Legislature:
Category:
Reset
Active:

Korp tal-Pulizija – Każ ta’ dixxiplina

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ilu fil-Korp tal-Pulizija, l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament? Jista' jgħid xi promozzjonjiet ingħata l-imsemmi individwu matul is-snin li ilu fil-Korp tal-Pulizija? Jista' jgħid x'każijiet ta' dixxiplina kellu jew għad għandu pendenti fil-konfront tiegħu l-imsemmi individwu?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi l-individwu li d-dettalji dwaru ngħataw separatament daħal fil-Korp bħala Kuntistabbli tal-Pulizija fl-1996 u laħaq Surġent tal-Pulizija fl-2001. Huwa għandu każi ta’ dixxiplina pendenti u każ ieħor quddiem il-Public Service Commission.

Awtorità tal-Ippjanar – Żvilupp fi Strategic Open Gap

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-kriterji li fuqhom l-Awtorità tal-Ippjanar tiddeċiedi li tippermetti żvilupp fi Strategic Open Gap?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Strategic Open Gaps huma żoni identifikati f’erba pjanijiet lokali tal-2006 jiġifieri Central Malta Local Plan, North West Local Plan, South Malta Local Plan u l-Gozo and Comino Local Plan u l-kriterji jinsabu fil-policies CG25, NWCO11, SMCO10 u GZ-SETL-2 rispettivament. Kopja tal-policies qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Strategic Open Gap – żoni definiti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħataw permessi ta’ żvilupp f’żoni definiti bħala Strategic Open Gap mill-2013 sal-lum u jaqsamhom sena b’sena u lokalità b’lokalità?

Response (BORG, IAN)

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 2724, l-Awtorità tal-Ippjanar approvat 513 f’żoni definiti bħala Strategic Open Gapmill-2013 sal-lum. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li tagħti l-informazzjoni maqsuma skont kif staqsa l-Onor. Interpellant. Din l-informazzjoni nġabret mis-sistema tal-informatika tal-Awtorità fuq applikazzjonijiet deċiżi u approvati mill-1 ta' Jannar 2013 li s-sit tagħhom jaqa jew parzjalment jaqa f’żona definita bħala Strategic Open Gap.

Ċentru ta’ Impjiegi għall-Immigranti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta biħsiebu l-Gvern jiftaħ iċ-Ċentru tal-Impjiegi għall-Immigranti, kif kien ħabbar fl-2015 u jgħid f’liema lokalità se ssir?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ċ-Ċentru tal-Impjiegi għall-Immigranti ilu miftuħ minn Mejju 2017 u jinsab fil-lokalità tal-Marsa.

Skejjel u faċilitajiet — art

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema lokalitajiet infetħu skejjel fl-aħħar ħames snin u jgħid kif inhi definita l-art (jiġifieri jekk hux Żona ta’ Żvilupp, ODZ, Strategic Open Gap, eċċ.) li fuqha hija mibnija kull skola u l-faċilitajiet rispettivi?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif mitlub dwar skejjel li nfetħu bejn l-2013 u l-2017, kif ukoll tagħrif dwar l-artijiet li ntużaw, hu kif muri fil-lista li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Din il-lista tinkludi wkoll skejjel b'kunċett ġdid li nfetħu f'binjiet li diġa` kienu jeżistu qabel.

Skejjel u faċilitajiet — art

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema lokalitajiet huwa ppjanat li se jinfetħu skejjel fil-ħames snin li ġejjin u jgħid kif inhi definita l-art (jiġifieri jekk hux Żona ta’ Żvilupp, ODZ, Strategic Open Gap, eċċ) li fuqha se tinbena kull skola u l-faċilitajiet rispettivi?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont il-programm li tfassal mill-Ministeru u li bħalissa qegħdin nimxu fuqu flimkien mal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada (Foundation for Tomorrow’s Schools), l-iskejjel li huma ppjanati li jinfetħu fil-ħames snin li ġejjin u tagħrif dwar l-artijiet li ser jintużaw għal dawn il-faċilitajiet, hu kif muri fil-lista li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali – riklam — funzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-funzjonijiet li se jagħmel l-uffiċċju li l-Ministeru tiegħu qed ifittex, hekk kif indikat fir-riklam li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, r-riklam għal tfittxija ta’ spazju biex jintuża bħala uffiċċju, fil-lokalità imsemmija, kien sabiex jinstab post biex iservi bħala uffiċċju distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali.

