Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 13 PQ #3318 Sitting 69 2018-01-16 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għat-Turiżmu

Awtorità ta’ Malta tat-Turiżmu – Għawdex — konferenzi

Question

Peress li settur turistiku li Għawdex jista' jgawdi minnu, huwa s-suq tal-konferenzi, jista' l-Ministru jgħid x'inizjattivi qed tieħu l-unit tal-konferenzi fi ħdan l-Awtorità ta' Malta tat-Turiżmu biex konferenzi b'mod partikolari dawk ta' daqs żgħir u medju, ikunu jistgħu jsiru f'Għawdex?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għat-Turiżmu jemmen li Għawdex għandu l-potenzjal jospita numru ta’ konferenzi ta’ daqs medju grazzi għall-infrastruttura preżenti fil-qasam tal-MICE. Min-naħa tal-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu u l-Conventions Malta, Għawdex qiegħdha tiġi promossa bħala destinazzjoni minnha nfisha li għandha n-neċessitajiet kollha għal avvenimenti MICE. Filfatt waqt fieri MICE, Għawdex tkun promossa bħala post ideali għal programmi soċjali u inċentivi marbuta ma’ negozju, minbarra li sservi wkoll bħala destinazzjoni alternattiva. Il-Conventions Malta tikludi lill-Għawdex fiż-żjarat li torganiżża lill-mezzi tax-xandir. Fl-istess ħin il-Ministeru għat-Turiżmu flimkien mal-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu qiegħdin jiddiskutu mal-Ministeru għal-Għawdex sabiex jiżviluppaw opportunitajiet ġodda għall-gżira Għawdxija u jipparteċipaw f’fieri MICE barra l-pajjiż.
Leg 13 PQ #3319 Sitting 69 2018-01-16 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għat-Turiżmu

MTA – linji gwida ta’ Agro-Turiżmu

Question

Peress li l-eżempju tal-prodott Għawdxi tal-Farmhouse, jista' jservi bħala mudell sabiex wieħed joħloq prodott li jkollu l-kapaċità li joffru attrazzjoni ġdida filwaqt li jesponi dak kollu li huwa Għawdxi, jista' l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità Maltija dwar it-Turiżmu għandhiex il-ħsieb li tfassal policy fuq livell reġjonali u nazzjonali u jsiru linji gwida fir-rigward tal-Agro Turiżmu?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fir-riforma tal-liġi li qed issir bħalissa qed jiġu mgħarrfin għall-ewwel darba kategoriji ġodda li jiddistingwu mid-djar tradizzjonali, djar antiki awtentiċi u anke rziezet li għadhom jiffunzjonaw. Hemm ukoll labels ġodda li jagħrfu x-xogħol propju tal-agro-turiżmu.

Malta Enterprise — proġetti

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema kienu l-proġetti li l-Malta Enterprise rnexxielha ġġib lejn Għawdex matul is-snin 2016 u 2017?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor Interpellant li matul l-imsemmi perjodu, il-Malta Enterprise approvat 21 proġett bbażati ġewwa Għawdex. It-tabella hawn taħt turi is-setturi li joperaw fihom: Settur Numru ta’ Progetti Manufacture & repair of furniture (incl. Metal doors) 7 Artisan Crafts 4 ICT 1 Food & Beverages 4 Recycling 1 Other 4

Dipartiment tad-Dentistrija — baġit

Question

B’referenza għad-Dipartiment tad-Dentistrija, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kienet in-nefqa/baġit tad-Dipartiment fl-2016 u fl-2017? Kemm hi għas-sena 2018?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tabella t’hawn taħt: Sena Nefqa/ Budget 2016 -Attwali €2,524,023 2017 -Allokat €2,736,531 2018 -Allokat €3,000,000

Dipartiment tad-Dentistrija – spiża għal ċerti servizzi

Question

B’referenza għad-Dipartiment tad-Dentistrija, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm jiġu jiswew lid-Dipartiment is-servizz ta’ filling, dentatura u check up?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li peress li d-dipartiment għandu Kuntratti ma’ dentisti privati għal dawn is-servizzi, l-informazzjoni mitluba minnu hija ta’ natura kummerċjali.

