B'referenza għar-risposta tiegħu għall-mistoqsija parlamentari 1638 jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess biex tinbena skola primarja ġdida fir-Rabat, Għawdex? Jista’ jgħid fejn se tinbena din l-iskola u meta hu mistenni li jibda x-xogħol fuq l-istess skola? Saru applikazzjonijiet għal dan il-proġett mal-Awtorità tal-Ippjanar?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. interpellant li ntbagħat disinn propost bi pjanti lill-Awtorità tal-Ippjanar nhar it-Tnejn 4 ta’ Diċembru, 2017. L-iskola se tinbena bħala estensjoni mal-kumpless edukattiv fi Triq l-Ewropa, fir-Rabat, Għawdex. Ix-xogħol hu mistenni li jibda lejn l-aħħar tal-2018.
Ir-Rabat Għawdex – Pjazza San Franġisk – tenders għal xogħol infrastrutturali
Question
Tista' l-Ministru tgħid x’inhi r-raġuni li għadhom ma ħarġux it-tenders għax-xogħol infrastrutturali li għandu jsir fi Pjazza San Franġisk fir-Rabat, Għawdex, liema xogħol issemma f'diversi budgets fl-aħħar tliet snin? Meta hu ppjanat li jinħarġu dawn it-tenders u li jibda x-xogħol? Kemm hu maħsub li ser jiġi jiswa dan il-proġett u meta hu ppjanat li jitlesta x-xogħol f’din il-pjazza prinċipali ta' Għawdex?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninsab infurmata li rigward dan il-proġett se jinbdew il-konsultazzjonijiet meħtieġa mal-istakeholders involuti fosthom mal-kumpanija GO plc u l-Enemalta. Hemm ukoll proċess ta’ konsultazjoni li ser jibda’ fit-12 ta’ Jannar 2018, b’laqgħa pubblika. Wara l-eżitu ta’ dan il-proċess ikunu jistgħu jiġu ppreparati t-tenders meħtieġa biex ikun jista’ jibda jsir ix-xogħol meħtieġ. Huwa maħsub li dan il-proġett ikun jiswa madwar €1.5 miljun.
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid meta se jibdew jingħataw it-tilqima kontra l-Meningitis għat-tfal mill-Gvern?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi d-Dipartiment tas-Saħħa qed jippjana illi jdaħħal it-tilqima ta’ kontra l-pneumococcus li tikkawża forma ta’ meninġite fix-xhur li ġejjin.
Kunsill tal-Unjoni Ewropea – Deċiżjoni — Panama – Tax Havens
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea qabilx li l-Panama tiġi nkluża fost il-pajjiżi meqjusa bħala tax havens?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi fil-5 ta’ Diċembru l-Ministri tal-Finanzi tal-Unjoni Ewropea ftehmu dwar l-ewwel blacklist ta’ 17-il ġurisdizzjoni barra mill-UE li mhumiex kooperattivi fi ħwejjeġ dwar it-taxxa, u għalhekk fl-ebda ħin tal-laqgħa ma ssemma t-terminu ‘tax haven’ iżda t-terminu ‘non-cooperative jurisdictions.’ Matul il-laqgħa tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea kien hemm qbil unanimu dwar din il-lista li fiha tinkludi l-ġurisdizzjoni tal-Panama.
Kunsill tal-Unjoni Ewropea – Deċiżjoni — Panama – Tax Havens
Question
Jista' l-Ministru jgħid, jekk kemm-il darba l-Ministru qabel fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea li l-Panama tiġi inkluża fost il-pajjiżi meqjusa bħala tax havens, x’għandu jsir f’każ li ċittadin Malti jinqabad f’kumpanija sigrieta fil-Panama? B’mod partikolari jista’ jgħid liema mill-entitajiet taħt ir-responsabilità ministerjali tiegħu, jkollhom l-obbligu li jidħlu f’tali każijiet?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li kif għidt fil-PQ 2829 kien hemm qbil unanimu fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fuq il-lista ta’ dawk il-pajjiżi imdaħħla fil-lista ta’ ġurisdizzjonijiet mhux kooperattivi u li allura meta ikun hemm każ kif imsemmi fil-mistoqsija, l-entitajiet tad-Dipartiment tat-Taxxa u/jew tal-FIAU jinvestigaw skont in-natura tal-każ.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm pensjonanti fuq pensjoni mhux kontributorja?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, n-numru ta’ persuni li qed jirċievu Pensjoni mhux Kontributorja, sal-aħħar ta’ Ottubru 2017 kien jammonta għal 4,715 -il persuna.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm nies fuq il-benefiċċji soċjali?
