Legislature:
Category:
Reset
Active:

Trasport Pubbliku miċ-Ċirkewwa għal MCAST ta' Raħal Ġdid

Question

Jista’ l-Ministru jara li s-servizz tat-trasport pubbliku li jingħata miċ-Ċirkewwa direzzjoni lejn l-MCAST f’Raħal Ġdid fil-ħinijiet ta’ filgħodu jibda jingħata wkoll lura fil-ħinijiet ta’ wara nofsinhar/filgħaxija u dan sabiex ikun jista’ jakkomoda u jnaqqas l-inkonvenjent li qed jiffaċċjaw l-istudenti li jattendu l-istess MCAST li huma residenti l-Mellieħa, Xemxija u San Pawl il-Baħar fost lokalitajiet/żoni oħra fl-istess akkwati?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li ttieħdet nota mill-Awtorità tat-Trasport ta’ dan is-suġġeriment għal aktar kunsiderazzjoni.
Leg 13 PQ #22446 Sitting 495 2021-10-12 Oral · Final From: ROBERT CUTAJAR To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Trasport Pubbliku miċ-Ċirkewwa għal MCAST ta' Raħal Ġdid

Question

Tista’ l-Ministru tara li s-servizz tat-trasport pubbliku li jingħata miċ-Ċirkewwa direzzjoni lejn l-MCAST f’Raħal Ġdid fil-ħinijiet ta’ filgħodu jibda jingħata wkoll lura fil-ħinijiet ta’ wara nofsinhar/filgħaxija u dan sabiex ikun jista’ jakkomoda u jnaqqas l-inkonvenjent li qed jiffaċċjaw l-istudenti li jattendu l-istess MCAST li huma residenti l-Mellieħa, Xemxija u San Pawl il-Baħar fost lokalitajiet/żoni oħra fl-istess akkwati?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Il-Ministeru qed jara li s-servizz miċ-Ċirkewwa u lura li jingħata lill-istudenti tal-MCAST jingħata fil-ħinijiet konvenjenti u li jinkludi wkoll dawk l-istudenti li joqgħodu l-Mellieħa u San Pawl il-Baħar.

Spettaturi f'Attività sportiva — Kriterji

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa ġentilment jgħid u jiċċara xi kriteriji qed jintużaw fil-każ ta' spettaturi f’attività sportiva u jekk dawn il-kriterji hux qed ivarjaw skont l-isport partikolari?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi skont l-Mandatory Standards for Sports Activities, l-attendenza ta' spettaturi hija permessa fi kwalunkwe avveniment sportiv, inklużi logħbiet tal-kampjonat, provi tal-ħin, kompetizzjonijiet sportivi u sessjonijiet ta' taħriġ skedati u organizzati minn entitajiet irreġistrati ma' Sport Malta. Dan huwa applikabbli għall-isports kollu. L-attendenza tal-ispettaturi hija rregolata skont l-iStandards for safer organised controlled events. Dawn l-istandards jistipulaw li l-attendenza għandha tkun permezz ta’ booking/reservation/ tickets u kif ukoll reġistrazzjoni minn qabel. Id-dħul huwa esklussivament fuq preżentazzjoni ta' ċertifikat ta' tilqim validu. Għal avvenimenti bħal dawn għandu jkun hemm organizzatur li jkun identifikat u responsabbli għall-avveniment.
Leg 13 PQ #22448 Sitting 495 2021-10-12 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Superviżjoni fuq trasport tat-tfal tal-iskola

Question

Wara l-każ fejn xufier allegatament ħalla tifla tal-iskola ta’ tliet snin waħedha għal sigħat twal, tista’ l-Ministru tgħid kif qed tiggarantixxi li t-trasport imħallas mill-istat u l-privat, qed ikollu superviżjoni adegwata mat-tfal? Kemm saru spezzjonijiet fl-aħħar tliet snin? Fuq xiex saru? X’se jsir biex dan il-każ ma jerġax jirrepeti ruħu?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. interpellant li hekk kif sirt naf bil-każ ittieħdu l-passi meħtieġa inkluż ħatra ta’ bord ta’ inkjesta.
Leg 13 PQ #22449 Sitting 495 2021-10-12 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Għalliema li talbu jew ħadu trasferiment minn Skejjel tal-Knisja għal Skejjel tal-Istat u viċe-versa

