Persuni mressqa l-Qorti b’rabta ma’ każijiet ta’ pickpocketing
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm tressqu nies il-Qorti b’rabta ma’ każijiet ta’ pickpocketing fl-2013, fl-2014, fl-2015, fl-2016 u fl-2017 sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija, sena b’sena b’mod separat? Jista’ jgħid kemm minnhom kienu ta’ nazzjonalità barranija u kemm minnhom kienu ta’ nazzjonalità Maltija? Fil-każ tan-nazzjonalità barranija, jista’ jgħid ta’ liema nazzjonalità kienu?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat illi fis-snin 2013, 2014, 2015, 2016 u sa Settembru 2017 tressqu mija u sittax (116)-il persuna l-Qorti b’rabta ma’ każijiet ta’ pickpocketing kif jidhru sena b'sena fit-tabella hawn taħt. Minn dawn erbatax (14) kienu Maltin filwaqt li fil-kumplament tal-każi li jammontaw għal mija u tnejn (102), il-persuni responsabbli kienu mill-Bulgarija – Rumanija – Libja – Italja – Somalja – Russja - Niger - Spanja - Serbia - Sudan - Ungerija - Danimarka - Franza - Kolumbja - Messiku - Renju Unit - Turkija - Eritrea - Kosta tal-Avorju - Alġerija - Żvezja u s-Sirja.
Sena
2013
2014
2015
2016
2017
Sa Settembru
Total
Ammont
23
23
19
29
22
116
Ministeru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali — first aiders
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm first aiders ċertifikati fid-dekasteru tiegħu u jagħti l-informazzjoni skont id-dipartiment/entità rispettiva?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabella t’hawn taħt:
Dipartiment tal-Probation u Parole
2
Servizz tas-Sigurtà
3
Faċilità Korrettiva ta’ Kordin
115
Servizz ta’ Detenzjoni
18
Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili – Taqsima Forza tal-Għajnuna u Salvataġġ
Il-ħaddiema kollha huma mħarrġa fil-First Aid u kull tliet snin iġeddu dan it-tagħlim.
Forzi Armati ta’ Malta
707
Korp tal-Pulizija
Kull membru tal-Korp, matul il-perjodu ta' reklutaġġ tiegħu jieħu struzzjoni fl-Ewwel Għajnuna. Dawn il-korsijiet isiru minn Organizzazzjoni tal-Ewwel Għajnuna rikonoxxuta, li toħroġ ċertifikat fi tmiem il-kors. Bħalissa hemm mitejn u sebgħa u sittin (267) membru tal-Korp u impjegat (1) ċivili fil-Korp, irreġistrati li għandhom ċertifikat validu ta'
first aiders
. Naturalment ikun hemm oħrajn li jista’ jkollhom ċertifikat validu għax ikunu rreveduh wara li jkun skada.
Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali — first aiders
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm first aiders ċertifikati fid-dekasteru tiegħu u jagħti l-informazzjoni skont id-dipartiment/entità rispettiva?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li hemm 130 first aiders ċertifikati fid-dekasteru li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali.
Informazzjoni fuq kull Entità u Dipartiment tinsab hawn taħt:
Isem tad-Dipartiment / EntitàTotal
Broadcasting Authority1
Direttorat tat-Tindif11
Dipartiment tal-Qrati tal-Gustizzja13
Direttorat tal-Kultura3
Heritage Malta29
Local Councils' Association1
Orkestra Nazzjonali2
Teatru Manoel1
Awtorita’ tal-Medicina13
Uffiċċju tan-Nutar tal-Gvern1
Kummisjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni1
Public Broadcasting Services Ltd4
Direttorat tar-Restawr49
Fondazzjoni Valletta 2018 1
Total130
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm first aiders ċertifikati fid-dekasteru tiegħu u jagħti l-informazzjoni skont id-dipartiment/entità rispettiva?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-impjegati fid-Dipartiment tas-Saħħa, skont in-natura tal-professjoni tagħhom, huma fil-biċċa l-kbira mħarrġa fl-għoti tal-ewwel għajnuna medika.
Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ — first aiders
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm first aiders ċertifikati fid-dekasteru tiegħu u jagħti l-informazzjoni skont id-dipartiment/entità rispettiva?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li sa llum in-numru ta’ first-aiders ċertifikati fid-dekasteru huma 7. Qed jitħejja pjan sabiex jiġu mħarrġa aktar nies.
MCCAA – stħarriġ fuq prezz u kundizzjonijiet ta’ insurance policy
Question
Peress li minn ftit snin ‘il hawn, il-prezz u l-kundizzjonijiet tal-insurance policy tal-karozzi qed jogħlew u jinbidlu rispettivament għad-detriment tal-konsumatur, jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) stħarrġitx dan jew hux qed tagħmel din l-investigazzjoni biex il-bilanċ ġust bejn is-suq ħieles u d-dritt tal-konsumatur jinżamm, b’mod partikolari għal dawk il-karozzi li jiġu assigurati taħt polza ta’ fully comprehensive?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) qiegħda tagħmel investigazzjoni fuq kundizzjonijiet relatati ma’ tiswijiet tal-karozzi. L-ebda investigazzjoni ma qiegħda ssir fuq prezzijiet u l-ebda ilment ma wasal lill-Awtorità f’dan ir-rigward.
Peress li l-policy dwar il-pompi tal-pompi tal-fuel tal-PA ġiet approvata fl-2015 u din ma tapprovax żieda ta’ aktar pompi f’żoni urbani filwaqt li tħajjar li pompi tal-petrol jiġu allokati minn żoni urbani għal żona rurali, jista’ l-Ministru jgħid, mis-sena 2015 ‘il hawn, kemm kien in-numru tal-pompi tal-fuel li talbu l-permess biex jiġu allokati minn żona urbana għal żona rurali jew żoni industrijali? Kemm hu n-numru ta’ pompi tal-fuel li ħarġilhom il-permess u żarmaw minn żona urbana u ħarġu ‘l barra minnha? Kemm hu n-numru ta’ pompi ta’ fuel li nagħtaw permess biex jibnu pompa f’żona industrijali, ta’ SMEs jew ta’ ħażna? Kemm hu n-numru ta’ permessi li nħarġu għall-pompi tal-petrol ġodda mis-sena 2015 sal-lum?
Response (BORG, IAN)
Mis-sena 2015 daħlet applikazzjoni waħda għall-talba biex tiġi rilokata pompa minn żona urbana għall-żona rurali. Tajjeb wieħed jinnota li l-Awtorita għandha quddiema erba’ talbiet oħra għall-proposta simili liema applikazzjonijiet ġew sottomessi qabel is-sena 2015 u li issa qed jiġu proċessati skond il-parametri tal-policy dwar il-pompi tal-fuel.
F’dan l-istess perjodu, l-Awtorita ma approvat l-ebda permess għall-talbiet biex jiġu rilokati pompi minn żoni urbani għall-żoni rurali kif ukoll ma ġie approvat l-ebda permess għall-talbiet biex jinbnew pompi ġodda f’żoni industrijali, ta’ SMEs jew ta’ ħażna.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn pompi tal-fuel f’Malta? Kemm hawn pompi tal-fuel f’ Għawdex? Kemm huma dawk minnhom li qegħdin f’żona urbana?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li pompi tal-fuel f’Malta hawn 69 u f’Għawdex hemm 8. Rigward it-tieni parti tal-Mistoqsija nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Persuni li jiġu msejħa bħala xhieda – tariffi riveduti
Question
B'referenza għat-tweġiba li kienet ingħatat għall-mistoqsija parlamentari 29067 tat-Tnax-il Leġislatura, jista’ l-Ministru jgħid għaliex tenut kont ta’ każijiet fejn mhux l-ewwel darba li persuna tiġi mħarrka f’kawża li hi personalment ma jkollha l-ebda interess fiha, però ta’ bilfors ikollha tattendi bir-riżultat li titlef ġurnata xogħol jew inkella trid tieħu l-leave jekk tkun impjegata, x’inhi r-raġuni għalfejn it-tariffi fil-Kap. 108 ilhom ma jiġu applikati u għaliex għadhom marbuta mat-tariffi li ġew iffissati aktar minn nofs seklu ilu fejn l-għola tariffa hi ta’ 70 ċenteżmu? Ma jaħsibx il-Ministru li wasal iż-żmien li almenu t-tariffi inkwistjoni jiġu riveduti b’mod radikali għal dawk il-każijiet fejn persuni li jiġu msejħa bħala xhieda jkollhom id-dritt li jiġu adegwatament kumpensati minn min iħarrikom?
