Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji sabiex ix-xogħol li qed isir fi Vjal l-Indipendenza fil-Mosta, isir bl-inqas inkonvenjent għar-residenti tal-istess triq? Jista' jara li dan ix-xogħol għandu l-permessi meħtieġa?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Transport Malta qegħdha tieħu l-passi neċessarji biex ix-xogħol isir bl-inqas inkonvenjent possibli għar-residenti ta’ din it-triq. Transport Malta hi nfurmata li dan ix-xogħol għandu l-permessi meħtiega.
Kunsilli Lokali — skema ta' residents parking minn Transport Malta
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-pożizzjoni tal-Gvern dwar l-iskema tar-residents' parking li kellha tkun skema li tingħata lill-kunsilli lokali minn Transport Malta? X'inhi l-pożizzjoni tal-Gvern dwar l-iskema tar-residents parking li hemm fil-preżent?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru tiegħi għaddej b’diversi taħditiet mal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali u ma’ wħud mill-Kunsilli Lokali dwar dan is-suggett. Sa issa għad m’hemmx deċizjoni finali dwar x’għandu jsir iżda li huwa żgur li qed tiġi evalwata kull possibilita’.
Sakemm tittieħed deċiżjoni finali dwar l-iskema b’mod ġenerali, dawk approvati mhumiex se jkunu affetwati, iżda la darba tittieħed deċiżjoni dawk approvati għandhom jiġu konformi mal-policy il-ġdida meta din tkun approvata.
Ministeru għal Għawdex — Xogħlijiet ta’ Għamara – direct orders
Question
B’referenza għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 2728, tista' l-Ministru tagħti l-informazzjoni mitluba fl-istess mistoqsija parlamentari u ċjoè tispeċifika f’liema uffiċċji ntużat l-għamara li ġiet ikkummissjonata lill-uffiċjali li mhumiex impjegati fis-sezzjoni tal-mastrudaxxi fl-istess Ministeru? Tista’ twieġeb ukoll il-kumplament tal-mistoqsija parlamentari 2728, jiġifieri min ikkummissjona tali xogħol f’kull każ, il-grad ta’ kull wieħed mill-uffiċjali li ġie nkarigat jagħmel dan ix-xogħol kif ukoll il-kumpens li ngħata kull wieħed għal dan ix-xogħol?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Il-Ministeru għal Għawdex iħoss li l-impjegati għandhom dritt għal faċilitajiet (inkluż għamara) deċenti biex ikunu jistgħu jaħdmu f’ambjent san u sikur. Filfatt, dan l-aħħar fil-Ministeru saru diversi xogħolijiet għal dan il-għan, u dan sar wkoll bis-saħħa ta’ ħafna ħaddiema tal-Ministeru stess.
Ministeru għal Għawdex –Senior Management — allowances
Question
B’referenza għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 2729, tista' l-Ministru tikkonferma jekk kienx hemm xi uffiċjali mis-senior management tal-Ministeru għal Għawdex inkluż id-dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha li ngħataw xi allowance apparti dawk li huma nklużi fil-kuntratti rispettivi tagħhom? Jekk fl-affermattiv, tista’ tgħid ukoll il-grad ta’ kull uffiċjal kif ukoll it-tip ta’ allowance li rċieva? Tista’ tgħid ukoll min ta l-approvazzjoni għall-għoti ta’ tali allowance?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’għandi xejn xi inżid mat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari numru 2729.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk wara l-interventi fuq is-social media lokali min-naħa tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, ittieħdux passi dixxiplinarji?
Response (ABELA, CARMELO)
Jista l-Onorevoli Interpellant jgħid jew jindika liema interventi qed jirreferi?
Peress li skont il-Gazzetta tal-Gvern 19,726, paġna 1208 taħt DO 083, għall-provvediment ta’ xiri ta’ għamara għar-residenza tal-Ambaxxata Maltija ġdida fil-Belt ta’ Abu Dhabi, il-Valur tal-Kuntratt Eskluża l-VAT, kien għall-ammont ta’ €49,029.29, jista’ għaldaqstant il-Ministru jgħid x’tip ta’ għamara nxtrat u minn fejn inxtrat?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onoroveli Interpellant illi x-xiri tal-għamara għall-Ambaxxata Maltija f’Abu Dhabi sar mingħand Nukhat Al Awaiel wara li nksibu tlett kwotazzjonijiet u ġie approvat li l-għamara kkonċernata tinxtara mil-orħos stima. Id-dettalji tal-għamara li nxtrat qed tiġi deskritta fit-tabella hawn taħt:
Kamra
Tinkludi
Kċina
Cabinet
li jinkludi sink u aċċessorji relatati,
Fridge, Cooker, Washing Machine,
Mejda u sitt siġġijiet.
