Direttiva UE 2019/770 u Direttiva (UE) 2019/771 — implimentazzjoni
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19933, jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-istatus tat-tfassil tal-liġijiet biex jiġu trasposti d-direttivi tal-Unjoni Ewropea 2019/770 u 2019/771 ukoll peress li dawn kellhom jiġu trasposti sal-1 ta’ Lulju 2021?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-liġi sussidjarja għat-transpożizzjoni tad-Direttiva (UE)2019/770 għandha tiġi ppubblikata fil-jiem li ġejjin, filwaqt li l-Abbozz għat-transpożizzjoni tad-Direttiva (UE)2019/771 għandu wkoll jiġi mressaq quddiem il-Parlament fi żmien qasir.
Programm ta’ Fondi Strutturali u Fondi ta’ Koeżjoni Ewropej 2014-2020 – Fondi Ewropej użati mill-Ministeru għal Għawdex
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm intużaw Fondi Ewropej mill-Ministeru għal Għawdex taħt il-programm ta' Fondi Strutturali u Fondi ta' Koeżjoni Ewropej 2014-2020, sena b'sena u għal xiex intużaw? Minn dan il-programm, kemm baqa' fondi x'jintefqu fix-xhur li ġejjin?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Attachments:PQ 22260 - Programm ta’ Fondi Strutturali u Fondi ta’ Koeżjoni Ewropej 2014-2020 – Fondi Ewropej użati mill-Ministeru għal Għawdex.pdf
Ministeru għal Agrikoltura, Sajd, l-Ikel u Drittijiet tal-Annimali — ħaddiema self-employed
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew ingaġġati ħaddiema impjegati self-employed sabiex jagħtu servizz lill-Ministeru għal Għawdex, sena b'sena mill-2010 'l hawn u x'inhi n-natura tal-ingaġġ tagħhom? Kemm hu t-tul ta' dawn il-kuntratti ta' ingaġġ u r-rimunerazzjoni li tingħata għal dawn l-ingaġġi? Kemm minn dawn il-ħaddiema jagħtu servizz f'Malta u kemm minnhom f'Għawdex ?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għall-Agrikoltura, Sajd, l-Ikel u Drittijiet tal-Annimali m’ghandu u lanqas kellu min meta gie mwaqqaf XI ħaddiema li huma ngaġġati bħala self-employed u jagħtu servizz lill-Ministeru għal Għawdex.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kellha impjegati fil-Malta Business Registry, sena b'sena, minn mindu twaqfet din l-agenzija u kemm minnhom huma desk officers?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-taghrif ghadu qed jingabar u t-twegiba tinghata f’seduta ohra.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari18973, jista' l-ministru jgħid għalkemm kienu jammontaw il-multi li ġew imposti fuq uffiċjali ta' kumpaniji reġistrati mar-Reġistru tal-Kumpaniji u kemm minn dawn l-ammonti ġew imħalsa s'issa?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-taghrif ghadu qed jingabar u t-twegiba tinghata f’seduta ohra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm il-Kumpanija ġew imħassra minn fuq ir-reġistru mir-Reġistru tal-Kumpaniji sa l-2019, fl-2020 u sal-aħħar ta' Settembru 2021? Kemm minn dawn il-kumpaniji ġew ravvivati u kemm hemm kawżi sabiex jiġu ravvivati dawn il-kumpaniji ? X'jiġri meta dawn il-kumpaniji li jiġu mħassra mir-Reġistru jkollhom kawżi pendenti meta jiġu mħassra?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-taghrif ghadu qed jingabar u t-twegiba tinghata f’seduta ohra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il kumpanija ġiet immultata sal-aħħar ta' Settembru 2021 ai termini ta' L.S. 386.19, l-entita' totali ta' dawn il-multi u kemm kien l-ammont ta' multi skont dan ir-Regolament li tħallas s'issa lir-Reġistru tal-Kumpaniji?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-taghrif ghadu qed jingabar u t-twegiba tinghata f’seduta ohra.
Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett tal-Pixxina fir-Rabat, Għawdex, meta hu previst li jitlesta u kemm hu previst li ser tkun l-ispiża totali ta' dan il-proġett ?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-proġett tal-Aquatic Center u tal-Indoor Sports Pavilion huma kkunsidrati bħala proġett wieħed, u għaldaqstant kemm il-programazzjoni u kif ukoll in-nefqa allokata huma amalgamati. Il-maġġor parti tax-xogħlijiet tal-kostruzzjoni jinsabu fi stadju avvanzat. Infatti 95% tax-xogħol tal-kostruzzjoni huwa lest. Fil-ġimgħat li ġejjin, huma mistennija li jitpoġġew l-istrutturi tal-ħadid u b’hekk l-istruttura prinċipali tkun kompluta. Diversi xhur ilu, beda jiġi nstallat l-apparat elettriku u mekkaniku. Sa issa 10% ta’ dan l-apparat ġie nstallat. Ix-xogħlijiet relatati mal-faċċata, saqaf u retractable pool huma mistennija li jibdew kmieni s-sena d-dieħla. Huwa proġettat li l-Gozo Aquatic Centre u l-Indoor Sports Pavilion jkunu lesti biex jibdew joperaw sa Ottubru tas-sena d-dieħla.
Jista’ l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet għala f'dawn l-aħħar ġimgħat waqaf ix-xogħol kollu ta' bini tal-ħitan tas-sejjieħ, iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea, ġewwa l-Wied tar-Ramla fix-Xagħra?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħlijiet fuq il-ħitan tas-sejjieħ ġew imwaqqfa sakemm jiġu konklużi xi kjarifiċi mal-Awtoritajiet kompetenti.
Primary Healthcare – ħaddiema b’kuntratt bħala skrivana
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk ħaddiema impjegati bil-kuntratt bħala skrivana mal-primary health care hux qed jiġu assenjati biex jagħmlu xogħol ta' maintenance?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi m’hemmx ħaddiema impjegati bil-kuntratt bħala skrivana mal-Primary Health Care li qed jagħmlu xogħol ta' maintenance.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk wara r-riżenja ta' manager mal-primary health care ġiex assenjat xi persuna oħra bħala acting manager? Jista’ jgħid xi kwalifiki tipposjedi tali persuna biex ġiet assenjata l-grad ta’ acting manager?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ma kien hemm l-ebda riżenja ta’ Manager fil-Primary Health Care.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk hemmx, u kemm huma twal, il-waiting lists għall-operazzjonijiet tal-uroloġija, l-ortopedija, l-oftalmoloġija, u oħrajn?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi pazjenti li qed jistennew għal-operazzjoni iktar minn dak stipulat fil-Patient Charter, fl-Ortopedija huma 2210, fl-Oftalmoloġija 1004 u fil-Uroloġija 38.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm tfal reġistrati b’diżabbiltà fl-iskejjel ta’ Malta u Għawdex, kemm minnhom għandhom bżonn is-servizz ta’ LSE u kemm hemm LSEs jaħdmu fl-iskejjel?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninsab infurmata li tfal reġistrati b’diżabbiltà u kundizzjonijiet diversi fl-iskejjel ta' Malta u Għawdex u li għandhom bżonn is-servizzi ta' LSE hemm 5,644. Irid jingħad li minħabba d-diversità tad-diżabilità jew kundizzjoni, dawn l-istudenti għandhom bżonn ta' 3,903 LSE, liema LSEs huma provduti.