Animal Enclosures — applikazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm/kien hemm applikazzjonijiet pendenti quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar (qabel il-MEPA) għal Animal Enclosures (abbażi tal-Rural Policy & Design Guidelines 2014), sena b'sena mill-2014 sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Liema huma dawn l-istess applikazzjonijiet? F'liema lokalità jinsabu? F'kull każ f'liema stadju jinsabu dawn l-applikazzjonijiet quddiem l-Awtorità? Liema minn dawn l-applikazzjonijiet ħarġilhom il-permess neċessarju?

Response (BORG, IAN)

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 2866, l-Awtorità tal-Ippjanar ivvalidat jew ippublikat 10 applikazzjonijiet għal żvilupp relatat ma’ Animal Enclosures mill-1 ta' Jannar 2014 sal-lum. Dawn l-applikazzjonijiet ġew ivvalidati jew ippublikati fis-sena 2017. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ dawn l-applikazzjonijiet bl-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant. Din l-informazzjoni nġabret mis-sistema tal-informatika tal-Awtorità fuq applikazzjonijiet ivvalidati jew ippublikati mill-1 ta' Jannar 2014 fejn fil-proposta tal-iżvilupp tagħhom hemm il-kelmiet segwenti. · Animal + Enclosure/s kif msemmija fir- Rural Policy & Design Guidelines, 2014.

Swimming Pools — applikazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm/kien hemm applikazzjonijiet pendenti quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar (qabel il-MEPA) għall-Swimming Pools li mhumiex f’żona ta’ żvilupp jew f’żona ta’ konservazzjoni urbana, sena b’sena mill-2013 sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Liema huma dawn l-istess applikazzjonijiet? F'liema lokalità jinsabu? F'kull każ f'liema stadju jinsabu dawn l-applikazzjonijiet quddiem l-Awtorità? Liema minn dawn l-applikazzjonijiet ħarġilhom il-permess neċessarju?

Response (BORG, IAN)

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 2867, l-Awtorità tal-Ippjanar ivvalidat jew ippublikat 326 applikazzjoni tal-Ippjanar (Planning Applications) u ħames applikazzjonijiet tad-DNO (Development Notification Order) għal żvilupp relatat ma’ bini jew alterazzjonijiet ta’ swimming pools mill-1 ta' Jannar 2013 sal-lum. Anness hawn tabelli li jagħtu n-numru ta’ applikazzjonijiet (PAs u DNOs) ivvalidati / ippublikati kull sena. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra listi ta’ dawn l-applikazzjonijiet bl-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant. PAs 2013 37 2014 38 2015 73 2016 91 2017 87 DNOs 2013 3 2016 2 Din l-informazzjoni nġabret mis-sistema tal-informatika tal-Awtorità fuq applikazzjonijiet ivvalidati jew ippublikati mill-1 ta' Jannar 2013 fejn fil-proposta tal-iżvilupp tagħhom hemm xi waħda mill-kliem segwenti. · pool · swimming · pixxina · għawm

