Qrati — Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili – Ittri uffiċjali ai termini tas-Sub-Artikolu(f) tal-Artikolu 253
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew preżentati ittri uffiċjali ai termini tas-sub-artikolu (f) tal-Artikolu 253 (biex jiġu reżi eżegwibbli ftehim ta’ medjazzjoni) tal-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili fil-Qrati tagħna tul is-sena 2017 u jista’ jindika kemm minnhom ġew preżentati quddiem il-Qorti tal-Maġistrati u kemm quddiem il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili f’Malta u f’Għawdex?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li fl-Qrati ta’ Malta u Għawdex tali ittri uffiċjali ma humiex hekk ikklassifikati fil-LECAM; jiġu reġistrati bħala ittri uffiċjali regolari. Għalhekk l-informazzjoni rikjesta mhix disponsibbli.
Rikorsi preżentati taħt l-Artikolu 495A tal-Kodiċi Ċivili
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew preżentati rikorsi quddiem il-Qrati tagħna taħt l-artikolu 495A tal-Kodici Ċivili tul dawn l-aħħar tliet snin 2015, 2016 u 2017? Jista’ jindika dan separatament?
Response (BONNICI, OWEN)
Infurmat li n-numru ta’ rikorsi ppreżentati quddiem il-qrati ta’ Malta u Għawdex taħt l-artikolu 495A tal-Kodiċi Ċivili fl-2015, 2016 u 2017 kien hekk:
Sena
Malta
Għawdex
Numru ta’ rikorsi art. 495A preżentat
i
Numru ta’ rikorsi art. 495A preżentat
i
2015
14
3
2016
24
4
2017
39
9
Talbiet għall-bidu ta’ proċeduri ta’ separazzjoni permezz ta’ medjazzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru talbiet ghall-bidu ta’ proċeduri ta’ separazzjoni permezz tal-medjazzjoni fil-Qrati tagħna tul is-sena li għaddiet u jista’ jindika dan quddiem il-Qrati ta’ Malta u Għawdex?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li matul 2017 kien hemm 890 Ittra ppreżentati fil-Qorti Ċivili ta’ Malta (Sezzjoni tal-Familja) sabiex tinbeda l-proċedura ta’ separazzjoni personali. Oltre dawn ġew ippreżentati 297 Nota fl-istess qorti imsemmija sabiex is-separazzjoni personali ssir bonarjament.
Fil-Qorti ta’ Għawdex kien hemm 40 ittra ppreżentati sabiex tinbeda l-proċedura ta’ separazzjoni personali. Oltre dawn ġew ippreżentati 16 Nota sabiex is-separazzjoni personali ssir bonarjament.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm inxtraw kotba ġodda u kemm ġew mogħtija b’donazzjonijiet lil-librerija pubblika ġewwa Ħal Tarxien tul is-sena 2017? Jista’ jindika kemm kotba ġew mislufa mill-istess librerija?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li għal-librerija pubblika f'Ħal Tarxien tul is-sena 2017 inxtraw 92 ktieb ġdid filwaqt li 1,041 ktieb ġew mogħtija b’donazzjonijiet. Infurmat ukoll li mill-istess librerija matul l-2017 ġew mislufa 2,758 ktieb.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm inxtraw kotba ġodda u kemm ġew mogħtija b’donazzjonijiet lil-librerija pubblika ġewwa l-Gudja tul is-sena 2017? Jista’ jindika kemm kotba ġew mislufa mill-istess librerija?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li għal-librerija pubblika fil-Gudja tul is-sena 2017 inxtraw 86 ktieb ġdid filwaqt li 236 ktieb ingħataw mill-Kunsill Lokali u 84 ġew mogħtija b’donazzjonijiet. Infurmat ukoll li mill-istess librerija matul l-2017 ġew mislufa 11,535 ktieb.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm inxtraw kotba ġodda u kemm ġew mogħtija b’donazzjonijiet lil-librerija pubblika ġewwa l-Fgura tul is-sena 2017? Jista’ jindika kemm kotba ġew mislufa mill-istess librerija?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li għal-librerija pubblika fil-Fgura tul is-sena 2017 inxtraw 106 kotba ġodda filwaqt li żewġ (2) kotba ngħataw mill-Kunsill Lokali u 676 ktieb ġew mogħtija b’donazzjonijiet. Infurmat ukoll li mill-istess librerija matul l-2017 ġew mislufa 13,181 ktieb.