Residenza San Vinċenz de Paul — dentisti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm dentisti jaħdmu fir-Residenza San Vinċenz de Paul? Kemm kien hemm jaħdmu fl-2015, fl-2016 u fl-2017?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, fil-preżent ma hemmx dentisti jaħdmu mal-Faċilita għal Kura fit-Tul San Vinċenz de Paul, minkejja li għal diversi drabi nħarġet sejħa għal dentisti fid-diversi gradi, flimkien mal-Ministeru tas-Saħħa. Fil-preżent, is-servizz ta’ dentistrija qiegħed jingħata mill-Universita’ ta’ Malta li fetħet Geriatric Dental Teaching Unit bi sħab ma’ San Vinċenz de Paul. Fl-2015, ġewwa l-Faċilita’ għal Kura fit-Tul San Vinċenz de Paule, kien hemm jaħdmu 2 dentisti, filwaqt li fl-2016 San Vinċenz kellu dentist wieħed li baqa’ jaħdem sa ma spiċċa meta laħaq l-eta’ tal-pensjoni fl-istess sena. Is-servizz beda jingħata kif spjegat, f’kollaborazzjoni mad-Dipartiment tad-Dentistrija tal-Universita’ ta’ Malta, mill-2016 ‘l quddiem.

Titjib fis-servizz tal-home care

Question

Jista’ l-Ministru jispjega lil din il-Kamra x’qed isir mill-Ministeru tiegħu biex ikompli jitjieb is-servizz tal-home care lil dawk l-anzjani li jibqgħu jgħixu weħidhom u jkollhom bżonn xi għajnuna fid-dar?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lil-Onor. Interpellant li, sabiex is-servizz tal-Home Help ikompli jitjieb, id-Dipartiment Għall-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità qiegħed jara li: · Kull klijent ikollu viżita minn supervisor tal-anqas sitt darbiet fis-sena, fejn issir osservazzjoni ħolistika u jekk jiġu nnutati ċertu nuqqasijiet u bżonnijiet, niżguraw li dawn jiġu indirizzati; · Inkabbru n-numru ta’ supervisors sabiex nilħqu aktar klijenti, kif filfatt ser inżidu n-numru minn 17 għal 20 –il supervisor ; · Nagħtu taħriġ regolari lis- supervisors ; · Nirristrutturaw is-servizz li qiegħed jingħata u namalgamawh ma’ professjonisti u professjonijiet oħra; · U isiru diversi laqgħat mal-kuntrattur biex ikun żgurat li s-servizz ikun qiegħed jingħata kif mitlub.

Baġit 2018 — Miżuri dwar persuni b’diżabilità

Question

Minħabba li jista’ jagħti l-każ li xi miżuri mħabbra fl-aħħar baġit dwar persuni b’diżabilità għadhom mhumiex magħrufa biżżejjed, jista’ l-Ministru jelenka l-miżuri soċjali mħabbra fl-aħħar baġit li huma ta’ sostenn għal persuni b’diżabilità?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.

child care centres — attendenza

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif lil din il-Kamra dwar in-numru ta’ tfal li qed jattendu child care centres f’Malta u Għawdex u kif dan żdied minn meta l-Gvern introduċa dan is-servizz mingħajr ħlas?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li bħalissa hemm 3,827 tfal jattendu child care centres f’Malta u Għawdex taħt l-iskema ta’ Child Care b’xejn. In-numru approssimattiv ta’ tfal li kienu jattendu child care qabel ma ġiet introdotta din l-iskema kien ta’ madwar 1,800. Minn meta ġiet introdotta din l-iskema f’April 2014 in-numru ta’ tfal li bbenefikaw huwa ta’ 12,699 (mill-1 ta’ April 2014 sal-10 ta’ Jannar 2018).

