Legislature:
Category:
Reset
Active:

Public Services Garage — Qafas li jirregola s-servizz provdut

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2998 u jgħid jekk jeżistix xi forma ta’ qafas li permezz tiegħu jirregola s-servizzi provduti mill-Public Service Garages f’pajjiżna u jekk iva, ipoġġih fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (BORG, IAN)

Ninsab infurmat, illi l-Public Service Garages u s-servizzi minnhom provduti huma regolati b’dispożizzjonijiet ta’ liġi illi nsibuhom fil-Leġislazzjoni Sussidjarja 65.11 – Regolamenti dwar il-Vetturi bil-Mutur. Il-Public Service Garages għandhom żewg funzjonijiet -: 1. Dawk illi jikru lil terzi, vetturi u motor cycles għall-kiri biex dawn jinstaqu mill-kerrej; u 2. Dawk illi jikru vetturi self-drive li jistgħu jinstaqu mis-sid tal- public service garage jew impjegati tiegħu. Sallum, għadu mhux provdut is-servizz li muturi jinstaqu mis-sid tal-public service garage jew impjegati tiegħu, jiġifieri mhux mill-persuna li tikri l-mutur, b’din tal-aħħar tkun passiġġiera. Għalkemm dan is-servizz għadu mhux disponibbli kif diġà huwa bil-vetturi, jiena mgħarraf illi ġie reġistrat interess biex anke jibda jingħata dan it-tip ta’ servizz, għaliex f’dawn l-aħħar snin il-qasam tat-trasport esperjenza espansjoni qawwija li tirrispondi għat-tkabbir ekonomiku bla preċedent illi kellu pajjiżna. Public Service Garage jista’ joffri jew servizz jew ieħor jew inkella ż-żewġ servizzi hawn fuq imsemmija. Sabiex operatur ikun jista’ joffri wieħed minn jew iż-żewġ servizzi hawn fuq imsemmija, bilfors li jrid ikollu liċenzja ta’ public service garage maħruġa lilu minn Transport Malta u dan kif jipprovdi r-Regolament 62 tal-Leġislazzjoni Sussidjarja 65.11. Il-vetturi li jkunu jistgħu jintużaw b’mod kif imsemmi hawn fuq, jiġu mniżżla fil-liċenzja tal-public service garage. L-istess regolamenti jipprovdu gwida dwar ċertu apparat ta’ sigurta’ li għandu jkollhom vetturi għall-kiri kif ukoll sinjali li juru li fihom ma jistax isir tipjip.

Ħal Qormi – Triq l-Imdina – rilokazzjoni tat-traffic light bil-pedestrian crossing

Question

Jista’ l-Ministru jikkunsidra r-rilokazzjoni tat-traffic light bil-pedestrian crossing li ġiet installata fi Triq l-Imdina f’Ħal Qormi li bdiet titħaddem ftit tal-ġranet ilu, fil-karreġġjata fid-direzzjoni li tagħti lejn Ħaż-Żebbuġ ftit ‘l isfel mill-eks fabbrika tal-Coca, peress li l-punt huwa blindspot għax-xufiera li jkunu neżlin minn Triq l-Imdina fid-direzzjoni lejn il-Belt u jduru ‘l fuq lejn id-direzzjoni ta’ Ħaż-Żebbuġ?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta sa tirriloka l-imsemmija traffic lights bil-pedestrian crossingfl-iqsar żmien possibli.
Leg 13 PQ #3061 Sitting 68 2018-01-15 Oral · Final From: SIMON BUSUTTIL To: Ministeru għall-Finanzi

Dipartiment tat-Taxxa u/jew l-FIAU – investigazzjoni fil-konfront ta’ individwi

Question

Ladarba fit-tweġiba tiegħu għall-mistoqsija parlamentari 2830, il-Ministru qal illi meta jkun hemm każ li ċittadin Malti jinqabad b'kumpanija sigrieta fil-Panama, "l-entitajiet tad-Dipartiment tat-Taxxa u/jew tal-FIAU jinvestigaw skont in-natura tal-każ", jista’ l-Ministru jgħid x'investigazzjoni wettqu d-Dipartiment tat-Taxxa u/jew il-Financial Intelligence Analysis Unit (FIAU) fil-konfront tal-Ministru li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament (a) u taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament (b) li t-tnejn li huma nqabdu b'kumpanija sigrieta fil-Panama?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni dwar fejn waslu l-investigazzjonijiet fuq il-persuni li nstabu fuq il-lista tal-Panama ngħatat mill-Kummissarju tat-Taxxi u mistennija li tibqa’ tingħata minn żmien għal żmien sakemm tintemm. Fil-każ tal-FIAU, jien m'għandi xejn x’inżid mal-istqarrijiet li l-Bord tad-Diretturi ta’ din l-istituzzjoni għamel dan l-aħħar.
Leg 13 PQ #3062 Sitting 68 2018-01-15 Oral · Final From: SIMON BUSUTTIL To: Ministeru għall-Finanzi