Pulizija – Azzjoni kontra Persuni akkużati bi vjolenza domestika
Question
Jista’ l-Ministru jikkonferma li l-pulizija huma obbligati bil-liġi li jipproċedu kriminalment kontra persuna li fil-konfront tagħha jkun sar rapport ta’ vjolenza domestika, minkejja li min ikun għamel ir-rapport ikun jixtieq li jirtira dak ir-rapport?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat li kif jaf l-Onor. Interpellant, ir-reati ta' vjolenza domestika huma regolati minn liġijiet speċifiċi u għaldaqstant il-pulizija ser timxi kriminalment skond l-obbligi u mal-provvedimenti relatati ma' dawn il-liġijiet, speċifikament dak li hemm provdut fl-artiklu 543(e) tal-Kap 9 fejn il Pulizija tipproċedi ex officio, kif ghandhom id-dover li jagħmlu, kontra kull persuna suspetta, għal reati ta' din ix-xorta.
Forzi Armati ta’ Malta – suldati li telqu qabel il-25 sena servizz
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm suldati li telqu mill-Forzi Armati ta’ Malta fis-sena 2017 minkejja li ma kenux għadhom għamlu l-25 sena servizz?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li 60 membru telqu mill-Forzi Armati ta’ Malta fis-sena 2017 minkejja li ma kenux għadhom għamlu l-25 sena servizz. Ninfurmah illi minn dan it-total, 24 kienu rekluti.
Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-ispejjeż kollha li saru mill-garaxx tal-pulizija fis-sena 2017 f’xiri ta’ spare parts għall-vetturi tal-istess pulizija?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat illi l-ammont ta' spejjeż li saru mill-garaxx tal-pulizija f’xiri ta’ spare parts għall-vetturi tal-pulizija fis-sena 2017 kien ta' €285,310.
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-għases tal-pulizija li se jsir xogħol ta’ manutenzjoni u rinovazzjoni fihom fis-sena 2018?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat illi l-għases tal-pulizija fejn se jsir xogħol ta’ manutenzjoni u rinovazzjoni fihom fis-sena 2018 huma l-Għasses ta’ :
B’Kara
Belt Valletta
Bormla
Ċirkewwa
Fgura
Furjana
Gżasri, Għawdex
Ħad-Dingli
Ħal Balzan
Ħamrun
Naxxar
Qawra
Raħal Ġdid
San Ġiljan
San Pawl il-Baħar
Sliema
Żurrieq
Jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri u riformi qed isiru mill-Ministeru tiegħu fil-qasam tad-drittijiet tat-tfal?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-qasam tad-drittijiet tat-tfal u adoloxxenti qiegħed jingħata importanza kbira mill-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali, fosthom billi :
· Żidna l-
In-Work Benefit
għall-koppji li wieħed mill-ġenituri jaħdem minn €350 għal €450 fis-sena għal kull wild;
· Żidna l-
Foster Care Allowance
minn €70 għal €100 fil-ġimgħa;
· Iltiema ta’ bejn 16 u 21 sena li jaħdmu, se jibdew jirċievu l-
Allowance
Speċjali għal Iltiema sħiħa u bla tnaqqis;
· Ġiet ippubblikata l-ewwel Politika Nazzjoni tat-Tfal, bl-implementazzjoni u l-monitoraġġ ta’ din il-Politika Nazzjonali jiġi fdat f’idejn l-Uffiċċju tal-Kummissarju tat-Tfal;
· Ġie ffinalizzat il-ftehim għat-twaqqif tal-‘Komunità l-Ibwar’ biex noffru servizzi terapewtiċi għall-addoloxxenti li qed jikkombattu l-problema tad-droga u sustanzi illegali;
· Qed tiġi konkluża l-liġi dwar il-protezzjoni tat-tfal li se tkun qed tittratta t-tfal vurnerabbli u tfal b’imġieba diffiċli li ma jkunux jistgħu jibqgħu jgħixu fl-ambjent tal-familja naturali tagħhom.
