Legislature:
Category:
Reset
Active:

Tal-Qroqq – CCTV cameras fis-subway

Question

B'referenza għar-risposta mogħtija mill-Ministru għat-Trasport għall-mistoqsija parlamentari 2501, jista’ l-Ministru jgħid għaliex is-subway f'Tal-Qroqq ħafna drabi tkun maħmuġa tant li ħafna studenti jippreferu jaqsmu t-triq minn fost il-karozzi b'periklu kbir għalihom milli jużaw is-subway? Jista' jgħid jekk jistgħux isiru CCTV cameras fl-istess subway?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali tal-Imsida qed jieħu interess fiż-żamma u l-manutenzjoni tas-subway. Infurmat ukoll mid-Direttorat tat-Tindif u Manutenzjoni li s-subway titnaddaf regolarment nhar ta’ Tnejn u Ħamis matul il-lejl. Rigward l-infrastruttura ta’CCTV cameras, din te¿isti diġa u bħalissa qed jiżdied in-numru ta’ cameras fiż-żona.
Leg 13 PQ #2677 Sitting 60 2017-12-04 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Użu ta’ konkos ready mix

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 1843 u 2494 u ċjoè: Tista’ l-Ministru tgħid kemm intużaw metri kubi ta' konkos (ready mix) xahar b'xahar mill-10 ta’ Marzu 2013 sal-31 ta' Lulju 2017? Tista' tgħid minn min saret it-talba għar-ready mix (konkos) u f'kull każ fejn intuża' (raħal/belt, triq u dettalji oħra)? Min kien il-perit jew persuna/i inkarigat għal kull waħda minn dawn ix-xogħlijiet u f'kull każ min kien li ċċertifika l-kwalità tar-ready mix (konkos) u f’liema laboratorju saru t-testijiet biex ikun assigurat il-kwalità tal-konkos li ntuża?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-perjodu Diċembru 2014 sa Lulju 2017 intuża total ta’ 3559.65metri kubi ta’ konkos. Il-figura għal Marzu 2013 sa Diċembru 2014 hija nieqsa minħabba li l-ledgers huma miżmumin mill-pulizija bħala parti minn investigazzjoni li għadha għaddejja. Peress li l-ammonti individwali għal kull biċċa xogħol hija minima, il-persuni nkarigati jkunu dawk il-ħaddiema fis-CMU li jkunu qed jaħdmu dik il-biċċa xogħol partikolari. L-ebda ordni ta’ konkos ma ġiet iċċertifikata minn Perit minħabba li kif diġa’ ngħad huma ammonti żgħar ħafna.
Leg 13 PQ #2679 Sitting 60 2017-12-04 Oral · Final From: ROBERT ARRIGO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Prim Ministru jara l-każ li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament? Jista’ jgħid jekk huwiex in vigore, u jekk iva, fejn wasal?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ġejt nformat li l-file tal-persuni imsemmija qiegħed jiġi proċessat u l-applikazzjoni tagħhom għadha in vigore. L-ipproċessar wasal fi stadju avvanżat u appena jiġu finalizzati l-kumplament tal-proċessi meħtieġa mil-Unit taċ-ċittadinanza, l-applikanti jiġu nfurmati minnufih bl-eżitu tat-talba tagħhom.

Fast ferry bejn Malta u Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu t-timeline tal-fast ferry bejn Malta u Għawdex? Jista’ jgħid min ser ikun qed jopera dan is-servizz u jekk dan hux ser jitlaq minn tas-Sliema? Jekk dan is-servizz ser jitlaq minn tas-Sliema, jista’ l-Ministru jgħid jekk sarx xi impact assessment tat-traffiku kif ukoll tat-tniġġis żejjed?

Response (BORG, IAN)

Nixtieq ninforma lil-Onor. Interpellant illi s-sejħa tal-concession ippublikata għall-fast ferry bejn Malta u Għawdex tagħlaq fil-31ta’ Jannar 2018. Wara dan il-perjodu il-bord t’evalwazzjoni għandu massimu ta’ 3 xhur sabiex jevalwa s-sejħiet li jkunu ntefgħu. F’dan il-perjodu ma nistghux inkunu nafu min ser ikun qed jopera dan is-servizz għaliex is-sejħa għadha miftuħa. Il-concession ippublikata hija għall-fast ferry bejn Il-Belt Valletta u l-Imġarr Għawdex.