Fond ta' Żvilupp Ekonomiku u Soċjali Nazzjonali — għanijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhuma l-għanijiet tal-Fond ta' Żvilupp Ekonomiku u Soċjali Nazzjonali li twaqqaf sabiex jintużaw parti sostanzjali tal-fondi ġejjin mill-Individual Investor Programme (IIP)?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Leg 13 PQ #3063 Sitting 68 2018-01-15 Oral · Final From: SIMON BUSUTTIL To: Ministeru għall-Finanzi

Fond ta' Żvilupp Ekonomiku u Soċjali Nazzjonali — -fondi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm tpoġġew fondi s'issa fil-Fond li twaqqaf, sabiex jintużaw fondi ġejjin mill-Individual Investor Programme (IIP)?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Leg 13 PQ #3064 Sitting 68 2018-01-15 Oral · Final From: SIMON BUSUTTIL To: Ministeru għall-Finanzi

Fond ta' Żvilupp Ekonomiku u Soċjali Nazzjonali – użu ta’ fondi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm flus intużaw s'issa mill-Fond li twaqqaf, sabiex jintużaw fondi mill-Individual Investor Programme (IIP)?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Leg 13 PQ #3065 Sitting 68 2018-01-15 Oral · Final From: SIMON BUSUTTIL To: Ministeru għall-Finanzi

Fond ta' Żvilupp Ekonomiku u Soċjali Nazzjonali – xiri ta’ ishma

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux minnu li fondi assenjati fil-Fond li twaqqaf, sabiex jintużaw fondi mill-Individual Investor Programme (IIP) intużaw biex jinxtraw ishma fil-bank li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament? F'dak il-każ, jista’ l-Ministru jgħid kemm inxtraw ishma, kemm kienet in-nefqa, meta inxtraw l-ishma, x'kienet ir-raġuni li nxtraw dawn l-ishma u jekk dan ix-xiri ta' ishma huwiex konfirmi mal-għanijiet tal-Fond u mal-funzjonijiet tal-Bord tiegħu?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Leg 13 PQ #3066 Sitting 68 2018-01-15 Oral · Final From: SIMON BUSUTTIL To: Ministeru għall-Finanzi

Fond ta' Żvilupp Ekonomiku u Soċjali Nazzjonali – xiri ta’ ishma

Question

Jista’ l-Ministru jgħid b'liema mod ix-xiri ta’ ishma fil-bank li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament jikkonformi mal-għanijiet tal-Fond li twaqqaf għal skop ta’ żvilupp soċjali u ekonomiku sabiex jintużaw fondi mill-Individual Investor Programme (IIP)?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Sptar San Luqa — Dipartiment tal-Fiżjoterapija - pavimentar tat-triq

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jara li l-pavimentar tat-triq li tagħti għad-Dipartiment tal-Fiżjoterapija ġewwa l-Isptar San Luqa, jiġi rranġat minħabba li qed ikun ta’ inkonvenjent għall-pazjenti li jużawh?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pavimentar tat-triq li tagħti għad-Dipartiment tal-Fiżjoterapija ġewwa l-Isptar San Luqa, se jiġi rranġat fiż-żmien li ġej.

Ċimiterju tal-Addolorata – rranġar ta’ tarġa tat-toilet

Question

Jista’ l-Ministru jara li tiġi rranġata t-tarġa tat-toilet li hemm fiċ-Ċimiterju tal-Addolorata wara żmien twil li ilu jsir dan l-ilment?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tarġa msemmija hija parti mill-istruttura tal-kappella gotika li x-xogħol fuqha ġie nkluż fil-proġett tar-restawr taċ-Ċimiterju tal-Addolorata.

Ħaż-Żebbuġ – Triq il-Buskett – wiċċ ġdid

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se tingħata wiċċ ġdid Triq il-Buskett, Ħaż-Żebbuġ li partijiet minnha jinsabu fi stat ħażin ħafna?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta qiegħda tara x’partijiet li baqa’ xi jsiru minn din it-triq sabiex jiġu nklużi fil-programm ta’ toroq.

Sptar San Luqa, Sptar Karin Grech u Sptar t’Għawdex — sodod

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa l-ammont ta’ sodod li qegħdin joperaw ġewwa l-Isptar San Luqa, l-Isptar Karin Grech u l-Isptar t’Għawdex?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-isptarijiet Karen Grech u dak Ġenerali Ta’ Għawdex hemm total ta’ 564 sodda li jinkludu sodod għall-kura akuta, għall-kura ta’ rijabilitazzjoni, għall-kura psikjatrika u kif ukoll għal Long Term Care.