Breakfast Club — attendenza

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif lil din il-Kamra dwar in-numru ta’ tfal li qed jattendu l-Breakfast Club fl-iskejjel pubbliċi u jekk dan żdiedx fis-sena skolastika li bdiet f’Ottubru li għadda? Jista’ jikkonferma li t-tfal li jattendu dan il-club fil-fatt qed jingħataw kolazzjon bnin u tajjeb għal saħħithom?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ tfal li qed jattendu l-Breakfast Club fl-iskejjel pubbliċi sal-4 ta Jannar 2018 huwa ta’ 3,852. Fl-aħħar ta’ Ottubru 2017 kien hemm 3,625 student, jiġifieri hemm żieda ta’ 227 student. Il-Kolazzjon li jingħata waqt il-Breakfast Club irid ikun konformi mad-Dokument HELP (Healthy Eating Living Plan) biex niżguraw illi l-kolazzjon ikun nutrittiv u tajjeb għas-saħħa. Informazzjoni dwar l-ikel pprovdut tidher fit-tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Eżamijiet tas-SEC — Studenti li g·addew mir-resits

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta’ studenti li għaddew mir-resits tas-SEC ta’ Settembru 2017 wara li kienu attendew għal-lezzjonijiet speċjali organizzati għalihom matul is-sajf?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-informazzjoni addizzjonali li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 2242 u li tqiegħdet fuq il-Mejda tal-Kamra fis-seduta 58 tat-28 ta‘ Novembru, 2017.

Università – Studenti li rrepetew sena

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta’ studenti universitarji li fis-sena akkademika li qegħdin fiha qed jirċievu l-istipendju minkejja li qed jirrepetu sena minħabba li ma laħqux il-livell meħtieġ fis-sena ta’ qabel? Jista’ jgħid jekk din il-miżura tapplikax ukoll għal studenti tal-Junior College li jkollhom jirrepetu sena fil-kors akkademiku tagħhom?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ studenti universitarji li f’din is-sena akkademika qegħdin, fid-data tal-lum (11.01.2018), jirċievu l-istipendju minkejja li qed jirrepetu sena fil-kors tagħhom huwa 110. Din il-miżura tapplika wkoll għal studenti f’livell post sekondarju inkluż il-Junior College u kif ukoll studenti fl-MCAST.

Awtorità tal-Ippjanar – skema ta’ tnaqqis ta’ taxxa jew boll relatat ma’ akkwist jew trasferimenti ta’ proprjetà — ċertifikati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ħarġu ċertifikati mill-Awtorità tal-Ippjanar relatati mal-iskema maħruġa mid-Dipartiment tat-Taxxi Interni f’dak li għandu x’jaqsam tnaqqis ta’ taxxa jew boll relatat ma’ akkwisti jew trasferimenti ta’ proprjetà?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn mindu l-iskema ġiet effettiva wara l-approvazzjoni tad-diskors tal-Baġit għall-2018, mill-31 t’Ottubru 2017 sat-12 ta’ Jannar 2018, l-Awtorità tal-Ippjanar ħarġet 118 ċertifikat għal bini li jinsab fiż-żona ta’ Konservazzjoni Urbana u/jew Skedat fi Grad 1 jew 2 relatat mal-iskema maħruġa mid-Dipartiment tat-Taxxi Interni f’dak li għandu x’jaqsam mat-tnaqqis ta’ taxxa jew boll relatat ma’ akkwisti jew trasferimenti ta’ proprjetà.

Awtorità tal-Ippjanar – trasport tal-impjegati — inizjattivi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inizjattivi ħadet l-Awtorità tal-Ippjanar f’dak li għandu x’jaqsam mat-trasport tal-impjegati tagħha stess? X’qed tagħmel l-Awtorità biex dawn l-inizjattivi jiġu adottati minn dipartimenti jew entitajiet oħrajn?