Kunsill Lokali San Pawl il-Baħar — ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm ħaddiema tal-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar li ġew assenjati lill-istess Kunsill li jinkludu kemm ħaddiema klerikali, segretarji eżekuttivi, kif ukoll ħaddiema tal-id li rriżenjaw jew telqu mill-irwol mal-istess Kunsill, matul din il-leġiżlatura tal-Kunsill?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li ma kien hemm l-ebda ħaddiem li kien assenjat lilu u li rriżenja jew telaq mill-irwol li kellu matul din il-leġiżlatura tal-Kunsill imsemmi. Jista jkun li l-Onor. Interpellant kien qed jirreferi għall-ħatriet ta’ Segretarju Eżekuttiv (1), Deputat Segretarju Eżekuttiv (2) jew Aġent Segretarju Eżekuttiv (2), li f’dan il-każ jinħatru skont it-termini tal-Att dwar il-Kunsilli Lokali u ma kienux assenjati mal-Kunsill Lokali. Intant, kien hemm erba’ ħaddiema mpjegati, iżda mhux assenjati, li telqu jew irriżenjaw.

Kunsill Lokali San Pawl il-Baħar — rapport

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport li kien obbligat jipprovdi l-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar mill-Bord ta' Governanza Lokali f'deċiżjoni datata l-14 ta' Settembru 2017 bir-referenza 001/2017? Fejn f'punt numru 7 tad-deċiżjoni, qed jintqal hekk "7. Rigward l-allegazzjoni ta’ twaħħil ta’ diversi sinjali tat-traffiku llegali b’detriment għas- sewwieqa, hawn il-Bord ma jistax ma jikkundannax lill-Kunsill Lokali li għalkemm jaf li l-liġi qed tkun miksura, qed iħalli dan l-abbuż jibqa’ jseħħ. Sabiex din is-sitwazzjoni tiġi retifikata, il-Bord qed jitlob sabiex il-Kunsill Lokali, fi żmien xahar minn din id-deċiżjoni, jagħmel audit tas-sinjali tat-traffiku li hemm f’San Pawl il-Baħar u li dawk is-sinjali li saru bla permess tal-Awtorità kompetenti, u allura b’mod illegali, jitneħħew minnufih. Il-Bord qiegħed jordna li jingħata kopja ta’ dan l-audit kif ukoll rapport tal-passi li ttieħdu sal-31 ta’ Ottubru 2017."

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li għalkemm il-Bord ta’ Governanza Lokali kien talab rapport/audit mingħand il-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar dwar is-sinjali tat-traffiku, u li dan kellu jasal għand il-Bord sal-aħħar ta’ Ottubru, sa issa dan l-audit għadu ma wasalx. Waqt l-aħħar laqgħa tal-Bord li nżammet fl-24 ta’ Novembru 2017 ġie deċiż li s-Sindku kienet ser tkun infurmata li l-Bord kien għadu qed jistenna risposta bl-audit u ġiet mitluba li tgħaddi tali audit lill-Bord fi żmien mhux aktar tard minn xahar minn tali email, jiġifieri mill-24 ta’ Novembru u li fin-nuqqas il-Bord kien ser jieħu mizuri ulterjuri. Fl-istess ġurnata, jiġifieri wara li kienet konkluża l-laqgħa tal-Bord ta’ Gvernanza Lokali, l-Bord irċieva email mingħand s-Sindku Galea fejn kien infurmat li l-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar għandu Aġent Deputat Segretarju Eżekuttiv ġdid u li fil-jiem li ġejjin ser ikunu qegħdin jibagħtu lura t-tweġiba permezz tal-Avukat tal-Kunsill.

Skemi ġodda ta’ akkomodazzjoni soċjali, sussidji jew inċentivi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi skemi ġodda ta’ akkomodazzjoni soċjali, sussidji jew inċentivi li l-Gvern introduċa minn Ġunju 2017 sal-lum il-ġurnata?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant tingħata f’seduta oħra.

Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali — konsulenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm konsulenti mal-Ministeru u jagħti d-dettalji kollha tagħhom inkluż jekk hux part time jew full time, il-pakkett finanzjarju tagħhom u l-ispeċjalizzazzjoni tagħhom?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

White Paper dwar is-suq tal-kera

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser tiġi ppubblikata l-White Paper dwar is-suq tal-kera li saret referenza għaliha mis-Segretarju Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali l-Onor. Roderick Galdes?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-White Paper dwar is-suq tal-kera hija maħsuba li tkun ippubblikata fl-ewwel kwart tas-sena 2018.

Ta’ Kandja – proġett tax-shooting range

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-proġett tax-shooting range f'Ta' Kandja huwiex proġett privat jew bi sħab bejn l-Armata u l-privat, jew totalment tal-armata? Fl-eventwalità li huwa proġett mal-privat, jista’ jgħid jekk ħarġitx sejħa għall-proġett, u jekk intgħażlitx il-kumpanija li ser twettaq il-proġett?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Ta’ Kandja – shooting range

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ix-shooting range f’Ta’ Kandja hijiex ser tintuża biss mill-armata jew ser tkun tista' tintuża ukoll mill-pubbliku?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Children’s allowance

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn tfal taħt is-16-il sena li l-ġenituri tagħhom huma ntitolati għal Children's Allowance? Kemm minn dawn huma Maltin? U kemm huma barranin? Mill-ġenituri li huma ntitolati għal Children's Allowance, kemm minnhom huma koppji u kemm minnhom huma single? Jista’ l-Ministru jgħid x'inhi n-nefqa annwali taċ-Children's Allowance u minn liema fond jitħallas? Jista’ jgħid in-nefqa annwali kemm hi bħala persentaġġ fuq l-ammont globali/budget allokat għas-servizzi u għal għajnuna soċjali mmirati lejn il-familja?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, l-informazzjoni mitluba minnu hija kif ġej: 1. In-numru ta’ tfal taħt is-16-il sena li l-ġenituri tagħhom huma intitolati għal Children's Allowance huwa ta’60,901; 2. Minn din iċ-ċifra, in-numru ta’ tfal Maltin huwa ta’ 59,485 filwaqt li n-numru ta’ tfal barranin huwa ta’ 1,416; 3. In-numru ta’ ġenituri li huma eliġibbli għal din l- allowance huwa ta’ 40,435 li minnhom, 29,060 huma ġenituri koppja filwaqt li 11,375 huma ġenituri single; 4. In-nefqa għas-sena kurrenti sal-aħħar ta’ Novembru għal din l- allowance hija ta’ €38,149,082 u titħallas mill-ammont ivvutat għal benefiċċji mhux kontributorji. 5. In-nefqa għal din l-allowance bħala perċentwal tan-nefqa għall-benefiċċji soċjali mhux kontributorji sa Novembru hi ta’ 23.45%.
Leg 13 PQ #2692 Sitting 60 2017-12-04 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ir-Rabat Għawdex – Triq Għajn Qatet — tarmak

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta se jingħata l-wiċċ (tieni kisja) tat-tarmak tal-ewwel fażi ta' Triq Għajn Qatet fir-Rabat, Għawdex? Tista' tgħid meta hu maħsub li titkompla t-tieni fażi tat-triq?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninsab infurmata li t-tieni kisja tarmac fit-triq imsemmija se tingħata mat-tkomplija tal-proġett ta’ pjazza San Franġisk, ir-Rabat, Għawdex. Għat-tieni fażi ta’ din l-istess triq inħarġet tender li ġie kkanċellat mid-Dipartiment tal-Kuntratti fl-1 ta’ Diċembru 2017, peress li ż-żewġ offerti li ntefgħu ġew ddikjarati bħala technically non-compliant.
Leg 13 PQ #2697 Sitting 60 2017-12-04 Oral · Final From: GODFREY FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ħarsien tas-sigurtà taċ-ċittadini li huma esposti għall-kriminalità organizzata

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid x’qed jagħmel l-istat biex jassigura l-ħarsien tas-sigurtà taċ-ċittadini li huma esposti mid-deni tal-kriminalità organizzata lokali jew barranija jew organi statali? Il-Prim Ministru għandu bżonn għajnuna mill-partiti fl-Oppożizzjoni biex tinġabar lista ta’ persuni li huma esposti?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-ħarsien tas-sigurta taċ-ċittadini tibqa dejjem prijorita tal-gvern. Fl-istess hin ikun apprezzat jekk l-Onor Interpellant jifhem li l-mizuri li jittiehdu mill-istat dwar is-sigurta taċ-ċittadini u tal-pajjiz, huma ta' natura mill-iktar sensittiva u kunfidenzjali, u qatt ma kienet il-prassi li dawn id-dettalji jsiru pubbliċi. Fl-istess hin jekk l-Onor Interpellant għandu informazzjoni konkreta u kredibbli dwar dak li qed isemmi fil-mistoqsija parlamentari tiegħu, nistiednu jgħaddijha lill-awtoritajiet kompetenti.

