Legislature:
Category:
Reset
Active:

Forzi Armati ta’ Malta – spiża tal-pagi wara li ngħataw il-promozzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lil din il-Kamra kemm żdiedet l-ispiża relatata mal-pagi tal-Forzi Armati ta’ Malta b’konsegwenza tal-promozzjonijiet li ngħataw ftit ġimgħat qabel l-elezzjoni li għaddiet? Jista’ jagħti l-ispiża totali relatata ma’ pagamenti ta’ backdated promotions kemm ta’ membri li għadhom iservu kif ukoll ta’ oħrajn irtirati mis-servizz?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġibiet mogħtija għall-Mistoqsijiet Parlamentari 1600 u 1601.

Forzi Armati ta’ Malta – promozzjoni ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lil din il-Kamra huwiex minnu li l-Uffiċjal Kmandant tal-Air Wing li sa ftit xhur ilu kien l-assistent personali tal-Brigadier u li ngħata promozzjoni għal Lt Col fejn qabeż numru kbir ta’ fizzjala oħra aktar kwalifikati u ta’ esperjenza minnu, ma għandu l-ebda kwalifika jew esperjenza fis-settur li huwa ntbagħat imexxi? Xi kwalifiki għandu?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Uffiċċjal li għalih qed jirreferi ħa lpromozzjoni indikata wara proċess ta’ selezzjoni. L-Onor. Interpellant għandu jagħraf ukoll id-differenza bejn kariga ta’ kmand u kariga teknika. Il-kariga okkupata mill-Uffċċjal imsemmi hija kariga ta’ kmand.

Wasteserv — impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il ħaddiem għandha l-Wasteserve u kemm persuni ġew impjegati magħha bejn l-1 ta' April 2017 u l-5 ta' Ġunju 2017?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma ġew impjegati l-ebda persuni ġodda bejn 1 ta’ April 2017 u l-5 ta Ġunju 2017 mal-kumpanija Wasteserv filwaqt li n-numru ta’ ħaddiema fil-5 ta’ Ġunju 2017 mal-Wasteserv kien ta’ 90 ruħ.

Il-Furjana – Kunsill Lokali – lista’ ta’ xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista dettaljata tax-xogħlijiet infrastrutturali li wettaq il-Kunsill Lokali tal-Furjana fis-sena 2016 u matul din is-sena sat-30 ta’ Settembru 2017?

Response (BONNICI, OWEN)

Is-segwenti tabella turi l-informazzjoni hekk kif ipprovduta mill-Kunsill Lokali tal-Floriana. 2016 Xahar Xogħol Triq / Toroq Responsabbli minnu € Frar Upgrading ta’ bankini fl-inħawi ta’ Balzunetta Triq il-Konservatorju Road Servicing Ltd 8,941 April High Friction Surface Triq il-Fosos Bonnici Brothers 1,605 Lulju Resurfacing qrib Binja Vilhena Pjazza Sir Luigi Preziosi Road Servicing Ltd 20,425 2017 (sat-30 ta’ Settembru) Xahar Xogħol Triq / Toroq Responsabbli minnu € Lulju Xogħol ta’ trenching u resufacing Triq Lopez, Triq Vilhena u Triq l-Isqof Mauro Caruana Road Servicing Ltd 59,608

Il-Furjana– Kunsill Lokali – Safar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm intefqu flus fuq safar mill-Kunsill Lokali tal-Furjana fis-sena 2016 u matul din is-sena sat-30 ta’ Settembru 2017?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Floriana li n-nefqa tiegħu fuq safar matul is-sena 2016 kienet ta’ €1,040.00 u matul din is-sena sat-30 ta’ Settembru kienet ta’ €2,020.90.

Il-Furjana – Kunsill Lokali – financial statements

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-aħħar sett ta’ financial statements tal-Kunsill Lokali tal-Furjana?

Response (BONNICI, OWEN)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-aħħar sett ta’ financial statements tal-Kunsill Lokali tal-Floriana

Il-Marsa – Kunsill Lokali – lista’ ta’ xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista dettaljata tax-xogħlijiet infrastrutturali li wettaq il-Kunsill Lokali tal-Marsa fis-sena 2016 u matul din is-sena sat-30 ta’ Settembru 2017?

