Legislature:
Category:
Reset
Active:

Direttorat tal-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard – ħarsien ta’ saħħet il-ħalq

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’qed jagħmel id-Direttorat tal-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard biex jeduka lill-poplu dwar il-ħarsien ta’ saħħet ħalqhom?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi d-Direttorat tal-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard, torganizza kampanji fuq il-medja soċjali biex teduka u tinforma l-poplu Malti u Għawdxi x’għandu jagħmel biex jieħu ħsieb is-snien, biex eventwalment iżommhom b’saħħithom tul il-ħajja. Id-Direttorat jikkollabora mad-Dental Public Health Unit, mad-Dental Clinic fl-isptar Mater Dei, mal-Fakulta’ tal-Kirurġija u mad-Dental Association, biex jorganiżżaw diversi kampanji billi jużaw mezzi differenti ta’ komunikazzjoni biex ikun hemm iżjed għarfien dwar l-importanza li wieħed jieħu ħsieb ħalqu. Isiru wkoll diversi taħdidiet ta’ infomazzjoni fl-iskejjel, fid-djar tal-anzjani u fuq il-postijiet tax-xogħol. Id-Direttorat ħa ħsieb ukoll li jippubblika diversi fuljetti b’informazzjoni utli fuq l-importanza tas-saħħa tal-ħalq fit-tfal, fl-adulti u fin-nies li għandhom id-dijabete’ kif ukoll dwar il-ħsara li jagħmel iz-zokkor. Dawn jitqassmu waqt diversi outreaches u kif ukoll fuq il-mobile dental clinic. L-importanza tas-saħħa tal-ħalq hija msemmija f’diversi strateġiji u linji gwida bħal fl-istrateġija għad-dijabete’, fl-istrateġija fuq il-mard li ma jitteħidx, ikel tajjeb għas-saħħa għat-tfal tal-iskola u fil-linji gwida dwar id-dieta. Is-saħħa tal-ħalq kienet inkluża fil-kampanija Tfal b’Saħħithom kif ukoll fil-kampanja dwar iz-zokkor u l-ħsara li jagħmel fil-ħalq u l-ġisem inġenerali.

Dipartiment tad-Dentistrija – dentisti

Question

B’referenza għad-Dipartiment tad-Dentistrija, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kien in-numru ta’ dentisti li kienu jaħdmu mal-Gvern f’dan id-Dipartiment fis-snin 2015, 2016 u 2017?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi bejn l-2015 u l-2017 kien hemm medja ta’ 24 dentist li ħadem fi ħdan id-dipartiment tas-Saħħa.

Dipartiment tad-Dentistrija – skema ta’ public private partnership

Question

B’referenza għad-Dipartiment tad-Dentistrija, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm pazjenti ġew riferuti mid-Dipartiment biex jarahom dentist fil-privat taħt l-iskema ta’ outsourcing ta’ public private partnership? Kemm hemm dentisti privati msieħba f’din l-iskema?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bejn Frar tal-2016 sal-aħħar ta’ Diċembru tal-2017 kien hemm 9,076 pazjenti li ġew referuti għad-dentisti fil-privat bi spejjeż imħallsa mill-Gvern u li f’din l-iskema issieħbu 24 dentist.

Dipartiment tad-Dentistrija – operazzjonijiet bil-loppju

Question

B’referenza għad-Dipartiment tad-Dentistrija, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm-il operazzjoni bil-loppju saru fuq il-ħalq mid-dentisti fl-2016 u fl-2017? Kemm hi l-lista ta’ stennija?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi matul l-2016 u l-2017 saru 1,049 operazzjoni bil-loppju ġenerali fil-ħalq mid-dentisti.

Ftehim mal-Union tad-Dentisti

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jerġa’ jiġi rivedut il-ftehim mal-union tad-dentisti biex dentisti li jilħqu ġodda, jitħajru jibqgħu mal-Gvern?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi d-diskussjonijiet jinsabu għaddejjin.