· It-tfal b’imġieba kemm xejn diffiċli, ser ikunu qegħdin jirċievu servizzi terapewtiċi speċjalizzati fi ħdan post iktar sikur;
· Ser inkunu qed naraw li t-tfal kollha jingħataw iktar opportunita’ biex isemmgħu leħinhom, fil-Qorti, f’każijiet li jikkonċernaw Ordni għal Protezzjoni ta’ minuri. Għal kull każ, il-Qorti ser tinnomina Avukat tat-Tfal li jkun qiegħed jirrappreżenta l-interessi tal-minuri;
· Qed isir studju dettaljat dwar kif ninkorporaw il-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-Drittijiet tat-Tfal fil-liġi Maltija;
· Ġiet ikkumissjonata riċerka nazzjonali mill-Uffiċċju tal-Kummissarju tat-Tfal fuq il-benessere tat-tfal f’Malta, inkluż dawk ta’ nisel barrani u li joqgħodu f’Malta;
· Kif ukoll kampanji varji ta’ tagħrif li jippromovu kontinwament id-drittijiet tat-tfal.
Drittijiet ta’ ħaddiema li jaħdmu mid-dar – tibdil fil-Liġi tas-Sigurtà Soċjali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’tibdil sar fil-Liġi tas-Sigurtà Soċjali bil-għan li jkunu mħarsin id-drittijiet ta’ ħaddiema li jaħdmu mid-dar?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, matul l-aħħar kwart tas-sena 2017, inħasset il-ħtieġa li tiġi introdotta definizzjoni fil-forma ta’ “persuna li taħdem għaliha nnifisha mid-dar”, bl-Ingliż definita` aħjar bħala “self-occupied home worker”. Dan sar sabiex tali persuni jiġu konformi mal-liġijiet tax-xogħol kif ukoll minħabba l-vulnerabbilità finanzjarja tagħhom.
Sabiex persuna tiġi kkunsidrata f’din id-definizzjoni, trid tissodisfa dawn il-kriterji :
· Hija persuna li taħdem għaliha nnifisha mid-dar;
· Hija ngaġġata minn individwu għal skopijiet ta’ negozju ta’ dak l-individwu;
· Unikament tagħmel xogħol manwali li ma jirrikjedi ebda sengħa partikolari bħalma hu l-immuntar ta’ prodotti ġa kompluti;
· Tali xogħol ma jkun jagħti l-ebda valur miżjud lil tali prodotti; u
· Sakemm tali persuna mhix ingaġġata minn kwalunkwe individwu ieħor.
Għaldaqstant meta persuna tissodisfa dawn il-kriterji, tali persuna:
· Tista’ tagħżel illi ma tħallasx kontribuzzjoni tas-Sigurtà Soċjali sakemm il-qliegħ nett minn dan ix-xorta ta’ xogħol ma jkunx jeċċedi l-50% tal-Paga Minima Nazzjonali; u
· Id-dħul nett li jwassal sa 35% tal-Paga Minima Nazzjonali mhux se jiġi kkunsidrat għal finijiet ta’ dħul (jiġifieri fit-test tal-mezzi) tal-Għajnuna Soċjali u l-Għajnuna Medika li jitħallsu taħt l-Att Dwar is-Sigurtà Soċjali.
Jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ miżuri ttieħdu biex jgħinu u jiffaċilitaw ħajjet dawk li għandhom xi mard fit-tul?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, meta persuna jkollha mard fit-tul, ikollha bżonn illi tissottometti ċertifikati mediċi kull ġimgħa u dan sakemm tidher quddiem l-bord mediku tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali.
Meta isir il-bord mediku, li normalment ikun fi tmiem xahrejn minn meta l-persuna tkun bdiet tagħmel iċ-ċertifikati, jekk id-deċiżjoni tal-bord mediku tkun illi din il-persuna tkun teħtieġ aktar żmien biex tkun tista’ tirritorna lura fid-dinja tax-xogħol, sakemm ikun hemm bżonn li jerġa’ jaraha l-bord mediku, ma jkunx hemm aktar il-ħtieġa li tibqa’ tagħmel ċertifikati mediċi kull ġimgħa minn dakinhar ‘il quddiem. Dan għaliex id-deċiżjoni tal-bord mediku, isservi bħala konferma ta’ ċertifikat ta’ kontinwazzjoni sad-data tal-bord mediku li jkun imiss.
B’din il-miżura qed tkun iffaċilitata l-ħajja tal-marid fejn mhux se jkollu bżonn li jagħmel ċertifikati kull ġimgħa minn dakinhar ‘il quddiem bħalma kien isir qabel. Matul dan il-perjodu, il-pagamenti jsiru xorta waħda kull ġimgħa fejn qabel dawn kienu jsiru kull meta l-individwu jippreżenta l-imsemmija ċertifikati mediċi u li mhux dejjem kienu jintbagħtu wieħed fil-ġimgħa, bil-konsegwenza li l-persuna ddum ma titħallas.
Il-persuna tkun teħtieġ biss li tippreżenta ċertifikat mediku wieħed u finali meta tħossha, jew it-tabib tagħha jiċċertifikaha, li tkun tajba għax-xogħol jekk dan ikun qabel ma jkun imissha li jerġa’ jaraha l-bord mediku tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali.
Wara r-riżultati pożittivi li tħabbru reċentament, jista’ l-Ministru jispjega fid-dettall x’inhuma l-inizjattivi li qed jitwettqu biex ikun eradikat il-faqar minn pajjiżna? Jaħseb li dawn l-inizjattivi u miżuri li twettqu s’issa matul dawn l-ewwel snin ta’ din l-amministrazzjoni, huma biżżejjed fil-ħidma kontra l-faqar?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, kif ġie ppublikat fl-‘Implementation and Evaluation Report 2014-2016’ dwar il-Politika Strateġika Nazzjonali għal Tnaqqis fil-Faqar u għall- Inklużjoni Soċjali 2014-2024, bejn l-2014 u l-2016, ġew imwettqa u kienu qed jiġu mwettqa 278 miżura u inizjattiva li jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali.
Sal-aħħar tal-2017, in-numru totali ta’ miżuri u inizjattivi laħaq it-336. Dawn il-miżuri qegħdin jiġu mplimentati mhux biss mill-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali, imma wkoll minn Ministeri u entitajiet oħra, primarjament mill-Ministeru għas-Saħħa, mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, u mill-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali.
Filwaqt li dawn il-miżuri diġa’ qegħdin jagħtu riżultati pożittivi, dan ma jfissirx li l-impenn tagħna biex innaqsu l-faqar se jieqaf hawn, imma se nkomplu naħdmu biex intejjbu l-livell tal-għejxien, b’mod partikolari ta’ dawk li jgħixu f’riskju ta’ faqar u ta’ esklużjoni soċjali.
Għal aktar dettalji dwar il-miżuri li ġew introdotti u mwettqa bejn l-2014 u l-2016, nirreferi lill-Onorevoli interpellant għad-dokument ‘Implementation and Evaluation Report 2014-2016’ li ġie ppubblikat f’Novembru li għadda mill-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali u li jista’ jiġi aċċessat minn;
http://family.gov.mt/en/Documents/Poverty%20Booklet.pdf.
