Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 13 PQ #2454 Sitting 54 2017-11-20 Oral · Final From: SIMON BUSUTTIL To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Konferenzi dwar l-IIP organizzati minn kumpanija – attendenza

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 2250 dwar l-obbligu kuntrattwali ta’ attendenza għall-konferenzi dwar l-IIP organizzati mill-kumpanija li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, il-Prim Ministru wieġeb li skont il-kuntratt dan jgħid “minn żmien għal żmien il-gvern jibgħat rappreżentant tal-għażla tiegħu għal konferenzi organizzati mill-kumpanija”. In vista ta’ dan, jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk qatt marx xi Ministru ieħor minfloku għal dawn il-konferenzi u f’dak il-każ min kien il-Ministru u meta?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 2251.

American University of Malta – studenti

Question

Fid-dawl tal-aħbar li l-American University of Malta daħlet biss tużżana studenti għall-ewwel sena akkademika meta suppost kienet marbuta li ddaħħal elf student fl-ewwel sena, jista’ l-Ministru jgħid eżattament x’kienu l-obbligi kuntrattwali tal-investitur f’termini ta’ studenti li kellhom jidħlu fl-ewwel sena u jista’ l-Ministru jgħid ukoll x’passi biħsiebu jieħu jekk kemm-il darba dawn l-obbligi kuntrattwali ma jintlaħqux?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ftehimiet li qed jirreferi għalihom huma fid-dominju pubbliku. L-obbligazzjoni tal-entità li taqa’ fid-dekasteru tiegħi, l-NCFHE, huwa fil-kuntest ta’ għoti ta’ liċenzja u akkreditazzjoni, cioè fil-kwalità ta’ edukazzjoni li tingħata u l-proċessi rigwardanti. L-NCFHE għandha l-inkariku li tara li l-obbligazzjonijiet kollha li timponi fuq kull entità edukattiva post-sekondarja f’pajjiżna jinżammu u jiġu mħarsa. L-akkreditazzjoni ta’ liċenzja huwa spjegat fil-leġislazzjoni relevanti, partikolarment S.L. 327.433, kif ukoll il-kundizzjonijiet tal-liċenzja imposti mill-NCFHE fuq il-provditur, li fil-każ li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant dawn jinsabu fid-dominju pubbliku wkoll.

National Commission for Higher and Further Education — titolu lill-American University of Malta

Question

Fid-dawl tal-aħbar li l-American University of Malta daħlet biss tużżana studenti għall-ewwel sena akkademika meta suppost kienet marbuta li ddaħħal elf student fl-ewwel sena, jista’ l-Ministru jgħid jekk in-National Commission for Higher and Further Education hijiex se terġa’ tikkunsidra d-deċiżjoni tagħha li tassenja t-titolu ta’ università lil din l-entità?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ studenti li jidħlu f’istituzzjoni mhuwiex kundizzjoni għal liċenzja ta’ entità fil-qasam ta’ edukazzjoni avvanzata u ogħla inkluża l-AUM. Id-deċiżjoni li titneħħa akkreditazzjoni u konsegwentement il-possibiltà ta’ revoka jew restrizzjoni ta’ liċenzja huwa spjegat fil-leġislazzjoni relevanti, partikolarment S.L. 327.433 kif ukoll il-kundizzjonijiet tal-liċenzja imposti mill-NCFHE fuq il-provditur.

Ksur tal-Artikoli 337B sa 337Ħ (Użu mhux kif dovut tal-computer) tal-Kodiċi Kriminali – każijiet imressqa quddiem il-Qorti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, kemm-il każ tressaq mill-Pulizija quddiem il-Qrati fir-rigward ta’ allegat ksur ta’ xi dispożizzjoni tal-artikoli 337B sa 337Ħ (Fuq l-użu mhux kif dovut tal-computer) tal-Kodiċi Kriminali mill-2001 sal-lum? Jista’ jagħti din l-istatistika, sena b’sena u kemm minnhom saru fuq kwerela u kemm minnhom fuq inizjattiva tal-Pulizija? X’kien l-eżitu f’kull każ?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi n-numru ta' każijiet fejn persuni tressqu l-Qorti mill-Pulizija dwar allegat ksur ta’ xi dispożizzjoni tal-artikoli 337B sa 337Ħ (Fuq l-użu mhux kif dovut tal-computer) tal-Kodiċi Kriminali, mis-sena 2001 sal-ahhar ta’ Ottubru 2017, sena b'sena, kien kif jidher fit-tabella t'hawn taħt. Din turi dawk li saru fuq kwerela u dawk li tmexxew fuq inizjattiva tal-Pulizija. L-eżitu ta' kull każ, sena b'sena, hu kif jidher fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Il-Mosta – Triq Madre Tereża — tarmak

Question

Peress li qabel l-elezzjoni ntbagħtet ittra lir-residenti ta’ Triq Madre Tereża, il-Mosta, li se ssir it-triq bit-tarmak, jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni dwar timeframe u meta se ssir din it-triq?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-triq imsemmija mdaħħla fil-programm tax-xogħlijiet u qiegħda fuq lista ta’ prijorità.

Tag tal-liċenzja ta’ xufier ta’ taxi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hijiex il-prassi li ma tingħatax lura t-tag tal-liċenzja ta' xufier ta' taxi lill-persuna li tkun għadha kemm temmet sentenza ħabs? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid kemm hu ż-żmien wara li tkun ġiet skontata s-sentenza li tingħata lura t-tag?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont il-Leġislazzjoni Sussidjarja 499.59 – Regolamenti dwar Servizzi tat-Taxi, persuna ma titqiesx li tissodisfa il-kundizzjoni ta’ reputazzjoni u kondotta tajba kif meħtieġ taħt ir-Regolament 11 jekk: għal dak il-perjodu ta’ żmien li jiġi minnufih wara dak iż-żmien li hija tkun għamlet tiskonta piena ta’ priġunerija ta’ mhux inqas minn xahar li tkun ingħatat lil dik il-persuna għal reat jew reati marbuta ma’ vjolenza fuq persuna oħra, liema perjodu jkun: (i) sena fir-rigward ta’ pieni ta’ priġunerija ta’ mhux inqas minn xahar iżda li ma jkunux aktar minn sena; (ii) daqs iż-żmien ta’ priġunerija li għalih persuna bħal dik tkun ikkundannata piena ta’ priġunerija ta’ aktar minn sena iżda li tkun inqas minn għaxar snin; u (iii) għaxar snin fir-rigward ta’ pieni ta’ priġunerija ta’ għaxar snin jew aktar; għal dak il-perjodu ta’ żmien li jiġi minnufih wara ż-żmien li tkun għamlet tiskonta piena ta’ priġunerija ta’ mhux inqas minn xahar, minbarra pieni li tkun ingħatat fir-rigward ta’ dik il-persuna għal reat jew reati marbuta ma’ vjolenza fuq persuna oħra, liema perjodu jkun: (i) daqs iż-żmien ta’ priġunerija li għalih persuna bħal dik tkun ġiet ikkundannata piena ta’ priġunerija ta’ inqas minn ħames snin; u (ii) ħames snin fir-rigward ta’ pieni ta’ priġunerija ta’ ħames snin jew aktar; Meta applikant kellu inqas minn tmintax-il sena meta wettaq ir-reat, il-perjodi msemmija m’għandhomx ikunu ta’ aktar minn sentejn.

Ġbir ta’ organic waste

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kien il-volum ta’ organic waste illi nġabar minn Malta u minn Għawdex separatament, mill-1 ta’ Jannar 2016 sal-31 ta’ Diċembru 2016, u mill-1 ta’ Jannar 2017 sal-31 ta’ Ottubru 2017?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor Interpellant li mill-1 ta' Jannar 2016 sal-31 ta' Dicembru 2016, ingabbru 1794 Tunnellati minn 9 lokalitajiet ta’ Malta, u ingabbru 365 Tunnellati minn Ghawdex. Dan l-iskart organiku beda jingabar mir-regjun t’Ghawdex mit-28 ta’ Settembru 2016. Mill-1 ta' Jannar 2017 sal-31 t' Ottubru 2017 ingabbru 1356 Tunnellati minn 9 lokalitajiet ta' Malta u ingabbru 1246 Tunnellati minn Ghawdex.

Fondi Ewropej — Proġetti li ser isiru f’Malta

Question

Tista’ l-Ministru tgħid u tagħti lista ta’ proġetti illi hemm proġettati illi ser jsiru bil-Fondi Ewropej allokati għal Malta għall-perijodu 2014-2020?

Response (DALLI, HELENA)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta’ proġetti approvati f’Malta u Għawdex għall-perjodu 2014-2020. Sejħiet oħrajn ser jinħarġu fil-futur skont il-parametri stabiliti fid-diversi Programmi Operattivi tal-Fondi Ewropej 2014-2020. Din l-informazzjoni tinsab fuq is-sit elottroniku www.eufunds.gov.mt li jiġi aġġornat minn żmien għal żmien.

Fondi Ewropej — Ammont allokat għal proġetti f’Għawdex

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hu l-ammont illi se jiġi allokat għal proġetti f’Għawdex mill-Fondi Ewropej allokati għal Malta għall-perijodu 2014-2020?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan il-Gvern ikkommetta li jonfoq 10% tal-Fondi Ewropej għal Għawdex kif kien sar għall-perjodu 2007-2013.

Fondi Ewropej — Proġetti maħsuba li se jsiru f’Għawdex

Question

Tista’ l-Ministru tgħid, xi proġetti hemm maħsuba illi se jsiru f’Għawdex mill-Fondi Ewropej allokati għal pajjiżna għall-perijodu 2014-2020?

Response (DALLI, HELENA)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 2463.

Fondi Ewropej — Ammont allokat għall-proġetti li se jsiru mill-Kunsilli Lokali

Question

Tista’ l-Ministru tgħid, kemm hu l-ammont illi se jiġi allokat għall-proġetti li se jsiru mill-Kunsilli Lokali mill-Fondi Ewropej allokati għal Malta għall-perijodu 2014-2020?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jiddependi mill-Programm u mis-sejħa għall-Proġetti, l-Kunsilli Lokali jistgħu jikkompetu għall-fondi skont il-qasam u l-prijorità tas-sejħa.
Leg 13 PQ #2467 Sitting 54 2017-11-20 Oral · Final From: MARTHESE PORTELLI To: Ministeru għal Għawdex

Fondi Ewropej — Ammont allokat għal proġetti f’Għawdex

Question

Tista’ l-Ministru tgħid, kemm hu l-ammont illi se jiġi allokat għall-proġetti f’Għawdex mill-Fondi Ewropej allokati għal Malta għall-perijodu 2014-2020?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 2464.

Għases Mellieħa, San Pawl il-Baħar, Qawra u Naxxar – rapporti relatati ma’ vjolenza domestika

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu rapporti relatati ma' vjolenza domestika fl-Għases tal-Mellieħa, San Pawl il-Baħar, Qawra u Naxxar fis-snin 2014, 2015, 2016 u sa Ottubru 2017 b'mod separat lokalità b'lokalità, sena b'sena?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi l-informazzjoni relatata ma’ ka¿ijiet ta’ Vjolenza Domestika rrapurtati lill-pulizija mill-1 ta’Jannar 2014 sal-31 ta’ Ottubru 2017 fil-lokalitajiet tal-Mellieħa, Naxxar u Qawra/San Pawl il-Baħar, hi kif tidher fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-kamra.

Mellieħa, Naxxar u San Pawl il-Baħar/Qawra/Buġibba – rapporti ta’ serq reġistrati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu r-rapporti ta' serq li ġew reġistrati/irrappurtati fil-lokalitajiet tal-Mellieħa, Naxxar u San Pawl il-Baħar / Qawra / Buġibba fl-2014, 2015, 2016 u sa Ottubru 2017 u jagħti din l-istatistika b'mod separat, lokalità b'lokalità u sena b'sena?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi l-informazzjoni relatata ma’ rapporti ta’ serq fil-lokalitajiet tal-Mellieħa, Naxxar u Qawra/San Pawl il-Baħar mill-1 ta’Jannar 2014 sal-31 ta’ Ottubru 2017, hi kif tidher fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

L-Aħrax, il-Miżieb u l-Park tal-Majjistral – vandaliżmu fuq siġar jew ħitan tas-sejjieħ

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il spezzjoni (b'mod separat) saru u kemm ittieħdu passi kontra individwi li wettqu vandaliżmu fuq siġar jew ħitan tas-sejjieħ fiż-żoni tal-Aħrax, il-Miżieb u l-Park tal-Majjistral sena b'sena bejn Jannar 2014 u Ottubru 2017?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi bejn is-sena 2014 u sal-aħħar ta' Ottubru ta' din is-sena il-Pulizija tad-Distrett u dawk tal-ALE għamlu l-ispezzjonijiet kif indikati fit-tabella t'hawn taħt minħabba vandaliżmu fuq siġar jew ħitan tas-sejjieħ fiż-żoni tal-Aħrax, il-Miżieb u l-Park tal-Majjistral. Persuna waħda ittieħdu passi kontra tagħha minħabba reati relatati. Barra minn dan il-Pulizija tal-RIU jagħmlu ronda erbgħa u għoxrin siegħa kuljum mal-gżira kollha u dawn jinkludu l-area tal-Mellieħa fejn hemm l-Aħrax, il-Miżieb u l-Park tal-Majjistral. Fost spezzjonijiet oħra dawn ikopru dawk relatati ma’ din i-mistoqsija'. Inspections- Aħrax, il-Miżieb, & Park Majjistral fuq vandaliżmu ta' siġar u ħitan 2014 2015 2016 2017 Spezzjonijiet 24 19 18 14 Persuni mressqa l-Qorti 1 Nil Nil nil

Tmexxija tal-Park tal-Majjistral – għajnuna diretta min-naħa tal-Gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet l-għajnuna diretta min-naħa tal-Gvern għat-tmexxija tal-Park tal-Majjistral sena b'sena, bejn Jannar 2014 u Ottubru 2017?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-għajnuna diretta min-naħa tal-Gvern għat-tmexxija tal-Park tal-Majjistral skond l-ftehim stabilit taħt LN 251 ta 2007 min Jannar 2014 u Ottubru 2017 kien ta €279,502.75

Rapporti tal-Ombudsman

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru jgħid kemm għandu rapporti tal-Ombudsman li r-rakkomandazzjonijiet għadhom ma ġewx implimentati? Jista’ jgħid kemm minn dawn ir-rapporti għadhom mingħajr tweġiba tal-Ministeru?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul l-2017 l-Ombudsman għadda 5 każijiet b’rakkomandazzjonijiet lid-Dipartiment tas-Saħħa. Fi 3 każijiet ir-rakkomandazzjonijiet ġew eżegwiti u 2 l-oħra għadhom pendenti.

Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima — Segretarjat Parlamentari għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali - konsulenzi minn individwu

Question

Jista’ l-Ministru, permezz tas-Segretarjat Parlamentari għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali jgħid jekk xi entità fid-dekasteru tiegħu tatx xogħol legali jew talbitx konsulenzi mill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament jew mid-ditta legali tiegħu, wara Marzu 2013? Jekk iva, meta? Liema entità kienet/hija, u kemm kien/hu l-valur/ħlas tax-xogħol imsemmi, sena b’sena?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Nitlob l-Onor. Interpellant jirefferi għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 310.

Ministeru għas-Saħħa — Konsulenzi minn individwu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk xi entità fid-dekasteru tiegħu tatx xogħol legali jew talbitx konsulenzi mill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament jew mid-ditta legali tiegħu, wara Marzu 2013? Jekk iva, meta? Liema entità kienet/hija, u kemm kien/hu l-valur/ħlas tax-xogħol imsemmi, sena b’sena?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ebda dipartiment u/jew entità fid-dekasteru tal-Ministeru għas-Saħħa ma talbu xogħol legali jew konsulenzi mill-persuna u/jew mid-ditta legali li d-dettalji dwarhom ingħataw separatament.