Jista' l-Ministru jgħid xi pjanijiet għandha Heritage Malta għas-sit tax-Xagħra Stone Circle? Jista' jelenka x-xogħol li sar f'dan is-sit minn Marzu 2013 s’issa?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li x-xogħol li sar minn Marzu 2013 sa llum jinkludi dan li ġej:
Studju dwar is-sinifikat tas-sit
Studju bijoloġiku
Moniteraġġ tal-ambjent
Studju ġeoloġiku
Studju tal-istabbilità strutturali
Studju dwar l-Istat ta’ konservazzjoni tas-sit
Studju dwar il-pajsaġġ u impatt tal-Iżvilupp fuq is-sit
Studju topografiku
Infurmat ukoll li sa l-aħħar ta’ din is-sena għandu jiġi konklu¿ ukoll studju rigward coring ġeoloġiku.
Dawn ix-xogħlijiet qed jiffurmaw strateġija għall-preservazzjoni ta’ dan is-sit li qed tiġi diskussa flimkien mas-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali.
Tempji ta’ Ħal Tarxien — Proġett taċ-Ċentru tal-Viżitaturi
Question
Jista' l-Ministru jikkonferma li l-proġett taċ-Ċentru tal-Viżitaturi l-ġdid ġewwa t-Tempji ta’ Ħal Tarxien ġie abbandunat kompletament? Jista' jgħid għaliex ittieħdet din id-deċiżjoni? Jista' jgħid fejn marru l-fondi allokati mill-isponsor għal dan il-għan?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-enerġiji kollha ġew iffukati fuq ir-rijabilitazzjoni tas-sit storiku li jinkludi it-tinda, li ġie inawgurat fl-2015. Il-fondi intużaw fit-Tempji ta’ Ħal Tarxien stess u fi bnadi oħra f’Heritage Malta, bi ftehim mal-isponsor.
Jista' l-Ministru jgħid min kien fuq il-bord tal-għażla fuq is-sejħa tal-MUŻA Cafè li Heritage Malta ħarġet xhur ilu? Jista' jgħid kemm-il membru tal-bord tal-għażla kellu esperjenza/kwalifika fil-catering, branding u loġistika?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-għażla kienet maqsuma f’żewg fażijiet. Iż-żewg fażijiet saru minn żewg bordijiet separati b’membri differenti. Heritage Malta tħoss li l-ismijiet tal-membri fuq kull bord m’għandhomx joħorġu fil-pubbliku,
Dawn l-membri kollha kellhom l-esperjenza u l-kwalifiċi kollha meħtiega sabiex jevalwaw il-proposti minn kull aspett fi proġett bħal dan skond il-ħtiġijiet li għandha Heritage Malta.
Ħaddiema li jaħdmu f’Kemmuna li jaqgħu taħt il-Ministeru għal Għawdex
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm ħaddiema jaħdmu Kemmuna u li jaqgħu taħt il-Ministeru għal Għawdex? Tista' tgħid kemm ikun in-numru ta' ħaddiema fis-sajf u kemm ikun in-numru ta' ħaddiema fix-xitwa? Tista’ tgħid x’inhuma l-gradi tagħhom, u liema xogħol huwa assenjat jagħmel fis-sajf u fix-xitwa kull wieħed minn dawn il-ħaddiema?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninsab infurmata li hemm 11-il ħaddiem li jaqgħu taħt il-Ministeru għal Għawdex u qed jaqdu dmirijiethom f’Kemmuna fis-sajf. Ix-xogħol li dawn il-ħaddiema jwettqu jikkonsisti fi ġbir ta’ skart madwar Kemmuna, u tindif u manutenzjoni tal-latrini pubbliċi fil-bajjiet ta’ Santa Marija u l-Blue Lagoon. Meta ma jkunx għad hemm lok għalihom fuq Kemmuna, jirrapportaw Għawdex stess biex iwettqu dmirijiethom skont il-bżonnijiet li jkun hemm.
Individwu – investigazzjoni mill-pulizija/Ministeru/awtoritajiet oħra
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament hux suġġett għal xi tip ta’ investigazzjoni mill-Pulizija jew mill-Ministeru jew minn xi awtorità oħra?
Response (FEARNE, CHRIS)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.