Lil hinn mill-Istrateġija Nazzjonali, il-ħidma kontinwa mill-Aġenziji Appoġġ, Sedqa u LEAP qed jgħinu lil persuni vulnerabli, ta’ kuljum, fosthom, persuni vittmi tal-vjolenza domestika, biex ikunu indipendenti finanzjarjament, għajnuna lil vittmi tad-droga, tax-xorb u tal-azzard, biex mhux biss joħorġu mill-vizzju imma ukoll biex jirrintegraw ruħhom fis-soċjeta’ u jiksbu lura d-dinjita` tagħhom, u ħidma favur l-aktar gruppi vulnerabbli tas-soċjeta` permezz tat-12-il Ċentru LEAP biex ngħelbu mal-familji, l-isfidi tal-ħajja u ngħaddulhom tagħlim u taħriġ bażiku, anke permezz ta’ diversi korsijiet fuq ibbaġitjar. Il-ħidma mal-familji fil-bżonn ġiet estiża ukoll mat-tfal fejn nistiednuhom jattendu għal Home Work Clubs, biex dak li jkunu tgħallmu l-iskola, ikomplu jaħdmu fuqu wara l-ħin tal-iskola.
Aktar fid-dettal tal-ħidma li qed issir miċ-Ċentri LEAP mal-familji fil-bżonn, hija kif ġej:
· Tfittxija ta’ xogħol bi sħab u f’kollaborazzjoni attiva mal-Jobsplus;
· Tqassim ta’ ikel fejn jintlaħqu ‘l fuq minn 27,000 familja;
· Tqassim ta’ għamara u appliances, fejn diġa’ ġew iddentifikati 277 familja bl-iskop li jinbidlulhom appliances antiki b’xejn ma’ oħrajn ġodda u b’hekk il-konsum tal-elettriku ta’ dawn il-familji ikun wieħed aktar ekonomiku;
· Għajnuna sabiex jingħata self mingħajr depożitu minn Bank lokali (APS) biex tinxtara residenza flok kiri, bi sħab u f’kollaborazzjoni mal-Awtorita’ tad-Djar fejn qed jintlaħqu ‘l fuq minn 240 familja;
· Għajnuna lil 772 –il tifel u tifla li ġew iddentfikati bħala f’riskju ta’ faqar u, għalhekk, qiegħda tingħata ghajnuna ta’ ikel u ħtigijiet oħra, fl-iskejjel lil dawn it-tfal, b’kollaborazzjoni mal-Ministeru tal-Edukazzjoni;
· Qiegħed jiġi ffaċilitat, fiċ-Ċentri LEAP, kull tip ta’ taħrig fil-komunita’, immirat lejn dawk f’riskju ta’ faqar, sabiex dawn jakkwistaw ħiliet u għarfien dwar suġġetti relatati ma’ għarfien finanzjarju u dieta sana. Dawn in-nies jiġu mistiedna ukoll jattendu u jipparteċipaw fil-laqgħat organizzati mill-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjeta’ Soċjali, “Għaqal id-Dar – Ħajja Aħjar”;
· Kif ukoll, finalment, ħidma fil-komunita’ sabiex kull familja li teħtieġ l-għajnuna, issib kenn u servizz minn organizzazjonijiet varji fil-lokalita’ tagħha, sabiex l-individwu jintegra soċjalment u jingħata l-għajnuna meħtieġa.
Djar Bjorn – kuntratt dwar il-finanzjament għall-kura tal-pazjenti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk ġiex iffirmat il-kuntratt li jiffinanzja l-kura tal-pazjenti f’Dar Bjorn? Jekk iva, kemm-il pazjent se jkun qed jibbenefika minn dan il-ftehim u kemm hu l-ammont involut?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali, ffirma ftehim mal-Fondazzjoni ALS Malta sabiex tiġi ffinanzjata l-kura ta’ 13-il pazjent, f’Dar Bjorn. L-iffirmar tal-ftehim bejn iż-żewġ partijiet tinvolvi allokazzjoni ta’ Eur930,020 fis-sena.
