (MIZZI, KONRAD)

Is-sena l-oħra, il-Management ta’ Dar il-Meditteran nieda programm ta’ investiment f’immoderniżżar ta’ apparat antik li huwa sors ta’ ħsejjes u ineffiċenzja. Dan l-apparat jintuża għas-sistema tal-arja kkundizzjonata. S’issa diġà saret nefqa sostanzjali b’dan il-għan, f’installazzjoni ta’ sistema ġdida ta’ arja kkundizzjonata fis-Sacra Infermeria li titħaddem b’teknoloġija l-aktar moderna bl-anqas ħsejjes possibli. Din is-sena se tinbidel ukoll is-sisema tal-arja ikkundizzjonata tal-akbar sala, is-Sala Repubblika, li se telimina l-akbar sors ta’ inkonvenjent speċjalment lejn in-naħa ta’ Triq l-Isptar u Triq it-Tramuntana. Fil-futur qrib, ikun imiss l-installazzjoni tas-sala La Valette bil-għan li tkompli titjieb l-effiċjenza u tnaqqas l-inkonvenjent lir-residenti tan-naħa ta’ Triq l-iBjar.

Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti – rwol u funzjoni tal-istaff

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu r-rwol u l-funzjoni ta’ kull membru tal-istaff fl-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru tiegħu?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li r-rwol u l-funzjoni ta’ kull membru tal-istaff fl-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru tiegħi huwa kif ġej: Assistant Director Administration & Management Senior Principal Permanent Secretary Secretariat Principal Permanent Secretary Secretariat Office Management Assistant Permanent Secretary Secretariat Enrolled Nurse Event coordinator Principal Event coordinator Officer in scale 16 (driver) Driver

Skola Sekondarja tal-Ħandaq – periklu għall-għalliema u l-istudenti – ilma tax-xita

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk fl-iskola sekondarja tal-Ħandaq, eks-skola tas-subien hemmx periklu għall-għalliema u l-istudenti minħabba l-ammont ta’ ilma tax-xita li daħal fl-aħħar jiem (l-ewwel ġimgħa ta’ Ottubru 2017) tant li daħal l-ilma fil-klassijiet, fil-foyer u l-kuritur tal-iskola? Jista’ jgħid liema xogħol ta’ manutenzjoni sar matul dan is-Sajf fuq din l-iskola?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nixtieq ninforma l-Onor. Interpellant li wara li saret spezzjoni fuq il-post mill-Perit tad-Dipartiment, ma jirriżultax li hemm periklu għall-għalliema u l-istudenti. Ninsab infurmat li għaddej xogħol ta’ intervent ta’ tqegħid tal-membrane fuq is-saqaf, li kellu jiġi mwaqqaf minħabba l-maltemp tal-aħħar ġranet. Bħala miżura temporanja ġie mqiegħed qatran fuq is-saqaf. Matul dan is-Sajf sar dan ix-xogħol ta’ manutenzjoni f’din l-iskola: Ristrutturar ta' żewġt ikmamar tal-banju Tikħil u tibjid ta' tletin klassi Tikħil u tibjid ta' tmien kurituri u żewġ turġien Tikħil u tibjid fis-Sala, il-kappella u t- tuck shop Membrane ġdid fuq is-saqaf tal-iskola ( in progress)

ALP – full complement

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il għalliem huwa nieqes fl-ALP issa fl-ewwel ġimgħa tas-sena akkademika 2017/2018 u meta se jkun hemm il-full complement tal-għalliema li hemm bżonn biex isir it-tagħlim tas-suġġetti kollha?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li fit-12 ta' Ottubru kien hemm tliet għalliema neqsin fl-ALP Paola, f’dawn is-suġġetti: Customer Care, Welding u Multimedia. Bħalissa qed isiru l-intervisti biex jimtlew dawn il-vakanzi.

Programm My Journey – applied teaching – taħriġ lill-għalliema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħata taħriġ lill-għalliema dwar il-metodu ta’ applied teaching li sejjer jintuża fil-programm My Journey li għandu jibda fl-iskejjel mis-sena akkademika li ġejja?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-programm My Journey mistenni jibda fl-iskejjel f’Settembru 2019. It-taħriġ tal-għalliema konċernati se jingħata fix-xhur li ġejjin. Bħalissa qiegħdin isiru tħejjijiet ta’ programmi ta’ tagħlim ta’ suġġetti vokazzjonali u applikati, kif ukoll ta’ ħruġ ta’ tenders għal refurbishment ta’ kmamar fl-iskejjel sabiex jintużaw għat-tagħlim tas-suġġetti vokazzjonali u applikati fl-iskejjel.