Żoni urbani – street lighting

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi kemm ġew installati street lighting f'żoni urbani u kemm ġew jiswew, triq bi triq, lokalità b'lokalità u xahar b'xahar bejn Jannar 2017 u Ġunju 2017? Kemm intefqu flus f'kull lokalità? Kemm minn dawn l-istallazzjonijiet għad għandhom l-applikazzjoni għall-permessi neċessarji pendenti jew addirittura għadhom mingħajr il-permessi neċessarji?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ftit tas-snin ilu, il-proċedura li permezz tagħha jitwaħħlu bozoz ġodda f’Malta u Għawdex ġiet imtejba sabiex tiżdied l-effiċjenza u titnaqqas il-burokrazija żejda li kienet qed ixxekkel ħidmet il-kunsilli lokali u entitajiet oħra awtoriżżati. Fil-fatt, permezz ta’ din ir-riforma, tneħħa r-rekwiżit li jintalab permess minn Enemalta plc qabel ma’ kunsilli lokali jew entità oħra awtoriżżata tkun se twaħħal lampi ġodda f’xi post pubbliku. Minflok, dawn l-entitajiet ingħataw ir-responsabilità li jiddeċiedu huma fejn jitwaħħlu l-lampi, skont kriterji tekniċi stabbiliti. Wara li jinstallawhom permezz tal-kuntratturi tagħhom, il-kunsilli lokali jew entitajiet oħra awtorizzati jitolbu lil Enemalta plc sabiex tagħti provvista tal-elettriku lill-istess lampi billi jiġu kkonnettjati mas-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku nazzjonali. L-instalazzjoni tal-lampi, għalhekk, issir mill-kunsilli lokali jew entitajiet oħra awtorizzati, ħlief għal każi eċċezzjonali fejn dawn l-istess entitajiet ma jkunux jistgħu jwettqu dawn il-ħidmiet għal xi raġuni jew oħra. Fil-perjodu msemmi, l-Enemalta pproċessat 401 talba għal konnessjonijiet jew xogħlijiet oħra marbutin ma’ ċirkwiti li jinkludu lampa waħda ġdida jew aktar f’Malta u Għawdex. Ma tinżammx statistika dwar jekk it-talbiet ikunux jinvolvu postijiet urbani jew le. Kif ġie spjegat, m’hemm l-ebda applikazzjoni pendenti għal permessi ta’ lampi ġodda, hekk kif din il-proċedura antika m’għadhiex teżisti. Tagħrif dwar l-ispiża tas-sehem tal-Kumpanija Enemalta plc f’dan il-proċess għandu valur kummerċjali għall-istess Kumpanija. Minħabba f’hekk, l-iżvelar tat-tagħrif mitlub jista’ jippreġudika n-negozju tal-istess Kumpanija. Fl-istess waqt, tagħrif dwar l-ispiża tas-sehem tal-kunsilli lokali jew entitajiet oħra involuti għandha tintalab mill-istess entitajiet.

Żoni urbani – street lighting

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi kemm ġew installati street lighting f'żoni urbani u kemm ġew jiswew, triq bi triq, lokalità b'lokalità u xahar b'xahar bejn Jannar 2017 u Ġunju 2017? Kemm intefqu flus f'kull lokalità? Kemm minn dawn l-istallazzjonijiet għad għandhom l-applikazzjoni għall-permessi neċessarji pendenti jew addirittura għadhom mingħajr il-permessi neċessarji?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba, kif miġbura mingħand il-kunsilli lokali nfushom. Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-informazzjoni li pprovdew il-Kunsilli Lokali d-dwal kollha kellhom il-permess meħtieġ.

Żoni mhux urbani – street lighting

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi kemm ġew installati street lighting f'żoni mhux urbani u kemm ġew jiswew, triq bi triq, lokalità b'lokalità u xahar b'xahar bejn Jannar 2017 u Ġunju 2017? Kemm intefqu flus f'kull lokalità? Kemm minn dawn l-istallazzjonijiet għad għandhom l-applikazzjoni għall-permessi neċessarji pendenti jew addirittura għadhom mingħajr il-permessi neċessarji?

Response (MIZZI, JOE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 2868.

Żoni mhux urbani – street lighting

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi kemm ġew installati street lighting f'żoni mhux urbani u kemm ġew jiswew, triq bi triq, lokalità b'lokalità u xahar b'xahar bejn Jannar 2017 u Ġunju 2017? Kemm intefqu flus f'kull lokalità? Kemm minn dawn l-istallazzjonijiet għad għandhom l-applikazzjoni għall-permessi neċessarji pendenti jew addirittura għadhom mingħajr il-permessi neċessarji?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 2869.

Ex Direttur tas-Servizzi Korporattivi — transfer

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kienet ir-raġuni għaliex l-ex Direttur tas-Servizzi Korporattivi ngħatat transfer vendikattiv lejn Ministeru ieħor wara ‘l fuq minn tletin sena servizz fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin?

Response (ABELA, CARMELO)

Nixtieq ngħarraf lill-Onor. Interpellant li t-trasferiment inkwistjoni sar skont l-esiġenzi tas-servizz. Il-konklużjonijiet u preġudizzji bla bażi li qed jasal għalihom l-Onor. Interpellant ma jagħmlu ġieħ lill ħadd.

Diplo Foundation f’Ġinevra – ingaġġ ta’ membri familjari

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux każ ta’ konflitt ta’ interess serju, meta wieħed mill-Konsulenti/Ambaxxaturi għamlu pressjoni sabiex id-Diplo Foundation f’Ġinevra, l-Iżvizzera fejn l-istess Konsulent qiegħed fuq il-Bord Eżekuttiv, dan l-istess Bord ingaġġa lil żewġ membri tal-familja immedjata tal-imsemmi Konsulent/Ambaxxatur? Jista’ jgħid jekk jafx b’dan l-inġaġġ u jekk ittieħdux passi fil-konfront ta’ dan il-Konsulent/Ambaxxatur fid-dawl ta’ dan il-konflitt ta’ interess serju? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tas-CVs ta’ dawn iż-żewġ funzjonarji li għalihom qiegħed nirreferi?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Diplo Foundation hija fondazzjoni awtonoma u li l-Ministeru m’għandu l-ebda kontroll amministrattiv fuqha. Fil-fatt sa mit-twaqqif tagħha l-Fondazzjoni hija korp awtonomu u b’personalità ġuridika distinta.