Peress li Malta bħala membru tal-Unjoni Ewropea hija obbligata tirraporta kull sena lill-Unjoni Ewropea fuq dak li Malta tkun qed tagħmel biex tilħaq miri stabbiliti dwar tnaqqis tal-livell ta’ CO2, u peress li dawn il-miri jirrigwardaw setturi bħal trasport, agrikoltura u skart, jista' l-Ministru jgħid xi strateġija qed timplimenta Malta dwar kif tista' tnaqqas b'mod konkret l-emissjonijiet tal-gassijiet serra f'dan is-settur?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Malta bħala Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll permezz tar-ratifikazzjoni tal-Konvenzjoni ghat-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) u l-Ftehim ta’ Parigi, hija kommessa għall-ħidma sfiqa kontra t-tibdil fil-klima. Dan billi jitwettqu miżuri skont strateġiji fl-oqsma diversi li jaqgħu taħt ir-responsabilita’ tal-Ministeri rispettivi.
Għal dak li għandu x’jaqsam is-settur ta’ l-iskart, tajjeb li nirreleva li l-Pjan Nazzjonali ghall-immanigjar tal-iskart 2014-2020 jenfasizza l-importanza li nnaqsu d-dipendenza fuq l-użu tal-miżbla billi ninkoraġġixxu dejjem aktar ir-riċiklaġġ. Miżuri speċifiċi fis-seħħ jew f’fażi ta’ implimentazzjoni jinkludu:
1. Il-progett ta' ġbir separat tal-iskart organiku li ser jiġi estiż fuq skala nazzjonali qabel l-aħħar tas-sena 2018;
2. Il-kampajna nazzjonali sabiex ikun hemm aktar għarfien u edukazzjoni fuq l-immaniġjar tal-iskart b’mod aktar responsabbli;
Inizjattivi oħra li qed jittieħdu u li jikkumplimentaw l-ispirtu ta’ din l-istrateġija huma:
1. Il-ħidma biex tiddaħħal l-iskema tal-ġbir ta’ flixkien tax-xorb kontra depositu biex inħeġġu aktar r-riċiklaġġ tal-plastik, metall u ħgieg;
2. Ix-xogħol li qed isir biex ikollna faċilita li tikkonverti l-iskart f’enerġija.
Fis-settur tal-agrikoltura hemm fis-seħħ il-programm gġall-Iżvilupp Rurali (Rural Development Programme 2014-2020) li fih miżuri li jippromwovu il-biedja organika, ġestonji aħjar tal-irziezet, l-użu ta’ energija rinovabbli u sistemi aktar efficjenti tal-irrigazzjoni. Matul din is-sena mistennija wkoll li titħabbar politika ġdida għas–settur.
Il-Ministeru għaddej ukoll bil-ħidma għall-iżvillup tal- Low Carbon Development Strategy biex l-iżvilupp ekonomiku ta’ pajjiżna jindirizza l-isfida tat-tibdil fil-klima. F’dan l-istadju, diġa ġie ppublikat dokument ta’ viżjoni li fuqu saret konsultazzjoni wiesa’.
Għal dak li għandu x’jaqsam ma inizjattivi fis-settur tat-trasport, nitlob l-Onorevoli Interpellant biex jagħmel din il-parti tal-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat ġaladarba il-ħidma kontra t-tibdil fil-klima hija ħidma li trid issir b’mod orizzontali minn numru ta’ Ministeri.
Jista' l-Ministru jgħid kemm proġetti minn Għawdex ħadu għajnuna min-National Lotteries Good Causes Fund f'dawn l-aħħar ħames snin? Jista' jgħid kemm minn dawn kienu proġetti taħt kategoriji soċjali, kulturali, edukazzjonali, sportivi, reliġjużi u filantropiċi? Jista' jgħid is-somma li ngħata kull proġett?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.