Individwu – investigazzjoni mill-pulizija/Ministeru/awtoritajiet oħra
Question
Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament hux suġġett għal xi tip ta’ investigazzjoni mill-Pulizija jew mill-Ministeru jew minn xi awtorità oħra?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Nitlob lill-Onor Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari nru 1900.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament għadux qed jiġi investigat mill-Pulizija in konnessjoni ma’ allegat tixħim fl-għoti ta’ visas u jekk iva, kemm ilha għaddejja l-imsemmija investigazzjoni?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat li l-investigazzjoni li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli interpellant saret mill-Economic Crime Unit.Bosta nies ġew intervistati, inklużi l-persuna li saru l-allegazzjonijiet fil-konfront tagħha u dik li għamlet l-allegazzjonijiet fl-ewwel lok.Minn dawn irriżulta li l-allegazzjonijiet kienu għal kollox bla bażi u l-istess persuna li għamlet l-allegazzjonijiet diġà tressqet quddiem il-Qorti akkużata li għamlet rapport falz lill-Pulizija u b’attentat ta’ frodi.
Għaldaqstant l-investigazzjonijiet min-naħa tal-Pulizija, kif ukoll kienu rrapportati pubblikament, ġew konklużi.
Peress li skont rapport fil-ġurnal is-Sunday Times of Malta tal-Ħadd, 15 t’Ottubru, 2017, il-Pulizija baqgħu ma ressqux lill-individwu, li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, minkejja li hemm biżżejjed evidenza biex dan l-individwu jitressaq il-Qorti fuq każ ta’ frodi marbut ma’ allegat tixħim fuq kuntratti u ċekkijiet pubbliċi mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada (FTS) filwaqt li fl-istess ħin bena blokka appartamenti fir-Rabat u peress li f’pajjiż demokratiku wieħed għandu jistenna li Ministru ma jindaħalx fl-operat tal-Pulizija, jista’ għaldaqstant il-Ministru jgħid x’biħsiebu jagħmel, bħala Ministru responsabbli mill-Pulizija, sabiex jara li l-Pulizija twettaq dmirha u tieħu l-passi meħtieġa dwar dan il-każ?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat illi waqt li l-Pulizija waslet biex tikkonkludi l-investigazzjonijiet tagħha fuq il-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha ngħataw separatament, jonqos l-aħħar stadju ta' verifiki qabel proċeduri ulterjuri jkunu jistgħu jiġu meħuda.
Awtorità tal-Ippjanar — persuni - prattiċi ta' korruzzjoni
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il impjegat fl-Awtorità tal-Ippjanar inqabad fi prattiċi ta' korruzzjoni bejn Jannar 2014 sal-ġurnata li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija? Jista' jgħid ukoll kemm minn dawn ġie trasferit f'awtorità, aġenzija jew dipartiment ieħor? Jistax jgħid ukoll f'liema awtorità, aġenzija jew dipartiment ġiet trasferita l-persuna?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma kien hemm l-ebda impjegat fl-Awtorità tal-Ippjanar li nqabad fi prattiċi ta' korruzzjoni bejn Jannar 2014 u llum.
Awtorità tal-Ippjanar — Kap Eżekuttiv - ħaddiema - sigħat ta' overtime u ħlasijiet
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il siegħa ta' overtime u ħlasijiet saru minn kull ħaddiem fl-uffiċċju tal-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar bejn Jannar 2015 sal-ġurnata li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il konsulent hemm imqabbad mal-Awtorità tal-Ippjanar? Jistax jagħti l-ismijiet tagħhom u kemm tħallsu għal kull xahar minn Jannar 2015 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Awtorità tal-Ippjanar — skema ta' inġustizzji - ħaddiema
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm skema tal-inġustizzji għall-ħaddiema tal-Awtorità tal-Ippjanar minn Marzu 2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija? Jekk iva, jistax jgħid kemm-il għotja ngħatat lil kull ħaddiem, u min kienu l-ħaddiema?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fi Frar 2014, twaqqfu numru ta’ Grievances Units sabiex jilqgħu u jistħarrġu talbiet li jiġu mressqa quddiemhom minn uffiċjali jew impjegati pubbliċi li jħossu li saret xi inġustizzja magħhom, sabiex imbagħad, f’każ ta’ talbiet ġustifikati, jagħmlu rakkomandazzjonijiet intiżi biex jissewwew dawk l-inġustizzji. Abbażi tar-rakkomandazzjonijiet mogħtija mill-Grievance Unit tal-OPM, għaxar ħaddiema tal-Awtorita’ tal-Ambjent u l-Ippjanar ingħataw kumpens finanzjarju li jammonta għal €128, 494.58 (mija u tmienja u għoxrin elf, erba’ mija u erbgħa u disgħin ewro u tmienja u ħamsin ċenteżmu tal-ewro).