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-istudji, rapporti u proposti kollha li saru mill-kumpanija internazzjonali ta' konsulenza li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament fir-rigward tal-proposta tal-Metro?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dal-għodu Transport Malta ippubblikat l-istudji kollha li qed jiġu mitluba u li saru mill-kumpanija internazzjonali ta' konsulenza li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament. Dawn l-istudji bl-isem ta’ ‘Strategic Business Case’ u ‘Feasibility Study’ jinsabu pubbliċi u online, filwaqt li qed npoġġu fuq il-mejda tal-kamra ‘3 screenshots’ li jinkludu wkoll il-website indikata.
L-istudji sħaħ issa wkoll jinsabu fuq is-sit metro.mt u fid-dawl li huma studji voluminużi jkun għaqli li wieħed jaċċesahom mis-sit
https://www.metro.mt/
Infakkar li l-Gvern talab lill-kumpanija ta’ fama internazzjonali ARUP biex tagħmel studju dwar il-possibbiltà ta’ trasport tal-massa f’pajjiżna. Nhar is-Sibt 2 ta’ Ottubru, il-Gvern ippubblika għad-diskussjoni r-riżultati ta’ dan l-istudju bil-għan li l-poplu jkun jista’ jiddiskuti l-konklużjonijiet u jekk il-pajjiż għandux jimxi f’din id-direzzjoni.
Kif kien diġa’ spjegat l-istudju fih rakkomandazzjonijiet u proposti ta’ għażliet differenti li eventwalment trid tittieħed deċiżjoni dwarhom wara diskussjoni mal-poplu. Eventwalment, jekk il-pajjiż jiddeċiedi li jmur għall-proġett, ikunu jridu jsiru studji oħra fosthom dawk ġeoloġiċi, dawk tal-impatt ambjentali u oħrajn.
Ninnota b’interess li dak ippubblikat fit-2 ta’ Ottubru ħoloq interess u kienu diversi l-persuni li saħansitra żaru l-esebizzjoni fid-daħla tal-Belt Valletta.
L-investiment ta’ €6.25 biljun kienet fost il-punti li l-iktar ġew innotati mill-midja, għalkemm irid jingħad li kif spjegaw l-esperti fi briefing apposta din l-istima tinkludi kontinġenza ta’ 45% li fiha tieħu akkont ta’ inċertezzi li jistgħu jinstabu fil-proċess tal-kostruzzjoni. Ovvjament bħala Gvern jekk kemm-il darba nagħżlu li nkunu qed immorru għal din it-triq, se nkunu qed naraw li jkun hawn diskussjoni serja u xierqa dwar dan il-proċess filwaqt li nesploraw forom differenti ta’ finanzjament anke billi nidħlu f’diskussjonjiet mal-Kummissjoni Ewropea dwar possibilta’ ta’ finanzjment Ewropew ukoll.
Kif isemma fit-tnedija wieħed ma jistax jifred din id-diskussjoni minn oħrajn importanti, fosthom dik tar-reklamazzjoni tal-art hekk kif proġett ta’ dan it-tip joħloq skart qawwi tal-kostruzzjoni li għandna nħarsu lejh bħala riżorsa.
Fl-istess ħin irid jingħad li fost bosta benefiċċji li dan l-istess mezz ta’ trasport iġib miegħu hemm ukoll dawk li ma tistax tikkwantifikahom fosthom; iż-żieda fil-produttiva ekonomika, l-impatt qawwi fuq it-turiżmu, l-impatt fuq id-dehra ta’ pajjiżna fejn jidħol l-investiment dirett barrani kif ukoll l-impatt ambjentali u pożittiv fuq il-kwalità tal-ħajja.
Kif diġa’ spjegat dawn huma biss studji u pariri ta’ esperti internazzjonali u mhux pożizzjoni aħħarija tal-Gvern u għalhekk nkompli nħeġġeġ lill-pubbliku inġenerali biex jagħti r-rakkomandazzjonijiet tekniċi u amministrattivi tiegħu f’din id-diskussjoni nazzjonali sabiex jekk kemm-il darba naraw li se nkunu qed immorru għal sistema ta’ trasport tal-massa bħal din, tkun waħda kif jixtieq il-poplu Malti u Għawdxi u li tkun fuq kollox soluzzjoni fattibli.
Proposta tal-Metro – studji, rapporti u proposti — nefqa
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew jiswew l-istudji, rapporti u proposti kollha li saru mill-kumpanija internazzjonali ta' konsulenza li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament fir-rigward tal-proposta tal-Metro?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ispiza minfuqha fuq dawn l-istudji sa issa tammonta għal € 1,807,907.41
Jista’ l-Ministru jgħid kif ser tiġi ffinanzjata l-proposta tal-Metro, jekk hux b’fondi tal-Unjoni Ewropea, finanzjament tal-Gvern Ċentrali jew finanzjament tal-privat?
Response (BORG, IAN)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għal risposta li qed tingħata għal mistoqsija Parlamentari numru 22399 ta’ din l-istess seduta.
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, hekk kif sottomessi mill-konsorzju shortlisted għal bini tal-permanent link bejn Malta u Għawdex:
(a) id-disinn tal-mina inkluż 'typical longitudinal sections' u 'typical transverse sections';
(b) il-pjanti li jindikaw ir-rotta minn fejn ser tgħaddi l-mina;
(c) indikazzjoni tal-fond (depth) tal-mina mill-'mean sea level' kull 500metru tul?
(d) it-teknika li ser tintuża biex tinbena l-mina (hux 'precast' fil-wiċċ tal-baħar jew 'boring' fil-blat);
(e) 'break down' tal-istima tax-xogħlijiet kollha li ser isiru biex tinbena l-mina hekk kif ġew sottomessi mill-konsorzju 'shortlisted'?
Response (BORG, IAN)
L-ippjanar tal-proġett tal-mina bejn Malta u Għawdex beda diversi snin ilu meta Transport Malta varat diversi studji tekniċi, soċjali u ekonomiċi dwar il-vijabilità tal-proġett. Infrastructure Malta ġiet fdata b’dan il-proġett malli twaqqfet fl-2018. Ftit wara, f’Diċembru tal-istess sena, l-aġenzija ppubblikat pre-information notice fejn ħabbret li kienet se tniedi proċess kompetittiv biex tagħżel il-konċessjonarji li hemm bżonn biex tinbena din l-infrastruttura ġdida.
Il-proġett propost jinkludi l-bini ta’ mina twila 14-il kilometru, parti minnha taħt il-baħar, li jkollha żewġ korsiji għall-vetturi, waħda f’kull direzzjoni, bi spazju bejniethom li jkun wiesgħa biżżejjed għall-inġenji t’emerġenza. Din il-konnessjoni permanenti li tant ilha mistennija biex issir bejn iż-żewġ gżejjer ser telimina l-isfidi ekonomiċi u soċjali li l-familji u n-negozji Għawdxin ilhom iħabbtu wiċċhom magħhom għexieren ta’ snin minħabba l-limitazzjonijiet li jeżistu fis-servizzi eżistenti bil-baħar u bl-ajru.
F’Jannar 2020, Infrastructure Malta ħarġet sejħa internazzjonali fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea sabiex tistieden kumpaniji u konsorzji interessati biex jipparteċipaw fl-ewwel stadju minn tlieta tal-proċess li għandu jwassal biex jintgħażel il-kunċessjonarju li ser jiddisinja, jibni, jiffinanzja, jopera u jieħu ħsieb il-Mina bejn Malta u Għawdex.
Kif diġa’ ġie spjegat pubblikament diversi drabi f’dawn sentejn, f’dan l-ewwel stadju, dawk interessati kellhom iwieġbu kwestjonarju, msejjaħ pre-qualification questionnaire (PQQ) sabiex juru li diġà għandhom eseperjenza fil-bini ta’ mini simili, li għandhom rekord tajjeb fl-ħarsien tal-ambjent u s-saħħa u s-sigurtà, kif ukoll li għandhom il-kapaċità teknika meħtieġa. B’hekk, fil-bidu ta’ dan il-proċess kompetittiv, qed niżguraw li dawk li qed jieħdu sehem fih, jekk finalment jintgħażlu, verament ikunu kapaċi jwettqu proġett daqstant kbir bl-ogħla livelli t’effiċjenza, sostenibilità u sigurezza.
Erba’ kumpaniji u konsorzji minn pajjiżi differenti ssottomettew il-PQQ sabiex daħlu f’dan il-proċess. It-tagħrif li taw ġie evalwat fuq kriterji stabbiliti minn qabel fix-xhur li għaddew sabiex f’Settembru li għadda ħarġet l-ewwel rakkomandazzjoni li tgħid li konsorzju wieħed biss jidher li laħaq il-kriterji stabbiliti biex jimxi għall-istadji li jmiss ta’ dan il-proċess tal-għażla. Madankollu, kif inhu magħruf, tnejn mill-offerenti l-oħrajn issottomettew appell biex joġġezzjonaw għar-rakkomandazzjoni li huma ma jimxux għat-tieni stadju tal-proċess. Dan ifisser li wara is-smigħ ta’ dawn l-appelli, ir-rakkomandazzjoni finali dwar liema mill-offerenti ser jgħaddu għall-pass li jmiss tista’ tinbidel.
Bħal ma jaf kull min huwa midħla ta’ proċessi tal-għa¿la bħal dawn u hekk kif ġie spjegat kemm-il darba, fl-istadju tal-PQQ t-tagħrif li qed jintalab f’din il-mistoqsija Parlamentari għadu mhux disponibbli. Fl-ewwel stadju l-offerenti ma jintalbux jagħtu dettalji speċifiċi bħal pjanti, metodi ta’ kif ser issir il-mina, u stimi. Lanqas għadhom ma bdew jiġu kkunsidrati aspetti relatati man-nollijiet tal-mina, peress li dawn ikunu jistgħu jiġu sottomessi fit-tielet stadju tal-proċess.
Meta, fiż-żmien li ġej, ikunu kkunsidrati ż-żewġ appelli pendenti għar-rakkomandazzjoni tal-ewwel stadju, ikun jista’ jibda t-tieni stadju tal-proċess. L-offerrenti li finalment jgħaddu mill-ewwel proċess jidħlu f’dak li jissejjaħ Invitation to Participate in Dialogue (ITPD). Hawnhekk il-parteċipanti jridu jissottomettu pjanijiet tekniċi dettaljati tal-istruttura proposta minnhom għall-mina, kif ukoll dwar l-implimentazzjoni, l-operat u l-manutenzjoni tagħha kemm-il darba jingħataw il-konċessjoni biex iwettquha. Kull parteċipant jiġi mistieden għal taħditiet biex jispjega l-proposta tiegħu lit-tim tal-evalwazzjoni li se jkun qed janalizza kull proposta.
Wara li jkunu ċċarati l-pjanijiet tekniċi ta’ kull offerent, il-proċess tal-għażla jgħaddi għall-istadju finali tal-Best and Final Offer (BAFO). Il-parteċipanti li jkunu ħadu sehem fit-tieni stadju tal-ITPD jintalbu jagħmlu l-proposta finali tagħhom għall-proġett, li tkun tinkludi wkoll tagħrif dwar in-nollijiet proposti. Din trid tinkludi offerta dettaljata kemm mil-lat tekniku kif ukoll finanzjarju. Ikun hawnhekk li t-tim tal-għażla jirrakkomanda d-deċiżjoni finali dwar liema tkun l-aħjar offerta skont il-kriterji stabbiliti.
