Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ħaż-Żebbuġ — Għar Ram u Ħal Mula – Partial Local Plan Review of the South Malta Local Plan

Question

Peress li kmieni din is-sena fil-Kumitat Permanenti dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tal-Iżvilupp kien ġie diskuss il-Partial Local Plan Review of the South Malta Local Plan b’referenza għal Għar Ram u Ħal Mula (Triq Luret Cutajar) Ħaż-Żebbuġ u peress li kien hemm diskussjoni taħraq fejn ir-residenti u l-industriji (SME) ma qablux ma’ dak li kien propost u kellu jitwaqqaf kumitat fejn fost il-membri kellhom jieħdu sehem: rappreżentanza ta’ din iż-żona, kunsilli lokali, Transport Malta, l-Awtorità tal-Pulizija, OHSA, ERA u PA, jista’ għaldaqstant jgħid kemm-il laqgħa saret? Min għandu l-ownership tal-laqgħat? X’moniteraġġ qed isir minn Transport Malta u l-Awtorità tal-Ippjanar? Fil-preżent x’tgħid il-policy dwar din iż-żona? X’direzzjoni qed jieħu l-ministeru dwar din iż-żona?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant li rigward il-parti ta’ ‘Fil-preżent x’tgħid il-policy dwar din iż-żona: iż-żewġ żoni msemmija huma koperti bil-policies inklużi fil-Planning Control Applications PC62/07 u fil-PC7/08 u li t-tnejn ġew approvati mill-Ministru fl-10 ta’ Marzu tal-2009. Qed nirreferi għall-links fejn jistaw jinstabu dawn iż-żewg dokumenti ta’ policy: http://www.pa.org.mt/en/local-plan-details/south-malta-local-plan - taħt il-lokalita ta’ Ħaż-Żebbuġ fittex kapitlu - PC and Minor LP Review document http://www.pa.org.mt/en/local-plan-details/central-malta-local-plan - taħt il-lokalita ta’ Ħal-Qormi fittex kapitlu - PC and Minor LP Review document Id-Direttorat tal-Infurzar tal-Awtorita tal-Ippjanar jagħmel monitoraġġ ta’ dawn iż-żoni bħal ma jsir f’kull żona oħra. B’referenza għall-ewwel parti tal-mistoqsija parlamentari fuq it-twaqqif u l-koordinazzjoni tal-Kumitat għaż-żoni industrijali ta' Ħaż-Żebbuġ u Ħal-Qormi, ma jaqax taħt il-mandat tal-Awtorità tal-Ippjanar u nirreferi lill-Onorevoli Interpellant biex jitlob l-informazzjoni meħtiega lill-Ministru ikkonċernat.

Ħaż-Żebbuġ — Għar Ram u Ħal Mula – Partial Local Plan Review of the South Malta Local Plan

Question

Peress li kmieni din is-sena fil-Kumitat Permanenti dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tal-Iżvilupp kien ġie diskuss, il-Partial Local Plan Review of the South Malta Local Plan b’referenza għal Għar Ram u Ħal Mula (Triq Luret Cutajar) f’Ħaż-Żebbuġ u peress li kien hemm diskussjoni taħraq fejn ir-residenti u l-industriji (SME) ma qablux ma’ dak li kien propost u kellu jitwaqqaf kumitat fejn fost il-membri kellhom jieħdu sehem: rappreżentanza ta’ din iż-żona, kunsilli lokali, Transport Malta, l-Awtorità tal-Pulizija, OHSA, ERA u PA, għaldaqstant jista’ l-Ministru jgħid kemm-il laqgħa saret? Min għandu l-ownership tal-laqgħat? X’moniteraġġ qed isir minn Transport Malta u l-Awtorità tal-Ippjanar? Fil-preżent x’tgħid il-policy dwar din iż-żona? X’direzzjoni qed jieħu l-ministeru dwar din iż-żona?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Leg 13 PQ #2527 Sitting 57 2017-11-27 Oral · Final From: GODFREY FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Barranin li jgħixu f’Malta

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm hawn barranin li jgħixu f’Malta bħala residenti reġistrati? Liema huma dawk il-pajjiżi li dawn ir-residenti barranin joriġinaw minnhom? Kemm hu n-numru ta’ barranin residenti għal kull pajjiż minn fejn joriġinaw?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-iktar lista aġġornata bl-informazzjoni mitluba, kif mogħtija lili minn Identity Malta. Ninsab informat minn Identity Malta wkoll illi l-5 cittadini mill-Korea ta’ Fuq li fl-2016 kellhom permess ta’ residenza, telqu minn Malta matul din is-sena, wara li l-permess tagħhom ma ġġeddidx.