Qrati ta’ Malta – ittri uffiċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew ippreżentati ittri uffiċjali fil-Qrati tagħna tul is-sena 2017 u jista’ jindika kemm minnhom ġew ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Maġistrati u kemm quddiem l-Prim Awla tal-Qorti Ċivili f’Malta u f’Għawdex?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li f’Malta matul l-2017 ġew ippreżentati dawn l-Ittri Uffiċjali skont it-tabella hawn taħt murija: Prim Awla tal-Qorti Ċivili Qorti tal-Maġistrati (Malta) Total Ittri Uffiċjali 4695 3313 8,008 Ittri uffiċjali skont l-art. 166A tal-Kap. 12 131 2905 3,036 Ittri uffiċjali b'kambjali 9 98 107 Total 4,835 6,316 11,151 F’Għawdex matul l-2017 ġew ippreżentati dawn l-Ittri Uffiċjali skont it-tabella hawn taħt murija: Ġurisdizzjoni Superjuri Ġurisdizzjoni Inferjuri Total Ittri Uffiċjali 456 111 567 Ittri uffiċjali skont l-art. 166A tal-Kap. 12 0 135 135 Ittri uffiċjali b'kambjali 1 3 4 Total 457 249 706

Ambaxxati – rapporti ta’ serq ta’ passaporti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li tul is-sena li għaddiet irrappurtaw mal-Ministeru u mal-Ambaxxati tiegħu li kien insterqilhom l-passaport?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru 2017, il-Ministeru u l-Ambaxxati tiegħu rċevew wieħed u sittin (61) rapport ta’ serq ta’ Passaporti Maltin.

Qrati – Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili – ittri uffiċjali ai termini tal-Artikolu 166A

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew ippreżentati ittri uffiċjali ai termini tal-Artikolu 166A tal-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili fil-Qrati tagħna tul is-sena 2017 u jista’ jindika kemm minnhom ġew ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Maġistrati u kemm quddiem il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili f’Malta u f’Għawdex?

Response (BONNICI, OWEN)

Infurmat li n-numru ta’ Ittri Uffiċjali ppreżentati fil-Qrati ta’Malta u Għawdex huwa kif muri f’din it-tabella: Prim Awla tal-Qorti Ċivili Qorti tal-Maġistrati (Malta) Qorti tal-Maġistrati (Għawdex) Ittri Uffiċjali ai termini tal-Art 166A tal-Kap. 12 131 2905 135

Qrati — Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili – Ittri uffiċjali ai termini tas-Sub-Artikolu(e) tal-Artikolu 253

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew ippreżentati ittri uffiċjali ai termini tas-sub-artikolu(e) tal-Artikolu 253 (biex jiġu reżi eżegwibbli kambjali) tal-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili fil-Qrati tagħna tul is-sena 2017 u jista’ jindika kemm minnhom ġew ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Maġistrati u kemm quddiem il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili f’Malta u f’Għawdex?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li fil-Qorti ta’ Malta ġew ippreżentati disa’ (9) ittri uffiċjali ai termini tas-sub-artikolu(e) tal-Artikolu 253 tal-Kap. 12 fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili matul l-2017. Filwaqt li fil-Qorti tal-Maġistrati (Malta) ġew ippreżentati tmienja u disgħin (98) ittra uffiċjali ai termini tal-istess artikolu. Fil-Qorti ta’ Għawdex ġiet ippreżentata ittra waħda (1) fil-Ġurisdizzjoni Superjuri, filwaqt li fil-Qorti tal-Magistrati (Għawdex) ġew ippreżentati tlett (3) ittri uffiċjali.

Qrati — Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili – Ittri uffiċjali ai termini tas-Sub-Artikolu(d) tal-Artikolu 253

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew ippreżentati ittri uffiċjali ai termini tas-sub-artikolu (d) tal-Artikolu 253 (biex jiġu reżi eżegwibbli deċiżjonijiet -lodo- f’arbitraġġi) tal-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili fil-Qrati tagħna tul is-sena 2017 u jista’ jindika kemm minnhom ġew ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Maġistrati u kemm quddiem il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili f’Malta u f’Għawdex?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li fil-Qrati ta’ Malta u Għawdex tali ittri uffiċjali ma humiex hekk ikklassifikati fil-LECAM; jiġu reġistrati bħala ittri uffiċjali regolari. Għalhekk l-informazzjoni rikjesta mhix disponsibbli.

Rapport f’gazzetta Taljana — Inkjesta interna

Question

B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 2263 u 2513, jista’ l-Ministru jgħid jekk r-rapport finali ġiex ippreżentat jew kienx hemm estensjoni tat-terminu?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-rapport finali tal-inkjesta ġie pprezentat fi żmien stipulat.

Ħaddiema full-time u part-time

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta' persuni li jaħdmu f’pajjiżna kemm fuq bażi full-time kif ukoll fuq bażi part-time, fil-31 ta' Diċembru sa mis-sena 2010 sas-sena 2017?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għandha l-Jobsplus, l-għadd ta’ persuni jaħdmu f’Malta u Għawdex fuq bażi full time u part time bħala xogħol ewlieni tagħhom fl-aħħar ta’ Diċembru għas-snin 2010 sal-2016 u Ġunju 2017 (l-aħħar ċifra ppubblikata), huwa kif se nsemmi: Full Time Part Time bħala xogħol ewlieni Diċembru 2010 147,814 26,961 Diċembru 2011 150,809 28,400 Diċembru 2012 154,046 30,297 Diċembru 2013 159,272 31,317 Diċembru 2014 166,368 33,179 Diċembru 2015 174,967 33,263 Diċembru 2016 184,180 34,938 Ġunju 2017 191,378 35,671