Żejtun – Triq Cachia Zammit — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jirrapporta lil din il-Kamra dwar l-istadju li fih jinsabu x-xogħlijiet fi Triq Cachia Zammit, iż-Żejtun, partikolarment fl-inħawi viċin is-suq? Peress li x-xogħlijiet fuq din it-triq issa ilhom għaddejjin kważi sena, u dan b’inkonvenjent kbir għar-residenti u nies tan-negozju fl-istess triq, jista’ l-Ministru jindika lil din il-Kamra meta hemm il-ħsieb li tkun tlestiet għal kollox din it-triq?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ix-xogħlijiet ta’ Transport Malta fl-imsemmija triq bdew fil-25 ta’ Ottubru u huma stmati li jitlestew fil-ġimgħat li ġejjin.

Preparamenti għall-mewġa tal-influwenza

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jispjega lil din il-Kamra l-preparamenti li saru fil-ħarifa għall-mewġa tal-influwenza li qed taħkem lill-pajjiż bħalissa? Iħoss il-Ministru li dawn il-preparamenti taw ir-riżultati mixtieqa?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi peress li konna qed nistennew li l-influwenza dan l-istaġun kienet se tkun aktar frekwenti u qawwija, bdejna l-kampanja ta’ tilqim kontra l-influwenza, aktar kmieni propju fis-16 ta’ Ottubru, iġifieri xahar qabel is-soltu. Dan il-pjan ġie mfassal minn xhur qabel u kien ibbażat kemm fuq statistika tal-passat kif ukoll fuq trends ipedimoloġiċi ġodda tal-virus. Barra minn hekk, wara ġimgħa fejn sħaqna li nies bi problemi ta’ mard kroniku u anzjani għandhom ikunu mlaqqma l-ewwel, ftaħna t-tilqima għal kull persuna minn l-eta’ ta’ 6 xhur ‘il fuq. Kellna 100,000 tilqima għad-dispożizzjoni tagħna u s’issa tlaqqmu l-fuq minn 93,000 ruħ. Din il-figura turi żieda ta’ aktar minn 20,000 ruħ li tlaqqmu fuq is-snin ta’ qabel. Saret kampanija intensiva fuq diversi midja, fost l-oħrajn fuq midja socjali, radju, televiżjoni u kif ukoll riklamar fuq it-transport pubbliku. Bħas-snin ta’ qabel, saru l-kuntatti mal-Kunsilli Lokali biex il-vaċċin ikun jista’ jingħata wkoll fil-komunita’ sabiex nersqu aktar viċin il-poplu. B’hekk inwessgħu l-aċċessibilta’ u nħajjru aktar is-setturi vulnerabbli, bħall-anzjani u min għandu problemi fiżiċi, biex jieħdu l-vaċċin. Tkompliet is-sorveljanza fil-komunita’ permezz tat-tobba tal-familja biex waqt l-istaġun tal-influwenza jagħtuna l-informazzjoni meħtieġa dwar każijiet ta’ influwenza li huma jaraw. B’hekk inkunu nafu x’inhi s-sitwazzjoni. Isiru anke testijiet fuq persuni biex inkunu nafu x’tipi ta influwenza tkun tiċċirkula. Din l-informazzjoni tiġi mogħtija lill-persuni kkonċernati biex jittieħdu l-azzjonijiet meħtieġa. Fl-isptar Mater Dei ukoll il-preparamenti bdew isiru minn Settembru tal-2017 fejn ġew infurmati l-professjonisti nvoluti bil-perjodi mbassra fejn l-attività tal-influwenza kienet mistennija li toħloq sfidi. Ġiet preparata direzzjoni biex tiffoka fuq Day Care Surgery biex jitnaqqas il-kura matul il-lejl. Din id-direzzjoni ma nkludietx interventi kritiċi jew ibbażati fuq il-ħin. Ġew imfassla numru ta 'protokolli għat-timijiet tal-A&E wara konsultazzjonijiet mad-dipartimenti rispettivi sabiex jiġi evitat id-dewmien u mblukkar mhux meħtieġ fl-Emerġenza. Minkejja n-numri rekord t’attendenzi fl-Emerġenza, xorta ġew milħuqa l-miri tal-Patients Charter b’mod sodisfaċenti. Ġew ippreparati għadd ta 'swali / żoni għall-użu fl-isptar. Ġew imfassla applikazzjonijiet tal-IT fejn il-management ikun jista’ jingħata informazzjoni ta’ x’qed jiġri immedjatament dwar is-sitwazzjonijiet u kif ukoll deċiżjonijiet li jkunu ttieħdu. Sar ukoll ftehim minn qabel ma' entitajiet barra l-isptar Mater Dei li għenu biex jiffaċilitaw il-ħajja tal-pazjenti tagħna kif ukoll tnaqqas il-konġestjoni ġeneralment esperjenzata matul dawn il-perjodi. F’entitajiet oħrajn fosthom is-Servizzi għas-Saħħa Mentali, l-isptar Monte Carmeli u d-Dipartiment tal-Kura Primarja saret kampanja edukattiva u ta’ prevenzjoni kemm għal ħaddiema u kif ukoll għal pazjenti. Ingħatat ukoll it-tilqima kontra l-influwenza kemm lill-pazjenti kif ukoll lill-impjegati li jaħdmu f’dan il-qasam.