Bini ta’ Artificial Island

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li ‘l quddiem tinbena artificial island? Jekk iva, xi studji saru mill-Ministeru jew mill-Awtorità tal-Ippjanar?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorita tal-Ippjanar diġa’ kkummissjonat żewg studji, wieħed fl-2005 u ieħor tal-2008 dwar r-riklamazzjoni tal-art mill-baħar. L-iSPED, kif approvat mill-Parlament fl-2015, jagħti direzzjoni strateġika li ż-żona marittima tista’ takkomoda proġetti ta’ riklamazzjoni ta’ art pero f’qafas ta’ politika għall-kosta u ż-żona marittima sħiħa. Fl-2013, il-Gvern kien ippubblika sejħa ta’ nteress biex jesplora l-possibilita ta’ proġetti ta’ land reclamation f’Malta.

Baħar madwar Malta — miżuri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-miżuri li qed iħejji l-Ministeru u/jew l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) biex jilqa’ kontra l-fatt li l-baħar madwar xtutna qed jisħon minħabba l-bidla fil-klima?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li permezz tar-ratifikat tal-Ftehim ta’ Pariġi, Malta diġà kkommettiet ruħha għall-ħidma sfieqa kontra t-tibdil fil-klima. Azzjoni kollettiva hija meħtiega bejn il-Partijiet kollha sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet serra fuq skala reġjonali u internazzjonali u b’hekk jintlaħqu riżultati konkreti biex it-temperatura globali, kemm dik atmosferika kif ukoll tal-ibħra ma tiqbax togħlha. Malta bħala membru tal-konvenzjoni għat-tibdil fil-klima (UNFCCC), kif ukoll bħala membru tal-Unjoni Ewropea qegħda tagħmel il-parti tagħha. Fl-aħħar żmien il-Gvern investa f’diversi miżuri sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet serra f’diversi setturi fosthom fil-ġenerazzjoni tal-elettriku u fl-immaniġjar tal-iskart speċjalment dak organiku, fost oħrajn. Fl-istess waqt, il-Ministeru għaddej bil-ħidma għall-żvillup tal- Low Carbon Development Strategy li minbarra li se titħejja strateġija nazzjonali biex l-iżvilupp ekonomiku ta’ pajjiżna jindirizza l-isfida tat-tibdil fil-klima, ser tinkludi wkoll l-addattament għall-impatti li ġġib magħha t-tibdil fil-klima. Din l-istess strateġija ser tħares ‘il bogħod u ser ikollha viżjoni fit-tul. F’dan l-istadju, diġà saru numru ta’ konsultazzjonijiet li kienu anke miftuħa għall-pubbliku. Għal dan il-għan twaqqaf ukoll kumitat interministerjali li jinkludi rappreżentanti minn diversi Ministeri, dan biex il-proċess ikun wieħed miftuħ u nklussiv. Diversi għaqdiet ambjentali wkoll esprimew l-opinjonijiet tagħhom fil-fażi inizjali tat-tfassil ta’ din l-istrateġija.

Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u Ugwaljanza – Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni — talbiet

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 1752 u ċjoè: Tista' l-Ministru tgħid sena b’sena kemm ġew ippreżentati talbiet skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni lill-Ministeru u lill-entitajiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha minn meta din il-liġi daħlet fis-seħħ sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Tista’ tgħid dawn it-talbiet minn min saru u dwar xiex saru? Tista’ l-Ministru tgħid kemm minn dawn it-talbiet ġew milqugħa, kemm ġew irrifjutati u kemm għadhom pendenti? Tista’ l-Ministru tgħid x’kienu r-raġunijiet li ngħataw f’każ ta’ talbiet li ġew rifjutati?