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien hemm edukaturi li talbu jew ħadu trasferiment minn Skejjel tal-Knisja għal dawk tal-istat u viċi versa mill-2013 lil hawn maqsuma sena b’sena? Tista’ tgħid ukoll kemm edukaturi li minn skejjel indipendenti daħlu jaħdmu fi skejjel tal-istat? Tista’ tgħid għaliex l-edukaturi tal-skejjel indipendenti mhumiex iżommu l-istess skala, grad u salarju bħalma jiġri fil-każ ta’ għalliema ta’ skejjel tal-knisja? X’inhu jsir biex din is-sitwazzjoni tiġi rrimedjata?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ngħarraf lill-Onorevoli interpellant li l-iskejjel tal-Knisja għandhom proċess ta’ reklutaġġ separat u distint.
Leg 13 PQ #22450 Sitting 495 2021-10-12 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Għalliema Għawdxin li kienu qed jaħdmu Malta

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien in-numru ta' għalliema Għawdxin li matul is-sena skolastika li għaddiet kienu jaħdmu Malta u għas-sena skolastika preżenti ntbagħtu lura biex jaħdmu Għawdex? Tista’ tgħid ukoll liema kienu s-suġġetti u livelli li kienu jgħallmu Malta u liema qiegħed jgħallmu Għawdex?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninsab infurmata li għas-sena skolastika 2021/2022 kien hemm erba’ (4) għalliema li ntbagħtu jgħallmu Għawdex. Dawn kienu għalliema tal-Primarja, Mużika u Edukazzjoni Fiżika. L-għalliema tal-Edukazzjoni Fiżika u Mużika jgħallmu kemm fil-primarja kif ukoll fl-iskola medja u sekondarja.
Leg 13 PQ #22451 Sitting 495 2021-10-12 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Malta School of Drama – Serqa mill-binja

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk hux minnu li matul is-sena skolastika li għaddiet saret serqa mill-binja tal-Malta School Of Drama? Jekk hu minnu, tista’ tgħid kemm kien l-ammont li nsteraq u x'investigazzjoni għaddejja?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma l-Onor. interpellant li huwa minnu li matul is-sena skolastika li għaddiet kien hemm serq mill-binja tal-MAVC Malta School of Drama & Dance fil-Blata l-Bajda, li dwar din is-serqa sar rapport immedjatament mill-istess skola lill-Pulizija li għadha qed tinvestiga.
Leg 13 PQ #22452 Sitting 495 2021-10-12 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni

School leaving Certificate – studenti li jridu japplikaw għall-istipendju

Question

Tista’ l-Ministru tgħid hux minnu li studenti fis-6th Forms qed isibu problema biex japplikaw għall-istipendju minħabba li l-school leaving certificate għadu ma ħariġx? Jekk mhux il-każ tista’ tgħid meta ħareġ l-school leaving certificate?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Jiena infurmata li l-applikazzjonijiet għall-istipendju jibqgħu miftuħin sal-aħħar ta’ Diċembru 2021. F'dawk il-ftit każijiet fejn l-istudenti għadhom ma rċevewx iċ-Ċertifikat u l-Profil tal-Iskola Sekondarja, ser ikunu qed jirċevuh sal-aħħar t’Ottubru 2021. Kull min għandu diffikultà jista' jagħmel kuntatt mad-dipartiment konċernat fuq 25980000.
Leg 13 PQ #22453 Sitting 495 2021-10-12 Oral · Final From: HERMANN SCHIAVONE To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Ġenituri quddiem it-Tribunal