My Journey — studenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema se tkun l-età, jew is-sena ta’ skola u liema studenti se jiġu separati fil-binarju offrut taħt il-My Journey u kif se ssir din is-selezzjoni?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-programm My Journey se jiġi offrut għal studenti fit-Tielet sena tas-Sekondarja, minn Settembru 2019 ‘l quddiem. L-istudenti kollha jkunu offruti suġġetti vokazzjonali u applikati fil-firxa ta’ suġġetti options li l-istudenti jingħataw lejn tmiem it-Tieni sena tas-Sekondarja. L-istudenti kollha se jibqgħu fl-istess skola u jingħataw l-opportunità li jagħżlu x-xeħta ta’ suġġetti li jixtiequ jitgħallmu u li jħossuhom komdi fihom.

My Journey – skejjel/kulleġġi – suġġetti mgħallma

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema skejjel jew kulleġġi se jiġu mgħallma s-suġġetti taħt il-programm My Journey u jekk hux is-suġġetti kollha se jiġu mgħallma f’kull skola? Jista’ jgħid ukoll jekk l-istudenti humiex se jibqgħu jattendu l-kulleġġi skont il-catchment area li jaqgħu fiha jew le?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma l-Onor. Interpellant li l-iskejjel sekondarji kollha tal-Istat se jkunu qegħdin joffru s-suġġetti vokazzjonali u applikati minn Settembru 2019 ‘l quddiem. B’kollox hemm 12-il skola Sekondarja u fihom kollha se jkun offrut il-programm tal-My Journey. L-iskejjel Sekondarji kollha, barra dik ta’ Għawdex, se jingħaqdu fi gruppi ta’ tlieta jew erba’ skejjel flimkien u fihom kull suġġett vokazzjonali u applikat jiġi mgħallem f’żewġ skejjel minn tlieta jew erba’ minnhom. Fis-sekondarja ta’ Għawdex se jkunu mgħallma s-suġġetti kollha vokazzjonali u applikati. B’hekk se jkun hemm l-inqas ċaqliq ta’ studenti possibbli bejn it-Tieni u t-Tielet sena tas-Sekondarja minn kulleġġ għall-ieħor. Student jibdel biss il-kulleġġ tiegħu jekk is-suġġett/i li jixtieq ma jkunux mgħallma fl-iskola Sekondarja tal-kulleġġ tiegħu.

Il-Mellieħa – żoni ta’ parkeġġi ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-pjanijiet għal żoni ta' parkeġġi ġodda fil-Mellieħa li kienu ġew indikati u studjati bejn l-2010 u l-2013 għadhomx fil-pjanijiet tal-Gvern u l-Kunsill Lokali tal-Mellieħa?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara t-tnedija tal-Istrateġija Nazzjonali dwar it-Trasport li ġiet ippublikata reċentament, il-Gvern se jkun qed jevalwa kwalunkwe pjan jew talba għal żoni ta’ parkeġġi b’mod ħolistiku u fl-isfond ta’ din l-istess Strateġija Nazzjonali.

Il-Mellieħa – żoni ta’ parkeġġi ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-pjanijiet għal żoni ta' parkeġġi ġodda fil-Mellieħa li kienu ġew indikati u studjati bejn l-2010 u l-2013 għadhomx fil-pjanijiet tal-Gvern u l-Kunsill Lokali tal-Mellieħa?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali tal-Mellieħa qatt ma ħejja xi pjan dwar il-parkeġġ. Madankollu kien ħejja pjan għall-i¿vilupp sostenibbli, li kien iffinanzjat minn skema apposta tad-Dipartiment għall-Gvern Lokali, li fiha saret refernza ħafifa għall-parkeġġ. Għalhekk ikun aħjar li l-Onor. Interpellant jispeċifika aktar il-mistoqsija tiegħu.

Lokalitajiet – skemi tal-Urban Improvement Fund u Commuted Parking Payment Schemes

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema kienu dawk il-lokalitajiet (Kunsilli Lokali) u kemm kienu l-ammonti li gawdew minnhom l-istess lokalitajiet b'mod separat mill-iskemi tal-Urban Improvement Fund (UIF) u l-Commuted Parking Payment Scheme?

Response (BORG, IAN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

Lokalitajiet – skemi tal-Urban Improvement Fund u Commuted Parking Payment Schemes

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema kienu dawk il-lokalitajiet (Kunsilli Lokali) u kemm kienu l-ammonti li gawdew minnhom l-istess lokalitajiet b'mod separat mill-iskemi tal-Urban Improvement Fund (UIF) u l-Commuted Parking Payment Scheme?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni kif miġbura mingħand il-Kunsilli Lokali. Bosta Kunsilli ggwadanjaw mill-Urban Improvemnet Fund (UIF), filwaqt li l-Kunsill Lokali tal-Ħamrun biss irċieva flus mill-Commuted Parking Payment Scheme (CPPS).