Response (DALLI, HELENA)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-Informazzjoni li tikkonċerna talbiet ippreżentati skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.

Ċentri ta’ Matul il-Jum – attivitajiet organizzati

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jelenka l-attivitajiet li ġew organizzati f’kull Ċentru ta’ Matul il-Jum matul din is-sena sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija? Jista’ jgħid kemm kien in-numru ta’ klijenti li attendew għal dawn l-attivitajiet?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi jiġu organizzati diversi attivitajiet għal persuni bi problemi ta’ saħħa mentali fiċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum. L-attivitajiet huma varji biex jindirizzaw il-bżonnijiet tal-persuni li jattendu f’dawn iċ-ċentri. Dawn l-attivitajiet jiġu mfassla kemm fuq bażi individwali kif ukoll fi gruppi. L-attivitajiet individwali jinkludu dan li ġej: - Uħud mill-attivitajiet jiġu ndirizzati lejn individwi li, minħabba l-kundizzjoni tagħhom, jistgħu jsibu diffikulta’ biex iwettqu attivitajiet bażiċi ta’ kuljum bħal tindif u qadi domestiku. Dawn l-attivitajiet ikunu mmirati biex l-individwu jerġa’ jikseb l-indipendenza tiegħu. - Jiġu mwettqa wkoll sessjonijiet li jipprovdu l-opportunita’ għal riflessjoni fuq il-ħiliet intrapersonali kif ukoll interpersonali tal-individwi. Sessjonijiet fuq ħiliet interpersonali jindirizzaw kwalitajiet li jintużaw biex persuni jirrelataw man-nies ta’ madwarhom, filwaqt li ħiliet intrapersonali jippermettu li l-persuna jkollha ħiliet fil-komunikazzjoni magħha nfisha biex tgħin il-kwalita’ tar-relazzjonijiet soċjali tal-persuna. Attivitajiet fi gruppi jinkludu: - Sessjonijiet terapewtiċi immirati lejn proġetti, sessjonijiet krejattivi, diskussjoni fi gruppi, gruppi ta’ eżerċizzju fiżiku, xogħol volontarju u ħarġiet soċjali. Isir ukoll taħriġ pre-vokazzjonali u professjonali bħal għarfien ta’ kif wieħed għandu jikteb curriculum vitae , u kif għandu jġib ruħu waqt intervista relatata ma’ mpjieg eċċ. Għal dawk il-pazjenti li għal xi raġuni jew oħra ma jkunux jistaw jattendu personalment għal dawn is-sessjonijiet isiru ukoll sessjonijiet permezz ta’ żjarat fid-djar ta’ dawn l-persuni. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi bejn Jannar u Ottubru tal-2017, l-medja fix-xahar ta’ pazjenti bi problemi ta’ saħħa mentali li kienu rreġistrati fiċ-Ċentri tas-Saħħa ta’ Matul il-Jum kien ta’ 240.

Bord tad-Diretturi għas-Saħħa mentali — laqgħat

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm-il darba ltaqa’ l-Bord tad-Diretturi għas-Saħħa Mentali li ilu mwaqqaf mill-bidu ta’ din is-sena u x’rakkomandazzjonijiet fassal dan il-Bord biex jipproponi strateġija ħolisitka għall-kura tas-saħħa mentali?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-bord imsemmi minnu ltaqgħa 4 darbiet.