Filwaqt li għaddej il-proċess tal-għażla, timijiet t’esperti ilhom għal dawn l-aħħar snin għaddejjin b’diversi studji, li uħud minnhom ġew konklużi diġa u ġew ippubblikati. Fosthom hemm studji ġeoloġiċi u ġeo fiżiċi li saru fuq kampjuni tal-blat li tħaffru minn fuq l-art u minn qiegħ il-baħar miż-żona fejn tista’ ssir il-mina, studji preliminari dwar l-andament tat-traffiku, kif ukoll stħarriġ ieħor xjentifiku fuq l-art u f’qiegħ il-baħar. Saru wkoll disinji preliminari ta’ kif tista’ tkun il-mina. Dawn kollha ġew pubblikati diġa.
Tim t’esperti indipendenti approvati mill-awtoritajiet tal-ambjent u l-ippjanar qed jagħmlu wkoll studju estensiv dwar l-impatt ambjentali (EIA) tal-proġett. Dan jinkludi analiżi xjentifika tal-impatti kollha possibbli li jista’ jkollu l-proġett, fosthom dawk fuq il-baħar, fuq il-ħajja naturali fl-inħawi, fuq l-arja, fuq l-agrikoltura, fuq il-wirt storiku u ħafna u ħafna aspetti oħrajn. Dan l-istudju ma jistax jiġi konklużi qabel ikun hemm rakkomandazzjoni finali dwar liema kuntratturi ser jiddisinjaw, jibnu u joperaw il-mina. Ikun biss f’dan l-istadju li jkun magħruf x’inhi l-proposta teknika finali u b’hekk ikunu jistgħu jiġu konklużi b’mod serju dawn l-istudji dwar l-impatti ambjentali, soċjali u ekonomiċi tal-proġett.
Qed isiru ukoll Micro Simulation Model biex jiġi analiżżat kif il-mina ser ikun qed taffettwa l-junctions u t-toroq tal-madwar. Filwaqt li dan l-istudju mistenni juri fid-dettal kif it-tibdil fir-rotot tal-ivvjaġġar lejn Għawdex ser jimpatta ż-żoni tal-inħawi, peress li l-post propost għall-ħruġ tal-mina f’Malta huwa qrib il-Bypass ta’ San Pawl il-Baħar, b’konnessjoni diretta miegħu, mill-ewwel indikazzjonijiet ma jidhirx li dawn ser jaffettwaw b’mod negattiv it-toroq li jinsabu aktar lilhinn lejn it-tramuntana mill-Bypass ta’ San Pawl, fosthom Telgħet tax-Xemxija, Triq il-Mistra u t-Telgħa ta’ Selmun.
Studji oħrajn li għadhom qed isiru kellhom jitwaqqfu temporanjament fix-xhur li għaddew minħabba l-mi¿uri ta’ ħarsien kontra l-pandemija, peress li dawn jirrikjedu konsultazzjoni wiesa’ ma’diversi stakeholders. Fl-istess waqt, jeħtieġ jiġi żgurat li r-riżultati soċjoekonomiċi ta’ dawn il-konsultazzjonijiet ma jkunux influwenzati mill-kundizzjonijiet predominanti imposti mill-istess pandemija. Infrastructure Malta tinsab f’komunikazzjoni mal-esperti tagħha biex jiggwidawha meta dawn l-istudji jistgħu jitkomplew.
Ladarba jitlestew il-proċessi tal-għażla tal-kuntratturi u l-istudji relatati, dawn jiġu ppubblikati għall-konsultazzjoni pubblika, hekk kif jitlob il-proċess stabbilit biex ikun determinat il-permess għall-proġett mill-awtoritajiet tal-ambjent u l-ippjanar.
Jista’ l-Minstru jgħid xi studji fadal isiru qabel jibda x-xogħol fuq il-permanent link bejn Malta u Għawdex fosthom dawk ambjentali tal-'approach roads' tal-mina?
Response (BORG, IAN)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għal risposta li qed tingħata għal mistoqsija Parlamentari numru 22403 ta’ din l-istess seduta.