Response (BORG, IAN)

Fl-2015, il-MEPA (predeċessur tal-PA) nediet kwestjonarju intern biex tanalizza x'possibiltajiet kien hemm dwar miżuri sostenibbli ta' Trasport għall-Impjegati tagħha. B'rizultat ta' dan, ġew imfassla diversi inizjattivi sabiex inaqqsu id-dipendenza ta' l-impjegati fuq il-karozza. B'hekk jintlaħqu diversi għanijiet li jikkontribwixxu għal titjib fil-kwalita tal-ħajja u l-ambjent. L-għanijiet jinkludu: a) Tnaqqis ta' karozzi mit-toroq b) Tnaqqis għall-ħtiega tal-parkeġġ c) Kontribuzzjoni għal tnaqqis fl-istorbju d) Kontribuzzjoni għal titjib fil-kwalita ta' l-arja e) Użu aktar effiċjenti tal-ħin u tal-fjuwil (li fuq skala kbira jiġu ffrankati minħabba il-kontribuzzjoni biex tonqos il-konġestjoni) f) Anqas wear and tear tal-karozzi privati li jużaw l-impjegati g) Traġitti ħielsa mill-istress ikkawzat mis-sewqan. B'riżultat ta' dan, L-Awtorità ta' l-Ippjanar adottat numru ta' inizjattivi li jinkludu: 1) Rifużjoni tal-ispejjeż għal min juża il-karozzi tal-linja permezz ta' "Tal-Linja Card". Dan japplika wkoll għal tragitti taħt l-iskeda regolari tal-Malta Public Transport wara l-ħin tax-xogħol. B'hekk l-użu ta' dan il-mezz ta' trasport jiġi b'xejn. 2) Servizz ta' minivan b'xejn fuq żewġ rotot bejn id-dar u-xogħol. Dawn is-servizzi jintużaw f'ħinijiet fejn ikun hemm anqas konġestjoni fit-toroq. 3) Allowance ta' €312 fis-sena għal min jivjaġġa bejn id-dar u l-Awtorità bil-mixi. Din is-somma tista’ tintuża wkoll biex f'każijiet fejn l-individwu ma jkunx jista jimxi, ikun jista juża l- allowance biex juża il-karozza tal-linja jew wieħed mill-inizjattivi oħra tal- green transport ta' l-Awtorità. 4) Allowance ta' €312 fis-sena għal min jivjagga bejn id-dar u l-Awtorità bir-rota. Din is-somma tista’ tintuża wkoll biex f'kazijiet fejn l-individwu ma jkunx jista' juża r-rota, ikun jista' juża l- allowance biex juża l-karozza tal-linja jew wieħed mill-inizjattivi oħra tal- green transport tal-Awtorità. L-Awtorità tipprovdi wkoll kenn għar-roti mill-elementi kif ukoll showering facilities . 5) Allowance ta' €312 fis-sena għal min jivjagga bejn id-dar u l-Awtorità bil-mutur. Din is-somma tista’ tintuża wkoll biex f'każijiet fejn l-individwu ma jkunx jista’ juża l-mutur, ikun jista’ juża l- allowance biex juża l-karozza tal-linja jew wieħed mill-inizjattivi oħra tal- green transport tal-Awtorità 6) Rifużjoni tal-ispejjez jekk wieħed juża s-servizz bil-baħar fil-Port il-Kbir jew il-port ta' Marsamxett. Barra minn hekk l-Awtorità tipprovdi Trasport b'xejn lejn u lura lejn il-post minn fejn jiġi pprovdut is-servizz tal-laneċ 7) Parkeġġ riservat ġewwa l-Awtorità fejn mill-anqas żewġ individwi jużaw karozza waħda biex jivjaġġaw bejn ix-xogħol u d-dar. 8) Vettura lesta biex titrasporta l-istaff f'kaħ ta' emerġenza. Xi wħud indikaw li jużaw il-karozza privata biss minħabba biża li jista' jinqala xi ħaġa d-dar, l-iskola, l-Isptar u postijiet oħra, u jkun hemm bżonn li jitilqu malajr mill-post tax-xogħol. Biex tħajjar dawn l-individwi jużaw mezzi aktar sostenibbli, dawn l-individwi jiġu pprovduti b'vettura u xufier ħalli f'każ ta' emerġenza jkunu jistgħu jitilqu malajr mill-post tax-xogħol. 