Servizzi ta' sapport għall-persuni b'nuqqas ta' saħħa mentali u l-carers tagħhom

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 29964 tat-12-il Leġiżlatura, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jelenka fid-dettal is-servizzi kollha ta’ sapport lill-persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali u min jieħu ħsiebhom?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-kura għal każijiet akuti tingħata fl-Acute Wards tal-isptar Monte Carmeli u fis-Psychiatric Unit tal-isptar Mater Dei. Fl-isptar Monte Carmeli hemm ukoll sezzjonijiet għal kura ta' rijabilitazzjoni għal dawk il-pazjenti bi problemi ta' dipendenza fuq sustanzi, b’learning disability kif ukoll sezzjoni għal ġerjatrija psikjatrika. Qrib dan l-istess sptar hemm ukoll il-Youth Residency Unit għal tfal u adoloxxenti bi problemi psikjatriċi. Id-dipartiment joffri servizz ta' Out Patients għal psikjatrija tal-adulti, adoloxxenti u tfal. Is-sessjonijiet tal-Out Patients għal adulti isiru f'Mater Dei u f’ 7 kliniċi fil-komunita’ filwaqt li dawk tat-tfal u l-adoloxxenti isiru fl-isptar San Luqa. Il- Liaison Clinics isiru fl-isptar Mater Dei fin- Neuropsychiatry u l- Perinatal Psychiatry u tal-Isptar Karen Grech isiru fis-sezzjoni tal-Ġerjatrija. Fl-isptar Mater Dei hemm ukoll servizz ta' Liaison Psychiatry għas-swali kollha kif ukoll fid-Dipartiment ta' l-Emerġenza. Dan id-Dipartiment imexxi ħames ċentri tas-saħħa mentali fil-komunita’.F’dawn iċ-ċentri jattendu day users . L- Outreach Team huwa tim multidixxiplinarju li jsegwi pazjenti ġo djarhom u l-ambjent tagħhom. Dan it-tim huwa iffukat l-iktar fuq l-pazjenti li jkollhom Treatment Order . Id-Dipartiment jaħdem b'kollaborazzjoni diretta mal-Fondazzjonijiet Dar Kenn Għal Saħħtek, Appoġġ, Sedqa, Caritas, Richmond Foundation u Suret il-Bniedem. Il-kura msemmija hawn fuq tingħata kollha min timijiet multidixxiplinari li jikkonsistu fi psikjatri, tobba, infermiera, psikologi, social workers u occupational therapists .

Programm LEAP – numru ta’ benefiċċjarji

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm huwa n-numru ta’ benefiċjarji li huma mill-faxxa tal-faqar u l-esklużjoni soċjali f’kull Ċentru ta’ Riżorsi tal-Familja? X’tip ta’ għajnuna regolari qed tingħata lil dawn il-benefiċjarji minn dawn iċ-Ċentri u kemm hija l-ispiża kull sena biex jitmexxa l-Programm LEAP?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Ċentru LEAP – għajnuna lill-persuni bi problemi ta’ saħħa mentali

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 31246, jista’ l-Ministru jgħid issa minn liema lokalitajiet ġejjin il-186 persuna li għandhom problemi ta’ saħħa mentali? X’qiegħed isir biex jiġu megħjuna dawn l-individwi?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Kunsilli Lokali taż-Żejtun, Wied il-Għajn, Ħal Għaxaq u Marsaxlokk – inizjattivi rigward faqar u esklużjoni soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inizjattivi ħadu l-Kunsilli Lokali taż-Żejtun, Wied il-Għajn, Ħal Għaxaq u Marsaxlokk sabiex itaffu l-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali f’dawn il-lokalitajiet?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali taż-Żejtun li wettaq diversi ħidmiet u inizjattivi bl-iskop li jtaffi l-faqar u l-esklużjoni soċjali. Fost dawn kollaborazzjoni mal-Istitut Paolo Freire sabiex jgħin tfal jgħelbu l-illitteriżmu, sostenn lid-djar li jospitaw persuni b’diżabilità, fetaħ Ċentru għall-Ħarsien tat-Tfal matul il-jum, u nieda taħriġ bl-isem Għaqal id-Dar b’taħriġ dwar maniġġjar tal-ħin fost l-oħrajn. Dan waqt li jagħti sostenn fil-komunità fuq bazi individwali meta dan jintalab jew meta jiġi nnuntat li hemm il-bżonn. Infurmat ukoll mill-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala li jipprovdi servizzi ta counsellor b’xejn li jiltaqa’ kull ġimgħa ma residenti fil-bżonn. Filwaqt li l-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk u Kunsill Lokali ta’ Ħal Għaxaq tennew li għalkemm mhux konxji ta’ esklużjoni soċjali fil-lokalitàjiet madankollu dawn il-Kunsilli Lokali jorganizzaw diversi korsijiet li jgħinu sabiex tissaħħaħ l-inklużjoni fil-komunità lokali, fosthom korsijiet fl-użu tal-computer u artiġġjanat b’konkorrenza tajba u attendenza varjata.