Brexit – investiment tanġibbli attirati lejn Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’investiment tanġibbli f’termini ta’ ammonti ta’ Ewro, irnexxielhom jattiraw, stabbilew ruħhom u dawk li huma fil-proċess li jistabbilixxu ruħhom f’Malta b’riżultat tal-proċess tal-Brexit?

Response (ABELA, CARMELO)

Nitlob lill-Onor. Interpellent li l-Ministeru tiegħi ma jżommx din l-informazzjoni.

Kumitat Interministerjali dwar il-Kummerċ u Diplomazija Ekonomika — membri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-membri tal-Kumitat Interministerjali dwar il-Kummerċ u d-Diplomazija Ekonomika? Kemm-il darba ltaqa’ minn Marzu 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? X’kienu s-suċċessi ta’ dan il-Kumitat? X’sar minn dan il-Kumitat sabiex jattira kummerċ u investiment lejn Malta mid-Dijaspora Maltija?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kumitat Interministerjali dwar il-Kummerċ u Diplomazija Ekonomika magħruf aħjar bħala Joint Stakeholders Working Council, huwa ppresjedut mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ u kompost minn rappreżentanti mill-Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar; il-Ministeru għall-Finanzi; Trade Malta; Malta Enterprise; Finance Malta; l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu; il-Kamra tal-Kummerċ ta’ Malta; il-Kamra tan-Negozju għal Għawdex; u l-General Retailers and Traders Union. Minn Marzu 2013 `l hawn dan il-kumitat iltaqa’ tmienja u tletin darba. Il-Kumitat kiseb suċċess kbir fejn jidħol it-titjib fil-komunikazzjoni bejn in-network diplomatiku ta’ Malta u entitajiet pubbliċi u privati Maltin involuti fis-settur kummerċjali. Il-Kumitat jipprovdi pjattforma għal diskussjoni dinamika u saħħaħ is-sinerġija bejn dawn l-entitajiet fejn tidħol il-promozzjoni tal-kummerċ. Il-Kumitat jieħu ħsieb iwassal informazzjoni dwar avvenimenti kummerċjali li jkunu ser jittellgħu lil hinn minn xtutna, fil-waqt li jservi ta’ forum sabiex flimkien naqsmu tagħrif dwar visti uffiċjali li jkunu ser iseħħu f’Malta u lil hinn minn pajjiżna, bħal ngħidu aħna Visti Statali u Uffiċjali fejn il-qasam tal-kummerċ ikollu ċ-ċans jipparteċipa flimkien ma’ entitajiet u kumpaniji minn pajjiżi oħra li daqstant ieħor ikunu qed ifittxu opportunitajiet ta’ kummerċ. Ir-rappreżentanti tad-Dijaspora Maltija mhumiex rappreżentati fuq dan il-Kumitat.

Maltin f’ħabsijiet barra minn Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fil-preżent kemm hemm ċittadini Maltin maqbudin f’ħabsijiet barra minn Malta? Jista’ jgħid kemm hemm ċittadini Maltin li talbu l-għajnuna tal-Gvern Malti sabiex jinġabu lura Malta, peress li minħabba raġuni jew oħra fejn jinsabu ma jistgħux jiġu? Jista’ jgħid ukoll fiex wasal il-proċess sabiex jinġabu lura pajjiżhom?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa hemm erbatax-il persuna (14) ta’ nazzjonalità Maltija li qegħdin f’ħabsijiet barra minn Malta. Dawn qegħdin fil-pajjiżi kif imsemmi hawn taħt: Albanija (1) Awstralja (7) Brazil (1) Franza (1) Italy (1) Libja (1) Renju Unit (1) Tuneżija (1) Filwaqt li ħamsa (5) li jinsabu fl-Albanija, fil-Brazil, fi Franza, fir- Renju Unit u fit-Tuneżija rispettivament qegħdin iservu sentenza ta’ ħabs, it-tnejn (2) li hemm fil-Libja u l-Italja qed jistennew li l-każ tagħhom jiġi pproċessat rispettivament. Mill-banda l-oħra mis-seba’ każijiet fl-Awstralja, sitta (6) minnhom jinsabu miżmuma f’detenzjoni u qed jistennew li każ tagħhom jiġi pproċessat, filwaqt li f’każ ieħor il-persuna (1) wara li skontat is-sentenza ta’ priġunerija mogħtija lilha intbagħet f’ċentru apposta. Nixtieq niġbed l-attenzjoni tal-Onor. Interpellant li dan l-ammont jikkorispondi biss ma’ dawk il-persuni li talbu għall-assistenza tal-Missjonijiet tagħna barra minn Malta.