Question

Tista’ l-Ministru tindika x’deċizjonijiet ħa t-Tribunal Lokali dwar il-1,756 ġenituri li dehru quddiemu wara li ma bagħtux lil uliedhom skola fl-aħħar tliet snin?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Għalkemm id-deċiżjonijiet meħuda mit-Tribunal Lokali ma jiġux mgħoddija lil dan il-Ministeru, kif diġà weġibt fil-mistoqsija parlamentari 20257, il-Ministeru, id f’id mal-iskola, ma’ professjonisti oħra mid-Direttorati għall-Edukazzjoni u anke ma’ servizzi barra d-direttorati, ikomplu jsegwu dawk l-istudenti li huma assenti mill-iskola fuq bażi regolari u mingħajr raġuni valida.

Imwiet minħabba l-Kanċer

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jindika kemm hija l-medja ta’ persuni fis-sena f’pajjiżna li jmutu minħabba l-kanċer? X’tip ta’ kanċer huwa l-aktar komuni fost in-nisa u l-irġiel?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fis-sena 2019 mietu 960 persuna minħabba l-kanċer f’pajjiżna. L-aktar kanċer komuni li joqtol fl-irġiel huwa l-kanċer tal-pulmun u fin-nisa huwa l- kanċer tas-sider.

Aġenzija għas-Servizzi Terapewtiċi u fil-Komunita’: Ċentri ta’ Riżorsi tal-Familja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Aġenzija għas-Servizzi Terapewtiċi u fil-Komunità humiex sejrin iwaqqfu aktar Ċentri ta’ Riżorsi tal-Familja f’pajjiżna? Jekk iva, fejn se jitwaqqfu dawn iċ-Ċentri u meta se jitwaqqfu?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, l-mira aħħarija ta’ dan l-Ministeru hija li l-Fondazzjoni jkollha preżenza on the ground f’kull lokalità premezz ta’ Ċentri minn fejn jingħataw is-servizzi lil kull min jiġi bżonnhom. Dan billi l-ħidma matul is-snin uriet li aktar ma nkunu qrib in-nies u ngħinuhom fil-mument tal-bżonn, aktar nkunu qed nipprevjenu milli jikbru l-problemi soċjali fil-kommunitajiet. Biex jintlaħaq dan il-għan hemm bżonn ta’ 3 għodod importanti ħafna; finanzi, uffiċini adegwati u finalment ir-riżorsi umani. L-akbar sfida, filfatt, qiegħda tkun li nsibu biżżejjed riżorsi umani, hekk kif bħalma qed jiġri fil-bqija tal-Ewropa u partijiet oħra tad-dinja, mhux qed jiggradwaw biżżejjed professjonisti fil-qasam soċjali/komunitarju.

Cheque tar-reviżjoni tat-taxxa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fejn jistgħu jċemplu persuni li għadhom ma rċevewx iċ-cheque tar-reviżjoni tat-taxxa? F’każ li persuna nħarġilha dan iċ-cheque u ntilef, x’inhi l-proċedura li trid issegwi biex isir cheque ieħor? Kemm huwa ż-żmien li wieħed irid jistenna sabiex jerġa’ joħroġlu cheque ieħor bil-ħlas dovut?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lil Onor. Interpellant li persuni li huma eliġibbli għal dan iċ-ċekk u ma rċevewhx, jew irċevewh izda tilfuh, jistgħu jċemplu l-Freephone 153 ta’ servizz.gov. Meta jċemplu jiġu vverifikati d-dettalji personali u jekk hemm bzonn isiru aġġustamenti fir-reġistru, (bħal bdil ta’ indirizz eċċ). Sakemm jitlesta dan il-proċess, flimkien mal-istampar u impustar taċ-ċekk, jieħu medja ta’ xahar sabiex isiru l-verifiki kollha.
Leg 13 PQ #22478 Sitting 495 2021-10-12 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Nurses gradwati mill-MCAST

