Jista’ l-Ministru jgħid jekk riċentiment kienx hemm xi tibdil fir-regolamentazzjoni tal-fish farms?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lil-Onor. Interpellant li ftit aktar kmieni din is-sena ġew varati regolamenti ġodda dwar l-operat tal-akkwakultura fejn qiegħed ikun regolat l-operat tal-istabbilimenti tal-akkwakultura. Bħalissa għaddej il-perjodu ta’ transizzjoni, fejn l-operaturi preżenti qegħdin jinħarġilhom il-permess operattiv skont kif inhu mitlub minn dawn ir-regolamenti.
Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) – press releases
Question
Jista' l-Ministru jgħid mill-bidu tas-sena 2014 sad-data ta’ din il-mistoqsija, xahar b’xahar kemm il-press release ħarġet id-Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) dwar deċizjonijiet finali tat-Tribunal għat-Talbiet tal-Konsumatur li ma ġewx onorati min-negozjant li kontrih ingħatat id-deċizjoni? Jista' jgħid mill-bidu tal-2014 sad-data ta’ din il-mistoqsija, xahar b’xahar jekk kienx hemm xi deċizjonijiet finali tat-Tribunal għat-Talbiet tal-Konsumatur li allura ma ġewx onorati min-negozjant li kontrih ingħatat id-deċizjoni li dwarhom ma inħarigtx press release? X’kriterji huma segwiti mid-Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) f’ħdan l-MCCAA biex jinħargu press releases dwar d-deċizjonijiet finali tat-Tribunal għat-Talbiet tal-Konsumatur?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba fl-ewwel parti tal-mistoqsija parlamentari qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Ninsab infurmat ukoll li m’hemmx każijiet fejn ma nħargitx press release fil-konfront tan-negozjanti li ngħatat deċiżjoni kontrihom u li ma mxewx mad-deċiżjoni. Hemm 6 każijiet pendenti li qed naħdmu fuqhom biex in-negozjanti jimxu mad-deċiżjonijiet maħruġa fil-konfront tagħhom. Fil-każ li dawn ma jonorawx id-deċiżjoni li ngħatat, ma jkunx hemm triq oħra ħlief li noħorġu public warning.
Jista’ l-Ministru jgħid meta se tidħol fis-seħħ il-miżura mħabbra fil-baġit li vetturi kompletament elettriċi jkunu meħlusa mit-taxxa tar-reġistrazzjoni? F'dan il-kuntest sidien li rreġistraw dawn it-tip ta' vetturi fl-aħħar xhur se jkollhom refużjoni tat-taxxa tar-reġistrazzjoni? Is-sidien li qed jistennew biex jirreġistraw dawn it-tip ta' vetturi se jingħataw iċ-ċans jiggaraxjaw il-vettura tagħhom sakemm il-miżura mħabbra fil-baġit dwar ħelsien mit-taxxa tar-reġistrazzjoni tidħol fis-seħħ?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor Interpellant illi l-miżuri tal-Budget mħabbra li vetturi kompletament elettriċi jkunu meħlusa mit-taxxa tar-reġistrazjoni ser tidhol fis seħħ fl-1 ta’ Jannar 2018, kif stabbilt fl-Att 174.
F'dan il-kuntest s-sidien li rreġistraw dawn it-tip ta' vetturi fl-aħħar xhur mhux ser jkollhom refużjoni tat-taxxa tar-reġistrazzjoni għaliex l-miżura tidħol fis-seħħ is-sena d-dieħla. Kif jiġri kull meta jitħabbru l-miżuri tal-Budget, s-sidien li qed jistennew biex jirreġistraw dawn it-tip ta' vetturi jridu jistennew sakemm il-miżura mħabbra fil-baġit tidħol fis-seħħ.
Jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni għaliex numru ta' ħaddiema ġewwa Heritage Malta ġew mogħtija transfers jew ossija ġie revokat id-dettaljar tagħhom ftit wara l-elezzjoni ta' Ġunju 2017? Jista', fit-tweġiba tiegħu, il-Ministru ma jgħidx sempliċiment li t-transfers ingħataw skont l-esiġenzi tas-servizz imma jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra rapport dwar il-ħtieġa ta' dawn it-transfers?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li revocation of detailing sar sabiex Heritage Malta jindirizza ħtiġijiet tal-operat tiegħu.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il ħaddiem kellha Heritage Malta fil-15 ta' Marzu 2013? Jista' jgħid kemm minn dawn il-ħaddiema kienu impjegati diretti ta' Heritage Malta, fuq secondment jew mal-IPSL (illum RSSL)? Jista' jgħid kemm minn dawn kienu nisa, il-grad tagħhom kif ukoll il-livell tal-edukazzjoni li jħaddnu?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li fil-15 ta’ Marzu 2013 Heritage Malta kellha 293 impjegat. 86 minnhom nisa u 207 irġiel. Il-livell ta’ edukazzjoni qiegħed spjegat iktar dettaljat fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ċentru tal-Viżitaturi f’Ħaġar Qim u reception tal-Palazz tal-Inkwiżitur – air conditioners
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb sabiex jiġu stallati air conditioners fiċ-Ċentru tal-Viżitaturi ġewwa Ħaġar Qim kif ukoll fir-reception tal-Palazz tal-Inkwiżitur?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-proċess sabiex jiġu nstallati air conditioners fiż-żewġ siti diġà beda. Dan se jkun proċess twil minħabba d-diffikultajiet prattiċi ppreżentati mis-siti msemmija.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema f'Heritage Malta fi grad ta' Coordinator? Jista' jgħid kemm minnhom għandhom diploma qualification jew ċertifikat f'livell MQR 4?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li fi ħdan Heritage Malta hemm 21 impjegat fil-grad ta’ Coordinator, li minnhom hemm ħdax li għandhom livell ta’ MQR 4.
B'referenza għal sejħiet futuri li Heritage Malta għad trid toħroġ għal grad ta’ conservator, jista’ l-Ministru jassigura li kull persuna li tingħata din ir-responsabilità jkollu kwalità ta' livell MQR 6 fuq is-suġġett?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li kull darba li Heritage Malta timpjega xi konservatur dan dejjem isir b’osservazzjoni sħiħa tal-obbligi legali.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex Heritage Malta qatgħet għal kollox l-appoġġ li tagħti lil istaff tagħha sabiex jorganizzaw avvenimenti għall-impjegati tagħha stess?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-għajnuna li Heritage Malta kienet tagħti lill-istaff rigward attivitajiet għall-impjegati qatt ma naqset.
Avukat Ġenerali – użu ta’ Artikolu 19 tal-Att dwar il-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba l-Artikolu 19 tal-Att dwar il-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni intuża mill-Avukat Ġenerali biex jinħareġ ċertifikat ta’ immunità minn prosekuzzjoni mill-1988 sa Marzu 2013?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Membru illi minkejja tfittxijiet u mistoqsijiet lil persuni li kienu jokkupaw il-kariga t’Avukat Ġenerali matul il-perjodu indikat fl-interpellanza (u li għadhom ħajjin) ma ġew rintraċċjati ebda każijiet fejn intużat il-fakulta’ tal-Avukat Ġenerali li joħroġ tali ċertifikat t’immunita’ fil-perjodu indikat.
Avukat Ġenerali – użu ta’ Artikolu 19 tal-Att dwar il-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba l-Artikolu 19 tal-Att dwar il-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni ntuża mill-Avukat Ġenerali biex jinħareġ ċertifikat ta’ immunità minn prosekuzzjoni minn Marzu 2013 sal-lum?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li minn Marzu 2013 sal-lum l-Avukat Ġenerali ħareg ċertifikati lil persuni taħt l-Artikolu 19 tal-Att dwar il-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni biex dawn il-persuni jixhdu fi proċeduri kriminali taħt immunita minn prosekuzzjoni dwar atti ta’ korruzzjoni fis-segwenti dati u kwantitajiet:
6 persuni – fil-5 ta’ Marzu 2014
15-il persuna – fit-18 ta’ Gunju 2014
18-il persuna – fl-1 ta’ Lulju 2014
10 persuni – fil-15 ta’ Dicembru 2014
11-il persuna – fis-16 ta’ Marzu 2015
Persuna wahda fit- 3 ta’ Marzu 2017.
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex it-tkaxkir tas-saqajn biex l-Abbozz ta’ Liġi dwar il-Lawyer’s Act, jiġi ppublikat?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. membru illi fuq il-Lawyers Act ma hijiex kwistjoni ta’ ‘tkaxkir ta’ saqajn’ kif jiddeskriviha hu iżda ta’ nuqqas ta’ qbil fuq ċerti proposti dwar l-organiżazzjoni tal-professjonijiet legali fejn jidher illi d-dibattitu għad irid jevolvi, inkluż minn membri ewlenin fi ħdan il-Partit Nazzjonalista li privatament urewni tħassib kbir dwar uħud mill-proposti. Il-Gvern jittama illi fuq dan is-suġġett ikun jista’ jsir progress fl-interess tal-professjoni legali u tal-pubbliku.
Jista’ l-Ministru jelenka l-prezzijiet il-ġodda u kif kienu sa ftit ilu fir-Reġistru tal-Artijiet, biex takkwista site plan u informazzjoni dwar titolu ta' art?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ma kien hemm l-ebda tariffi ġodda rigward talba għall-informazzjoni dwar titolu ta’ art u l-prezzijiet mitluba huma dawk stabiliti fil-Leġislazzjoni Sussidjara 296.01.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk jaħsibx li l-limitu ta' introjtu li hu eżentat minn freezing orders, stabbilit fl-1986, għandux ikun rivedut?
Response (BONNICI, OWEN)
Kif qed jindika tajjeb l-Onor. Interpellant, il-Ligi ilha stabbilita mill-1986, seba’ amministrazzjonijiet ‘il boghod minn dik attwali u li jinkludu wkoll dawk fejn kien membru prominenti l-istess Interpellant. L-informazzjoni li għandi hi li l-Art 5(1) tal-Kap 373 u l-Art 22 A(1) tal-Kap 101, persuna li tkun inħargitilha ordni ta’ ffriżar fil-konfront tagħha tkun intitolata, fejn ikun hemm mezzi biżżejjed, għal €13,976.24 fis-sena. Jien miftuħ għal kwalunkwe suġġerimenti dwar dan is-suggett, inkluz il-pozizzjoni ufficjali tal-Oppozizzjoni dwar dan il-punt.
Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma – ingaġġ ta’ fitters
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati fitters mal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma fl-2017, xahar b’xahar?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma f’Marzu 2017 ħarġet l-ittra tal-ingaġġ lil 184 Multi Skilled Fitters 3. L-Onor. Interpellant għandu jkun infurmat li kull impjieg sar skont l-eżiġenzi tas-servizz u dejjem skont id-direttivi stabbiliti tal-Gvern dwar reklutaġġ ma’ dipartimenti u entitajiet pubbliċi.
Individual Investor Programme– applikant li jagħti donazzjoni lil xi għaqda filantropika
Question
Peress li l-għotja li jagħti applikant tal-Individual Investor Programme lil xi għaqda filantropika/NGO titqies bħala parti mill-evalwazzjoni tal-istess applikant, jista’ l-Ministru jgħid kif Identity Malta tista’ tagħmel tali evalwazzjoni meta ma jkollhiex rekord ta’ kemm kull applikant ikkontribwixxa?
Response (BONNICI, OWEN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi il-mistoqsija tiegħu lil Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Jobs Plus jagħmlux aċċertazzjoni li f’kumpaniji tal-manifattura ma jkunx qed jintuża l-ingaġġ ta’ ħaddiema barranin biex jitbaxxew ir-rati li jitħallsu bihom il-ħaddiema Maltin fuq l-istess xogħol?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-proċedura ta’ ħruġ ta’ permessi ta’ Residenza/Xogħol (Single Permit) ir-rwol ta’ Jobsplus hu li jagħmel dak li jissejjaħ Labour Market Test. Dan it-test maqsum fuq tliet partijiet:
1. Jobsplus tivverifika li l-individwu għandu l-kredenzjali/kapaċitajiet meħtieġa li jagħmel ix-xogħol rikjest;
2. Jobsplus tara s-sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol;
3. Jobsplus tivverifika li min iħaddem ma jkunx għamel
redundancies
ta’ ħaddiema eżistenti biex idaħħal ħaddiema barranin fl-istess xogħol.
Minbarra dan, Jobsplus tagħmel ċert ukoll li l-paga dikjarata ma tkunx anqas mill-paga minima stabbilita mil-Liġi.
Infakkar lill-Onor. Interpellant li l-iċċekjar fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol ma jsirx minn Jobsplus iżda mid-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u Xogħol (DIER).
Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg – ingaġġ ta’ ħaddiema barranin
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk id-DIER jagħmlux aċċertazzjoni li f’kumpaniji tal-manifattura ma jkunx qed jintuża l-ingaġġ ta’ ħaddiema barranin biex jitbaxxew ir-rati li jitħallsu bihom il-ħaddiema Maltin fuq l-istess xogħol?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-DIER waqt l-investigazzjonijiet tiegħu f’postijiet tax-xogħol differenti jara li l-kundizzjonijiet tax-xogħol kollha, inklużi dawk relatati mal-ħlas ta’ pagi ma jiġux miksura għad-detriment tal-ħaddiema kkonċernati.
F’dan ir-rigward id-Dipartiment ma jiddistingwix fl-investigazzjonijiet tiegħu bejn ħaddiema Maltin u barranin u għaldaqstant jara li l-liġi tkun rispettata fl-intier tagħha.
kumpaniji reġistrati f'Malta mal-MFSA li għandhom azzjonisti ta' nazzjonalità li mhijiex Maltija
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn kumpaniji reġistrati f’Malta (mal-MFSA) li għandhom azzjonisti ta’ nazzjonalità li mhijiex Maltija u jaqsam l-informazzjoni skont in-nazzjonalità?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi l-istoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jindika data speċifika meta ser jidħlu fis-seħħ l-inċentivi fiskali għall-Prospects li ssemmew fid-diskors tal-Baġit għas-sena 2017?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li sar abbozz ta Avviz Legal msejjaħ "Risk Investment Scheme Rules" li l-għan tiegħu hu li jimplimenta l-imsemmija inċentivi fiskali.
Dan l-Abbozz ġie diskuss bejn id-diversi partijiet konċernati (il-Malta Stock Exchange, il-MIMCOL, il-Ministeru għall-Finanzi u d-Dipartiment tat-Taxxi Interni), u jonqsu biss li jiġi reviewed mill-iSAMB (State Aid Monitoring Board).
Il-pubblikazzjoni tiegħu ghandha ssir fil-ġimgħat li ġejjin; madankollu dan jiddependi mill-approvazzjonijiet kollha li jistgħu jkunu meħtieġa.