9) L-Awtorità qed tuża tlett karozzi hybrid li jikkontribwixxu għal sewqan li minn l-att ambjentali huwa aktar sonstenibbli u jiġu wżat il-fjuwil b'mod aktar effiċjenti. Barra minn dawn l-inizzjattivi, l-Awtorità wessgħet il-ħinijiet tal-flexitime u fejn hu possibli jintuża t-Teleworking. Iż-żieda fil-flexi-time, apparti li hija miżura family friendly, tgħin ukoll biex xi impjegati jużaw perjodi li fihom ikun hemm anqas konġestjoni. It-Teleworking huwa wkoll miżura familyfriendly li wkoll iwassal biex jew jiġu evitati l-ħinijiet meta jkun hemm aktar konġestjoni jew saħansitra biex ċertu xogħol ikun jista' jsir mid-dar u għalhekk ma jkunx hemm il-ħtiega ta' vjaġġar fit-toroq. Qabel ma ġew varati dawn l-inizjattivi (li bdew jitħaddmu lejn in-nofs tal-2016) saru diskussjonijiet interni li kienu jinvolvu wkoll l- Unions li jirrapreżentaw l-impjegati li jaħdmu fi ħdan l-Awtorità. S'issa, hemm madwar mitt impjegat minn madwar erba' mija li jużaw l-imsemmija inizjattivi. Hemm ukoll persuna li bħala parti mix-xogħol tagħha jinkudi l-immaniġar ta' dawn l-inizjattivi. L-Awtorità bħalissa qed tesplora wkoll inizjattivi oħra li jistgħu jiddaħħlu aktar 'il quddiem. Dawn jinkludu - użu ta' roti u muturi elettriċi pprovduti mill-Awtorità, konverżjoni tal-flotta tal-Awtorità għal magni PHEV ( Plug in hybrid electric vehicle ) u BEV ( Battery electric vehicle ) u miżuri oħra ta' trasport aktar sostenibbli jew miżuri biex jitnaqqsu l-karozzi mit-toroq u/jew titnaqqas il-ħtiega għal parkeġġ. Hemm ukoll avvenimenti partikolari jew sitwazzjonijiet fejn l-Awtorità tipprova tuża miżuri biex inaqqsu l-użu tal-karozza. Dawn jinkludu servizz ta' trasport bil- minivan lill-grupp ta' impjegati li qed isegwu kors fl-Università ta' Malta, l-użu ta' minivan jekk ikun hemm il-ħtieġa ta' trasport ta' numru kbir ta' staff lejn destinazzjoni komuni fl-istess ħin u eżempji oħra bħal dawn. L-Awtorità hija konxja li l-effett ta' dawn il-miżuri jkun limitat ħafna jekk jintuża biss mill-impjegati tal-Awtorità. Għalhekk kien hemm impenn mill-bidu sabiex l-esperjenzi li jinkisbu minn dawn l-inizjattivi jiġu esternalizzati b'mod aktar wiesa'. Dan sar b'diversi modi li jinkludu: a) Laqgħat individwali li saru ma aħenziji tal-gvern jew oqsma mis-settur privat b) Artikli fil-gazzetti ċ) Intervisti fuq diversi mezzi tax-xandir (radju u televiżjoni) d) Artikli fuq il-websajt taL-Awtorità e) Preżentazzjonijiet lill-għaqdiet kostitwiti f) Link apposta fuq il-websajt tal-Awtorità bħala punt ta' riferenza għal dawn l-inizjattivi ( http://www.pa.org.mt/en/the-green-way ). Din il- link tinkudi wkoll video li jgħin biex wieħed jifhem aħjar dawn il-miżuri. ġ) Seminar għas-settur pubbliku u dak privat li sar nhar 20 ta' Settembru 2017. Għal dan is-seminar kien attenda wkoll is-segretarju Parlamentari l-Onor. Chris Agius li hu responsabbli għall-Ippjanar u s-Suq tal-Propjeta. L-Awtorità hija impenjata li tkompli taħdem sabiex ittejjeb fuq dawn l-inizjattivi u taħdem ma kull minn hu interessat sabiex titjieb is-sitwazzjoni tat-trasport permezz ta' aktar użu ta' mezzi sostenibbli ta' trasport kif ukoll miżuri li jgħinu sabiex jew jonqos in-numru ta' vetturi mit-toroq tagħna, u/jew dawn il-vetturi jintużaw f'ħinijiet li jevitaw il-ħinijiet tal-akbar konġestjoni.

