Legislature:
Category:
Reset
Active:

Il-Ħofra fl-Industrial Estate tax-Xewkija – xogħlijiet fuq industrial units

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta hu ppjanat li jibda x-xogħol ta’ Industrial Units ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropea fis-sit magħruf bħala “Il-Ħofra” fl-Industrial Estate tax-Xewkija? Jista’ jgħid jekk f’dan il-proġett hux se jkun hemm inkluż parkeġġ għall-vetturi? Jekk iva, kemm se jkun jesa’ karozzi dan il-parkeġġ u jekk le, x’inhi r-raġuni li mhux se ssir parkeġġ ma’ dan il-proġett?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol fuq l-Industrial Workshop Complex ko-finanzjat minn fondi mill-Unjoni Ewropeja, fis-sit magħruf bħala ‘Il-Hofra’ fil-qasam industrijali tax-Xewkija, ser jibda f’Jannar 2018. Hemm inklużi fid-disinn għoxrin post ta’ parkeġġ għall-karozzi u żewġ parkeġġi akbar għal trailers tal-erbgħin pied, minbarra diversi loading/unloading bays .

Proġett ta’ Pjazza Tritoni, d-Daħla tal-Belt u tad-Ditch

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-proġett ta' Pjazza Tritoni u d-daħla tal-Belt Valletta flimkien mad-Ditch hux se jkun lest sal-aħħar tas-sena 2017 kif kien imħabbar diversi drabi? Kemm se jiġi jiswa b'kollox dan il-proġett u min huma l-kuntratturi li ngħataw ix-xogħol kollu konness ma’ dan il-proġett?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol tar-restawr tal-funtana tat-Tritoni sar mill-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali, u kien jinkludi: · ir-restawr tal-figuri tal-Bronż u t-Travertin · sistemi ġodda ta’ dwal u ilma · il-bini ta’ kmamar taħt l-art u mina bil-għan li jitqiegħed l-impjant fejn jissaffa l-ilma u li jkun hemm spazju adekwat għall-pompi Dan ix-xogħol se jkun sewa kważi erba’ miljun ewro u ġie kuntrattat lil Sea Fountain One Joint Venture. Fir-rigward tal-bqija tax-xogħlijiet f’din il-Pjazza u fid-ditch, nitolbok tressaq id-domanda lill-Ministeru kkonċernat.
Leg 13 PQ #2978 Sitting 68 2018-01-15 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ingaġġ ta' Senior Principals

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ġew ingaġġati senior principals mill-eżami li sar fl-2017? Kemm fadal persuni li għaddew mill-eżami iżda għadhom ma ġewx ingaġġati?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ġejt nfurmat li mill-eżami għal Senior Principals li sar fl-2017 ġew ingaġġati l-ewwel 89 skond l-ordni tal-mertu tar-rizultat. Ninforma wkoll l-Onor. Interpellant li l-validitá tal-process ta’ għazla huwa ta’ sentejn u l-ingaġġ jigi diterminat skond il-vaganzi u l-esigenzi tas-servizz tul dawn is-sentejn.
Leg 13 PQ #3002 Sitting 68 2018-01-15 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MCA – chairman u membri tal-Bord

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid, sena b’sena, min kienu ċ-chairman u l-membri tal-Bord tal-Malta Communications Authority (MCA) minn meta din twaqqfet sal-lum? Jista’ jgħid kemm kien il-perijodu tal-ħatra ta’ kull membru, u jekk tul il-perjodu tal-ħatra kienx hemm xi membru li rreżenja jew twarrab mill-kariga?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor Interpellant li qed inpoġġi fuq l-Mejda tal-Kamra it-tagħrif mitlub kif mgħoddi lili mill-Awtorità ta’ Malta dwar il-Komunikazzjoni (MCA).