Ċittadinanza Maltija – lista ta’ persuni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se tiġi ppubblikata l-lista ta’ persuni li ħadu ċ-ċittadinanza Maltija liema lista normalment tiġi ppubblikata sa Awwissu ta’ kull sena? Jista’ jgħid għaliex, din is-sena, il-lista damet daqstant biex tiġi ppubblikata u filfatt għadha mhix pubblika? Jista’ jgħid meta se tiġi ppubblikata?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi il-mistoqsija tiegħu lil Ministru kkonċernat.

Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar – investigazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi investigazzjonijiet dwar l-operat tal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar, inkluż rapporti tal-Bord ta’ Governanza, matul din il-Leġiżlatura tal-Kunsill? X’irriżulta minn dawn l-investigazzjonijiet? Jista’ jpoġġi kopja ta’ kull rapport fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li sar rapport mill-Bord tal-Governanza dwar il-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar, liema rapport kien ippublikat f’Settembru ta’ din is-sena u li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Intant il-Monitoring Unit fi ħdan id-Dipartiment għall-Gvern Lokali ukoll wettaq xi stħarriġ dwar il-ħidma tal-istess Kunsill Lokali. Qed inpoġġi wkoll fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi dan l-istħarriġ mill-Monitoring Unit.

Kumitat Amministrattiv ta’ Burmarrad — laqgħat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba ltaqa’ l-Kumitat Amministrattiv ta’ Burmarrad matul din il-Leġiżlatura u d-dati ta’ meta saru dawn il-laqgħat?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li matul din il-leġislatura, , issejħet laqgħa waħda tal-Kumitat Amministrattiv ta’ Burmarrd. Din il-laqgħa ssejħet għall-Ħamis 12 ta’ Ottubru 2017, madankollu ma saritx peress li ma ntlaħaqx quorom. Intant infurmat li ssejħet laqgħa oħra għat-Tlieta 28 ta’ Novembru 2017. Id-Dipartiment għall-Gvern Lokali ilu jwissi lil dan il-Kumitat Amministrattiv, tramite il-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar, dwar dan in-nuqqas għal xhur sħaħ sa minn meta kien kostitwit permezz tal-elezzjonijiet lokali li kienu saru fl-24 ta’ Mejju 2014.
Leg 13 PQ #2580 Sitting 57 2017-11-27 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex – ingaġġ ta’ Mechanical Engineers u Electrical Engineers

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm ġew ingaġġati Mechanical Engineers u Electrical Engineers fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex minn Marzu 2013 sal-lum? Tista' tgħid meta nħarġet is-sejħa f'kull każ u jekk is-sejħa ħarġitx internament mas-Servizz Pubbliku jew minn barra u għal kull każ tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' kull sejħa li saret? Tista' tgħid xi kwalifiki u/jew kemm snin ta' esperjenza ntalbu lill-applikanti biex setgħu jkunu eleġibbli? X'tip ta' xogħol qed jagħmlu llum dawk li ġew magħżula u f’liema sezzjonijiet tal-Ministeru qegħdin?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninsab Infurmata li fil-perijodu riferut ġew ingaġġati 2 Mechanical Engineers u 3 Electrical Engineers mal-Ministeru għal Għawdex. Is-sejħiet saru fil-7 ta’Diċembru 2012, fit -27 ta’ Marzu 2015 u 17 ta’ Marzu 2017. Dawn is-sejħiet kienu minn barra u ppublikati fil-gazetta tal-Gvern, skont il-ftehim kollettiv fis-seħħ. Il-persuni li ġew ingaġġi f’dawn il-gradi kienu magħżula mill- Bordijiet tal-Għa¿la maħtura u l-kriterji u¿ati kienu approvati mill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku. Dawn l-Engineers qegħdin fis-sezzjoni tal-Inginerija fi ħdan id-Direttorat tal-Proġetti u żvilupp.
Leg 13 PQ #2581 Sitting 57 2017-11-27 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex – ingaġġ ta’ Periti

