Legislature:
Category:
Reset
Active:

Industrija tal-kostruzzjoni u l-ħaddiema

Question

Minkejja li hemm diversi entitajiet u dipartimenti li b’xi mod jew ieħor jirregolaw l-industrija tal-kostruzzjoni u l-ħaddiema li jaħdmu fiha, jista’ l-Ministru jgħid hemmx xi ħsieb li dawn kollha jiġu integrati u b’hekk titnaqqas il-burokrazija u jaħdmu b’mod aktar effiċjenti?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’dan id-dawl, billi hemm ħafna frammentazzjonijiet f’dak li għandhom x’jaqsmu direttament jew indirettament mall-industrija tal-bini, hemm il-ħsieb li jiġu kemm jista’ jkun miġbura flimkien taħt kappa komuni. B’hekk inkomplu nagħtu servizz aħjar liċ-ċittadin u nnaqqsu l-burokrazija.

Ix-Xagħra – Park tal-Familja fil-Qortin — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fuq il-Park tal-Familja fil-Qortin fix-Xagħra, Għawdex fejn qabel kien hemm il-miżbla u li din ġiet magħluqa u rijabilitata? Jista' jgħid meta hu maħsub li dan il-park ikun aċċessibbli għall-familji Għawdxin?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor Interpellant li Wasteserv qegħda fil-proċess li tiffinalizza il-proposta għad-disinn sabiex tiġi sottomessa applikazzjoni lil Awtorita’ tal-Ippjanar. Minħabba li dan is-sit kien jintuża bħala miżbla, kienet saret sistema ta’ pajpijiet u bjar fejn jinħażnu gassijiet li jiġu iġġenerati mill-miżbla li minn żmien għal żmien jiġi maħruq. Din is-sistema kienet saret bħala parti mir-rijabilitazzjoni. Minħabba possibilta’ ta’ periklu ta’ xi splużjoni minn dan il-proċess tal-gass, Wasteserv ikkummissjonat studju “ATEX assessment” sabiex jevalwa riskji ta’ dawk iż-żoni fejn hemm possibilta’ ta’ splużjoni u biex jitħejjew miżuri biex inaqqsu dan ir-riskju. Dan l-istudju tlesta u ir-rapport qiegħed jiġi iffinalizzat mill-konsulenti. Ir-rakkomandazzjonijiet ta’ dan ir-rapport għandhom jittieħdu in konsiderazzjoni fid-disinji finali li għandhom jiġu sottomessi lill-Awtorita’ tal-Ippjanar aktar tard din is-sena. Sadanittant qed jiġi ippreparat ukoll id-dokument għas-sejħa għal-offerti sabiex isiru ix-xogħolijiet meħtieġa. Wasteserv qed timmira li għall-aħħar tal-2018 dan is-sit ikun miftuħ għall-pubbliku.
Leg 13 PQ #2425 Sitting 54 2017-11-20 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ir-Rabat (Għawdex) – Triq Għajn Qattet — xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhi r-raġuni li għadu ma bediex ix-xogħol fuq parti minn Triq Għajn Qattet fir-Rabat, Għawdex u fuq Triq Ġorġ fix-Xagħra, Għawdex minkejja l-istat ħażin ħafna tagħhom u dan minkejja wkoll li kienu nħarġu t-tenders fit-28 ta' April 2017 u għalqu fit-30 ta' Mejju 2017, biex isir dan ix-xogħol? X’inhi r-raġuni għaliex dawn it-tenders għadhom ma ġewx awarded u meta hu mistenni li jinbeda x-xogħol fuq dawn it-toroq?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex lesta l-eżerċizzju opportun u qed jistenna biex issir il-publikazzjoni mid-DOC (Dipartiment tal-Kuntratti)

Ix-Xewkija (Għawdex) – Triq il-Madonna tar-Rummiena – bini ta’ micro enterprise park

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern għadx għandu l-pjan li jibni micro enterprise park fuq is-sit li jiġi fi Triq il-Madonna tar-Rummiena fix-Xewkija, Għawdex (ħdejn il-kumpless Gozitano)? Jekk iva, f’liema stadju wasal ix-xogħol? Ġew maħruġa t-tenders għal dan ix-xogħol? Meta hu maħsub li jibda x-xogħol fiżiku?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor Interpellant li x-xogħolijiet tal-Microenterprise hub fix-Xewkija, Għawdex għandhom jibdew fi zmien tlett xhur mid-data tal-ħruġ tal-permess ta’ żvilupp..

Kumpanija tal-Avjazzjoni – memorandum of understanding

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett li se jqum €30 miljun imħabbar mill-Gvern f'Marzu 2017, liema proġett għandu jsir mill-kumpanija tal-avjazzjoni li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament u dwaru kien ġie iffirmat Memorandum of Understanding mal-Malta Industrial Parks u l-Malta Enterprise? Jista' jgħid jekk ix-xogħol infrastrutturali fuq dan il-proġett bediex u jekk le x’inhi r-raġuni li għadu ma bediex? Meta hu maħsub li jitlesta dan il-proġett u fiex se jkun jikkonsisti?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-proġett jinkonsisti fil-kostruzzjoni u tagħmir ta’ sitt bay hangen li jiflaħ jilqa ġo fih ajruplani ta’ ċertu kobor. Is-sit għal dan il-proġett ġie identifikat u x-xogħol infrastrutturali jibdew meta il-permessi neċessarji kollha jkunu ħarġu. Minħabba li s-sit huwa fl-ajruport, isir studju speċjali biex jiġi żgurat is- security kemm tal-ajruport u kemm tal- main runway.

Sustanza ta’ droga sintetika fil-ħabs

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk fix-xahar ta’ Ottubru 2017 kienx hemm stanzi fejn inqabdet sustanza ta’ droga sintetika li kienet se tiddaħħal/ddaħlet ġewwa l-ħabs? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid meta kienet il-ġurnata meta fil-fatt instabet din is-sustanza? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid jekk is-sustanza instabitx fil-pussess ta’ priġunier u/jew fil-pussess ta’ persuna li kienet qiegħda tagħmel viżta fil-ħabs? Jekk is-sustanza nstabet fuq il-persuna li kienet qed tagħmel viżta fil-ħabs, jista jgħid x’passi ttieħdu kontra din il-persuna? Jekk is-sustanza nstabet fil-pussess ta’ priġunier, jista’ jgħid x’passi ttieħdu kontra dan il-priġunier?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fix-xahar t’Ottubru kien hemm 11-il każ fejn instabet sustanza suspettata droga sintetika li kienet se tiddaħħal/iddaħħlet ġewwa l-ħabs Fejn ikun hemm sejba ta’ droga, kemm fil-każ ta’ priġunieri kif ukoll ta’ viżitaturi, jiġu msejħa l-pulizija għall-investigazzjoni. Dawn imexxu l-investigazzjoni tagħhom. Fil-każ li priġunier jinstab fil-pussess ta’ sustanza suspettuża, bħala prekawzjoni u prevenzjoni, dan jintbagħat b’mod temporanju f’diviżjoni separata bħala miżura ta’ sigurtà u prevenzjoni. Dan kollu jiġi rrappurtat u jinfetaħ każ ta’ dixxiplina kontra l-priġunier, imma ma jitteħdux passi kontrih sakemm tasal il-konferma rigward is-sustanza. F’każ li s-sustanza suspettuża tiġi kkonfermata li tkun illegali, il-pulizija jibdew proċeduri kriminali u jiġi spjegat dan fil-file tar-rapport. F’każ li s-sustanza suspettuża tiġi kkonfermata li mhix illegali, jittieħdu passi ta’ dixxiplina kontra il-priġunier minħabba li kien f’pussess ta’ oġġett mhux permess li jkollu fil-Faċilità.

Community Worker Scheme – żieda fil-pagi tal-ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid minn meta se tiżdied il-paga fix-xahar tal-ħaddiema li qegħdin preżentement taħt il-Community Worker Scheme kif imħabbar u jekk kemm-il-darba humiex se jingħataw l-arretrati ta’ kemm ilhom ingaġġati fl-istess skema?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ż-żidiet ser jidħlu fis-seħħ mill-1 ta' Jannar 2018. Għaldaqstant ma hemm l-ebda arretrati dovuti.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ — konsulenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-konsulenti li preżentement huma ngaġġati fil-Ministeru u d-Dipartimenti li jaqgħu taħtu?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan il-Ministeru għandu Legal Consultant, Political Analyst, Senior Advisor, Advisor u erba' Policy Consultants li huma preżentament ingaġġati fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ — konsulenti ngaġġati taħt position of trust

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-konsulenti li preżentement huma ngaġġati taħt position of trust fil-Ministeru u d-Dipartimenti li jaqgħu taħtu?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan il-Ministeru m’għandux konsulenti ngaġġati taħt Position of Trust.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ — reklamar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa tal-Ministeru f’reklamar mill-5 ta’ Ottubru 2017 sal-lum? Jista’ jgħid f’liema tip ta’ reklamar dawn intefqu?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-5 ta' Ottubru 2017 sal-lum intefqu €1,256.48 f'reklamar. Dawn kienu għal reklamar fuq il-Gazzetta tal-Gvern, gazzetti, website, u internet portal.

Żjarat Statali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm żjarat statali li saru barra minn pajjiżna tul din is-sena u jista’ jindika kemm ġew jiswew?

Response (ABELA, CARMELO)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li n-nefqa fuq żjarat statali ma taqax taħt il-mandat tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ. Tul din is-sena kien hemm 4 żjarat statali barra minn pajjiżna

Żjarat Statali minn kapijiet ta’ stati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm żjarat statali li saru ġewwa Malta minn kapijiet ta’ stati f’pajjiżna tul is-snin 2014, 2015, 2016 u 2017 u jista’ jindika wkoll kemm ġew jiswew?

Response (ABELA, CARMELO)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li n-nefqa fuq żjarat statali ma taqax taħt il-mandat tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ. Tul is-snin, 2014, 2015, 2016 u 2017, kien hemm is-segwenti żjarat statali li saru ġewwa Malta minn kapijiet ta’ stati f’pajjiżna: 2014 - 1 2015 - 2 2016 - 3 2017 - 4
Leg 13 PQ #2444 Sitting 54 2017-11-20 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ministry for Gozo Non-Governmental Organisation Assistance Scheme 2017 – għaqdiet volontarji li applikaw

Question

Tista’ l-Ministru tgħid liema huma s-16-il għaqda volontarja f’Għawdex, li applikaw b’suċċess għall-ewwel edizzjoni tal-Ministry for Gozo Non-Governmental Organisation Assistance Scheme 2017? Kemm ingħatat kull għaqda u għal liema proġetti jew inizjattivi ngħataw il-flus? Liema kienu l-għaqdiet li applikaw u ma ngħatawx għajnuna?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant illi l-informazzjoni mitluba hija elenkata fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Il-Mosta – Tarġa Gap — Toroq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx time-frame dwar meta se jsiru t-toroq ta’ Tarġa Gap fil-Mosta?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta qed taħdem fuq lista aġġornata ta’ interventi fil-lokalitajiet rispettivi li jkunu qed isiru skont il-prijoritajiet li jirriżultaw.

Monti ta’ Marsaxlokk – bejjiegħa tal-monti — ftehim

Question

Fid-dawl li xhur ilu l-bejjiegħa li jarmaw kull nhar ta’ Ħadd fil-Monti ta’ Marsaxlokk, kienu ffirmaw kuntratt wara li daħlu fi ftehim mal-Kunsill Lokali Marsaxlokk biex jagħtu posthom lill-Gvern, jista’ l-Ministru jgħid meta se jitħallsu, peress li dawn il-bejjiegħa kellhom jitħallsu wara li jiġi ffirmat il-kuntratt, liema ħlas s’issa għadu ma sarx?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk li għadhom ma ġewx iffirmati l-ebda kuntratti. Sa issa kienet iffirmata dikjarazzjoni minn kull bejjiegħ biex juri nteress li jirrinunzja il-posta tiegħu. F'dan l-istadju infurmat li qed isir xogħol mill-Ministeru tat-Turiżmu, il-Ministeru tal-Enerġija u l-Ilma, u l-Ministeru tal-Ekonomija, li flimkien mal-Kunsilli Lokali ta’ Marsaxlokk qed iħejju d-dokument tal-kuntratt biex eventwalment jiġu ffirmati l-imsemmija kuntratti u jinħargu l-pagamenti dovuti mill-Ministeru għall-Enerġija u l-Ilma.

Marsaxlokk – In-Naħa tal-Magħluq — xogħlijiet fuq ġnien

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li jibdew ix-xogħlijiet fuq il-ġnien li se jinbena f’Marsaxlokk, preċiżament fin-naħa tal-Magħluq?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jitlob l-informazzjoni meħtiega lill-Ministru ikkonċernat.

Applikazzjoni għal dħul f’dar tal-anzjani – qtugħ ta’ pensjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-pensjoni tibdiex tinqata' minn meta ssir l-applikazzjoni għad-dħul fid-Dar tal-Anzjani jew minn meta l-persuna tkun effettivament annessa fid-dar? Jista’ jgħid ukoll jekk f'każ ta' koppja fejn parti waħda biss tapplika għal dħul f’Dar tal-Anzjani, hux parti mill-pensjoni tat-tnejn jew minn waħda biss titnaqqas mal-applikazzjoni jew mad-dħul?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, t-tnaqqis mill-pensjoni ta’ persuna li tidħol f’Dar tal-Anzjani tal-Gvern, isir mid-data li fiha effettivament il-persuna tibda tirresjedi fir-Residenza. Fil-każ ta’ koppja fejn parti waħda biss tibda tirresjedi f’Dar tal-Anzjani tal-Gvern, it-tnaqqis isir biss mill-pensjoni tal-konjugi li jkun/tkun residenti f’dar tal-anzjani. Dan japplika ukoll għal dawk l-anzjani li jidħlu f’Dar tal-Anzjani li l-Gvern għandu ftehim taħt public private partnership magħhom.
Leg 13 PQ #2451 Sitting 54 2017-11-20 Oral · Final From: SIMON BUSUTTIL To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MFSA — Chairman

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2248 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Finanzi u li issa ġiet riferuta lilu u ċjoè: Fid-dawl tal-artiklu ntitolat “MFSA chief linked to BVI-Russia investment” li deher f’The Times of Malta tas-6 ta’ Novembru 2017, fejn qed jingħad li ċ-Chairman tal-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta (MFSA) għandu interessi kummerċjali f’entitajiet reġistrati fil-BVI u li jinvolvu kumpanija Russa tal-mining, jista’ jgħid jekk hux komdu li ċ-Chairperson tal-MFSA, li huwa l-wiċċ tas-settur tas-servizzi finanzjarji ta’ Malta, settur daqstant importanti, ikollu tali interessi u jekk iħossx li l-aġir tal-imsemmi Chairperson hux etiku, leġittimu u regolari f’għajnejn il-Ministru? Jista’ jgħid jekk iħossx li, in vista ta’ dan, l-imsemmi Chairperson m’għadx għandu lok li jmexxi l-MFSA?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-persuna li qed jagħmel riferenza għaliha fil-mistoqsija tiegħu ilu jmexxi l-Awtorita għas-Servizzi Finanżjarji għal dawn l-ahhar 18 - il sena, taħt 4 amministrazzjonijiet differenti mmexija mill-Prim Ministri Eddie Fenech Adami, Lawrence Gonzi u minni. Ngħarraf ukoll lill-Onor Interpellant li kif stqarr pubblikament il-predeċessur tieghi, u l-predeċessur tiegħu bħala Kap tal-PN, il-persuna li qed jagħmel riferenza għaliha fil-mistoqsija tiegħu tkellem mal-Prim Ministri kollha f'dawn l-amministrazzjonijiet u instab li ma kienx hemm fatturi li jxekkluh fit-tmexxija tal-Awtorita għas-Servizzi Finanżjarji. Fl-istess hin il-persuna li qed jagħmel riferenza għaliha fil-mistoqsija tiegħu, għamel spjegazzjoni fil-pubbliku tal-punti li l-Onor Interpellant qed iqajjem fil-mistoqsija tiegħu. L-appell tiegħi huwa li s-settur tas-servizzi finanżjarji, li fl-ahhar 25 sena mexa 'l quddiem u kiber b'kunsens nazzjonali, jibqa jinżamm 'il bogħod mill-politika partiġġjana, fl-interess nazzjonali, tal-izvilupp ekonomiku u tal-eluf ta' impjiegi li hemm marbuta miegħu.
Leg 13 PQ #2452 Sitting 54 2017-11-20 Oral · Final From: SIMON BUSUTTIL To: Ministeru għall-Finanzi

FIAU – investigazzjoni b’rabta bejn il-kumpanija li topera t-tanker LNG u kumpanija

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 2246, ladarba l-Ministru wieġeb li m’għandux informazzjoni dwar l-investigazzjonijiet individwali tal-Financial Intelligence Analysis Unit (FIAU) u ġaladarba huwa fatt magħruf li kien hemm investigazzjoni dwar allegat rabta bejn il-kumpanija li topera t-tanker LNG f’Marsaxlokk u l-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament (a) li allegatament minnha kellhom jgħaddu flus lejn il-kumpanija fil-Panama tal-individwi li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament (b), u ġaladarba m’hemmx dubju li huwa fl-interess pubbliku li kulħadd ikun jaf kif spiċċat din l-investigazzjoni, jista’ għaldaqstant il-Ministru tal-Finanzi jgħid kif il-pubbliku jista’ jkun infurmat b’dak li investigat l-FIAU? X’mezzi għandu l-pubbliku biex ikun jaf x’sar minn din l-investigazzjoni minn entità li, wara kollox, titħallas minn flus il-poplu?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Kif jaf l-Onor. Interpellant l-Korpi għall-Investigazzjoni Finanzjarja kullimkien joperaw taħt l-obbligu tas-sigriet u dan minħabba l-istess natura tagħhom bħala aġenziji ta’ “intelligence”. Il-kooperazzjoni internazzjonali bejn dawn il-korpi ssir ukoll bl-obbligu tas-sigriet u ebda tali korp ma huwa se jaqsam informazzjoni ħlief taħt dan l-obbligu. Is-segretezza fl-investigazzjonijiet ta’ dawn il-korpi hija għalhekk materja ta’ interess pubbliku. F’dan il-kuntest l-Onor. Interpellant qiegħed jiġi riferut għall-artikoli 33 u 34 tal-Att kontra l-Money Laundering (Kap 373) li jirriflettu l-istandards internazzjonali mahruga mill-FATF u l-Grupp EGMONT.

FIAU – investigazzjoni b’rabta bejn il-kumpanija li topera t-tanker LNG u kumpanija

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 2247, ladarba l-Ministru wieġeb li m’għandux informazzjoni dwar l-investigazzjonijiet individwali tal-Financial Intelligence Analysis Unit (FIAU) u ġaladarba huwa fatt magħruf li kien hemm investigazzjoni dwar allegat rabta bejn il-kumpanija li topera t-tanker LNG f’Marsaxlokk u l-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament (a) li allegatament minnha kellhom jgħaddu flus lejn il-kumpanija fil-Panama tal-individwi li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament (b), u ġaladarba m’hemmx dubju li huwa fl-interess pubbliku li kulħadd ikun jaf kif spiċċat din l-investigazzjoni, jista’ għaldaqstant il-Ministru jgħid kif il-pubbliku jista’ jiġi nfurmat b’dak li investigat l-FIAU? X’mezzi għandu l-pubbliku biex ikun jaf x’sar minn din l-investigazzjoni minn entità li, wara kollox, titħallas minn flus il-poplu?

Response (BONNICI, OWEN)

Kif jaf l-Onor. Interpellant l-Korpi għall-Investigazzjoni Finanzjarja kullimkien joperaw taħt l-obbligu tas-sigriet u dan minħabba l-istess natura tagħhom bħala aġenziji ta’ “intelligence”. Il-kooperazzjoni internazzjonali bejn dawn il-korpi ssir ukoll bl-obbligu tas-sigriet u ebda tali korp ma huwa se jaqsam informazzjoni ħlief taħt dan l-obbligu. Is-segretezza fl-investigazzjonijiet ta’ dawn il-korpi hija għalhekk materja ta’ interess pubbliku. F’dan il-kuntest l-Onorevoli interpellant qiegħed jiġi riferut għall-artikoli 33 u 34 tal-Att kontra l-Money Laundering (Kap 373) li jirriflettu l-istandards internazzjonali mahruga mill-FATF u l-Grupp EGMONT. Infakkar li dan il-Kapitlu tal-Ligijiet kien gie pilotat u mghoddi mill-Parlament minn Gvern immexxi mill-Partit Nazzjonalista.