Brexit – drittijiet tal-Maltin

Question

Peress li bħal Ċipru Malta hija membru tal-Unjoni Ewropea kif ukoll, membru tal-Commonwealth u kull ċittadin Malti huwa mhux biss ċittadin Ewropew iżda wkoll ċittadin tal-Commonwealth, kif jindika f’dan id-dokument li qed jingħata separatament, jista’ l-Ministru jgħid x’qiegħed jagħmel il-Gvern Malti sabiex wara l-Brexit, il-Maltin ma jitilfux dawn id-drittijiet? Saru diskussjonijiet mar-Renju Unit u/jew ma Ċipru dwar dan l-arranġament li Malta u ċ-ċittadini tagħha ilhom igawdu minn meta Malta ssieħbet fil-Commonwealth?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interepellant li hekk kif tħabbar ir-riżultat tal-referendum f’Ġunju 2016, li r-Renju Unit mhux se jibqa Stat Membru fl-Unjoni Ewropea, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ nieda inizjattivi sabiex jagħraf x’inhuma l-effetti, kemm pożittivi kif ukoll negattivi, ta’ Brexit fuq pajjiżna. Kumitat fi ħdan il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin ġie stabbilit sabiex iħares aktar mill-qrib lejn l-iżviluppi tal-Brexit. Il-Ministeru jħares lejn is-sitwazzjoni ta’ Brexit mil-lat bilaterali u għalhekk sar eżerċizzju biex jiġu elenkati il-ftehim bilateral kollha li ġew iffirmati bejn Malta u r-Renju Unit qabel is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Dan l-eżerċizzju sar sabiex flimkien mal-Ministeri koncernati, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kumjmerċ jistħarreġ jekk hemmx bżonn li dawn il-ftehim jkunu reveduti fid-dawl tal-eventwali konkluzzjoni u r-riżultat tan-negozjati bejn ir-Renju Unit u l-UE. Il-Ministeru bħalissa qiegħed ukoll isegwi t-taħditiet li qegħdin isiru fuq livell Ewropej. Għal dan il-għan, il-Ministeru qed jiffoka ħafna mill-attenzjoni tiegħu fuq is-suġġett taċ-ċittadini Maltin fir-Renju Unit, li għandhom dritt għat-tagħrif dwar id-drittijiet tagħhom wara l-Brexit u kif jistgħu jiksbu s-“Settled Status”. Dan sabiex jkunu jistgħu jibqgħu residenti fir-Renju Unit wara l-Brexit. Għalhekk il-Ministeru qiegħed f’kuntatt kontinwu mal- Maltin li jgħixu fir-Renju Unit u, filwaqt li qed neżamina l-kwistjonijiet li jikkonċernawhom, qiegħed jistudja l-aħjar mod sabiex jitnaqqas l-impatt negattiv li jista’ jkun hemm fuq il-Maltin li jgħixu fl-Ingilterra b’riżultat ta’ Brexit.
Leg 13 PQ #2975 Sitting 68 2018-01-15 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

L-Għarb – Triq Tumas Cassar — xogħlijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid x’inhi r-raġuni għaliex għadu ma bediex ix-xogħol fuq Triq Tumas Cassar fl-Għarb? Meta ġie awarded it-tender għax-xogħol fuq din it-triq? Kemm hu l-valur tat-tender u liema xogħol hu maħsub li se jsir? Meta hu ppjanat li jibda x-xogħol fuq din it-triq u meta hu ppjanat li jitlesta?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Il-Ministeru għal Għawdex alloka l-fondi meħtieġa lill-kunsilli lokali tal-Għarb. Skont il-ftehim li sar mal-istess Kunsill, hija r-responsabbilta’ tal-kunsill li jwettaq dawn ix-xogħolijiet kollha fl-2018.