Response (BONNICI, OWEN)

It-tabelli hawn taħt juru l-informazzjoni mitluba hekk kif ipprovduta mill-Kunsill Lokali tal-Marsa. 2016 Xahar Xogħol Triq / Toroq Responsabbli minnu € Frar Għoti tat-Tarmak Triq is-Sajjieda Central Asphalt 41,243.25 Awwissu Bankini Diversi toroq Karmig 17,061.21 2017 (sat-30 ta’ Settembru) Xahar Xogħol Triq / Toroq Responsabbli minnu € Awwissu Bankini Diversi toroq Karmig 19,813.03 Ottubru Bankini Diversi toroq Karmig 6,291.57 Ottubru Għoti tat-Tarmak Triq it-Tiġrija Central Asphalt 96,394.18

Il-Marsa – Kunsill Lokali – Safar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm intefqu flus fuq safar mill-Kunsill Lokali tal-Marsa fis-sena 2016 u matul din is-sena sat-30 ta’ Settembru 2017?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Marsa li għas-sena 2016 intefqu €1,188.17 fuq safar, filwaqt li matul din is-sena sat-30 ta’ Settembru ma ntefqu l-ebda flus.

Att dwar in-Negozji tal-Familja – applikazzjonijiet biex negozji jiġu rreġistrati bħala negozju tal-familja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm daħlu applikazzjonijiet biex negozju jiġi rreġistrat bħala 'negozju tal-familja' minn mindu daħal fis-seħħ l-Att dwar in-Negozji tal-Familja (Kap. 565), u kemm minnhom ġew ipproċessati?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s’issa madwar ħamsa u għoxrin negozju urew interess li jirreġistraw bħala negozju tal-familja. Ġew finalizzati tnax–il applikazzjoni. L-uffiċċju Regolatur m’għandu ebda applikazzjoni pendenti min naħa tiegħu u kull applikazzjoni pendenti tiddependi mill-familja li tissotometti d-dokumentazzjoni kollha meħtieġa.

Skemi li nħarġu mill-Gvern Ċentrali għall-Kunsilli Lokali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu jammontaw fi flus l-iskemi li nħarġu mill-Gvern Ċentrali għall-Kunsilli Lokali, sena b'sena, bejn l-2011 u l-2017?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Mellieħa, San Pawl il-Baħar u Naxxar – proġetti infrastrutturali/kapitali

Question

Jista' l-Ministru jindika liema proġetti infrastrutturali / kapitali mistennija jsiru mill-Gvern fil-lokalitajiet tal-Mellieħa, San Pawl il-Baħar u Naxxar matul is-sena 2018?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta qed taħdem fuq lista aġġornata ta’ interventi fil-lokalitajiet rispettivi li jkunu qed isiru skont il-prijoritajiet li jirriżultaw.

Promenade tal-Għadira

Question

Ma jaħsibx il-Ministru li l-promenade tal-Għadira wasal iż-żmien li jsir investiment xieraq fuqu bħal xogħlijiet oħra li saru tul l-aħħar 20 sena fuq promenades simili madwar Malta u Għawdex f'żoni mhux biss turistiċi iżda anke żoni li jattiraw ħafna familji Maltin?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jitlob l-informazzjoni meħtiega lill-Ministru kkonċernat.
Leg 13 PQ #2493 Sitting 56 2017-11-22 Oral · Final From: ROBERT CUTAJAR To: Ministeru għat-Turiżmu

Promenade tal-Għadira

Question

Ma jaħsibx il-Ministru li l-promenade tal-Għadira fil-Mellieħa wasal iż-żmien li jsir investiment xieraq fuqu bħal xogħlijiet oħra li saru tul l-aħħar 20 sena fuq promenades simili madwar Malta u Għawdex f'żoni mhux biss turistiċi iżda anke żoni li jattiraw ħafna familji Maltin?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-promenade tal-Għadira fil-Mellieħa qiegħed fuq il-lista’ ta’ proġetti ta’ prijorita’ li għandha l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu. Fis-Sajf li għadda ħaddiema tal-MTA, l-MTI u l-Fondazzjoni għaż-żoni Turistiċi għamlu xogħlijiet siwja ta’ manutenzjoni u interventi biex tiżdied l-aċċessibilita’. Sar xogħol ta’ tikħil u żebgħa ta’ bollards u l-istrutturi tal-pilastri u s-sottobank tal-konkos, ġew irranġati l-bankijiet tul il-promenade kollu, sar manutenzjoni tal-picnic tables fuq ix-xatt, xogħol ta’ żebgħa tal-barrikati u l-dwal pedonali fost l-oħrajn. Fix-xhur li ġejjin sa jkun imħabbar programm ta injizjattivi biex tiġi upgraded il-bajja.
Leg 13 PQ #2496 Sitting 56 2017-11-22 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Proġett tat-twettiq tal-Master Plan taċ-Ċittadella