Sptar Mater Dei – Dipartiment tal-Kardjoloġija

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jagħti dettalji dwar xi progress ġie rreġistrat fid-Dipartiment tal-Kardjoloġija tal-Isptar Mater Dei fl-aħħar snin?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi matul dawn l-aħħar snin sar kambjament u avvanz enormi fil-qasam tal-kardjoloġija. Dawn jinkludu: Listi ta stennija: Għall-intervent tal-angiogram, fl-out-patients naqas minn 6 xhur għal massimu ta’ ġimgħatejn filwaqt dawk li jkunu pazjenti rikoverati f’Mater Dei dan l-intervent naqas minn ġimgħatejn għal ftit sigħat. Għal echocardiograms, fl-out-patients minn sentejn dan qed isir fi ftit xhur u dawk li jkunu pazjenti f’Mater Dei isirilhom fi ftit sigħat. Għal follow up f’dan il-qasam minn 6 snin issa sar isir kif u meta jkun meħtieġ. Innovazzjonijiet/Interventi ġodda: (Interventional cardiology): F’dan il-qasam qed isiru diversi interventi ġodda fosthom percutaneous mitral valve interventions (MitraClip), bioabsorbable vascular scaffolds (BVS), drug eluting balloons (DEB), instantaneous wave-free ratio (iFR), left atrial appendage (LAA), renal denervation, percutaneous pulmonary valve implantation, u intravascular ultrasound (IVUS). Pazjent b’riskju għoli ta’ stroke issa din tista’ tiġi evitata b’intervent f’waqtu. (Innovations in electrophysiology): Lead extractions, smallest injectable loop recorders, 3D mapping system for complex ablation li tinkludi atrial fibrillation u ventricular tachycardia qed isiru fil-Cath Suite ta’ Mater Dei. Fil-passat pazjenti li kien ikollhom bżonn dawn it-trattamenti kien ikollhom imorru barra minn Malta, fejn kienu jiżdiedu ir-riskji għal saħħet il-pazjent minħabba l-iskariġġ tas-safar u aktar spejjeż għal qraba tagħhom. Servizzi ġodda fil- Cardiac Imaging: Kemm f’Mater Dei kif ukoll fl-isptar Ġenerali t’Għawdex inxtara apparat ġdid sabiex ikunu jistaw isiru aktar testijiet lill-pazjenti tagħna. Dawn huma l-iStress echocardiograms with contrast agents, CT calcium scoring and coronary angiograms (CTCA) u cardiac magnetic resonance (CMR). Investiment fit-teknoloġija ta’ l-Informazzjoni (IT): Sar investiment kbir fis-sistema tal- Informazzjoni Kardjovaskulari (CVIS). Ir-rekords kollha tal-pazjenti huma online u aċċessibbli għall-professjonisti kollha li jieħdu ħsieb il-pazjenti bi problemi