Permessi tal-bini – ħolqien ta’ impjiegi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ħarġu permessi tal-bini li jiffaċilitaw il-ħolqien ta’ impjiegi u kemm hu stmat li hu n-numru potenzjali ta’ dawn l-impjiegi? Jista’ jispeċifika f’liema qasam jew settur inħoloq dan il-potenzjal?

Response (BORG, IAN)

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 3369, l-Awtorità tal-Ippjanar ma żżommx l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant u għaldaqstant ma tistax tagħti l-informazzjoni kif mixtieqa. Fis-sena 2017, l-Awtoritá ddeċidiet u approvat disa’ t’elef mitejn u ħmistax-il applikazzjoni ( 9215) planning applications)) għal żviluppi differenti.

American University of Malta – impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna li għandha minimu ta’ tmien snin edukazzjoni f’Malta, tinsab impjegata fl-American University of Malta u dan hekk kif stipulat fil-kuntratt ta’ konċessjoni enfitewtika mogħtija lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament u ċjoè fl-artikolu 13.1.i?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-klawżola msemmija ma tapplikax għal dan l-istadju bikri tal-proġett u tirreferi għall-aspettazzjoni tal-enfetewta meta l-proġett ikun "at its full capacity".

American University of Malta – bord ta’ trustees

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min ġie maħtur sabiex iservi fuq il-bord ta’ trustees responsabbli mill-akkademja, mill-management u mill-operat tal-American University of Malta hekk kif stipulat fil-kuntratt ta’ konċessjoni enfitewtika mogħtija lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament u ċjoè fl-artikolu 16.1?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant tindirizza l-mistoqsija tagħha lill-Ministru kkonċernat.

American University of Malta Foundation – persuni maħtura

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwa ħatarx lil xi persuni fi kwalunkwe rwol fil-American University of Malta Foundation?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma ħtart l-ebda persuna fl-American University of Malta Foundation.

Internal constitution and internal regulations of the American University of Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwa rċeviex kopja tal-internal constitution and internal regulations of the American University of Malta hekk kif stipulat fil-kuntratt ta’ konċessjoni enfitewtika mogħtija lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament u ċjoè fil-proviso għall-artikolu 16.1, u jekk irċieva tali dokumenti, jista’ jippreżenta kopja tagħhom?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-kontenut tad-dokument imsemmi f’din il-mistoqsija parlamentari huwa inkluż fl-IQA (Dokument ta’ Assigurazzjoni ta’ Kwalità Interna) li l-AUM kienet bagħtet lill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla bħala parti mill-Akkreditazzjoni tal-Proveditur u li kien approvat mill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla.