Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – ingaġġ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament għadux ingaġġat b’xi mod kwalunkwe mal-Ministeru u/jew ma’ xi entità li taqa’ taħt ir-responsabilità tal-Ministeru tiegħu u f’dak il-każ, x’tip ta’ kuntratt ġie ingaġġat bih u b’liema kundizzjonijiet, inkluż salarju, allowances u perkaċċi oħra?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-individwu li d-dettalji dwaru ngħataw separatament m’għadux ingaġġat b’ebda mod mal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol jew ma’ xi entità li taqa’ taħt ir-responsabilità ta’ dan il-Ministeru. (Informazzjoni Addizzjonali: Ara Dokumenti PL 639 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'Seduta 45 tat-Tnejn, 30 ta' Ottubru 2017)

Stħarriġ fuq fondi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Pulizija hijiex qed tagħmel investigazzjoni biex tistħarreġ il-provenjenza tal-fondi li bihom l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament seta’ jibni blokka appartamenti fir-Rabat filwaqt li kien qed jaqla’ salarju ta’ xogħol mal-Gvern u speċjalment meta wieħed iqis li għal dan il-proġett huwa ma ħa l-ebda self bankarju?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi waqt l-investigazzjonjiet tagħha, il-Pulizija għamlet l-istħarriġ kollu, anke dak relatat mal-provenjenza tal-fondi li bihom il-persuna li d-detalji dwarha ngħataw separatament, seta’ jibni l-blokka msemmija fil-mistoqsija.
Leg 13 PQ #1891 Sitting 32 2017-10-19 Oral · Final From: SIMON BUSUTTIL To: Ministeru għall-Finanzi

Stħarriġ fuq fondi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Kummissarju tat-Taxxi Interni hux qed jinvestiga l-provenjenza tal-fondi li bihom l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament seta’ jibni blokka appartamenti fir-Rabat minkejja li kellha biss salarju ta’ xogħol mill-Gvern u speċjalment meta wieħed iqis li għal dan il-proġett huwa ma ħa l-ebda self bankarju?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien bħala Ministru għall-Finanzi mhux se nidħol fuq ħidmiet il-Kummissarju tat-Taxxi Interni u/jew kull investigazzjoni li dan jidhirlu li għandu jagħmel b'mod xieraq.

MCCAA – lmenti dwar kanċellament mir-Ryanair ta’ ċertu flights

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 1719, jista’ l-Ministru jispjega x’miżuri qed jittieħdu mill-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) biex dawk il-konsumaturi li m’għandhomx aċċess għal Facebook, huma wkoll ikollhom aċċess għal informazzjoni msemmija fit-tweġiba?

Response (BONNICI, OWEN)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li dawk il-konsumaturi li m’għandhomx aċċess għal Facebook qed jiġu nfurmati permezz ta’ programmi fuq il-media u artikli fil-gazzetti. Jeżisti numru freephone 80074400 fejn in-nies jistgħu jċemplu għall-iktar informazzjoni.

Tkabbir tal-Università f’Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess biex jitkabbar iċ-ċentru tal-Università f'Għawdex? Jista' jgħid jekk inħarġux il-permessi biex isir dan it-tkabbir, u jekk iva meta? Jekk ma nħarġux permessi, saret applikazzjoni għal dan it-tkabbir?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-Università għandha permess mill-Awtorità tal-Ippjanar għat-twaqqigħ u bini mill-ġdid ta’ estensjoni fil-ġenb tal-binja tal-Kampus t’Għawdex. Il-pjanijiet odjerni għal dan il-kampus jinkludu mhux biss lil dan ix-xogħol imma potenzjalment anke ieħor intiż sabiex il-kampus jiġi rranġat aħjar b’mod li jakkomoda numru ikbar ta’ studenti u attivitajiet akkademiċi li jistgħu jsiru fih; l-intenzjoni hi li l-post ikabbar u jtejjeb il-faċilitajiet operattivi tiegħu fil-limiti finanzjarji li l-Università għandha biex isir dan ix-xogħol.
Leg 13 PQ #1894 Sitting 32 2017-10-19 Oral · Final From: GLENN BEDINGFIELD To: Ministeru għall-Finanzi

Persuni li d-dħul tagħhom ma jaqbiżx l-€10,000, l-€20,000, it-€30,000, l-€40,000

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella biċ-ċifri separati ta’ persuni li d-dħul tagħhom ma jaqbiżx l- €10,000, l-€20,000, it-€30,000 u l-€40,000? Ma’ dan, jista’ jinkludi wkoll l-ammont ta’ dawk li jdaħħlu aktar minn €40,000 fis-sena?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Ministeru għas-Saħħa – ingaġġ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament jaħdimx u/jew għandux kuntratt ta’ xogħol u/jew ingaġġ ieħor fil-Ministeru jew f’xi entità li l-Ministeru huwa responsabbli għaliha u jekk fl-affermattiv, meta sar dan l-ingaġġ u/jew impjieg, x’inhuma l-kundizzjoni ta’ impjieg jew ingaġġ, inkluż salarju, allowances u perkaċċi oħra? Jista’ jikkonferma jekk l-individwu in kwistjoni jirrapurtax għax-xogħol fil-Ministeru jew fl-entità li għaliha huwa responsabbli l-Ministru?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari numru 31084 u 31085 li ngħataw fil-leġiżlatura li għaddiet.
Leg 13 PQ #1897 Sitting 32 2017-10-19 Oral · Final From: SIMON BUSUTTIL To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kastilja – xogħol ta’ individwu

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament jaħdimx u/jew jirrapportax għax-xogħol f’Kastilja u jekk iva, meta sar dan l-ingaġġ u/jew impjieg, b’liema tip ta’ ingaġġ u/jew impjieg u b’liema tip ta’ kundizzjonijiet u f’liema sezzjoni ta’ Kastilja jaħdem?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1896.

Uffiċċju Konġunt – skemi mnedija

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-iskemi li nieda l-Uffiċċju Konġunt minn wara Marzu 2013?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant li l-Uffiċju Konġunt ma ħareġ l-ebda skema bejn l-2003 u l-2008, bejn l-2008 u Marzu 2013, u ma ħareġ l-ebda skema anqas minn wara Marzu 2013.

Pjazza ta’ Raħal il-Ġdid – laqgħat ta’ konsultazzjoni mas-sidien tal-ħwienet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il laqgħa ta' konsultazzjoni saret qabel u minħabba l-proġett tal-pjazza, mas-sidien tal-ħwienet tal-Pjazza ta' Raħal Ġdid fl-aħħar xhur? Fejn u meta saru?

Response (DALLI, HELENA)

Nitlob l-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru konċernat.

Taqsima Proprjetà tal-Gvern – applikazzjonijiet ta’ fidi ta’ ċnus temporanji

Question

Jista’ l- Ministru jgħid kemm baqa’ applikazzjonijiet ta’ fidi ta’ ċnus temporanji tat-Taqsima Proprjetà tal-Gvern x’jiġu konklużi, inkluż dawk tal-Uffiċċju Konġunt separatament?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kien hemm żewġ skemi ta’ fidì ta’ ċnus li nfetħu taħt amministrazzjonijiet oħrajn, fl-2002 u fl-2012, u li għal perjodu ta’ żmien l-istess Interpellant kien direttament responsabbli. Mill-ewwel skema hemm 271 applikazzjoni temporanja (kollha tal-Joint Office). Minn dik tal-2012 għad hemm 616 pendenti. Dawn tal-aħħar jinqasmu hekk: 546 tal-Joint Office u 70 tal-Lands.
Leg 13 PQ #231 Sitting 29 2017-10-18 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru għall-Finanzi

Persuni li jaqilgħu inqas minn €13,000

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu kkalkulat li hawn nies li jaqilgħu inqas minn €13,000 fis-sena?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jikkjarifika x'irid igħid biha l-kelma 'nies'.

Rapporti għal reati fil-Marsa

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 635, jista’ l-Ministru jgħid kemm minn dawn ir-reati waslu biex jitressqu nies il-Qorti u jaqsam l-informazzjoni skont jekk l-akkużat kienx ta’ nazzjonalità Maltija jew barranija?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi peress li ma teżistix sistema kompjuterizzata biex id-dettalji mitluba fil-mistoqsija jinġabru, din l-informazzjoni nġabret manwlament u għaldaqstant ittieħed ħafna ħin. Infurmat illi mid-disa’ mija u disgħa u sebgħin (979) reat li ġew irrapportati fil-Marsa fis-snin 2015, 2016 u sat-30 ta' Ġunju, 2017, kif elenkat fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 635, kien hemm mitejn u tlieta u tmenin (283) każ fejn tressqu tliet mija u disgħa u tmenin (389) persuna quddiem il-Qorti, inkonnessjoni ma’ dawn ir-reati. Minn dawn, tmienja u tmenin (88) persuna kienu ta' nazzjonalità barranija waqt li tliet mija u wieħed (301) kienu Maltin. Il-figuri kienu kif jidher fit-tabella t'hawn taħt. No. of cases reported 979 cases with arraignments 283 cases without arraignments 696 Persons Arraigned 389 Maltese 301 Foreigners 88

Valletta United Waterpolo Club – art

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 630, ġaladarba l-Gvern wiegħed li jgħaddi l-art inkwistjoni lil Valletta United Waterpolo Club, jista’ l-Ministru jagħti d-data sa meta ser jiġi ffirmat il-kuntratt tat-trasferiment?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-abbozz tal-kuntratt jinsab fil-fażi finali tiegħu u mistenni jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra fil-ġimgħat li ġejjin.

Marsa FC – art

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 630, ġaladarba l-Gvern wiegħed li jgħaddi l-art inkwistjoni lil Marsa FC jista’ l-Ministru jagħti d-data sa meta ser jiġi ffirmat il-kuntratt tat-trasferiment?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi SportMalta bdiet il-proċess, skont ir-rekwiżiti rikjesti mil-ligi, biex tgħaddi l-art inkwistjoni lil Marsa FC u se tkun qed tagħmel dan mill-aktar fis possibbli.

Malta Enterprise — proġetti

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 627, jista’ l-Ministru jagħti l-informazzjoni dwar benefiċċji mogħtija lill-applikanti mitluba fil-mistoqsija oriġinali għas-snin 2016 u 2017 u dan mingħajr ma’ jikxef ismijiet speċifiċi tal-benefiċċjarji u dan skont Artiklu 21.6.d ta’ Kap. 463?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Belt Valletta – reati

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra break down tar-rapporti kollha li saru għal reati fil-Belt Valletta fis-snin 2015, 2016 u 2017 (sena b’sena u reat b’reat)?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi l-informazzjoni mitluba li tinkludi ‘break down’ tar-rapporti kollha li saru mal-Pulizija għal reati fil-Belt Valletta fis-snin 2015, 2016 u sal-aħħar ta' Ġunju 2017 (sena b’sena u b’reat b’reat) tinsab fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ħamrun – reati

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra break down tar-rapporti kollha li saru għal reati fil-Ħamrun fis-snin 2015, 2016 u 2017 (sena b’sena u reat b’reat)?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant, li tinkludi ‘break down’ tar-rapporti kollha li saru mal-Pulizija għal reati fil-Ħamrun fis-snin 2015, 2016 u sal-aħħar ta' Gunju 2017 (sena b’sena u b’reat b’reat) tinsab fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.