Response (FALZON, MICHAEL)
Jista’ l-Onorevoli Interpellant jispeċifika fuq liema tip ta’ benefiċċji soċjali qed jitlob l-informazzjoni?
Ġentilment ngħarraf lill-Onorevoli Interperllant illi taħt l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali, jitħallsu diversi benefiċċji, pensjonijiet, għajnuniet u allowances.
Awtorità tal-Ippjanar – applikazzjonijiet għall-bini ta’ ħitan tas-sejjieħ
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm/kien hemm applikazzjonijiet pendenti quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar (qabel il-MEPA) għal bini mill-ġdid / twaqqiegħ ta' ħitan eżistenti u bini mill-ġdid ta' ħitan tas-sejjieħ, sena b'sena mill-2013 sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Liema huma dawn l-istess applikazzjonijiet? X'tip ta' applikazzjonijiet saru (DNO, Summary, Full Application, etc.)? F'liema lokalità jinsabu? F'kull każ f'liema stadju jinsabu dawn l-applikazzjonijiet quddiem l-Awtorità? Liema minn dawn l-applikazzjonijiet ħarġilhom il-permess neċessarju?
Response (BORG, IAN)
B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 2842, 2843, 2844, 2845, 2846, 2847, 2848, 2853, 2858, 2859, 2860, 2861, 2862, 2863, 2864, u 2865, peress li l-Awtorità tal-Ippjanar irċeviet sittax il-mistoqsija parlamentari relatata ma’ statistika fejn it-tfittxija fis-sistema tal-informatika trid tkun ibbażata fuq il-proposta tal-iżvilupp, l-Awtorità ser ikollha ddur aktar minn 35,000 applikazzjoni, aktar min 10,000 minnhom sottomessi fl-2017, sabiex tiġbor l-informazzjoni għal kull waħda, li kumplessivament jiġu aktar minn nofs miljun applikazzjoni (dan apparti tfittxija fid-DNO f’ċerti każi addizzjonali), l-Awtorità ser tibda tiġbor immedjatament l-informazzjoni mitluba u ser tpoġġi r-risposti meħtieġa quddiem il-kamra, kull waħda immedjatament meta tkun lesta.
Għajnuniet minn fondi tal-Unjoni Ewropea lill-bdiewa, raħħala u sajjieda
Question
Jista’ l-Ministru jgħid meta ser jingħataw l-għajnuniet minn fondi tal-Unjoni Ewropea għal perijodu 2014-2020 lil bdiewa, raħħala u sajjieda? Kemm-il applikazzjoni saret? Kemm minn dawn l-applikazzjonijiet huma eleġibbli għal fondi? Kemm applikaw, settur/settur, bdiewa, raħħala u sajjieda?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fir-rigward tal-Programm għall-Iżvilupp Rurali 2014-2020 għal Malta, iffinanzjat mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, mas-6,300 bidwi qiegħed jibbenefika minn għajnuna finanzjarja taħt dan il-Programm, liema għajnuna qed tingħata sabiex issir ħidma u prattiċi diversi fuq raba’ agrikola jew trobbija ta’ ċertu speċi ta’ annimali u siġar. Minbarra dawn, l-Awtorità ta’ Ġestjoni, fi ħdan il-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza, laqgħet 223 applikazzjoni fuq diversi skemi marbuta ma’ proġetti. Bħalissa l-proċess jinsab fil-fażi tal-għażla tal-applikazzjonijiet li ġew sottomessi, u l-ewwel riżultati ta’ dawn l-iskemi ser jitħabbru fil-ġranet li ġejjin.
Fir-rigward tal-Pagamenti Diretti, iffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija, in-numru ta’ benefiċjarji fl-2017 li qed jibbenefikaw huma maqsumin abbażi tal-iskema li qegħdin jieħdu għajnuna finanzjarja taħtha:
Pagamenti bażiku – 768 benefiċjarju
Skema għall-Bdiewa Żgħar – 4331 benefiċjarju
Appoġġ Akkoppjat Volontarju – 501 benefiċjarju
Ta’ min jgħid li jista’ jkun hemm benefiċjarji li applikaw għall-għajnuna taħt żewġ skemi jew aktar taħt il-Pagamenti Diretti. L-eleġġibbiltà ta’ dawn l-applikanti se tkun iddeterminata fl-ewwel nofs tas-sena 2018, u l-pagamenti dovuti se jsiru wkoll f’dan iż-żmien.
Għajnuniet minn fondi tal-Unjoni Ewropea lill-bdiewa, raħħala u sajjieda
Question
Jista’ l-Ministru jgħid meta ser jingħataw l-għajnuniet minn fondi tal-Unjoni Ewropea għal perijodu 2014-2020 lil bdiewa, raħħala u sajjieda? Kemm-il applikazzjoni saret? Kemm minn dawn l-applikazzjonijiet huma eleġibbli għal fondi? Kemm applikaw, settur/settur, bdiewa, raħħala u sajjieda?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li peress li l-miżuri tal-programm għall-Iżvilupp Rurali huma miftuħa kontinwament sakemm il-budget jiġi eżawrit kollu, il-proċess tal-għażla huwa kontinwu u l-applikazzjonijiet jibqgħu jintlaqgħu kuljum. Fil-jiem li ġejjin sejrin jitħabbru l-ewwel għajnuniet lill-benefiċċjarji u l-lista tkun imħabbra fuq il-website tad-Diviżjoni għall-Fondi u l-Programmi.
Il-miżuri u skemi miftuħa għas-sajjieda għalqu l-Ġimgha 24 ta’ Novembru. Għaldaqstant il-proċess tal-għażla ser jibda fil-ġimgħat li ġejjin.
Ninsab infurmata wkoll li bħalissa hemm skema miftuħa għall-operaturi fl-Akwakultura li tagħlaq il-Ġimgha 12 ta’ Jannar 2018. Iktar dettalji jinstabu fuq il-website tad-Diviżjoni għall-Fondi u l-Programmi.
Vjal ix-Xarolla fiż-Żurrieq u Triq il-Kuċċard f'Ħal Safi — xogħlijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid meta inbeda x-xogħol u meta ser jitlesta x-xogħol fuq Vjal ix-Xarolla fiż-Żurrieq u Triq il-Kuċċard f'Ħal Safi? Jista’ l-Ministru jgħid x'xogħlijiet saru s'issa inkluż il-perijodu li fih sar x-xogħol u x-xogħol li fadal isir inkluż id-dati relatati minn meta sa meta ser isir dan x-xogħol? Kemm ser tkun in-nefqa fuq dan ix-xogħol u kemm intefqu flus s'issa?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra
Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħol qed isir fuq il-linja tal-biċċerija? X'tip ta' apparat qiegħed jiġi installat u minn fejn ġie impurtat? Jista’ l-Ministru jgħid jekk dan l-apparat laħaqx standards Ewropej u għalkemm dan l-apparat għadu ġdid, jekk qiegħedx jiffunzjona kif suppost? Kemm ġej jiswa dan l-apparat u jista’ jgħid jekk min ipprovda l-apparat u għamel x-xogħol, tħallasx jew le? Għal kemm-il sena ngħata garanzija dan l-apparat?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol li sar fuq il-linja tal-majjal fil-Biċċerija Pubblika jikkonsisti fi qlugħ tal-linja (motorised monorail) l-qadima u installazzjoni ta’ linja (motorised) il-ġdida. Il-linja l-qadima kellha tinqala’ għar-raġuni li l-mekkaniżmu kien kollu ħadid li maż-żmien issaddad u biex taħdem rieded żjut u grease b’riskju li jqattar fuq il-karkassi u dawn jiġu ikkontaminati. Il-linja l-ġdida hija tat-tip ‘double chain monorail’ tal-istainless steel u ma tieħux l-ebda tip ta’ lubrikazzjoni (self lubricant). Il-linja l-ġdida hija meqjusa bħala fost l-aqwa linji għal-Biċċerija, ta’ standard Ewropej li jassigura l-aqwa iġjene għal waqt il-produzzjoni tal-prodott. Ix-xogħol tal-linja tlesta kollu u qegħda taħdem b’mod tajjeb u effiċjenti bil-qatla tal-majjal għaddejja b’mod normali. Dan l-apparat sewa’ is-somma ta’ €260,780 u fadal bilanċ biex jithallas ta’ €28,698. Ix-xogħol li kien ħareġ b’tender kienet rebħitu entità Maltija li kienet ordnat l-apparat kollu minn kumpanija fil-qasam miċ-Ċina. Fil-fatt l-apparat ġie installat minn inġiniera Ċiniżi. Fuq l-apparat kollu hemm garanzija ta’ 10 snin kif ukoll ‘Maintenance Agreement’ ta’ 10 snin biex nassiguraw li l-linja tibqa’ tiffunzjona b’mod effiċjenti u mingħajr problemi.
Awtorità tal-Ippjanar – applikazzjonijiet għall-iżvilupp ta’ akkomodazzjoni ta’ agrituriżmu
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm/kien hemm applikazzjonijiet pendenti quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar (qabel il-MEPA) għall-iżvilupp ta' akkomodazzjoni ta' agrituriżmu, sena b'sena mill-2013 sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Liema huma dawn l-istess applikazzjonijiet? F'liema lokalità jinsabu? F'kull każ f'liema stadju jinsabu dawn l-applikazzjonijiet quddiem l-Awtorità? Liema minn dawn l-applikazzjonijiet ħarġilhom il-permess neċessarju?
Response (BORG, IAN)
B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 2842, 2843, 2844, 2845, 2846, 2847, 2848, 2853, 2858, 2859, 2860, 2861, 2862, 2863, 2864, u 2865, peress li l-Awtorità tal-Ippjanar irċeviet sittax il-mistoqsija parlamentari relatata ma’ statistika fejn it-tfittxija fis-sistema tal-informatika trid tkun ibbażata fuq il-proposta tal-iżvilupp, l-Awtorità ser ikollha ddur aktar minn 35,000 applikazzjoni, aktar min 10,000 minnhom sottomessi fl-2017, sabiex tiġbor l-informazzjoni għal kull waħda, li kumplessivament jiġu aktar minn nofs miljun applikazzjoni (dan apparti tfittxija fid-DNO f’ċerti każi addizzjonali), l-Awtorità ser tibda tiġbor immedjatament l-informazzjoni mitluba u ser tpoġġi r-risposti meħtieġa quddiem il-kamra, kull waħda immedjatament meta tkun lesta.
Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali – trasferiment ta’ persuni mis-segretarjati privati
Question
Jista’ l-Ministru jagħti dettalji ta’ kemm tneħħew jew ġew trasferiti persuni mis-segretarjati privati tal-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali bejn Marzu 2013 u Mejju 2017? X'kienu l-pożizzjonijiet tagħhom? Meta tneħħew jew ġew trasferiti? X’kienet ir-raġuni għat-tneħħija jew trasferiment?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bejn Marzu 2013 u Mejju 2017 tneħħew 14 il-persuna mis-Segretarjati privati tal-Ministeru, filwaqt li kienu trasferiti 4, u kien hemm 3 riżenji.
Jista’ l-Ministru jgħid meta se jibda l-proġett ta' tisbiħ fix-Xatt ta' Marsaxlokk?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant lix-xogħlijiet fuq il-proġett tar-riġenerazzjoni ta’ Marsaxlokk bdew f’Lulju tal-2016. B’rabta ma’ dan il-proġett saru xogħlijiet fuq il-junction li tgħaqqad Triq M’Xlokk, Triq Axtart u Triq Żejtun li lkoll inqalgħu u ngħataw asfalt ġdid u sarulhom servizzi ġodda kif ukoll sar tisbieħ tar-roundabout permezz ta’ tħawwil ta’ siġar.
Intant, dwar il-parti tax-xatt beda proċess ta’ konsultazzjoni mal-istakeholders kollha nvoluti fosthom mal-entitajiet li jipprovdu s-servizzi fosthom l-Enemalta u l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, mal-pubbliku inġenerali, mal-bejjiegħa tal-Monti u anke m’entitajiet oħra fosthom mall-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu u l-MHRA.
Ftit tal-jiem ilu beda wkoll ix-xogħol fuq il-parkeġġ ġdid li se jsir wara l-grawnd tal-football ta’ Marsaxlokk, li mistenni joffri aktar minn mitejn parkeġġ ġdid għar-residenti u anke t-turisti li jżuru dan il-villaġġ pittoresk.
Intant, it-tieni fażi tax-xogħlijiet mistennija jinkludu ż-żona tal-Magħluq filwaqt lit-tielet fażi se tinkludi xogħlijiet fuq iż-żona fejn jarma l-Monti. Ix-xogħlijiet fuq dan il-proġett għaddejin b’ritmu maqbul mal-istakeholders u r-riżultat aħħari tiegħu mistenni jkun ta’ benefiċċju kemm għar-residenti ta’ dan il-lokal, it-turisti li jżuruh, is-sajjieda u l-istabbilimenti kummerċjali.
Fondi għall-Unjoni Ewropea – applikazzjonijiet għal toroq rurali
Question
Tista’ l-Ministru tgħid fiex wasal il-proċess ta’ applikazzjonijiet għall-fondi tal-Unjoni Ewropea biex isiru toroq rurali? Tista’ tgħid ukoll jekk hemmx toroq li ġew approvati biex isiru b’dawn il-fondi u tindika liema huma?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lil Onorevoli Interpellant li l-kumitat tal-għażla għall-Programm għall-Iżvilupp Rurali 2014-2020 għadu kemm iffinalizza s-selezzjoni tal-ewwel grupp ta’ Toroq. Il-Kunsilli Lokali rispettivi ser jiġu nfurmati bir-riżultati fil-ġranet li ġejjin.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il mediċina hemm out of stock illum u jekk hemm, kemm ilha out of stock? Jista’ jagħti rendikont ta’ kif din iċ-ċifra titqabbel mas-sitwazzjoni fil-pajjiż fl-2012?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bħalissa ma hemm l’ebda mediċina out of stock kemm fl-isptar Mater Dei u kif ukoll fl-Ispiżerija tal-Għażla tiegħek. Ninfurmah ukoll illi fl-2012 kien hemm madwar 160 mediċina out of stock.
Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo – pazjenti — kura
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il pazjent ingħata kura miċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo minn meta beda jopera dan l-isptar s’issa?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi n-numru ta’ attendenzi fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo bejn Jannar u Ottubru ta’ din is-sena kien ta’ 72,859. Il-figuri mogħtija jirreferu għal attendenzi u mhux pazjenti għaliex persuna jista’ jkollha aktar minn attendenza waħda f’perjodu ta’ żmien.
Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta’ kemm-il persuna marret tieħu kura jew trattament barra minn Malta fl-aħħar erba’ snin u sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija? Jista’ jgħid ukoll kemm-il persuna bbenefikat mill-inizjattiva li jitilgħu ż-żewġ ġenituri mal-ulied li jkollhom bżonn kura barra l-pajjiż tul din il-leġiżlatura sakemm titwieġeb din il-mistoqsija?
Response (FEARNE, CHRIS)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tabella t’hawn taħt.
Sena
Numru ta’ Pazjenti li ntbagħtu barra minn Malta għall-kura(ġewwa l-Ingilterra kif ukoll f'pajjiżi oħra fl-Ewropa)
Numru ta’ Episodji ta’ Pazjenti li ntbagħtu barra minn Malta għall-kura(ġewwa l-Ingilterra kif ukoll f'pajjiżi oħra fl-Ewropa)
Numru ta’ Persuni li bbenefikaw mill-inizjattiva li jitilgħu ż-żewġ ġenituri
2014
484
728
177
2015
499
759
186
2016
549
825
205
2017(sal-11 ta' Diċembru)
507
792
183
Jista’ l-Ministru jgħid, fil-preżent, kemm qed iddum persuna fuq il-lista ta’ stennija (waiting list) għall-operazzjoni tal-katarretti u kif dan jitqabbel mal-2012?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fl-2012 pazjent biex issirlu l-operazzjoni tal-kataretti kien idum jistenna madwar tlett snin, filwaqt li taħt amministrazzjoni laburista dan iż-żmien naqas għal madwar erbgħa xhur. Il-lista ta’ stennija fl- 2012 kienet iktar mid-doppju ta’ dak li hi llum.