Question

Tista' l-Ministru ġentilment tgħid kemm igradwaw nurses mill-MCAST f'dawn l-aħħar tliet snin sena b'sena?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninsab infurmata li n-numru ta’ gradwati mill-kors tan-nursing mill-MCAST hu kif se nsemmi: Sena Akkademika 2018 – 2019 Xejn Sena Akkademika 2019 – 2020 18 Sena Akkademika 2020 – 2021 16
Leg 13 PQ #22479 Sitting 495 2021-10-12 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għall-Edukazzjoni

MCAST — spiża għal kors tan-nurses

Question

Tista' l-Ministru ġentilment tgħid kemm hi l-ispiża biex isir kors tan-nurses fl-MCAST?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. interpellant li l-kors tan-Nursing qed isir b’mod konġunt bejn l-MCAST u l-Università ta’ Northumbria. Barra s-salarji tal-letturi Maltin, isir ħlas lill-Università ta’ Northumbria ta’ €260,000 fis-sena liema kontribut ikopri, fost l-oħrajn, 1. Taħriġ u superviżjoni tal-letturi tal-MCAST. 2. External examiners biex jivverifikaw ir-riżultati tal-istudenti fl-aħħar ta’ kull sena akkademika. 3. Aċċess għal software speċjalizzat u programm akkademiku offrut mill-Università ta’ Northumbria.
Leg 13 PQ #22480 Sitting 495 2021-10-12 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għall-Edukazzjoni

MCAST — kors tan-nurses

Question

Tista' l-Ministru ġentilment tgħid kemm bdew kors tal-MCAST fil-kors tan-Nursing din is-sena?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. interpellant li n-numru ta’ studenti li bdew il-kors tan-Nursing tal-MCAST fis-sena akkademika 2021-2022 huwa ta’ 67 student.

Ministeru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli — konsulenza fuq public relations jew komunikazzjoni - nefqa

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 21043 u telenka kemm intefqu flus mill-Ministeru tagħha u kull entità u dipartiment li jaqa’ taħtha, għal konsulenza fuq public relations jew komunikazzjoni, minn Marzu 2013 sal-jum li fih din l-interpellanza tkun imwieġba, maqsuma sena b’sena?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kompożizzjoni ta’ dan il-Ministeru inbiddlet matul is-snin sabiex il-portafoll kiber u żdiedu l-entitajiet. In-nefqa globali tul dawn it-tmien snin kienet ta’ €319,796,36.

Maternity Fund — fondi

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 19463 li oriġinarjament saret lill-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal u 21040 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid f'kemm fondi jikkonsisti l-Maternity Fund bħalissa?

Response (ABELA, CARMELO)

Il-bilanċ tal-fondi tal-Maternity Trust Fund fis-6 ta’ Ottubru 2021 kien ta’ €4,473,144.90

Materniy Fund — flus imħallsa

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 19462 li oriġinarjament saret lill-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal u 21039 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm tħallsu flus mill-Maternity Fund mill-2015 sal-lum?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninsab infurmat li fl-2015 ma sarux pagamenti u l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabella hawn taħt. Sena Payments from the Maternity Trust Fund 2016 €693,395.06 2017 €5,767,731.60 2018 €5,509,532.20 2019 €6,456,194.00 2020 €7,333,653.60 2021 (up to September) €6,835,343.07 TOTAL €32,595,849.53
Leg 13 PQ #21956 Sitting 494 2021-10-11 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Private Jet – titjira lejn Montenegro – persuna mal-Prim Ministru

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid x’kienet ir-raġuni jew ħtieġa fl-interess nazzjonali biex fuq it-titjira fuq private jet lejn il-Montenegro lejn l-aħħar tal-2019, il-Prim Ministru Malti ħa miegħu lill-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament? X’kienet il-kariga pubblika li din il-persuna kienet tokkupa li ġġustifikat issiefer mal-Prim Ministru Malti f’delegazzjoni uffiċjali fuq xogħol tal-Gvern Malti?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab infurmat li l-persuna msemmija tellgħet bħala l-mara tal-ambaxxatur tal-msemmi pajjiż.