Kamra tal-Pranzu
Mejda b’għaxar siġġijiet,
Side Cabinet
Spare Bedroom
Sodda ta’ wieħed, saqqu, żewġ komodini u gwardarobba
Main Bedroom
Sodda doppja, saqqu, żewġ komodini u gradenza bil-kxaxen u mirja
Sitting Room
TV on stand, Satellite receiver
(installazzjoni inkluża), Sufan x 2, Sufan x 3, Pultruna, tlett
side tables
Purtieri għall-kmamar varji kemm fl-Ambaxxata kif ukoll fir-Residenza li jinsabu fuq xulxin
Master Bedroom, Dining Room, Spare Bedroom,
Konsolat,
Sitting at ground floor, Spare Room, Sitting at first floor, Embassy foyer, Ambassador Room, Kitchen blinds at first floor, kitchen at ground floor
Ftuħ tal-presepju Malti fil-Vatikan – delegazzjoni Maltija
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 32049 tat-12-il Leġiżlatura li oriġinarjament saret lill-Prim Ministru u wara kienet ġiet riferuta lilu u ċjoè: jista’ l-Ministru jgħid min kienu l-membri tad-delegazzjoni Maltija li marret il-Vatikan għall-ftuħ tal-Presepju Malti? Jista’ jgħid jekk id-delegazzjoni kenitx tikkonsisti f’numru sostanzjali ta’ persuni qrib tal-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, u jekk dawn il-persuni ngħatawx trattament privileġġat inkluż ħlasijiet tal-ispejjeż kollha marbuta mal-vjaġġi u lodging matul iż-żjara tagħhom f’Ruma? Jista’ l-Prim Ministru jipprovdi lista ta’ dawk id-delegati li bbenefikaw minn xi forma ta’ finanzi biex żaru l-presepju Malti fil-Vatikan?
Response (BONNICI, OWEN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba, kif kontenuta f'talba ghal Freedom of Information li kienet saritli.
Individwu li inġab lura minn posting barra minn Malta
Question
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament inġab lura ħesrem minn posting ta’ tliet snin qabel ma għalaq it-terminu tiegħu? X’kienu ir-raġuni/jiet? Ma jaħsibx li kien każ ta’ diskriminazzjoni politika, f'ċirkustanzi dubbjużi jew tpattija għall-investigazzjonijiet li għamlet ommu?
Response (ABELA, CARMELO)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dan l-individwu ssejjah lura Malta minhabba l-esigenzi tas- servizz.
Fid-dawl tal-Proġett Consul-on-the-Move, jista’ l-Ministru jgħid għaliex numru ta’ familji Maltin fl-Awstralja, li vjaġġaw minn distanzi twal, spiċċaw tilfu eluf ta’ ewro minħabba li ġew ikkanċellati għadd sostanzjali ta’ appuntamenti konsolari fl-uffiċċju tal-Konslu Ġenerali ta’ Malta fil-Belt ta’ Sydney? (Numru ta’ Maltin f’Sydney ilmentaw li minkejja li nhar ta’ Ġimgħa l-istess Konslu Ġenerali li jitħallas ta’ konsulent dan ma jidħolx għax-xogħol) Veru li l-ordnijiet relatati max-xogħol ta’ dan il-Konslu Ġenerali jeħodhom direttatment minn Kastilja u mhux mill-Kummissarju Għoli Malti f’Kanberra?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Proġett Consul-on-the-Move ma jkoprix il-Belt ta’ Sydney imma huwa intiż għal bliet aktar ‘il bogħod. Għaldaqstant l-allegazzjoni fil-mistoqsija ma tistax tkun minnha.
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli nterpellant li n-network ta’ Rappreżentazzjonijiet konsolari fl-Awstralja jirrispondu direttament lill-Kummissarju Għoli Malti f’Kanberra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm membri tal-Korp Diplomatiku li rriżenjaw mill-kariga tagħhom, jew inkella applikaw għal xi tip ta’ unpaid leave mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ minn Marzu 2013 sal-lum?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi f’dan il-Ministeru, minn Marzu 2013 sa llum, kien hemm 29 membru li rriżenjaw mill-Korp Diplomatiku, filwaqt li 45 membru tal-Korp Diplomatiku applikaw għal xi forma ta’ unpaid leave.
Passi kontra ditta u persuni ta’ financial intermediaries
Question
Ladarba l-ebda mill-awtoritajiet li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu ma ħadu l-ebda azzjoni effettiva fil-konfront tal-persuni u tad-ditta ta’ financial intermediaries li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament, jista’ l-Ministru jgħid x’passi se jieħu hu biex jara li l-awtoritajiet li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu jwettqu dmirhom fil-konfront ta’ dan il-bank?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirriferi għat tweġiba tiegħi għall-mistoqsija parlamentari numru 2951.
Fid-dawl tar-riżoluzzjoni reċenti tal-Parlament Ewropew dwar is-saltna tad-dritt f’Malta, jista’ l-Ministru jgħid x’passi ħa jew se jieħu biex jindirizza l-punti mqajjma fl-istess riżoluzzjoni b’relevanza għar-responsabilità ministerjali tiegħu?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Il-punti li qiegħed jirriferi għalihom l-Onorevoli Interpellant jirrigwardjaw, fost oħrajn, suġġetti li dwarhom Malta ttrasponiet, qegħda tittrasponi u tkompli tittrasponi direttivi tal-Unjoni Ewropeja f’liġijiet, f’regolamenti u fit-tisħiħ tal-istituzzjonjiet koncernati.