Jista’ l- Ministru jgħid kemm ħaddiema ġodda, u f’liema grad ġew impjegati mal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma fl-2017 s’issa u kemm u f’liema grad ser tkun qed timpjega fis-sitt xhur li ġejjin?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma sal-aħħar ta’ Ġunju 2017 ingaġġat dawn il-ħaddiema:
· 4 Senior Enforcement Inspectors
· 3 Electricians
· 184 Multi Skilled Fitters 3
· 3 Laboratory Technicians
· 1 Auto Mechanic
· 12 Debt Collectors
· 14 Ushers
· 13 Operatives
· 1 Draughtsperson
· 2 Junior Application Developers
B’referenza għat-tieni parti tal-mistoqsija l-Onor. Interpellant għandu jkun infurmat li kull impjieg isir skont l-eżiġenzi tas-servizz u dejjem skont id-direttivi stabbiliti tal-Gvern dwar reklutaġġ ma’ dipartimenti u entitajiet pubbliċi.
Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma – ħaddiema ġodda
Question
Jista’ l-Ministru jgħid minn liema lokalitajiet huma l-ħaddiema l-ġodda, inkluż fitters u ushers, li ġew impjegati mal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma fl-2017, xahar b’xahar?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħaddiem li daħlu mall-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma huma minn firxa kbira ta’ lokalitajiet minn madwar Malta u Għawdex li jinkludu: Birżebbuġa, Birkirkara, Birgu, Fgura, Floriana, Gudja, Għaxaq, Għajnsielem, Gżira, Ħamrun, Isla, Kalkara, Kerċem, Ħal Lija, Ħal Luqa, il-Marsa, Marsaskala, Marsaxlokk, il-Mellieħa, l-Imġarr, il-Mosta, l-Imqabba, l-Imsida, Mtarfa, Munxar, in-Nadur, Naxxar, Raħal Ġdid, il-Qala, Ħal Qormi, r-Rabat Malta, r-Rabat Għawdex, Ħal Safi, San Ġwann, Siġġiewi, Santa Luċija, San Pawl il-Baħar, Ħal Tarxien, Xagħra, Xewkija, Ħaż-Żabbar, Ħaż-Żebbuġ Malta, ż-Żebbuġ Għawdex, iż-Żejtun u ż-Żurrieq. Dawn ġew impjegati wara li saret sejħa mill-Jobsplus għal dawn l-impjiegi.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il Inkjesta Maġisterjali daħlet quddiem il-Maġistrati fl-2015, fl-2016 u fl-2017, maġistrat maġistrat u kemm minnhom ġew konklużi skont il-maġistrat?
Response (BONNICI, OWEN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.
Tbagħbis ta’ Smart Meters – persuni mressqa l-Qorti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il talba għamlet l-Enemalta u għal kemm persuni biex jitressqu l-Qorti wara April 2013 fuq akkuża ta' tbagħbis ta' smart meters?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-perjodu msemmi, Enemalta ħadmet bi sħiħ sabiex tnaqqas is-serq tal-elettriku li fis-snin ta’ qabel kien qed itellef lill-entita’ miljuni ta’ ewro fi dħul. Fil-fatt, permezz ta’ inizzjattivi u miżuri differenti u bis-saħħa tal-impenn kontinwu tal-impjegati involuti f’din il-ħidma, il-Kumpanija rnexxielha tidentifika u twaqqaf madwar 2,000 każ ta’ serq ta’ elettriku u rregolaritajiet oħra relatati.
Kull każ jiġi pproċessat skont il-proċeduri stabbiliti, li jinkludu wkoll, fost oħrajn, talbiet lill-Pulizija għal aktar invesitgazzjonijiet u passi legali, sabiex jiġi żgurat li Enemalta tirċievi l-ħlas tal-elettriku misruq. Fil-perjodu msemmi l-Kumpanija għamlet 153 talba ta’ dan it-tip b’rabta ma’ serq ta’ elettriku.
B’riżultat ta’ din il-ħidma kontinwa, r-rata ta’ elettriku misruq niżlet drastikament sena wara l-oħra, sabiex illum tinsab fl-inqas livelli li qatt kienet.
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra break down tar-rapporti kollha li saru għal reati fil-Floriana fis-snin 2015, 2016 u 2017 (sena b’sena u reat b’reat)?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra break down tar-rapporti kollha li saru għal reati fil-Pietà fis-snin 2015, 2016 u 2017 (sena b’sena u reat b’reat)?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.