Ħarsien tas-sigurtà taċ-ċittadini li huma esposti għall-kriminalità organizzata

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’qed jagħmel l-istat biex jassigura l-ħarsien tas-sigurtà taċ-ċittadini li huma esposti mid-deni tal-kriminalità organizzata lokali jew barranija jew organi statali?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jindirizza din il-mistoqsija lil-Ministru konċernat.

Elettriku ġġenerat mill-BWSC, Powerstation tal-Electrogas u mill-Interconnector

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġie utilizzat elettriku ġġenerat (jew imwassal) mill-BWSC, mill-Power Station il-Ġdida (Electrogas) u mill-Interconnector, f'Malta u f’Għawdex, f'dawn l-aħħar sitt xhur?

Response (MIZZI, JOE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant li permezz tal-investiment fit-trasformazzjoni tal-qasam tal-ġenerazzjoni tal-elettriku f’dawn l-aħħar erba’ snin, l-Enemalta żviluppat taħlita ta’ sorsi ta’ enerġija (energy mix) diversifikata, affidabbli, nadifa u sostennibli, li tinkludi impjanti ġodda jaħdmu bil-gass naturali, il-Malta-Italy Interconnector, sistemi ta’ enerġija li tiġġedded u mpjanti jaħdmu bil-gasoil bħala spare capacity u għal matul xi emerġenzi. Ewlenin fost il-benefiċċji ta’ dan it-taħlita diversifikata ta’ sorsi ta’ elettriku huwa l-fatt li Malta ma’ tiddependix fuq sors ta’ fjuwil wieħed, jew fuq impjant wieħed kbir, u għalhekk nistgħu nassiguraw is-sigurta tal-provvista tal-pajjiż. Dan ifisser, li jekk l-akbar sors individwali, li fil-każ ta’ Malta huwa l-Interconnector, għal xi raġuni jew oħra ma jkunx disponnibli, xorta waħda jibqa’ biżżejjed kapaċita’ sabiex jintlaħqu l-ħtiġijiet tal-elettriku tal-klijenti, anke f’mumenti ta’ domanda għolja. L-Inġiniera tal-Enemalta fis-Sezzjoni tal-Capacity Planning and Dispatch jikkunsidraw diversi fatturi, fosthom id-domanda mill-industrija, it-temp u aspetti oħra, sabiex f’kull ħin jippjanaw l-użu tas-sorsi disponibbli għal pajjiżna bl-aħjar mod possibli, b’bilanċ bejn is-sorsi differenti. Il-figuri ta’ kemm iġġeneraw elettriku s-sorsi differenti li tuża l-Enemalta biex tipprovdi l-provvista lill-klijenti jiġu ppublikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika wara t-tmiem ta’ kull sena. Fil-perjodu indikat, bejn l-1 ta’ Mejju u t-30 t’Ottubru 2017, meta wieħed iqis l-elettriku ġġenerat mill-impjanti li jaħdmu bil-gass naturali u mill-Interconnector, il-persentaġġi tal-elettriku kollu ġġenerat bejniethom, kien kif ġej: Delimara 4 iġġenera 53% Malta-Italy Interconnector iġġenera 27% Delimara 3 iġġenera 20% Dawn il-persentaġġi ma jinkludux l-elettriku ġġenerat mis-sistemi ta’ enerġija li tiġġeded, bħala installazjonijiet ta’ pannelli tax-xemx.

Powerstation tal-Electrogas – cost benefit analysis

Question

Jista’ l-Ministru jispjega u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-cost benefit analysis tal-Powerstation tal-Electrogas?

Response (MIZZI, JOE)

L-informazzjoni mitluba mill-Enemalta plc għandha valur kummerċjali għal kumpanija u l-iżvelar ta’ tali tagħrif jista’ jippreġudika n-negozju tal-istess kumpanija.