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm ġew ingaġġati periti fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex minn Marzu 2013 sal-lum? Tista' tgħid meta nħarġet is-sejħa f'kull każ u jekk is-sejħa ħarġitx internament mas-Servizz Pubbliku jew minn barra u għal kull każ tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' kull sejħa li saret? Tista' tgħid xi kwalifiki u/jew kemm snin ta' esperjenza ntalbu lill-applikanti biex setgħu jkunu eleġibbli? X'tip ta' xogħol qed jagħmlu llum dawk li ġew magħżula u f’liema sezzjonijiet tal-Ministeru qegħdin?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninsab Infurmata li fil-perijodu riferut ġew ingaġġati 3 periti mal-Ministeru għal Għawdex. Is-sejħiet saru fil-7 ta’Diċembru 2012 u fit -13 ta’ Ottubru 2015. Dawn is-sejħiet kienu minn barra u ppublikati fil-gazetta tal-Gvern, skont il-ftehim kollettiv fis-seħħ. Illum il-periti kollha tal-Ministeru qegħdin l-sezzjoni waħda fi ħdan id-Direttorat tal-Proġetti u Żvilupp.
Leg 13 PQ #2582 Sitting 57 2017-11-27 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – toroq li ngħataw wiċċ ġdid

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija numru 1841 u tgħid min kien il-perit inkarigat mix-xogħol li sar mill-Ministeru tagħha fuq dawn it-toroq indikati fit-tweġiba tagħha għall-mistoqsija parlamentari 1500 u ċjoè: 1) Triq Baqqari, Xewkija 2) Triq Ta’ Ċenċ, Sannat 3) Triq il-Fanal, Għasri 4) Triq Għajn Qasab, Nadur 5) Triq Gerxija, Sannat 6) Triq Pompej, Rabat? Tista' tgħid ukoll kemm kien it-tul ta' xogħol li sar f'kull triq u jekk f'kull każ saritx it-triq kollha? Tista’ tpoġġi kopja taċ-ċertifikat tax-xogħol li sar fuq dawn it-toroq u li ġie rilaxxat mill-perit inkarigat? Tista' tgħid kemm tħallas fuq ix-xogħol li sar fuq kull triq u kemm dan l-ammont kien iżjed minn dak ippjanat fit- tender ? Tista' tgħid jekk sarux testijiet fuq ix-xogħol li sar u f'liema laboratorju saru? Tista' tpoġġi kopja ta' dawn it-testijiet fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk ma sarux testijiet, tista' tagħti r-raġuni għaliex ma sarux?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni hija kif elenkata fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Awtorità tal-Ippjanar – applikazzjonijiet għall-proġett

Question

B’referenza għar-risposta tiegħu għall-mistoqsija parlamentari 2427, jista’ l-Ministru jgħid liema applikazzjonijiet saru mal-Awtorità tal-Ippjanar għal dan il-proġett ta' tletin miljun ewro mħabbar f'Marzu 2017? Jista' jagħti n-numru ta' dawk l-applikazzjonijiet li ġew deċiżi u n-numri ta' dawk l-applikazzjonijiet li huma pendenti?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-Applikazzjoni għal Permess ta’ żvillup tinsab fil-proċess finali u se tiġi sottomessa lill-Awtorità tal-Ippjanar wara li ġew konklużi l-analiżi, pjanti u l-istudji tal-iżvillup mill-konsulenti tal-SRT.
Leg 13 PQ #2585 Sitting 57 2017-11-27 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Qorti l-ġdid ta’ Għawdex

Question

Tista' l-Ministru tgħid fejn ser isir il-binja tal-Qorti l-ġdid ta' Għawdex? Tista' tgħid jekk f'dan il-post hemmx diġà bini ieħor u li ser jiġi mwaqqa'? Jekk iva għalxiex qed jintuża dan il-bini bħalissa? Jekk is-sit magħżul ma hemmx bini fih, ser jittieħed sit li fih hemm is-siġar u li hu barra l-iskema tal-iżvilupp? Ser ikun hemm bżonn li jiġi mibdul il-pjan lokali?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant bħalissa għaddejja konsultazzjoni pubblika dwar sit alternattiv. Waħda mill-ewwel sessjonijiet ta’ konsultazzjoni ġew mistiedna l-avvukati prattikanti kollha fejn saret preżentazjzoni tal-proġett.