fil-qalb. Innovazzjonijiet fil-kardjoloġija klinika: Test ġdid ġie introdott permezz ta’ programm ġdid. Ġew introdotti ukoll il-Glycoprotein IIb/IIIa receptor blockers għal percutaneous coronary interventions. Issa, pazjenti li jkollhom load ta’ trombożi b’interventi f’waqthom jistaw jiġu salvati. Kliniki ġodda ta’ subspeciality ġew imnedija: Sabiex il-pazjent jibqa jirċievi l-kura meħtieġa infetħu kliniki ġodda li jinkludu: l-Pre-Assessment Clinic for coronary angiograms, Inherited Cardiomyopathy Clinic, Chest Pain Clinic, Valve Clinic, TAVI Clinic, Inherited Arrhythmias Clinic kif ukoll Specialist Heart Failure Clinic. Ġew imwaqqfa ukoll l-ECG out-patient unit, Klinika tal-Kardjoloġija fic-Ċentri tas-Saħħa, Pacemaker Clinic fir-Residenza ta’ San Vinċenz de Paule (SVPR) u fl-isptar Ġenerali t’Għawdex. Attivitajiet Akkademiċi: Sabiex il-kura tal-pazjent dejjem tibqa’ aġġornata jiġu organizzati diversi laqgħat u lectures kuljum, dawn jinkludu: State of the Art Lectures, Grand Round, Imaging Meetings, Journal Clubs, laqgħat dwar l-ECG, Morbidity & Mortality Meetings kif ukoll Webinar sessions. It-trainees tal-kardjoloġija ta’ Malta kienu fost l-ewwel fl-Ewropa biex jipparteċipaw f’eżami Ewropew tal-Kardjoloġija Ġenerali (EEGC) li huwa amministrat mill-European Society of Cardiology (ESC) flimkien mal-European Union of Medical Specialities (UEMS) Cardiac Section. L-Konferenza Annwali li tiġi organizzata f’Mater Dei fejn issa qed issir fuq livell internazzjonali għaliex qed ikun hemm attendenza ta l’ fuq minn 700 persuna bil-parteċipazzjoni tal-aqwa kardjologi fl-Ewropa inkluż il-President tas-Soċjetà Ewropea tal-Kardjoloġija. Dawn l-attivitajiet akkademiċi jiżguraw aġġornamenti kontinwi, titjib fl-għarfien u ħiliet biex tavvanza aktar il-kwalità tal-kura tal-pazjent tal-qalb. Dan id-Dipartiment qed jieħu sehem fi programmi ta’ riċerka barranin li uħud mis-suggetti jinkludu mard kardijaku waqt it-tqala, cardiac oncology toxicity eċċ. Din ir-riċerka kif ukoll ir-reġistri jgħinu sabiex tkompli tiżdied il-kwalita’ tal-kura li tingħata lill-pazjenti tagħna. Riżorsi Umani: Apparti dawn l-inizzjattivi ġodda f’Mater Dei ġew maħtura Konsulenti tal-kardjoloġija ġodda, Resident Specialists and Higher Specialist Trainees kif ukoll iktar tekniċi tal-ECG. Dan ukoll ġab titjib notevoli fil-kura tal-qalb.