Bord tar-Regulator għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma – chairman u membri tal-bord

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, sena b’sena, min kienu ċ-chairman u l-membri tal-Bord tar-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (REWS), minn meta din twaqqfet sal-lum? Jista' jgħid kemm kien il-perijodu tal-ħatra ta’ kull membru, u jekk tul il-perijodu tal-ħatra kienx hemm xi membru li rreżenja jew twarrab mill-kariga?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba rigward iċ-chairman u l-membri tal-Bord tar-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma tinsab fit-tabella t’hawn taħt. Kariga Titlu Isem Kunjom Minn Sa Chairman Inġ James Camenzuli 3 t’Awwissu 2015 2 t’Awwissu 2020 Deputy Chairman Is-Sur Mario Azzopardi 3 t’Awwissu 2015 2 t’Awwissu 2020 Membru Dr. Katrina Borg Cardona 3 t’Awwissu 2015 2 t’Awwissu 2021 Membru Is-Sur Frederick Cutajar 3 t’Awwissu 2015 2 t’Awwissu 2020 Membru Dr. Jason Grima 3 t’Awwissu 2015 2 t’Awwissu 2020 Membru Is-Sinjura Doriette Scicluna 22 ta’ Novembru 2017 21 ta’ Novembru 2022 Membru Is-Sinjura Mary Grace Gauci 22 ta’ Novembru 2017 21 ta’ Novembru 2022 Segretarju tal-Bord Dr. Claudio Zammit 3 t’Awwissu 2015 2 t’Awwissu 2020 Ma kien hemm l-ebda membru li rriżenja jew twarrab mill-kariga.

Xiri ta’ elettriku mill-Interconnector

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien il-prezz li bih inxtara l-elettriku mill-interconnector għal Malta u Għawdex, fis-17 ta’ Diċembru 2017? Jista’ jgħid kemm kien il-prezz xahar ilu (fis-17 ta’ Novembru 2017) li bih qed jinxtara l-elettriku mill-interconnector għal Malta u Għawdex? Jista’ jagħti l-average price li bih inxtara l-elettriku mill-interconnector għal Malta u Għawdex bejn l-1 ta’ Jannar 2016 u l-31 ta’ Diċembru 2016 u bejn l-1 ta’ Jannar 2017 sas-17 ta’ Diċembru 2017 separatament?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għandha valur kummerċjali għal Enemalta plc. Minħabba f’hekk, l-iżvelar ta’ tali tagħrif jista’ jippreġudika n-negozju tal-istess Kumpanija. L-Enemalta tħaddem taħlita ta’ sorsi ta’ enerġija ġodda, lkoll ugwalment importanti, fosthom l-impjanti li jaħdmu bil-gass naturali, l- Malta – Italy Interconnector u sistemi ta’ enerġija li tiġġedded, bl-aktar mod għaqli u effiċjenti, sabiex tibqa’ tiggarantixxi s-sigurta’ tal-provvista fil-pajjiż u fuq kollox tibqa’ ssostni t-tariffi rħas li jgawdu l-klijenti f’Malta u Għawdex. Inċidentalment, dawn it-tariffi li traħħsu fl-2014 u fl-2015 għadhom kif reġgħu għal darb’oħra ġew ikkonfermati fost l-orħos fl-Unjoni Ewropea, minkejja li sa ħames snin ilu kienu uffiċjalment meqjusa rati impossibbli. Irid jiġi ċċarat ukoll li l-prezzijiet tas-suq tal-elettriku fl-Italja, minn fejn jinxtara l-elettriku permezz tal- Interconnector , m’humiex fil-fatt il-prezzijiet finali li l-elettriku jiswa lill-Enemalta sabiex takkwistah u twasslu f’Malta. Dan hekk kif l-ispiża tal-elettriku mill- Interconnector tinkludi wkoll diversi ħlasijiet oħra, fosthom dawn li ġejjin: · Spejjeż ta’ manutenzzjoni, operat u assikurazzjoni tal-infrastruttura relatata · Congestion charges · Trader market scheduling fees · Unbalance charges · Transmission losses · Excise duties · Dispatch fees · Spinning reserve contribution · Annual depriciation Fl-istess waqt, lil hinn mill-inċident ta’ ftit ġimgħat ilu fl-Awstrija, li wassal għal żieda qawwija fil-prezzijiet tal-elettriku impurtat mill-Interconnector f’wieħed mill-aktar żminijiet kesħin tas-sena, l-elettriku li nimpurtaw mill-Italja rreġistra żidiet sostanzjali tista’ tgħid matul is-sena kollha. Fil-fatt, xahar b’xahar, l-elettriku mill-Interconnector fl-2017 għola b’madwar 25 fil-mija meta mqabbel mas-sena li għaddiet. Din iż-żieda tolqot l-aktar il-ħinijiet meta l-konsum tal-elettriku jkun l-aktar meħtieġ f’Malta. F’dawk is-sigħat tal-jum li l-aktar nikkunsmaw elettriku, bħal pereżempju l-ħinijiet ta’ filgħaxija meta kulħadd ikun id-dar, il-prezz tal-elettriku fl-2017 tela’ b’aktar minn 30 fil-mija meta mqabbel mas-sena 2016.