Rapporti fuq il-media fuq persuna u kumpanija ta’ investiment
Question
Fid-dawl tar-rapporti reċenti fil-media, jista’ l-Ministru jgħid x’passi ħadu jew se jieħdu l-awtoritajiet li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu dwar il-persuna u l-kumpanija ta’ investiment li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament?
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn pollution gas counters/stations installati f'Malta u f’Għawdex? Fejn huma nstallati dawn il-counters/stations? Jista' jgħid jekk hawnx lokalitajiet f'Malta u f’Għawdex fejn qed jinqabżu l-limiti aċċettabbli ta' CO2 u NOx skont regoli tal-Unjoni Ewropea? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-readings meħuda fl-Imsida jew qrib l-Imsida matul l-aħħar sena dejjem jekk qed jittieħdu?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Malta għandha 5 air monitoring stations li jinsabu f’Kordin, Żejtun, Msida, Għarb u Attard. Qatt ma nqabżu l-limiti aċċettabbli tan-NOx, skont regoli tal-Unjoni Ewropea f’dawn il-lokalitajiet. Is-CO2 ma jiġix mkejjell minn dawn l-istazzjonijiet, skont ir-regoli tal-Unjoni Ewropea.
Id-dejta rikjestà mill-Imsida għal matul l-aħħar sena qed tiġi miġbura u maħduma skont kif inhu rikjest mid-direttiva relavanti. Għaldaqstant qed tiġi sottomessa l-valur medju annwali tal-NOx li ġie rrekordjat mill-Imsida fl-2016. Dan il valur huwa ta’ 36.4 ug/m3, li jaqa’ taħt il-limitu annwali skont regoli tal-Unjoni Ewropea li huwa 40 ug/m3.
Gozo Natatorium Pool – bidu ta’ xogħlijiet infrastrutturali
Question
Tista' l-Ministru tgħid fiex waslu d-diskussjonijiet dwar il-Gozo Natatorium Pool? Tista' tgħid meta hu ppjanat li jiġi ffirmat il-ftehim finali u meta hu ppjanat li jibda x-xogħol infrastrutturali? Meta hu mistenni li din il-pool tibda tintuża?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninsab infurmata li fil-preżent qed jitkomplew id-diskussjonijiet neċessarji bejn il-Ministeru għal Għawdex, il-Privatisation Unit u l-GNI Ltd. fuq id-Draft Concession Agreement.
MFSA – telf finanzjarju mill-Valletta Multi Manager Property Fund
Question
Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2802 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Finanzi u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid x’kienet l-aħħar pożizzjoni tal-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta (MFSA) b’referenza għall-protesti li kienu saru minn investituri fir-rigward ta’ telf finanzjarju li kienu ġarrbu mill-Valletta Multi Manager Property Fund?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Fis-snin 2011 u 2012 l’MFSA ħadet azzjoni regolatorja kontra BOV fir-rigward tal-każ ta’ La Valette. Fir-rigward tal-protesti minn investituri, dawn issa qiegħdin jigu kkunsidrati mill-Arbitru ghas-Servizzi Finanzjarji.
B'referenza għall-istqarrija maħruġa nhar il-Ħamis 14 ta' Diċembru 2017 (PR172887) fuq traffikar ta' persuni, jista’ l-Ministru jgħid:
a. minn liema pajjiżi kienu ġejjin il-vittmi;
b. kemm kienu nisa u kemm kienu rġiel;
c. jekk kien hemm, kemm kien in-numru ta' minuri u ta' liema età u sess; u
d. x'kien ix-xogħol li għalih ġew traffikati?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lil Onorevoli Interpellant li l-investigazzjonijiet għadhom għadejjin. Mhuwiex ħin opportun li l-informazzjnoni mitluba tingħata f’ dan l-istadju
Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien hemm NGOs mid-distretti elettorali li fuqhom il-Ministru tikkontesta l-Elezzjoni Ġenerali li bbenefikaw minn fondi taħt l-iskema ‘Support to Voluntary Organisations’ 2016? Tista’ tindika liema huma dawn l-organizzazzjonijiet u x'inhu l-ammont ta' flus li rċeviet kull organizzazzjoni?
Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru totali ta' studenti li applikaw biex jistudjaw fl-iSkola Medika ta' Barts? Kemm minnhom huma Maltin u kemm huma barranin?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla m’hiex f’pożizzjoni li tagħti informazzjoni dwar in-numru ta’ studenti f'kull istituzzjoni privata, inkluż din msemmija, għaliex din hija informazzjoni ta' entitajiet privati, għandha sensittività kummerċjali u hija miksuba b’mod kunfidenzjali.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru totali ta' studenti li applikaw biex jistudjaw fl-American University of Malta? Kemm minnhom huma Maltin u kemm huma barranin?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla m’hiex f’pożizzjoni li tagħti informazzjoni dwar in-numru ta’ studenti f'kull istituzzjoni privata, inkluż din msemmija, għaliex din hija informazzjoni ta' entitajiet privati, għandha sensittività kummerċjali u hija miksuba b’mod kunfidenzjali.