Day Care Unit – Pakkettjar ta’ ikel

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, minħabba raġunijiet ta' iġjene, jara li l-ikel (sandwiches) li jingħata lill-pazjenti rikoverati fis-sala Day Care Unit jiġi ppreparat f'pakkeġġar apposta u mhux kif qed jingħata llum, billi sempliċiment jitpoġġa fi srievet tal-karti?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-isptar Mater Dei jieħu ħsieb li pazjenti li jkunu fid-Day Care Unit jingħataw ikel fi stat ta' iġene tajjeb. Fil-fatt l-isptar għandu uffiċjal li jissorvelja l-kwalita’ ta' dan is-servizz.

Sptar Mater Dei – mediċini lill-pazjenti

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jara li tinbidel il-prassi/proċedura eżistenti sabiex il-mediċini li jingħataw b'xejn għal tlitt ijiem wara li l-pazjenti li jkun rikoverati fis-swali tal-Isptar Mater Dei u jiġu rilaxxati , dawn jingħataw mis-sala stess u mhux jintalbu jiġbru l-mediċini mill-ispiżerija tal-isptar u dan sabiex jiġu evitati skariġġi bla bżonn lill-istess pazjenti wara li jkunu ilhom jiem rikoverati?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont il-liġi Maltija mediċini jew prodotti mediċinali jistgħu biss jiġu provduti minn spiżjar fi spiżerija liċenzjata. Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel referenza għal Artiklu 76 Kap.458 Att Dwar Il-Mediċini.

NCPE – riżultati mill- Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fir-rigward l-ugwaljanza bejn is-sessi

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’kien ir-riżultat tax-xogħol tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) waqt il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea biex tmexxi ’l quddiem l-ugwaljanza bejn is-sessi?

Response (DALLI, HELENA)

Il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) kienet deputy chair fi grupp ta’ ħidma fejn ġew diskussi Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-titjib tal-ħiliet tan-nisa u l-irġiel fis-suq tax-xogħol li ltaqa’ tlett darbiet waqt il-Presidenza (darbtejn f’Jannar u darba fi Frar). Għaldaqstant, l-NCPE għamlet xogħol bi preparamenti għal dawn il-laqgħat, fosthom ipparteċipat f’diskussjonijiet sabiex ġew imfassla dawn il-Konklużjonijiet u ppreparat l-abbozzi neċessarji; ipprovdiet informazzjoni u suġġerimenti sabiex jissaħħaħ il-prinċipju tal-ugwaljanza fil-Konklużjonijiet; u kienet attiva fid-diskussjonijiet u n-negozjar ma’ rappreżentanti tal-Istati Membri, il-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea sabiex jintlaħaq qbil. Filfatt intlaħaq qbil bejn l-Istati Membri u dawn il-Konklużjonijiet ġew adottati fil-laqgħa tal-Kunsill tal-EPSCO ta’ Marzu 2017. L-NCPE kienet ukoll deputy chair fi grupp ta’ ħidma dwar il-Proposta għad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-titjib tal-bilanċ bejn is-sessi fost diretturi mhux eżekuttivi ta’ kumpaniji elenkati fil-Borża u miżuri relatati. Sar xogħol sabiex isiru l-emendi neċessarji fid-Direttiva minħabba l-fatt li kienet ilha ma tiġi diskussa mill-2015. Sar ukoll lobbying ma’ rappreżentanti Ewropej sabiex titqajjem kuxjenza dwar l-importanza ta’ din id-Direttiva. L-NCPE ipparteċipat fil-laqgħa tal-grupp ta’ ħidma li saret f’Marzu fejn diversi Stati Membri kkonfermaw li minħabba elementi ta’ subsidiarity u proportionality ma jistax ikun hemm qbil. Il-Presidenza għaldaqstant ippublikat Progress Report biex tagħti rendikont tax-xogħol sa dak iż-żmien. L-NCPE ħadmet ukoll fl-organizzazzjoni tal-laqgħa tal-High Level Group on Gender Mainstreaming fejn ikkollaborat mal-Kummissjoni Ewropea kif ukoll ma’ diversi rappreżentanti tal-Presidency Unit rigward il-loġistika u l-aġenda tal-laqgħa. Din il-laqgħa mmexxjia mill-Kummissjoni Ewropea tiltaqa’ f’kull Presidenza. Għal-laqgħa li saret f’Malta kien hemm il-parteċipazzjoni tal-Istati Membri kollha. Il-laqgħa ta’ Malta indirizzat temi relatati mal-indipendenza ekonomika tan-nisa u l-irġiel, il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa kif ukoll il-promozzjoni tal-ugwaljanza u d-drittijiet tan-nisa madwar id-dinja.
Leg 13 PQ #1735 Sitting 28 2017-10-17 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Toroq f’Għawdex li ġew miksija bit-tarmac