Ġenerazzjoni ta’ elettriku mill-interconnector u mit-tanker tal-gass

Question

Jista’ l-Ministru jagħti l-persentaġġ tal-elettriku li nxtara mill-interconnector versu dak mit-tanker tal-gass għall-konsum f’Malta u Għawdex għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2017 sat-30 ta’ Novembru 2017?

Response (MIZZI, JOE)

L-Onor. Interpellant għandha tkun infurmata li dan il-paragun ma jistax isir, peress li Malta ma tixtrix elettriku minn tankers.

Delimara — tanker

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il tanker ġie Malta biex jimla l-FSU (Floating Storage Unit) li hemm ankrata Delimara, minn Diċembru 2017 sal-aħħar ta’ Novembru 2017?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ewwel kunsinna ta’ LNG waslet Malta u nħattet fil-Floating Storage Unit (FSU) fix-xahar ta’ Jannar 2017. Mill-ewwel kunsinna sal-aħħar ta’ Novembru 2017 waslu Malta u nħattu total ta’ tmien kunsinni ta’ LNG.

Impjant tal-Electrogas – full capacity

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-impjant tal-gass tal-Electrogas hux qed jaħdem f’livell ta’ full capacity? Jekk mhux qed jaħdem f’livell ta’ full capacity, jista’ jgħid f’liema livell ta’ capacity qed jaħdem?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Enemalta tħaddem taħlita ta’ sorsi ta’ enerġija ġodda, lkoll ugwalment importanti, fosthom l-impjanti li jaħdmu bil-gass naturali, il-Malta - Italy Interconnector, u sistemi ta’ enerġija li tiġġeded, bl-aktar mod għaqli u effiċjenti, sabiex tibqa’ tiggarantixxi s-sigurta’ tal-provvista fil-pajjiż u fuq kollox tibqa’ ssostni t-tariffi rħas li jgawdu l-klijenti f’Malta u f’Għawdex. Inċidentalment, dawn it-tariffi li traħħsu fl-2014 u fl-2015 għadhom kif reġgħu għal darb’oħra ġew ikkonfermati fost l-orħos fl-Unjoni Ewropea, minkejja li sa ħames snin ilu kienu uffiċjalment meqjusa rati mpossibbli. Is-sorsi kollha, fosthom il- Malta – Italy Interconnector u l-impjanti tal-gass naturali ta’ Electrogas Malta u Delimara 3 Power Generation Ltd, jistgħu joperaw f’livell ta’ full capacity kull meta Enemalta jkollha bżonn, u tordna, li jiġri hekk. Id-deċiżjoni dwar kemm fil-fatt jintuża impjant jew ieħor tittieħed mill-Enemalta wara li tikkunsidra diversi fatturi, fosthom id-domanda tal-elettriku f’kull ħin tal-jum, ħtiġijiet ta’ manutenzzjoni preventiva li jsiru regolarment matul is-sena lis-sorsi kollha, kundizzjonijiet esterni bħat-temp u diffikultajiet fil-provvista fi Sqallija, u aspetti oħra. Minn meta l-Enemalta bdiet tħaddem it-taħlita ta’ sorsi ta’ enerġija ġodda aktar kmieni s-sena li għaddiet, kollha kemm huma, inkluż il- Malta – Italy Interconnector , l-impjant Delimara 3 bil-gass naturali, u l-impjant Delimara 4 tal-Electrogas bil-gass naturali, ilkoll kemm huma intużaw f’livell ta’ full capacity kemm-il darba , b’mod regolari, anke minħabba ż-żidiet bla preċedent li Malta esperjenzat fid-domanda għall-elettriku matul l-2017.

Il-Magħtab – Proġett ta’ Solar Farm

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett ta’ solar farm fil-Magħtab li kien ġie mħabbar f’Jannar 2017?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Enemalta għaddejja b’ħidma sabiex tkompli tagħmel l-aħjar użu mir-riżorsi disponibbli għaliha, sabiex tkattar is-sostenibilità tal-Kumpanija u tkompli miexja ‘l quddiem fis-snin li ġejjin. Fl-istess waqt, permezz tas-sehem tagħha u tal-kumpaniji sussidjarji tagħha fil-qasam tal-enerġija li tiġġedded, il-Kumpanija qed taħdem mas-settur privat sabiex tgħin lil pajjiżna jilħaq il-miri ambjentali tiegħu għas-snin li ġejjin. Il-proġett ta’ instalazzjonijiet ta’ pannelli tax-xemx fis-sit fejn qabel kien hemm il-miżbla tal-Magħtab ser ikun l-akbar proġett ta’ produzzjoni ta’ enerġija elettrika mix-xemx f’Malta. L-ippjanar ta’ dan il-proġett jinsab fi stadju avvanzat. Il-kumpanija qed taħdem mal-Awtorità tal-Ippjanar sabiex twettaq il-proċeduri u l-istudji meħtieġa li jwasslu għall-għoti tal-permessi tal-iżvilupp li hemm bżonn sabiex jibdew ix-xogħolijiet fuq il-post. L-Enemalta plc ser tkompli taħdem fuq dan il-proġett u fuq diversi proġetti oħra u sabiex isaħħaħ il-qagħda sostenibbli tagħha u tibqa’ toffri servizzi aħjar lill-klijenti tagħha f’Malta u Għawdex.

ERA – proġett ta’ solar farm

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ komunikat sar mal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) dwar il-proġett ta’ solar farm fil-Magħtab, minn Jannar 2017 sal-lum? Jista’ jgħid jekk l-ERA ngħatatx l-informazzjoni mitluba dwar il-feasibility study ta’ dan il-proġett? Jista’ jgħid ukoll jekk l-ERA ngħatatx ġustifikazzjoni għala minflok ir-rijabilitazzjoni tal-Magħtab kif ippjanat preċedentament, minflok se jsir dan il-proġett ta’ solar farm? Jekk kemm-il darba l-ERA ingħatat tali ġustifikazzjoni, jista’ l-Ministru jgħid x’ġustifikazzjoni ngħatat?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-proċessi ta’ applikazzjoni għal żvilupp ta’ dan it-tip, l-applikant, f’dan il-każ, Enemalta plc, jikkomunika mal-Awtorità tal-Ippjanar, li matul il-proċess tinvolvi entitajiet u awtoritajiet oħra, skont kif meħtieġ. F’dan ir-rigward, l-Enemalta għaddejja bit-tħejjija tar-rekwiżiti mitluba mill-Awtorità tal-Ippjanar sabiex dan il-proġett, l-akbar solar farm li qatt sar f’Malta, ikun jista’ jibda jitwettaq kemm jista’ jkun malajr. Mistoqsijiet dwar ir-riabilitazzjoni tas-sit ta’ dik li kienet il-miżbla tal-Magħtab għandhom isiru lill-entità konċernata responsabbli minn din il-ħidma.

Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali – Trasferiment ta’ persuni mis-Segretarjati Privati

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2999 u ċjoè: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2884, jista' l-Ministru jwieġeb il-kumplament tal-mistoqsijiet u ċjoè x’kienu l-pożizzjonijiet tal-ħaddiema li tneħħew jew li ġew trasferiti? Meta tneħħew jew ġew trasferiti? X’kienet ir-raġuni għat-tneħħija jew trasferiment?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-maġġoranza tal-ħaddiema tneħħew jew ġew trasferiti mis-Segretarjat tal-Ministeru, ma’ kull bidla tal-Ministru, kif inhi l-prassi.
Leg 13 PQ #3041 Sitting 68 2018-01-15 Oral · Final From: CLAYTON BARTOLO To: Ministeru għall-Finanzi

Individwi reġistrati bħala self-employed

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hawn nies reġistrati bħala self-employed bejn l-2008 u Ġunju 2017, u jagħti l-informazzjoni sena b’sena?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qiegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 13 PQ #3042 Sitting 68 2018-01-15 Oral · Final From: CLAYTON BARTOLO To: Ministeru għall-Finanzi

Servizz ta’ Childcare Centre b’xejn – somma li nħarġet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ persuni li qegħdin jibbenefikaw minn servizz ta’ Childcare Centre b’xejn? Kemm hi s-somma li nħarġet fuq dan is-servizz sena b’sena minn meta ġiet introdotta?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Leg 13 PQ #3043 Sitting 68 2018-01-15 Oral · Final From: CLAYTON BARTOLO To: Ministeru għall-Finanzi

Dejn li wiret il-Gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kienet iċ-ċifra tad-dejn li l-Gvern Laburista wiret minn amministrazzjoni Nazzjonalista f’Marzu 2013 u kemm kien l-imgħax dovut fuqha? X’inhi s-sitwazzjoni llum?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qiegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 13 PQ #3044 Sitting 68 2018-01-15 Oral · Final From: CLAYTON BARTOLO To: Ministeru għall-Finanzi

Ħaddiema barranin li qed jikkontribwixxu lejn l-ekonomija Maltija

Question

Peress li hu fatt magħruf li llum f’pajjiżna hawn eluf ta’ ħaddiema barranin, jista' l-Ministru jgħid kemm hu stmat li dawn il-ħaddiema barranin qegħdin jikkontribwixxu lejn l-ekonomija Maltija kull sena b’mod dirett f’taxxa ta’ dħul?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qiegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 13 PQ #3045 Sitting 68 2018-01-15 Oral · Final From: CLAYTON BARTOLO To: Ministeru għall-Finanzi

Prodott Domestiku Gross – defiċit u dejn

Question

Jista’ l-Ministru jagħti l-figuri annwali tad-defiċit u tad-dejn bħala perċentwali tal-Prodott Domestiku Gross mill-2008 sal-2016?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qiegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 13 PQ #3046 Sitting 68 2018-01-15 Oral · Final From: CLAYTON BARTOLO To: Ministeru għall-Finanzi

Tkabbir tad-dħul mit-Taxxa tad-Dħul u l-VAT

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien it-tkabbir fid-dħul mit-Taxxa tad-Dħul u l-VAT mill-2008 s’issa?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qiegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Public Services Garages — Lista

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2997 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ Public Services Garages liċenzjati biex joperaw f’pajjiżna u għal kull garaxx jgħid kemm għandu vetturi reġistrati miegħu?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ Public Services Garages liċenzjati biex joperaw f’pajjiżna huwa ta’ 864 u n-numru totali ta’ vetturi reġistrati ma dawn l-imsemmija garages huwa ta’ 12,483.

Transport Malta — Tags tas-Sewwieqa

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2996 u jgħid kemm hawn individwi li għandhom it-tag tas-sewwieq maħruġ minn Transport Malta u jaqsam l-informazzjoni skont it-tip ta’ tag rispettivi?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija hawn taħt Buses and Minibuses – 4,973 Minibuses only – 4,078 Chauffeur driven vehicles – 5,659 Karozzini – 143 White taxi – 799