Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kumitat responsabbli mit-tindif u r-rijabilitazzjoni ta' widien

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba ltaqa' il-Kumitat responsabbli mit-tindif u r-rijabilitazzjoni ta' widien minn meta twaqqaf f'Awwissu 2017?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kumitat responsabbli mit-tindif u rijabilitazzjoni tal-widien ltaqa’ erba’ (4) darbiet minn Awwissu l’ hawn.

Siġġiewi – Triq il-Kilpa — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jagħti data definittiva meta l-Awtorità għat-Trasport f’Malta ser tlesti x-xogħlijiet ta’ bini mill-ġdid ta’ Triq il-Kilpa fis-Siġġiewi u dan peress li fil-preżent ix-xogħlijiet jinsabu weqfin għal kollox b'detriment kbir għas-sewwieqa u r-residenti tas-Siġġiewi?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma nstallat sistemi ġodda ta’ ilma u drenaġġ matul din it-triq. Il-proprjetajiet kollha matul din it-triq ġew konnettjati ma’ dawn is-sistemi l-ġodda. Fil-ġranet li ġejjin se jitlesta x-xogħol imsemmi billi jsiru l-konnessjonijiet fiż-żewġt itruf tal-proġett u jibda jingħata l-asfalt.

Demm tal-kurdun miġbur fl-Isptar Mater Dei

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kien l-ammont ta' demm tal-kurdun li nġabar fl-Isptar Mater Dei matul dawn l-aħħar tnax-il xahar?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bejn Ottubru tal-2016 u Settembru tal-2017 fl-isptar Mater Dei saru 4,093 test tad-demm tal-kurdun. Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jikklarifika jekk hux qed jitlob għal xi raġunijiet speċifiċi oħra li jista’ jkun qed jinġabar id-demm tal-kurdun.
Leg 13 PQ #2693 Sitting 61 2017-12-05 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex – uffiċjali – rimborż għall-użu tal-karozza privata

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm uffiċjali fil-Ministeru għal Għawdex, inkluż uffiċjali f'entitajiet u dipartiment li jaqgħu taħt il-Ministeru għal Għawdex, qegħdin jiġu rimborżati għall-użu tal-karozza privata tagħhom fuq xogħol uffiċjali? Tista' tgħid x’inhu l-grad ta' dawn l-uffiċjali u l-pożizzjoni li qegħdin jokkupaw kif ukoll min awtorizza li jiġu rimborżati? Tista' tgħid kull uffiċjal x'ammont ta' flus irċieva għal dan il-għan sena b'sena matul is-snin 2013, 2014, 2015, 2016 u 2017 sal-lum?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra
Leg 13 PQ #2694 Sitting 61 2017-12-05 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Korsijiet tal-Institute for Public Service – għajnuna monetarja

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid x'tip ta' għajnuna monetarja jew x’tip ta' għajnuna oħra qed jingħataw dawk l-uffiċjali pubbliċi li jkunu obbligati jagħmlu korsijiet fl-Institute for Public Service? Jista’ jgħid kemm-il kors organizza dan l-Istitut ġewwa Għawdex, kemm ilu mwaqqaf? Meta saru dawn il-korsijiet u kemm attendew għal kull kors kif ukoll min seta' japplika għal kull kors li sar f'Għawdex?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

It-tagħrif għadu qed jinġabar.
Leg 13 PQ #2695 Sitting 61 2017-12-05 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Awtorità tal-Ippjanar – development brief tal-Masterplan ta’ Marsalforn u Xlendi

Question

Tista' l-Ministru tgħid fiex wasal il-proċess mal-Awtorità tal-Ippjanar għad-development brief tal-Masterplan ta' Marsalforn u Xlendi? Min huma l-periti nkarigati minn dan il-proċess min-naħa tal-Ministeru għal Għawdex? Meta hu previst li jkun hemm konsultazzjoni mal-pubbliku dwar dan il-proġett kif ukoll meta hu previst li jibdew ix-xogħlijiet infrastrutturali?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 13 PQ #2696 Sitting 61 2017-12-05 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex – Intervention unit

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm ħaddiema jaħdmu fl-Intervention Unit fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex? Tista' tgħid kif ġew magħżula dawn il-ħaddiema u jekk ħarġitx sejħa interna fis-Servizz Pubbliku jew saritx sejħa minn barra? X'inhuma l-gradi tal-ħaddiema li jiffurmaw l-Intervention Unit? Tista' tgħid x'perkaċċi għandhom dawn il-ħaddiema nkluż allowances eċċ.? Tista' tgħid xi kwalifiki u/jew snin ta' esperjenza ntalbu biex ħaddiema jkunu jikkwalifikaw li jaħdmu fl-Intervention Unit? Taħt liema direttorat jaqa' l-Intervention Unit u x'tip ta' xogħol qed jagħmel dan il-Unit?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lil Onor. Interpellant, li dan il-Unit huwa magħmul minn ħdax il-ħaddiem mis- Servizz Pubbliku, liema ħaddiema kienu diġà mpjegati tal- Ministeru għal Għawdex u ġew transferiti skont l-esiġenzi tas-servizz. Dan il-Unit jaqa’ taħt l-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti. Il-gradi jvarjaw minn Supervisors sa Labourers u huma ntitolati għal-shift allowance skont l-provvedimenti tal-PSMC. Ix-xogħol jinkludi rondi madwar Għawdex u intervenzjoni fuq siti li jvarjaw minn interventi minuri sa dawk maġġuri bl-għajnuna ta’ sezzjonijiet oħra fi ħdan l-Ministeru kif ukoll minn Kunsilli Lokali.
Leg 13 PQ #2728 Sitting 61 2017-12-05 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — Xogħlijiet ta’ Għamara – direct orders

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk matul din is-sena (2017) ġiex ikkummissjonat xogħol ta’ għamara b’direct labour lill-uffiċjali li jaħdmu fil-Ministeru għal Għawdex inkluż fid-dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha li mhumiex impjegati fis-sezzjoni tal-mastrudaxxi fl-istess Ministeru? Jekk iva, tista’ tgħid ukoll x’kien l-użu ta’ din l-għamara u min ikkummissjona tali xogħol f’kull każ, il-grad ta’ kull wieħed mill-uffiċjali li ġie nkarigat jagħmel dan ix-xogħol kif ukoll il-kumpens li ngħata kull wieħed għal dan ix-xogħol?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninsab infurmata li saru uffiċini ġodda li l-għamara għalihom nħadmet bid-direct labour. Peress li x-xogħol sar b’impjegati tal-Ministeru għal Għawdex sar xogħol ta’ kwalità u li għalih frankajna ħafna flus.
Leg 13 PQ #2729 Sitting 61 2017-12-05 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex –Senior Management — allowances

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm uffiċjali mis-senior management tal-Ministeru għal Għawdex inkluż id-dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha ngħataw allowances matul din is-sena (2017), kemm dawk statutorji kif ukoll dawk li mhumiex? Tista’ tgħid ukoll il-grad ta’ kull uffiċjal kif ukoll it-tip ta’ allowance li rċieva? Tista’ tgħid ukoll min ta l-approvazzjoni għal għoti ta’ tali allowance?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

L-allowances lis-senior management ingħataw skont il-kuntratti li ġew iffirmati u skont direttivi li joħorġu mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Leg 13 PQ #2737 Sitting 61 2017-12-05 Oral · Final From: HERMANN SCHIAVONE To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Segretarjat tal-Ministeru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali

Question

Jista’ l-Prim Ministru jagħti d-dettalji ta’ kemm tneħħew jew ġew trasferiti persuni mis-segretarjati privati tal-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali bejn Marzu 2013 u Mejju 2017? X'kienu l-pożizzjonijiet tagħhom? Meta tneħħew jew ġew trasferiti? X'kienet ir-raġuni għat-tneħħija jew għat-trasferimenti?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Nitlob lill-Onor. Interpellant li jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Impjant tal-Electrogas – persentaġġ ta’ enerġija ġġenerata

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien il-persentaġġ ta' enerġija ġenerata mill-impjant tal-electrogas bejn April 2017 u Novembru 2017?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persentaġġ ta’ enerġija ġenerata mill-impjant tal-ElectroGas bejn April 2017 u Novembru 2017 kien ilaħħaq ħamsin fil-mija (50%) tat-total tal-enerġija ġenerata mill-impjanti kollha tal-power station ta’ Delimara u mill-interconnector bejn Malta u l-Italja.

Delimara 1 – twaqqigħ taċ-ċumnija tal-power station

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jibda t-twaqqigħ taċ-ċumnija tal-power station magħrufa bħala Delimara 1?

Response (MIZZI, JOE)

L-Onor. Interpellant għandu jkun infurmat li x-xogħol ta’ żarmar tal-impjant Delimara 1 u ċ-ċumnija tiegħu beda f’ Settembru li għadda u għaddej b’ritmu mgħaġġel, u mistenni li jkun lest sa’ Settembru li ġej.

Marsaxlokk u Bengħajsa – xogħlijiet ta’ trinek

Question

Peress li bħalissa għaddej xogħol ta' trinek bejn Marsaxlokk u Bengħajsa, jista’ l-Ministru jgħid jekk ix-xogħol jinkludix kisja tarmak fil-kanali biss jew fit-toroq kollha affetwati?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol qed isir b’kollaborazzjoni ma’ entitajiet oħra li għandhom bżonn iwettqu xogħlijiet simili fl-istess toroq, kif ukoll ma’ Transport Malta. Wara li jitlestew ix-xogħlijiet, it-toroq jinksew b’asphalt ġdid fejn ikunu saru t-trinek, jew minn ġenb sa ġenb, skont il-ħtieġa, jiddependi mill-istat tat-toroq bħalissa, mill-ammont ta’ tħaffir li ser isir fihom u kunsiderazzjonijiet oħra tal-entitajiet, kunsilli lokali u awtoritajiet konċernati. L-Enemalta plc ser tagħmel l-almu tagħha sabiex dan ix-xogħol jitwettaq bl-inqas inkonvenjent possibli u fl-iqsar żmien.

Marsaxlokk u Bengħajsa – xogħlijiet ta’ trinek

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta x-xogħol fuq it-trinek li qed isir bħalissa bejn Marsaxlokk u Bengħajsa se jitlesta?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol indikat f’Marsaxlokk u Bengħajsa qed isir sabiex tissaħħaħ il-kapaċita’ tas-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku fl-inħawi u fiż-żona industrijali ta’ Ħal Far, sabiex tilqa’ għaż-żieda fid-domanda minħabba diversi investimenti industrijali u kummerċjali ġodda. L-Enemalta plc ser tagħmel l-almu tagħha sabiex dan ix-xogħol jitwettaq bl-inqas inkonvenjent possibli u fl-iqsar żmien.

Pulizija – Police records

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex jeżisti l-police record? Jista’ jgħid għaliex il-bank li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament u kumpaniji serji għandhom id-dritt li jsaqsu għall-police record anke dettaljat ta’ potenzjal ħaddiem li għadu kemm għamel intervista magħhom, mill-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija stess?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Liċenzji ta’ arma tal-kaċċa

Question

Jista’ jgħid għaliex ma tingħatax liċenzja ta’ arma tal-kaċċa lil qattiel li għaddej ġuri jew lil qattiel li ħareġ mill-ħabs għax marid?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dawk l-istanzi fejn m' għandhiex tinħareg liċenzja ta’ arma tal-kaċċa inkluzi l-istanzi msemmija fil-mistoqsija parlamentari, huma elenkati fl-Artikoli 24 u 25 tal-Att dwar l-Armi, Kap 480, li huma accessibli anke elettronikament.

Frodi – permess għall-bini

Question

Jista’ jgħid għaliex kumpanija kontra l-frodi ma timpjegax bniedem frodist? Jista’ jgħid għaliex il-pulizija ma jimpjegawx ħallelin? Jista’ jgħid għaliex frodist li diġà kellu rekord ħażin f’diversi binjiet f’Malta (skont is-sentenzi multipli tal-Qorti) minbarra li bħalissa jinsab taħt conditional discharge, għandu dritt japplika għall-permess biex jibni sular ġdid għal fuq iktar minn 20 familja, bis-sogru li se jingidmu serjament bħalma ngidmu ħafna nies fil-passat, dejjem skont sentenzi tal-Qorti fejn hemm €6 miljun dejn involut?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija ma hi bl-ebda mod involuta dwar min jiġi mpjegat f'kumpaniji privati. Lanqas hi nvoluta fl-applikazzjonijiet jew proċessi għal ħruġ ta' permessi tal-bini. Madankollu bi tweġiba għal parti tal-mistoqsija dwar dak deskritt bħala 'ħallelin ma jiġux impjegati mal-Korp', infurmat illi r-regolament 3(d) tal-Avviż Legali 14/60 (Leġislazzjoni Sussidjarja 164.01 – Regolamenti Dwar il-Pulizija ta’ Malta) jgħid li l-applikanti għall-post ta’ kuntistabbli tal-Pulizija jrid ikollhom karattru eżemplari. Infurmat ukoll illi fi kwalunkwe sejħa għall-ingaġġ kemm ta’ kuntistabbli u spetturi minn barra, wieħed mill-kriterji tad-dħul hu li l-applikanti jkunu ta’ karattru morali tajjeb, tant li l-Bord tal-Għażla jiċċekkja l-fedina penali ta’ kull applikant.

Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima — Spiża fuq Fuel ta' vetturi Ministerjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża fuq fuel għall-vettura Ministerjali tal-Ministru/Seg Parlamentari konċernat fl-2014, fl-2015 u fl-2016?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ispiża fuq fuel għall-karozza uffiċjali tal-Ministru Leo Brincat u l-Ministru Jose Herrera fil-perjodu msemmi kienet ta’ €6,831.44.