Sptar Mater Dei – Taqsima tar-Radjoloġija

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid xi progress ġie rreġistrat fl-aħħar snin fit-Taqsima tar-Radjoloġija tal-Isptar Mater Dei, partikolarment f’dawk li huma listi ta’ stennija għas-servizz ta’ CT scans u MRI?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Sptar Mater Dei – Bini ta’ outpatients block

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jagħti tagħrif lil din il-Kamra dwar fejn waslu t-tħejjijiet għall-proġett tal-bini ta’ outpatients block ġdid fil-kumpless tal-Isptar Mater Dei? Jista’ jgħid ukoll xi pjanijiet hemm għat-tkabbir tal-faċilitajiet tal-parking għall-istess sptar?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-pjanijiet għall-iżvilupp tal-outpatients block fil-kumpless tal-isptar Mater Dei ser jinkludi faċilità ta' parkeġġ taħt l-art ta’ madwar 5 sulari. Rigward dan il-proġett għaddejjin aktar diskussjonijiet u qed jittieħdu deċiżjonijiet fir-rigward tad-dipartimenti u r-rekwiżiti tagħhom. Ġew ukoll ikkuntattjati disinjaturi tal-isptarijiet barranin sabiex ikomplu jgħinu biex jiġi zgurat li jinkiseb l-aħjar użu possibbli tal-ispazju u l-faċilitajiet eżistenti.

Kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali – Ħlas ta’ bolol nieqsa

Question

Jaqbel il-Ministru li l-età ta’ 59 sena għal meta mara tkun tista’ tibda tħallas bolol tas-Sigurtà Soċjali li jkunu nieqsa għal skop ta’ pensjoni, hija għolja wisq u li dawn in-nisa għandhom jingħataw l-opportunità jħallsu dawn il-bolol neqsin anke qabel jilħqu din l-età?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, l-iskop tal-miżura dejjem kien li jagħti ċans lil nies, speċjalment lin-nisa li jkunu qed jaħdmu u jkunu resqu viċin l-eta’ tal-irtirar, u jkollhom bolol neqsin għax mhux dejjem ikunu ħadmu, biex iħallsu sa 5 snin bolol neqsin milli jkollhom. Huwa għalhekk illi dan id-dritt jinkiseb mal-eta’ ta’ 59 sena u jibqa’ miftuħ sa qabel il-persuna talgħaq 65 sena.

Korp tal-Pulizija – Każijiet ta’ membri tal-Korp li nqabdu jabbużaw minn sustanzi illeċti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm każi ta' membri fil-Korp tal-Pulizija li nqabdu fil-pussess ta’ droga u/jew abbużaw minn sustanzi illeċti sena b'sena bejn l-2007 u l-2017?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li n-numru ta' każi ta' membri fil-Korp tal-Pulizija li nqabdu fil-pussess ta’ droga u/jew abbużaw minn sustanzi illeċti sena b'sena bejn l-2007 u l-2017 kien ta' disgħa (9), kif jidher fit-tabella t'hawn taħt: Sena Ammont ta' Membri 2007 - 2008 4 2009 1 2010 - 2011 - 2012 - 2013 - 2014 - 2015 - 2016 1 2017 3 Total 9

Inġiniera u periti li ġew ippreżentati l-warrant

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il inġinier u kemm-il perit ġie ppreżentat l-warrant matul l-2017?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant li matul is-sena 2017, il-Ministru ppreżenta l-warrant lil: • Inġiniera 101 • Periti 34 Wieħed irid japrezza li n-numri ta’ Periti huwa inqas mill-medja ta’ snin oħra minħabba għal fatt li Periti fl-2015 ma gradwawx minħabba ristrutturar tal-istess kors Universitarju.

Reġistru tal-Artijiet – applikazzjonijiet pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jindika n-numru ta’ applikazzjonijiet pendenti li kien hemm fir-Reġistru tal-Artijiet fil-bidu tas-sena 2017 u kemm kien in-numru ta’ applikazzjonijiet pendenti sal-aħħar tas-sena? Jista’ jindika x’sar biex dawn l-applikazzjonijiet jinħadmu u x’qed isir biex ma jerġgħux jakkumulaw applikazzjonijiet pendenti fir-Reġistru?