Response (BONNICI, OWEN)
Nireferi lill-Onor Interpellant għall-mistoqsija parlamentari numru 29067 tat-12-il Leġiżlatura.
Tista' l-Ministru tgħid kemm kienet l-ispiża totali li għamel il-Ministeru għal Għawdex biex jippjana l-bini ta' Qorti ġdid inkluż fi pjanti, permessi, testijiet, ħruġ ta' tenders eċċ fl-aħħar ħames snin? Tista’ tgħid kif kienet maqsuma din l-ispiża u f'kull każ tista’ tgħid ukoll jekk min tħallas, ingħatax ix-xogħol b'direct order, wara tender jew wara ġbir ta' kwotazzjonijiet?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Għajnsielem – Dar San Ġużepp – ftehim bejn il-Ministeru għal Għawdex u l-Kurja ta’ Għawdex
Question
Tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-ftehim li hemm bejn il-Ministeru għal Għawdex u l-Kurja ta' Għawdex dwar l-użu ta' Dar San Ġużepp fi Triq l-Imġarr, Għajnsielem? Tista' l-Ministru tgħid kemm tħallset il-kurja sal-lum a bażi ta' dan il-ftehim?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kummerċjalment sensittiva u għaldaqsant ma tistax tiġi rilaxxata.
Tista' l-Ministru tgħid meta ser tinħareġ it-tender biex tinbena mill-ġdid Triq it-Tiġrija fin-Nadur? Tista' tgħid jekk fit-tender hux ser ikun hemm inkluż ix-xogħol fuq water culvert li tant hu bżonnjuż f'din it-triq?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lil-Onor. Interpellant li l-Gvern għandu pjan fuq it-Toroq u ser jkun qed jagħti dettalji fuqhom minn żmien għal żmien.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew ingaġġati Transport Motor Drivers mal-Ministeru tal-Edukazzjoni sena b'sena mit-8 ta' Marzu 2013 sal-ġurnata tal-lum? Kemm minnhom huma residenti f'Għawdex u kemm minnhom huma residenti f'Malta? Kemm minn dawn ġew stazzjonati f'Għawdex?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li mit-8 ta’ Marzu 2013 sal-ġurnata tal-lum ma ġewx impjegati ħaddiema fil-grad ta’ Transport Motor Driver.
Jista' l-Ministru jgħid jekk it-toroq ta' Għawdex humiex ser jaqgħu taħt l-Aġenzija tat-Toroq li ġiet imsemmija fid-diskors tal-Budget għas-sena 2018 jew inkella humiex ser jibqgħu taħt ir-responsabilità tal-Ministeru għal Għawdex kif inhuma llum?
Response (BORG, IAN)
L-Aġenzija mħabbra fid-Diskors tal-Budget se jkollha l-għan li tmexxi l-investiment meħtieġ sabiex is-sistemi tat-toroq tagħna jkunu aktar effiċċjenti u ta' kwalità ogħla, b'inqas riskji ta' aċċidenti u diffikultajiet oħra għal dawk kollha li jużawhom. Fl-istess waqt, l-aġenzija trid taċċerta li dan l-investiment bla preċedent iseħħ b'mod sostenibbli, bl-introduzzjoni ta' strutturi u proċeduri ta' monitoraġġ, manutenzjoni u assikurazzjoni ta' kwalità kontinwi li jiżguraw li dan it-titjib jibqa' jitgawda fit-tul kemm jista' jkun.