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 1797 u ċjoè: Tista’ l-Ministru tgħid b'kollox kemm sewa l-proġett tat-twettiq tal-Master Plan taċ-Ċittadella? Tista’ tagħti lista fiex intefaq dan l-ammont? Kemm tħallas kull kuntrattur li ħadem fuq dan il-proġett u f'kull każ ix-xogħol ingħata b'direct order, wara sejħa għall-kwotazzjonijiet jew b'tender?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninsab infurmata li l-Proġett għall-Implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjonijiet tal-Masterplan taċ-Ċittadella sewa €14,873,403 inkluża l-VAT. Minn dan l-ammont €12,167,295 kienu ko-finanzjati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali. Ta’ min ifakkar li kien hemm skoperti arkeoloġiċi kbar li biddlu partijiet sostanzjali mill-proġett oriġinali u li taw dimensjoni akbar lil dan il-proġett. L-informazzjoni dwar il-ħlasijiet li saru tinsab fit-tabella li qed inpoggi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 13 PQ #2497 Sitting 56 2017-11-22 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Settur Pubbliku — impjegati

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1796 u ċjoè: Jista' l-Prim Ministru jgħid sal-aħħar ta’ Frar 2013, kemm kien hemm nies impjegati mas-Settur Pubbliku (inklużi intrapriżi pubbliċi)? Kemm minn dawn kienu impjegati full-time? Kemm minn dawn kienu impjegati fuq bażi part-time? Kemm minn dawn kienu impjegati f’position of trust? U kemm minn dawn kienu impjegati b’kuntratt definit?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

It-tagħrif għadu qed jinġabar.

Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma – direct orders għal xogħol, materjal jew servizzi f’Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw direct orders mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għal xogħol, materjal jew servizzi f'Għawdex minn Marzu 2013 sal-aħħar ta' Ottubru 2017? Għal kull każ, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien il-valur ta' dawn id-direct orders, lil min ingħata u f’liema lokalità f'Għawdex sar ix-xogħol u mil-liema kuntrattur?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba minn Marzu 2013 sal-aħħar ta’ Ottubru 2017 qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 13 PQ #2499 Sitting 56 2017-11-22 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Senior Tradesmen ingaġġati mal-Ministeru għal Għawdex

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm ġew ingaġġati Senior Tradesmen mal-Ministeru għal Għawdex minn Marzu 2013 sal-lum? Tista' tgħid f'kull każ meta nħarġet is-sejħa u tpoġġi kopja ta' kull sejħa fuq il-Mejda tal-Kamra? Xi kwalifiki u/jew esperjenza ried ikollhom l-applikanti? X'etajiet għandhom dawk li ġew magħżula u f'kull każ dawk li kienu jirreġistraw għax-xogħol, kemm kien ilhom jirreġistraw għax-xogħol? Tista' tikkonferma jekk dawk li ġew ingaġġati llum il-ġurnata, hux qed jagħmlu x-xogħol li għalih ġew ingaġġati jew ġewx mogħtija xogħol ieħor u jekk iva, x’inhu dan ix-xogħol l-ieħor?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.

Biblijoteka Nazzjonali – attività politika

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk fis-7 ta’ Novembru 2017 fil-Biblijoteka Nazzjonali saritx attività politika jew attività mtella’ minn partit politiku jew xi fergħa tiegħu? Xi kriterji tuża l-Biblijoteka Nazzjonali biex tilqa’ talbiet għall-attivitajiet ta’ terzi? X’inhu l-ħlas li jkun dovut lejn l-entità Libreriji Maltin meta jintlaqgħu dawn it-talbiet?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nikkonferma illi fis-7 ta' Novembru 2017 ġiet imtella' attività relatata mas-70 anniversarju mill-vot lill-mara. Din ma kenitx attività politika għalkemm ġiet imtella' minn fergħa ta' partit politiku. Il-Bibljoteka Nazzjonali tilqa' kull talba u d-deċiżjoni, b'ċerti kundizzjonijiet stabbiliti, inkluż ħlas, tittieħed, mingħajr diskriminazzjoni, fuq il-mertu tat-talba relattiva.