Response (BORG, IAN)

In-numru ta’ applikazzjonijiet pendenti sal-31ta’ Dicembru 2016 kien ta’ 3,209 filwaqt li sal-31 ta’ Dicembru tas-sena 2017 l-ammont kien ta’ 1625. In-numru ta’ applikazzjonijiet pendenti li għadhom ma nħadmux huwa dovut għall-fatt illi jinstabu diversi nuqqasijiet fl-imsemmija applikazzjonijiet fi stadju ta’ vetting u dan fil-maġġoranza tagħhom minħabba żbalji f’dettalji fil-pjanti annessi kif ukoll minħabba żbalji ta’ natura legali jew nuqqas ta’ informazzjoni oħra li jinstab li jkun hemm fl-applikazzjoni . Għalkemm id-Dipartiment ikun informa lill-applikant bit-tali nuqqas, l-istess applikant jibqa ma jieħux l-ebda azzjoni u għaldaqstant l-applikazzjoni kienet tibqa’ pendenti. Id-Dipartiment ħejja eżerċizju u beda proċess fejn qiegħed jibgħat u jinforma lill-applikanti permezz ta’ notifika bil-posta reġistrata li għandhom applikazzjoni għar-registrazzjoni tal-art pendenti minħabba xi problemi, liema problemi jigu wkoll elenkati fl-istess notifika. Id-Dipartiment ħa ħsieb sabiex inħolqot sezzjoni ġdida tal-customer care b’nies teknici li jassisitu speċifikament lill-applikanti li lilhom tkun intbagħtet it-tali komunikazzjoni u mhux biss iżda wkoll lin-nutara u lill-pubbliku nġenerali sabiex jistaqsi qabel jissottometi applikazzjoni, sabiex b’hekk jitnaqqsu drastikament l-applikazzjonijiet bi problemi. Fir-rigward ta’ dawk l-applikanti li jibqaw ma jissottomettux l-informazzjoni rikjesta, jiġi applikat ir-regolament 12 (1) tal-Kapitolu 296 tal-Liġijiet ta’ Malta.

Plans On Line – ordnijiet ta’ pjanti

Question

Jista’ l-Ministru jindika n-numru ta’ pjanti li ġew ordnati onlajn mindu tnediet is-sistema tal-Plans OnLine fl-1 ta’ Novembru, tal-2016 sal-ġurnata li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant it-total tan-numru ta’ pjanti li ġew ordnati onlajn mindu tnediet is-sistema tal-Plans On Line fl-1 ta’ Novembru, tal-2016 sad-8 ta’ Jannar 2018 huwa ta’ 18863 bid-dħul miġbur ta’ € 94, 315.00. Aktar dettalji mitluba qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

Reġistru tal-Artijiet – perijodu li jinħarġu risposti għar-riċerki uffiċjali

Question

Jista’ l-Ministru jindika kemm hu l-perijodu li fih qegħdin idumu biex jinħarġu risposti għar-riċerki uffiċjali matul dawn l-aħħar sitt xhur fir-Reġistru tal-Artijiet?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-maġġoranza assoluta r-riċerki fir-Reġistru tal-Artijiet idumu sa massimu ta' tmint ijiem (ġranet tax-xogħol) sabiex tinħareġ ir-risposta u tintbagħat bil-posta. Fejn jirrizulta li hemm problema li tkun trid tigi ndirizzata man-nutar jew il-perit tal-applikant allura tinħareġ komunikazzjoni elettronika (email) lill-persuna kkoncernata sabiex ikun infurmat bit-tali dewmien.