Ħidma bħal din tinvolvi l-kollaborazzjoni ta' eluf ta' persuni u ta' bosta entitajiet, fosthom dawk kollha li jużaw it-toroq. Dawn jinkludu residenti, Kunsilli Lokali, awtoritajiet nazzjonali, unjins, għaqdiet ta' min iħaddem, investituri, azjendi u organizzazzjonijiet oħra. Fil-bidu tas-sena 2018 ser issir konsultazzjoni wiesgha ma' dawn il-persuni u l-entitajiet kollha, fir-reġjuni kollha tal-pajjż, sabiex il-proposti kollha jiġu diskussi u fejn meħtieġ irfinuti, qabel ma jittieħdu d-deċiżjonijiet finali dwar l-istruttura, r-responsabbiltajiet u l-operat tal-aġenzija l-ġdida.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ser jiswa s-16-il sit li ser jibni l-Gvern? Filwaqt li l-Gvern ħa loan ta' €53 miljun biex jinbnew 680 unit, kemm ser ikun jiswa kull proġett? Jista’ jgħid ukoll meta ser jibdew dawn il-proġetti? Peress li qed jissemmew lokalitajiet bħal Ħ’Attard, Ħal Luqa, is-Siġġiewi, il-Qrendi, B'Kara, l-Imsida, iż-Żurrieq, Ħal Kirkop, Bormla, in-Naxxar u Ħaż-Żebbuġ, jista’ jgħid jekk hux sit wieħed biss se jkun hemm f’kull lokalità jew aktar? Jista’ jgħid dawn is-siti fejn ser jinbnew?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-proġett ta’ Housing Soċjali li jikkonsisti f’16-il sit huwa stmat li ser jiġi jiswa madwar €53,356,405. Kull proġett huwa stmat li se jiġi jiswa kif elenkat hawn taħt:
· Triq il-Għenba Attard – €439,079
· Tas-Sisla B’Kara – €5,387,618
· Helen’s Gate Cospicua – €7,120,200
· Triq il-Lewziet, Kirkop A - €2,306,944.80
· Triq Salvu Sacco, Kirkop B – €1,613,912
· Triq tal-Fieres, Kirkop C – €379,744.00
· Triq tal- Fieres, Kirkop D – €878,158
· Ħal Farruġ, Luqa - €9,493,600
· Valley Road, Msida - €6,123,372
· Triq it-Tuffieħ, Naxxar - €617,084
· Triq N Mifsud, Qrendi A - €2,138,433.40
· Triq N Sammut, Qrendi B - €2,254,730
· Triq Nikol Zammit, Siġġiewi - €9,768,914
· Triq l-Indipendenza, Żebbuġ A - €1,286,382.80
· Triq il-Qolla, Żebbuġ B - €700,153
· Triq Ciantar, Żurrieq - €2,848,080
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, diġà beda x-xogħol fuq diversi siti. Ninforma lill-Onor. Interpellant li, f’ċertu lokalitajiet, se jkun hemm iktar minn sit wieħed, kif elenkat fil-lista t’hawn fuq.
Spezzjonijiet biex jiġi aċċertat li ma ssirx attività illegali
Question
Dwar il-permess li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament (a) li jittratta skavar ta’ ġibjun fl-indirizz li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament (b) u dwar il-permess li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament (c) li jawtorizza diagnostic service & electrical repairs only, hekk kif ġie rilevat diversi drabi minn sidien li jgħixu fiż-żona, anke permezz ta’ ittri legali mibgħuta għan-nom tagħhom, saret u għadha ssir attività relatata ma’ dik ta’ mechanic li m’għandha x’taqsam xejn mal-permess indikat. Dan ifisser li skont l-istess ġirien qiegħed isir xogħol mekkaniku (mhux elettroniku) fuq bażi regolari, ġeneralment wara nofsinhar, fejn numru ta’ karozzi jitħallew għand sid il-garage sabiex jissewwew, ħafna drabi bil-bieb magħluq fejn isir ħafna storbju. Jista’ l-Ministru jgħid x’sar f’dan ir-rigward min-naħa tal-MEPA in kwantu spezzjonijiet sabiex jiġi aċċertat li ebda attività illegali ma qiegħda ssir fl-imsemmi fond? Kemm–il spezzjoni saret? Meta u x’ħin saru?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra
Ħal Lija – studju dwar it-traffiku fil-village core
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk Transport Malta qattx wettqet studju dwar it-traffiku fil-village core ta’ Ħal Lija? Jekk sar tali studju, jista’ l-Ministru jqiegħed dan l-istess studju fuq il-Mejda tal-Kamra, inkluż ir-rakkomandazzjonijiet li saru, jekk dan hu l-każ?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi Transport Malta m’għandha l-ebda studju dwar traffiku fil-village core ta’ Ħal Lija.