Question

Tista' l-Ministru tgħid liema toroq f'Għawdex ġew miksija bit-tarmac matul din is-sena (2017)? F’kull każ kemm kien it-tul ta' kull triq u kemm sewa' x-xogħol fuq kull triq?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li diġa` tajt għall-mistoqsija parlamentari 1500. Ġentilment ninforma wkoll li l-informazzjoni mitluba fit-tieni parti ta’ din il-mistoqsija, għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 13 PQ #1736 Sitting 28 2017-10-17 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Fast ferry service bejn Malta u Għawdex

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta ser jibda jopera l-fast ferry service bejn iż-żewġ gżejjer ta' Malta u Għawdex? Min ser ikun qed jopera dan is-servizz? Tista' tgħid jekk dan hux ser ikun għall-passiġġieri biss jew jekk hux ser ikun qed joffri servizz għall-vetturi wkoll? Kemm hu maħsub li se jkun jista' jġorr passiġġieri f'kull vjaġġ u kemm hu maħsub li se jibdew jsiru vjaġġi kuljum? Liema port f'Malta ser ikun qed juża dan is-servizz?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 1501.

Seduti ta’ kawzi pendenti differiti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il seduta ta' kawżi pendenti ġew differiti mill-1 ta' Jannar 2017 sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari minħabba li ma kienx hemm awla fejn issir is-seduta?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninstab infurmat li għalkemm ma tin¿ammx statistika li turi r-raġuni għaliex seduta tkun ġiet diferita, ma jidhirx li matul din is-sena kien hemm seduti li ġew differiti minħabba li ma kienx hemm Awla disponibbli. Meta jkun hemm diffikulta minħabba li jkun hemm aktar seduti appuntati milli jkun hemm Awli disponibbli, isir eżercizzju biex jiġu ddentifikati seduti li ma jkunux fit-tul u s-seduta tiġi posposta u tibda wara li tispiċċa seduta oħra, b’hekk ma jkunx hemm differimenti.

Dħul fir-riżerva naturali ta’ Filfla – talbiet għal permess

Question

Jista’ l-Ministru jgħid sena b’sena kemm-il talba għal permess irċieva għal dħul fir-riżerva naturali ta’ Filfla mill-1 ta’ Jannar 2013 sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid x’kien l-għan ta’ kull waħda mit-talbiet? Jista’ jgħid kemm minn dawn it-talbiet ġew milqugħa u nħareġ il-permess mitlub? Jista’ jgħid jekk imponiex xi kundizzjonijiet mal-ħruġ ta’ dawn il-permessi?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni rigward 8 talbiet għal dħul jew aċċess għall-gżira ta’ Filfla li ġew mitluba lill-MEPA mill-2013 sa’ issa. L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) ma ġietx mitluba permessi ta’ dan it-tip. Dawn il-permessi huma għal skopijiet xjentifiċi, li wħud minnhom huma wkoll biex jaqdu obbligi legali fuq il-pajjiż. Il-permessi kollha jkollhom għadd ta’ kundizzjonjiet, li jinkludu kundizzjonijiet ġenerali li jiżguraw li jinżamm l-istat ta’ konservazzjoni tal-ambjent naturali u l-ispeċi li għalihom hija mħarsa Filfla – li jinkludu kundizzjoni kontra qbid u qtil ta’ speċi ta’ flora u fawna, kif ukoll kundizzjonijiet speċifiċi għall-każ partikolari.

Ksur tal-Att dwar ir-Riżerva Naturali ta’ Filfla – persuni mressqa l-Qorti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid sena b’sena kemm-il persuna tressqet il-Qorti akkużata bi ksur tal-Att dwar ir-Riżerva Naturali ta’ Filfla mill-1 ta’ Jannar 2013 sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ l-Ministru jgħid kemm minn dawn il-persuni nstabu ħatja u x’kienet il-piena li ngħataw mill-Qorti?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi mill-1 ta' Jannar 2013 sal-11 ta' Ottubru 2017 kien hemm tliet każijiet fejn tliet persuni tressqu l-Qorti akkużati bi ksur tal-Att dwar ir-Riżerva Naturali ta’ Filfla. Żewġ persuni li kienu involuti f'żewġ każijiet separati imma fl-istess ġurnata fis-sena 2014 instabu ħatja waqt li persuna ta' każ fis-sena 2013 kien illiberat. Dettalji jidhru fit-tabella t'hawn taħt: Mressqa minn Sena Numru ta' persuni li ġew imressqa l-Qorti Riżultat tal-każ Admin. Law Enforcement 21 ta’ Lulju 2013 Persuna waħda Liberata Admin. Law Enforcement 12 t’Awwissu 2014 Persuna waħda Misjuba ħatja u mmultata mitt ewro Admin. Law Enforcement 12 t’Awwissu 2014 Persuna waħda Misjuba ħatja u mmultata mitt ewro