Legislature:
Category:
Reset
Active:

Tal-Qroqq — subway

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex is-subway li hemm f’Tal Qroqq u li tintuża minn mijiet ta’ studenti ta’ kuljum hija bla dawl u billejl hija perikoluża ħafna? Jista’ jgħid għaliex din is-subway ħafna drabi tkun maħmuġa tant li ħafna studenti jippreferu jaqsmu t-triq minn fost il-karozzi b’periklu kbir għalihom, milli jużawha?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dawl li hemm bħalissa fl-Iskate Park inxtegħel u huwa adegwat. L-Awtorita’ Transport Malta ser tkun qed iżżid l-illuminazzjoni fl-inħawi kollha ħalli tissaħħaħ is-sigurta’. Rigward it-tindif, l-informazzjoni meħtieġa għandha tintalab mill-Ministru ikkonċernat.

Raħal Ġdid – xogħlijiet fil-pjazza

Question

B’referenza għax-xogħlijiet li qegħdin isiru fil-pjazza ta’ Raħal Ġdid, tista’ l-Ministru tgħid kemm intefqu spejjeż sal-ġurnata tal-lum kif ukoll kif inhu għaddej l-andament tax-xogħol u meta hu previst li se jiġi tterminat?

Response (DALLI, HELENA)

Nitlob l-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru konċernat.

Raħal Ġdid – xogħlijiet fil-pjazza – kumpens lin-negozji

Question

B’referenza għax-xogħlijiet li qed isiru fil-pjazza ta’ Raħal Ġdid, tista’ l-Ministru tgħid x’kumpens u għajnuna qed tingħata lid-diversi operaturi u sidien tal-ħwienet li qegħdin kull jum jitilfu min-negozji tagħhom?

Response (DALLI, HELENA)

Nitlob l-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru konċernat.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin — ħabsin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin sal-aħħar ta’ Ottubru 2017? Jista’ jindika kemm minnhom kienu qed jiskontaw sentenza tal-Qrati? Kemm minnhom qed jistennew li jingħataw il-libertà proviżorja?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi nhar il-31 ta’ Ottubru 2017 il-popolazzjoni fil-Facilità Korrettiva ta’ Kordin kienet ta’ 588, li minnhom kien hemm 432 issentenzjati u 156 taħt arrest preventiv.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – multi konvertiti f’Ħabs

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin li daħlu l-ħabs biex jiskontaw sentenza wara li l-multi ġew konvertiti f’ħabs, mill-bidu tas-sena 2017 sal-aħħar ta’ Ottubru 2017?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bejn l-1 ta’ Jannar 2017 u l-31 ta’ Ottubru 2017 kien hemm 60 persuna li ddaħħlu fil-Facilita’ Korrettiva ta’ Kordin minħabba konverżjoni ta’ multi.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – persuni miżmuma

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li għal xi raġuni jew oħra ġew miżmuma għal xi perijodu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin mill-bidu tas-sena sal-aħħar ta’ Ottubru 2017?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bejn l-1 ta’ Jannar 2017 u l-31 ta’ Ottubru 2017 kien hemm 490 persuna li għal xi raġuni jew oħra ġew miżmuma għal xi perjodu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Bord tal-Parole – rapporti annwali

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapporti annwali li saru s’issa mill-Bord tal-Parole u dan ai termini tas-sub-artikolu 4 tal-Artikolu 9 tal-Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi Kapitolu 516?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, illi l-erba’ rapporti annwali li saru s’issa qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ingaġġ ta’ rekruti u uffiċjali kadetti

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta' kemm iddaħħlu rekluti u uffiċjali kadetti bejn l-1 ta’ Mejju u t-2 ta' Ġunju 2017?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Forzi Armati ta’ Malta ingaġġat 103 rekluti u 11 uffiċċjali kadetti.

Forzi Armati ta’ Malta – kors li wassal għall-kwalifika ta’ ACE 1

Question

Jista’ l-Ministru jispjega kif ġew assesjati kandidati li poġġew għall-kors li wassal għal kwalifika ta’ ACE 1 li sar ftit ġimgħat qabel l-elezzjoni, u jekk kienx hemm eżami bil-miktub? Jista’ jiġi kkonfermat jekk dan il-kors ġiex organizzat mill-GWU u kemm ħallset il-Forzi Armati ta’ Malta? Kemm kien hemm kandidati li għamlu dan il-kors u kemm minnhom ġew promossi bejn l-1 ta' Mejju u t-2 ta' Ġunju 2017?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-FAM ma tħallasx għal korsijiet li jsiru relatati ma’ kwalifiċi akkademiċi. Il-FAM tirrikonoxxi kwalifiċi f’ċertu livelli skont kif akkreditati mill-MQRIC u ma tidħolx fil-mertu kif dawn tal-aħħar jaslu għall-konkluzjoni f’liema livell jakkreditaw ċertu kwalifiċi.

Forzi Armati ta’ Malta – Bord tal-Investigazzjoni tal-Inġustizzji

Question

Jista’ l-Ministru jispjega fid-dettal kemm-il deċiżjoni tal-Bord tal-Investigazzjoni tal-Inġustizzji fil-Forzi Armati ta’ Malta, li jiffurmaw parti minnu l-individwi li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament, issarfet fi promozzjonijiet?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li 221 persuna ġew promossi b'rabta ma’ ilmenti sottomessi lill-Bord imsemmi. L-uffiċċjal tal-FAM imsemmi mill-interpellant, mhux membru tal-Bord. Hu ġie maħtur mill-FAM bħala uffiċjal ta’ kollegament, fil-kapaċità tiegħu bħala Records Officer, biex jipprovdi l-informazzjoni mitluba mill-Bord.

Forzi Armati ta’ Malta – Bord tal-investigazzjoni tal-inġustizzji — rakkomandazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk kienx hemm rakkomandazzjonijiet mill-Bord tal-Inġustizzji fil-Forzi Armati ta’ Malta (FAM) li ma ġewx aċċettati mill-FAM? Jekk iva, fir-rigward ta' min ma ġewx aċċettati dawn ir-rakkomandazzjonijiet u għal liema raġuni?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi r-rakkomandazzjonijiet tal-Bord tal-Inġustizzji ma jgħaddux lill-Forzi Armati ta’ Malta biex jiġu aċċettati.

Forzi Armati ta’ Malta — promozzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm għad baqa' vakanzi għall-promozzjonijiet meta tikkunsidra li l-aħħar promozzjonijiet kienu ppublikati bejn l-1 ta' Mejju u t-2 ta' Ġunju 2017?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-Forzi Armati ta’ Malta baqa' vakanzi għall-promotion ta’ 66 Warrant Officer, 117 Staff Sergeant u Sergeant, u 172 Bombardier u Lance Bombardier.

Forzi Armati ta’ Malta – membri li ġew promossi b’riżultat ta’ rakkomandazzjoni tal-Bord tal-Inġustizzji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx membri tal-Forzi Armati ta’ Malta li ġew promossi b’riżultat ta’ rakkomandazzjoni tal-Bord tal-Inġustizzji wara li l-istess individwi kellhom każ għand l-Ombudsman jew il-President ta’ Malta? Fil-każ ta’ fizzjala, kien hemm każijiet fejn il-bord tal-investigazzjoni tal-inġustizzji ta raġun lill-individwi wara li l-Ombudsman jew il-President kienu sabu li ma kienx hemm każ ta’ inġustizzja fil-konfront tal-individwi konċernati?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Bord tal-Inġustizzji ma daħalx f’każijiet diġa deċizi mill-Ombudsman jew il-President ta’ Malta, sakemm ma ġiex preżentat każ differenti.

Belt Valletta – Kunsill Lokali – financial statements

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-aħħar sett ta’ financial statements tal-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta, li qal li ma ssottomettiex l-financial statements għas-sena 2015 u 2016. Jidher li d-dewmien kien ikkaretizzat minn diversi fatturi. Id-Dipartiment għall-Gvern Lokali qed jissorvelja dan il-każ flimkien mall-Uffiċju tal-Awditur Ġenerali

Belt Valletta – Kunsill Lokali – lista ta’ xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista dettaljata tax-xogħlijiet infrastrutturali li wettaq il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta fis-sena 2016 u matul din is-sena sat-30 ta’ Settembru 2017?

Response (BONNICI, OWEN)

Il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta qal li ma sarux xogħlijiet infrastrutturali minħabba nuqqas ta’ fondi. Qal ukoll pero li l-Kunsill irnexxielu jittapja fondi oħrajn biex isiru diversi bankini. Ħarġu l-ewwel permessi tal-Awtorita’ tal-Ippjanar u ser jiġi wkoll ippublikat it-tender.

Belt Valletta – Kunsill Lokali – Safar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm intefqu flus fuq safar mill-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta fis-sena 2016 u matul din is-sena sat-30 ta’ Settembru 2017?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta li n-nefqa tiegħu fuq safar minn fondi tal-Kunsill għal matul is-sena 2016 kienet ta’ €1,472 u matul din is-sena sat-30 ta’ Settembru kienet ta’ €1837.50

Il-Ħamrun – Kunsill Lokali – lista’ ta’ xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista dettaljata tax-xogħlijiet infrastrutturali li wettaq il-Kunsill Lokali tal-Ħamrun fis-sena 2016 u matul din is-sena sat-30 ta’ Settembru 2017?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Ħamrun li matul is-sena 2016 il-Kunsill ħallas spejjeż relatati li saru fis-sena 2015. Madankollu matul is-sena 2017 (sat-30 ta’ Settembru) il-Kunsill Lokali tal-Ħamrun wettaq tlett xogħlijiet infrastrutturali: • Rikostruzzjoni ta’ Triq Manwel Magri • Rikostruzzjoni ta’ bankini fi Triq Nuzzo • Xogħol ta’ konkrit fi Sqaq il-Qasab

Il-Ħamrun – Kunsill Lokali – Safar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm intefqu flus fuq safar mill-Kunsill Lokali tal-Ħamrun fis-sena 2016 u matul din is-sena sat-30 ta’ Settembru 2017?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Ħamrun li ma kien hemm l-ebda spejjeż relatati ma’ safar fl-2016, filwaqt li matul din is-sena sat-30 ta’ Settembru kien ta’ € 536.61.

Ħal Tarxien – Triq Santa Maria u Triq Annetto – xogħlijiet ta’ asfaltar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta sar ix-xogħol ta’ asfaltar fuq Triq Santa Maria u Triq Annetto Caruana, f’Ħal Tarxien? Jista’ jgħid ukoll kemm ġew jiswew?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Tarxien li x-xogħol fuq Triq Santa Marija u Triq Annetto Caruana sar bejn l-perjodu ta’ Awissu u l-bidu ta’ Settembru ta’ din is-sena u ġie jiswa €84,818.78.