Awtorità tal-Ippjanar – Planning Fund – fondi allokati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew allokati fondi minn flus miġbura mill-Awtorità tal-Ippjanar taħt il-Planning Fund, biex isir titjib fl-irħula u l-ibliet tagħna għall-benefiċċju tal-komunitajiet rispettivi? Liema kienu l-proġetti li bbenefikaw minn dan il-fond is-sena li għaddiet?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ammont ta’ fondi li ġew allokati minn flus miġbura mill-Awtorità tal-Ippjanar taħt il-Planning Fund, biex isir titjib fl-irħula u l-ibliet tagħna għall-benefiċċju tal-komunitajiet rispettivi minn meta gie mwaqqaf dan il-fond fis-sena 2016 huwa ta’ żewġ miljuni mitejn u tnejn u disgħin elf erba’ mija w erba’ u tletin ewro u sittax-il ċenteżmu (€2,292,434.16). Il-proġetti li bbenefikaw minn dan il-fond is-sena li għaddiet huma hekk kif ġej: Iklin Local Council Embellishment of Triq il-Wied and its Junctions to Secondary Roads Żabbar Local Council Refurbishment of Restrooms at Garden in Zabbar Marsa Local Council Embellishment/Upgrading of existing public staircase in Triq San Tumas, Marsa Qormi Local Council Tibdil fil-pavimentar tal-bankini fi Triq Fremond Nadur Local Council Supply and Install Planters at Pjazza San Pietru u San Pawl Marsascala Local Council Resurfacing of Carriage Way of Triq il-Qaliet incl. Scarifying of existing material and laying of asphalt Birkirkara Local Council Proposed Change of Use from Child Care Centre to B'Kara Historical Malta Railway Museum, incl. Minor Internal Facade Alteration and Installation of Lift; Proposed Kiosk; Refurbishment of Gnien L-Istazzjon; Replacement of Part of Boundary Wall and Repositioning of Former Train wagon in Front of Proposed Transport Museum St.Paul's Bay Local Council Resurfacing of Roads Marsa Local Council Construction of Fountain & Reservoir Vittoriosa Local Council Replacement of existing benches at Xatt ir-Risq near 31st March Monument Vittoriosa Local Council Replacement of existing benches at Couvre Porte Tarxien Local Council Resurfacing of Roads Pieta Local Council Amendments to existing public garden layout with the aim to increase parking provisions from 44 to 67 parking spaces. Proposal involves minor take up of existing landscapted area and part of existing paved area Dingli Local Council Detail, Manufacture and Install Pedestal in Local Zonqor for Bust in Misrah Guze Abela Sliema Local Council Proposed pavement and road surfacing works Hamrun Local Council Refurbishment of Pjazza Kappillan Muscat

Skema “Irrestawra Darek”

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ibbenefikaw familji mill-iskema “Irrestawra Darek” u x’kien l-ammont ta’ pagamenti li ħarġu s’issa? Kemm kienu l-first-time buyers li bbenefikaw minn din l-iskema u kemm kien hemm proprjetarji li bbenefikaw mir-restawr tal-faċċati?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kien hemm tmien mija u disgħa (809) benefiċjarju eliġibbli ghall-iskema “Irrestawra Darek”. Sa l-aħħar ta’ Dicembru 2017 tħallsu sitta u għoxrin (26) benefiċjarju li bbenefikaw minn total ta’ mija u seba' u għoxrin elf tlett mija u erba u għoxrin Ewro u ħmistax il-ċenteżmu (€127,324.15). Bħal issa m’hemmx talbiet għall-pagamenti pendenti. Bħala first-time buyers li bbenefikaw minn din l-iskema kien hemm mitejn u sitta u sittin (266). Hames mija u tlieta u erbgħin (543) sidien kienu eliġibbli li mhumiex First Time Buyers għar-restwar tal-faċċati. Hemm mija u hamsa u tletin (135) każ ieħor assoċjat ma’ l-iskema Irrestawra Darek li bħal issa għaddej ix-xogħol ta’ restawr. Dawn qed jiġu moniterjati mill-Awtorita’ tal-Ippjanar biex jiġi assikurat xogħol ta’ kwalita’.

Malta Public Transport — xufiera

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kemm-il xufier telaq mill-Malta Public Transport xahar b'xahar matul l-2017?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xufiera li jaħdmu fuq is-servizz tat-trasport pubbliku m’humiex impjegati ta’ Transport Malta iżda tal-Malta Public Transport li hija kumpanija privata li topera dan is-servizz.